EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22017X0114(01)

Id-delegazzjonijiet isibu mehmuż l-Istrument Interpretattiv Konġunt għall-approvazzjoni mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, bil-ħsieb tal-approvazzjoni tiegħu mill-Kunsill, u li ser issir fil-mument tal-iffirmar. Strument Interpretattiv Konġunt dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha

ĠU L 11, 14.1.2017, p. 3–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 11/3


Id-delegazzjonijiet isibu mehmuż l-Istrument Interpretattiv Konġunt għall-approvazzjoni mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, bil-ħsieb tal-approvazzjoni tiegħu mill-Kunsill, u li ser issir fil-mument tal-iffirmar. Strument Interpretattiv Konġunt dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha

1.   Preambolu

(a)

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada jagħmlu l-Istrument Interpretattiv Konġunt fil-mument tal-firma tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA).

(b)

Is-CETA jinkorpora l-impenn komuni tal-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha lejn il-kummerċ ħieles u ġust f'soċjetà vibranti u li tħares 'il quddiem. Dan huwa ftehim kummerċjali modern u progressiv li ser jgħin biex tingħata spinta lill-kummerċ u l-attività ekonomika, filwaqt li jippromwovi u jipproteġi wkoll il-valuri u l-perspettivi komuni tagħna dwar ir-rwol tal-gvern fis-soċjetà.

(c)

Is-CETA joħloq opportunitajiet ġodda għall-kummerċ u l-investiment għall-Ewropej u l-Kanadiżi, l-eżitu tiegħu jirrifletti s-saħħa u l-profondità tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Kanada, kif ukoll il-valuri fundamentali li aħna ngħożżu. B'mod partikolari, nixtiequ nfakkru:

li l-integrazzjoni fl-ekonomija dinjija hija sors ta' prosperità għaċ-ċittadini tagħna;

l-impenn qawwi tagħna għall-kummerċ ħieles u ġust, li l-benefiċċji tiegħu għandhom jilħqu l-aktar taqsimiet mifruxa tas-soċjetajiet tagħna;

li l-għan ewlieni tal-kummerċ huwa li jżid il-ġid taċ-ċittadini, billi jappoġġa l-impjiegi u joħloq tkabbir ekonomiku sostenibbli;

li l-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jagħrfu l-importanza tad-dritt li jirregolaw fl-interess pubbliku u dan ġie rifless fil-Ftehim;

li l-attività ekonomika trid issir f'qafas ta' regolamentazzjoni ċara u trasparenti definit mill-awtoritajiet pubbliċi.

(d)

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada għaldaqstant ser jibqa' jkollhom il-kapaċità li jilħqu l-għanijiet leġittimi tal-politika pubblika li jistipulaw l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħhom, bħas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-moralità pubblika, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni u l-ħarsien tad-diversità kulturali. Is-CETA lanqas mhu ħa jbaxxi l-istandards u r-regolamenti rispettivi tagħna marbuta mas-sikurezza tal-ikel, is-sigurtà tal-prodotti, il-ħarsien tal-konsumatur, is-saħħa, l-ambjent jew il-protezzjoni tax-xogħol. Il-prodotti importati, il-fornituri ta' servizzi u l-investituri jridu jkomplu jirrispettaw ir-rekwiżiti nazzjonali, fosthom ir-regoli u r-regolamenti. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada jaffermaw mill-ġdid l-impenji li ħadu fi ftehimiet internazzjonali b'rabta mal-prekawzjoni.

(e)

Dan l-istrument interpretattiv jipprevedi, fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, stqarrija ċara u inekwivoka ta' x'qablu dwaru l-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha f'għadd ta' dispożizzjonijiet tas-CETA li kienu s-suġġett ta' dibattitu pubbliku u tħassib u jipprevedi interpretazzjoni maqbula tiegħu. Dan jinkludi, b'mod partikolari, l-impatt tas-CETA fuq l-abbiltà tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment u s-soluzzjoni tat-tilwim, u fuq l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tax-xogħol u l-ħarsien ambjentali.

2.   Dritt għar-regolamentazzjoni

Is-CETA jippreserva l-abbiltà tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada li jadottaw u japplikaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom stess li jirregolaw l-attività ekonomika fl-interess pubbliku, biex jintlaħqu għanijiet leġittimi tal-politika pubblika bħall-ħarsien u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-moralità pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni u l-ħarsien tad-diversità kulturali.

3.   Kooperazzjoni regolatorja

Is-CETA jipprovdi lill-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha bi pjattaforma biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji tagħhom, bil-għan li tinkiseb kwalità ogħla ta' regolamentazzjoni u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi amministrattivi. Din il-kooperazzjoni ser tkun volontarja: l-awtoritajiet regolatorji jistgħu jikkooperaw fuq bażi volontarja iżda m'għandhomx obbligu li jagħmlu dan, jew li japplikaw l-eżitu tal-kooperazzjoni tagħhom.

4.   Servizzi pubbliċi

(a)

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada jaffermaw u jagħrfu d-dritt ta' gvernijiet, fuq il-livelli kollha, li jipprovdu u jappoġġaw l-għoti ta' servizzi li huma jqisu li huma servizzi pubbliċi fost l-oħrajn f'oqsma bħas-saħħa pubblika u l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u d-djar u l-ġbir, il-purifikazzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma.

(b)

Is-CETA ma jwaqqafx lill-gvernijiet milli jiddefinixxu u jirregolaw l-għoti ta' dawn is-servizzi fl-interess pubbliku. Is-CETA mhux ser jitlob lill-gvernijiet jipprivatizzaw l-ebda servizz u lanqas ma jwaqqaf lill-gvernijiet milli jespandu l-firxa ta' servizzi li jipprovdu lill-pubbliku.

(c)

Is-CETA mhux ser iwaqqaf lill-gvernijiet milli jipprovdu s-servizzi pubbliċi mogħtija qabel minn fornituri privati tas-servizzi jew milli jpoġġu lura taħt kontroll pubbliku servizzi li l-gvernijiet kienu għażlu li jipprivatizzaw. Is-CETA ma jfissirx li l-għoti ta' kuntratt għal servizz pubbliku lil fornituri privati jagħmlu parti mis-settur privat b'mod irriversibbli.

5.   Sigurtà Soċjali jew Assigurazzjoni

Il-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jistgħu jirregolaw l-għoti ta' servizzi pubbliċi bħas-sigurtà soċjali u l-assigurazzjoni fl-interess pubbliku. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada jikkonfermaw li skemi obbligatorji tas-sigurtà soċjali u tal-assigurazzjoni huma esklużi mill-Ftehim skont l-Artikolu 13.2(5) jew huma eżentati mill-obbligi tal-liberalizzazzjoni tal-Ftehim abbażi tar-riżervi li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada għamlu fuq is-servizzi soċjali u tas-saħħa.

6.   Protezzjoni tal-Investiment

(a)

Is-CETA jinkludi regoli moderni dwar l-investiment li jżommu d-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku inkluż meta dawn ir-regolamenti jaffettwaw investiment barrani, filwaqt li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni għall-investimenti u jipprevedu soluzzjoni ġusta u trasparenti għat-tilwim. Is-CETA mhux ser iwassal biex investituri barranin jiġu trattati b'mod iżjed favorevoli minn investituri domestiċi. Is-CETA ma jipprivileġġjax ir-rikors għas-sistema ta' qorti tal-investiment stabbilita mill-ftehim. L-investituri jistgħu minflok jagħżlu li jfittxu r-rikors disponibbli fil-qrati domestiċi.

(b)

Is-CETA jiċċara li l-gvernijiet jistgħu jbiddlu l-liġijiet tagħhom, irrispettivament minn jekk dan jolqotx ħażin lil xi investiment jew l-istennijiet ta' profitt li jaf ikollu l-investitur. Barra minn hekk, is-CETA jagħmilha ċara li kull kumpens dovut lil investitur ser ikun ibbażat fuq determinazzjoni oġġettiva mit-Tribunal u mhux ser ikun akbar mit-telf li jġarrab l-investitur.

(c)

Is-CETA jinkludi standards definiti b'mod ċar ta' protezzjoni tal-investiment, fost l-oħrajn dwar it-trattament ġust u ekwu u l-esproprjazzjoni u jipprovdi gwida ċara għat-Tribunali għas-soluzzjoni għat-tilwim dwar kif dawn l-istandards għandhom jiġu applikati.

(d)

Is-CETA jirrikjedi rabta ekonomika reali mal-ekonomiji tal-Kanada jew tal-Unjoni Ewropea sabiex impriża tkun tista' tgawdi mill-ftehim u jwaqqaf lil kumpaniji fittizji jew li jkollhom biss kaxxa tal-ittri stabbiliti fil-Kanada jew fl-Unjoni Ewropea minn investituri ta' pajjiżi oħra milli jressqu pretensjonijiet kontra l-Kanada jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. L-Unjoni Ewropea u l-Kanada huma ddedikati li regolarment jerġgħu jeżaminaw il-kontenut tal-obbligu ta' trattament ġust u ekwu, biex jiżguraw li dan jirrifletti l-intenzjonijiet tagħhom (inkluż kif iddikjarati f'din id-Dikjarazzjoni) u li ma jiġix interpretat b'mod iktar miftuħ minn dak li intenzjonaw.

(e)

Sabiex jiżgura li t-Tribunali jirrispettaw fiċ-ċirkostanzi kollha l-intenzjoni tal-Partijiet kif tinsab fil-Ftehim, is-CETA jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Partijiet joħorġu noti ta' interpretazzjoni li jorbtu legalment. Il-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma ddedikati li jużaw dawn id-dispożizzjonijiet biex jevitaw u jikkoreġu kull interpretazzjoni żbaljata tas-CETA mit-Tribunali.

(f)

Is-CETA jitbiegħed b'mod deċiżiv mill-approċċ tradizzjonali għas-soluzzjoni ta' tilwim fl-investiment u jistabbilixxi Tribunali indipendenti, imparzjali u permanenti tal-investiment, ispirati mill-prinċipji ta' sistemi ġudizzjarji pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha u fil-Kanada, kif ukoll qrati internazzjonali bħall-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, il-membri ta' dawn it-Tribunali ser ikunu individwi kwalifikati għal karigi ġudizzjarji fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, u dawn ser jinħatru mill-Unjoni Ewropea u l-Kanada għal terminu fiss. Il-kawżi ser jinstemgħu minn tliet membri magħżula mingħajr ordni partikolari. Inħolqu regoli etiċi stretti għal dawn l-individwi biex jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom, in-nuqqas ta' kunflitt ta' interess, preferenzi jew l-impressjoni li hemm preferenzi. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada qablu li jibdew immedjatament aktar ħidma fuq kodiċi ta' kondotta biex ikomplu jiżguraw l-imparzjalità tal-membri tat-Tribunali, fuq il-metodu u l-livell tar-remunerazzjoni tagħhom u fuq il-proċess għall-għażla tagħhom. L-għan komuni huwa li jikkonkludu l-ħidma bid-dħul fis-seħħ tas-CETA.

(g)

Is-CETA huwa l-ewwel ftehim li jinkludi mekkaniżmu ta' appell li permezz tiegħu ser ikunu jistgħu jiġu kkoreġuti żbalji u tiġi żgurata l-konsistenza tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal tal-Prim'Istanza.

(h)

Il-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma ddedikati li jissorveljaw it-tħaddim ta' dawn ir-regoli ta' investiment, li jindirizzaw f'waqtu kull nuqqas li jista' jitfaċċa u li jesploraw modi kif it-tħaddim tagħhom ikompli jittejjeb matul iż-żmien.

(i)

Għalhekk, is-CETA jirrappreżenta bidla importanti u radikali fir-regoli u fis-soluzzjoni għat-tilwim fl-investimenti. Huwa jistabbilixxi l-bażi għal sforz multilaterali biex dan l-approċċ il-ġdid għas-soluzzjoni għat-tilwim fl-investimenti ikompli jiġi żviluppat f'Qorti Multilaterali tal-Investiment. L-UE u l-Kanada ser jaħdmu b'mod diliġenti għall-istabbiliment ta' Qorti Multilaterali tal-Investiment. Din għandha tiġi stabbilita ladarba jkun hemm massa minima kritika ta' parteċipanti, u għandha immedjatament tissostitwixxi s-sistemi bilaterali bħal dik fis-CETA, u tkun kompletament miftuħa għal adeżjoni minn kwalunkwe pajjiż li jappoġġa l-prinċipji sottostanti tal-Qorti.

7.   Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli

(a)

Is-CETA jikkonferma mill-ġdid l-impenn li ilhom juru l-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha lejn l-iżvilupp sostenibbli u huwa mfassal biex irawwem il-kontribut tal-kummerċ għal dan l-objettiv.

(b)

B'hekk, is-CETA jinkludi impenji komprensivi u li jorbtu legalment lejn il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-ambjent. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada jagħtu l-ogħla prijorità biex jagħmlu żgur li s-CETA jagħti riżultati tanġibbli f'dawn l-oqsma, biex b'hekk jikbru kemm jista' jkun il-benefiċċji li l-ftehim ser iġib għall-ħaddiema u għall-ambjent.

8.   Protezzjoni tal-Ħaddiema

(a)

Is-CETA jimpenja lill-Kanada u lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex itejbu l-liġijiet u l-politiki tagħhom bil-għan li jipprovdu livelli għoljin ta' protezzjoni tal-ħaddiema. Is-CETA jipprevedi li dawn ma jistgħux jillaxkaw il-liġijiet tax-xogħol tagħhom biex jinkoraġġixxu l-kummerċ jew jattiraw l-investiment u, fil-każ ta' kwalunkwe ksur ta' dan l-impenn, il-gvernijiet jistgħu jirrimedjaw tali ksur irrispettivament minn jekk dan ikunx jaffettwa b'mod negattiv l-investiment jew l-aspettattivi ta' investitur rigward il-profitt. Is-CETA ma jbiddilx id-drittijiet tal-ħaddiema li jinnegozjaw, jikkonkludu u jinfurzaw ftehim kollettiv u li jieħdu azzjoni kollettiva.

(b)

Is-CETA jorbot lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u lill-Kanada sabiex jirratifikaw u jimplimentaw b'mod effettiv il-Konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). Il-Kanada rratifikat sebgħa mill-Konvenzjonijiet fundamentali u nediet proċess biex tirratifika l-Konvenzjoni li fadal (il-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, 1949, (C98)).

(c)

Is-CETA joħloq ukoll qafas għall-Kanada u għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jikkooperaw fuq kwistjonijiet ta' xogħol marbuta mal-kummerċ li jkunu ta' interess komuni, fost l-oħrajn permezz tal-involviment tal-ILO u djalogu sostnut mas-soċjetà ċivili, biex jiġi żgurat li s-CETA jħeġġeġ il-kummerċ b'tali mod li jkun ta' benefiċċju għall-ħaddiema u b'tali manjiera li tappoġġa miżuri ta' protezzjoni tax-xogħol.

9.   Ħarsien Ambjentali

(a)

Is-CETA jimpenja l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada biex jipprevedu u jħeġġu livelli għoljin ta' ħarsien ambjentali, kif ukoll biex jagħmlu ħilithom biex ikomplu jtejbu tali liġijiet u politika u l-livelli ta' ħarsien li jirfduhom.

(b)

Is-CETA tirrikonoxxi b'mod espliċitu d-dritt tal-Kanada u tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha li jistipulaw il-prijoritajiet ambjentali tagħhom, li jistabbilixxu l-livelli tagħhom ta' ħarsien ambjentali u li jadottaw jew jimmodifikaw il-liġijiet u l-politika rilevanti tagħhom skont dan, filwaqt li jżommu f'moħħhom l-obbligi internazzjonali tagħhom, fosthom dawk stipulati minn ftehimiet ambjentali multilaterali. Fl-istess ħin fis-CETA l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada qablu li ma jbaxxux il-livelli tal-ħarsien ambjentali sabiex jinkoraġġixxu l-kummerċ jew l-investiment u, fil-każ ta' kwalunkwe ksur ta' dan l-impenn, il-gvernijiet jistgħu jirrimedjaw tali ksur irrispettivament minn jekk dan ikunx jaffettwa b'mod negattiv l-investiment jew l-aspettattivi ta' investitur rigward il-profitt.

(c)

Is-CETA jinkludi impenji lejn il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, is-sajd u l-akkwakultura. Jinkludi wkoll impenji lejn il-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet ambjentali marbuta mal-kummerċ li huma ta' interess komuni bħat-tibdil fil-klima fejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi ser tkun responsabbiltà komuni importanti għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada.

10.   Eżami u Konsultazzjoni tal-Partijiet Ikkonċernati

(a)

Impenji marbuta mal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, il-kummerċ u x-xogħol u l-kummerċ u l-ambjent huma soġġetti għal mekkaniżmi ta' valutazzjoni u ta' reviżjoni dedikati u li jorbtu legalment. Il-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma impenjati b'mod sħiħ li jagħmlu użu effettiv minn dawn il-mekkaniżmi matul it-tul ta' żmien tal-ftehim. Barra minn hekk, huma ddedikati li jagħtu bidu għal rieżami bikri ta' dawn id-dispożizzjonijiet, fost l-oħrajn bil-ħsieb li d-dispożizzjonijiet tas-CETA dwar il-kummerċ u x-xogħol u l-kummerċ u l-ambjent ikunu jistgħu jiġu infurzati b'mod effettiv.

(b)

Il-partijiet ikkonċernati, fosthom min iħaddem, l-għaqdiet tal-ħaddiema, organizzazzjonijiet tax-xogħol u tan-negozju u gruppi ambjentali, għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fl-appoġġ tal-implimentazzjoni effettiva tas-CETA. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada huma ddedikati li jfittxu l-pariri tal-partijiet ikkonċernati regolarment biex jivvalutaw l-implimentazzjoni tas-CETA. Huma jappoġġaw l-involviment attiv tagħhom, fost l-oħrajn permezz tal-ħolqien ta' Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-CETA.

11.   Ilma

Is-CETA ma jobbligax lill-Kanada jew lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jippermettu l-użu kummerċjali tal-ilma jekk ma jixtiqux jagħmlu dan. Is-CETA jippreserva b'mod sħiħ l-abbiltà tagħhom li jiddeċiedu kif jużaw u jħarsu s-sorsi tal-ilma. Barra minn hekk, is-CETA mhux ser jipprevjeni t-treġġigħ lura ta' deċiżjoni li tippermetti l-użu kummerċjali tal-ilma.

12.   Akkwist mill-Gvern

Is-CETA jżomm l-abbiltà ta' entitajiet tal-akkwist fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada, f'konformità mal-leġislazzjoni rispettiva tagħhom, li jużaw kriterji ambjentali, soċjali u marbuta max-xogħol, bħall-obbligu ta' konformità u osservazzjoni ta' ftehimiet kollettivi, f'sejħiet għal offerti. Il-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ser ikunu jistgħu jużaw dawn il-kriterji fl-akkwist tagħhom b'mod li mhuwiex diskriminatorju u ma joħloqx ostaklu bla bżonn għall-kummerċ internazzjonali. Fis-CETA ser ikunu jistgħu jibqgħu jagħmlu dan.

13.   Benefiċċji għall-Intrapriżi Żgħar u Medji

Is-CETA ser jipprovdi wkoll benefiċċji għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) li għandhom l-isfida kostanti li jipprovaw jissodisfaw it-talbiet tal-klijenti fir-rigward tal-prezzijiet. Is-CETA ser jindirizza dan il-punt billi: jippermetti li l-prodotti manifatturati prattikament kollha jiġu esportati bla dazju; inaqqas il-ħin tal-ipproċessar fuq il-fruntiera u jagħmel il-moviment tal-prodotti irħas, aktar veloċi, aktar prevedibbli u effiċjenti; inaqqas l-ostakli regolatorji, b'mod partikolari bil-possibbiltà li jkollhom il-prodotti tagħhom ittestjati u ċċertifikati skont standards Kanadiżi ġewwa l-UE u viċeversa; jiffaċilita l-moviment ta' fornituri ta' servizzi bħalma huma fornituri ta' kuntratti, professjonisti indipendenti, u viżitaturi tan-negozju fuq perijodu qasir, sabiex l-SMEs isibuha eħfef biex jiltaqgħu ma' klijenti u joffru servizzi ta' wara l-bejgħ; u jespandi bil-bosta l-aċċess għal opportunitajiet ta' akkwist mill-gvern għall-SMEs fil-livelli ta' gvern ċentrali, subċentrali u lokali. Il-bdiewa ż-żgħar ser jibbenefikaw ukoll permezz ta' aċċess aktar faċli għas-swieq u opportunitajiet aħjar ta' bejgħ, inkluż għal prodotti ta' kwalità distintiva.

14.   Preferenzi għall-Poplu Aboriġinu tal-Kanada

Fis-CETA l-Kanada inkludiet eċċezzjonijiet u limiti biex tiżgura l-abbiltà tagħha li tadotta miżuri li jippreservaw id-drittijiet u l-preferenzi għall-poplu Aboriġinu. Il-Kanada hija ddedikata għall-involviment attiv mas-sħab indiġeni biex tiżgura li l-implimentazzjoni li qed issir tas-CETA tkompli tirrifletti l-interessi tagħhom.

Tabella ta' Konkordanza — Strument Interpretattiv Konġunt b'referenza għat-test tas-CETA

Din it-tabella hi maħsuba biex tgħin fl-interpretazzjoni tas-CETA, billi tirrelata d-dikjarazzjoni tal-intenzjoni tal-Partijiet f'dan l-Istrument mad-dispożizzjonijiet rilevanti tas-CETA. Il-lista ta' referenzi ta' hawn taħt hija intenzjonata li tkun kemm jista' jkun kompleta iżda mhix eżawrjenti.

Strument Interpretattiv Konġunt tal-Premessi

Referenza fit-Test tas-CETA

1.

Preambolu

 

1.c) u d)

Preambolu CETA, Art. 5.4, Art. 6.1.5, Art. 21.2.1, Art. 21.2.2, Art. 22.1, Art 23.3, Art. 23.4, Art. 24.3, Art. 24.4, Art. 24.5 u Art. 28.3

2.

Dritt għar-Regolamentazzjoni

Preambolu CETA, Art. 5.4, Art. 6.1.5, Art. 8.9, Anness 8-A, Art. 21.2.1, Art. 21.2.2, Art. 22.1, Art. 23.3, Art. 23.4, Art. 24.3, Art. 24.4, Art. 24.5 u Art. 28.3

3.

Kooperazzjoni Regolatorja

Art. 21.2.6

4.

Servizzi Pubbliċi

Art. 8.2.2 (b), Art. 8.9, Art. 8.15, Art. 9.2.2 (a) (b)(f) u (g), Art. 9.7, Art. 13.2.5, Art. 13.10, Art.13.16, Art. 13.17, Art. 28.3, Riżervi tal-Anness I u Riżervi tal-Anness II

5.

Sigurtà Soċjali jew Assigurazzjoni

Art. 13.2.5, Art. 13.10, Art. 28.3, Riżervi tal-Anness I u Riżervi tal-Anness II

6.

Protezzjoni tal-Investiment

 

6. a)

Preambolu, Art. 8.2.2 (b), Art. 8.36, Art. 8.6, Art. 8.9, Anness 8-A, Art. 8.22.1 (f, g) u Art. 28.3

6. b)

Art. 8.9.1, 8.12, Anness 8- A u Art. 8.39.3

6. c)

Art. 8.9, Art. 8.10, Art. 8.11, Art. 8.12 u Anness 8-A

6. d)

Art. 8.1 u Art. 8.18.3,

6. e)

Art 8.31.3

6. f)

Art. 8.27, Art. 8.28, Art. 8.30 u Art. 8.44

6. g)

Art. 8.28

6. h)

Art. 8.31.3 u Art.8.44.3

6. i)

Art. 8.29

7. b)

Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli

Art. 22.1, Kapitoli 23 u 24

8.

Protezzjoni tal-Ħaddiema

 

8. a)

Art. 23.2, Art. 23.3.1, Art. 23.4.2, Art. 23.4.3

8. b)

Art. 23.3.4

8. c)

Art. 23.7 u Art. 23.8

9.

Ħarsien Ambjentali

 

9. a)

Art. 24.3

9. b)

Art. 24.3 u Art. 24.5

9. c)

Art. 24.10, Art. 24.11 u Art. 24.12

10.

Eżami u Konsultazzjoni tal-Partijiet Ikkonċernati

 

10. a)

Art. 22.3.3, Art. 22.4, Art. 23.8, Art. 23.9, Art. 23.10 u Art. 23.11

10. b)

Art. 22.1.3, Art. 22.4.3, Art. 22.4.4, Art. 23.6, Art. 23.8.4, Art. 24.13, Art. 24.14, Art. 24.15, Art. 24.16 u Art. 24.7,

11.

Ilma

Art. 1.9

12.

Akkwist mill-Gvern

Art. 19.9.6 u Art. 19.3.2

13.

Benefiċċji għall-SMEs

Anness 2- A, Kapitolu 4, Kapitolu 6, Kapitolu 19, Kapitolu 20-subtaqsima C

14.

Preferenzi għall-Poplu Aboriġinu tal-Kanada

Art. 12.2.2 u riżervi rilevanti Kanadiżi


Top