Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22014A0120(01)

    Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita

    ĠU L 15, 20.1.2014, p. 3–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/20/oj

    Related Council decision

    20.1.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 15/3


    FTEHIM TA’ KOOPERAZZJONI

    bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita

    L-UNJONI EWROPEA

    u

    IR-RENJU TAL-BELĠJU,

    IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

    IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

    IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

    L-IRLANDA,

    IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

    IR-RENJU TA' SPANJA,

    IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA

    IR-REPUBBLIKA TALJANA,

    IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

    IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

    L-UNGERIJA,

    IR-REPUBLIKA TA' MALTA,

    IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,

    IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

    IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

    IR-RUMANIJA,

    IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

    IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

    IR-RENJU TAL-ISVEZJA,

    IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U TAL-IRLANDA TA' FUQ,

    Il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħin "l-Istati Membri", minn naħa,

    u

    il-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Isvizzera", min-naħa l-oħra, minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Parti" jew "il-Partijiet",

    WARA LI KKUNSIDRAW l-interess komuni fl-iżvilupp ta' sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita (minn hawn 'il quddiem imsejħa il-"GNSS") imfassla speċifikament għall-użu ċivili,

    WARA LI RRIKONOXXEW l-importanza tal-programmi Ewropej tal-GNSS bħala kontribuzzjoni għall-infrastruttura tan-navigazzjoni u l-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera,

    WARA LI KKUNSIDRAW l-iżvilupp dejjem jiżdied tal-applikazzjonijiet tal-GNSS fl-Unjoni Ewropea, l-Isvizzera u żoni oħra fid-dinja,

    WARA LI KKUNSIDRAW l-interess komuni fil-kooperazzjoni fuq żmien twil bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Isvizzera fil-qasam tan-navigazzjoni bis-satellita,

    WARA LI RRIKONOXXEW il-parteċipazzjoni mill-qrib tal-Isvizzera fil-programmi Galileo u EGNOS mill-fażijiet ta' definizzjoni tagħhom,

    WARA LI KKUNSIDRAW ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill "Spazju", b'mod partikolari dwar il-"Politika Spazjali Ewropea" adottata fit-22 ta' Mejju 2007 u "Jitwettaq progress fil-Politika Spazjali Ewropea" adottata fid-29 ta' Settembru 2008, li jirrikonoxxu lill-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija Spazjali Ewropea (aktar 'il quddiem imsejħa "ESA") u l-Istati Membri rispettivi tagħhom bħala t-tliet atturi ewlenin tal-Politika Spazjali Ewropea, kif ukoll dwar "Sfidi Globali: Nieħdu l-Benefiċċju Sħiħ mis-Sistemi Spazjali Ewropej" adottata fil-25 ta' Novembru 2010, li tistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-ESA biex jiffaċilitaw il-proċess għall-Istati Membri li mhumiex membri kemm tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-ESA biex jipparteċipaw fil-fażijiet kollha tal-programmi kollaborattivi,

    WARA LI KKUNSIDRAW il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Lejn Strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini tagħha" tal-4 ta’ April 2011,

    FILWAQT LI JIXTIEQU li jistabbilixxu formalment kollaborazzjoni fl-aspetti kollha tal-Programmi Ewropej tal-GNSS,

    WARA LI RRIKONOXXEW l-interess tal-Isvizzera fis-servizzi kollha tal-GNSS, kif provduti mill-EGNOS u l-Galileo, inkluż is-Servizz Pubbliku Regolat (aktar 'il quddiem imsejjaħ “PRS”),

    WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim tal-25 ta’ Ġunju 2007 dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra,

    WARA LI RRIKONOXXEW il-Ftehim tat-28 ta’ April 2008 bejn il-Konfederezzjoni Svizzera u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri tas-sigurtà għall-iskambju tal-informazzjoni klassifikata (aktar ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim tas-Sigurtà”),

    WARA LI KKUNSIDRAW il-benfiċċji ta' livell ekwivalenti ta' protezzjoni tal-GNSS Ewropea u s-servizzi tagħha fit-territorji tal-Partijiet,

    WARA LI RRIKONOXXEW l-obbligi tal-Partijiet skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-obbligi tal-Isvizzera bħala Stat newtrali permanenti,

    WARA LI RRIKONOXXEW li r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (1) jiddikjara li l-Komunità Ewropea għandha tkun is-sid tal-assi tanġibbli u intanġibbli kollha maħluqa jew żviluppati fil-programmi Ewropej tal-GNSS kif definit f'dak ir-Regolament,

    WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS (2),

    WARA LI KKUNSIDRAW id-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar ir-regoli ta' aċċess għas-servizz pubbliku regolat offrut mis-sistema dinjija ta' navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita taħt il-programm Galileo (3),

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    PARTI I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Objettiv

    1.   L-objettivta' dan il-Ftehim huwa li jħeġġeġ, jiffaċilita u jsaħħaħ il-kooperazzjoni fuq terminu twil bejn il-Partijiet fin-navigazzjoni bis-satellita taħt kontroll ċivili u b'mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-programmi Ewropej tal-GNSS.

    2.   Il-forma u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-programmi għandhom ikunu kif stabbiliti f'dan il-Ftehim.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

    1.

    "sistemi Ewropej għan-navigazzjoni globali bis-satellita" (GNSS Ewropea) tfisser is-sistemi stabbiliti fil-programm Galileo u s-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS);

    2.

    "awmentazzjoni" tfisser mekkaniżmi reġjonali jew lokali bħall-EGNOS, li jippermettu lill-utenti tal-GNSS globali jiksbu prestazzjoni aħjar, bħal aktar eżattezza, disponibbiltà, integrità u affidabbiltà;

    3.

    "Galileo" tfisser sistema awtonoma Ewropea tan-navigazzjoni globali bis-satellita u taż-żamma tal-ħin taħt kontroll ċivili, għall-provvista tas-servizzi tal-GNSS imfassla u żviluppati mill-Unjoni Ewropea, l-ESA u l-Istati Membri rispettivi tagħhom. L-operat ta' Galileo jista' jiġi trasferit lil parti privata. Galileo jipprevedi servizzi miftuħa, kummerċjali, ta' sikurezza tal-ħajja u ta' tiftix u salvataġġ barra minn servizz pubbliku regolat b'aċċess ristrett imfassal apposta biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-utenti awtorizzati tas-settur pubbliku;

    4.

    "elementi lokali ta' Galileo" tfisser mekkaniżmi lokali li jipprovdu lill-utenti ta' Galileo sinjali ta' navigazzjoni u ta' żamma tal-ħin ibbażati fuq satelliti b'informazzjoni ta' input, barra minn dik li ġejja mill-kostellazzjoni prinċipali użata. L-elementi lokali jistgħu jintużaw għal prestazzjoni addizzjonali madwar l-ajruporti, il-portijiet tal-baħar u f'ambjenti urbani jew ambjenti oħrajn li jirrappreżentaw sfida għal raġunijiet ġeografiċi. Galileo ser jipprovdi mudelli ġeneriċi għall-elementi lokali;

    5.

    "tagħmir ta' navigazzjoni, ta' ppożizzjonar u ta' żamma tal-ħin fuq livell globali" tfisser kwalunkwe tagħmir għall-użu ċivili ddisinjat biex jibgħat, jirċievi, jew jipproċessa sinjali ta' navigazzjoni bbażati fuq satelliti jew ta' żamma tal-ħin biex jipprovdu servizz, jew biex joperaw b'awmentazzjoni reġjonali;

    6.

    "Servizz Pubbliku Regolat" (PRS) tfisser servizz provdut mis-sistema stabbilita fil-programm Galileo li huwa ristrett għall-utenti awtorizzati mill-gvern għal applikazzjonijiet sensittivi li jeħtieġu kontroll effettiv tal-aċċess u livell għoli ta' kontinwità tas-servizz;

    7.

    "miżura regolatorja" tfisser kull liġi, regolament, politika, regola, proċedura, deċiżjoni, jew azzjoni amministrattiva simili minn Parti;

    8.

    "interoperabbiltà" tfisser il-kapaċità tas-sistemi u l-awmentazzjonijiet globali u reġjonali tan-navigazzjoni bis-satellita, u tas-servizzi li jipprovdu, li għandhom jintużaw flimkien sabiex jipprovdu kapaċitajiet fil-livell tal-utent aħjar minn dawk li kieku jinkisbu jekk wieħed jiddependi biss fuq is-servizz miftuħ ta' sistema waħda;

    9.

    "proprjetà intellettwali" għandha t-tifsira kif definita fl-Artikolu 2(viii) tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ffirmata fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967;

    10.

    “informazzjoni klassifikata” tfisser informazzjoni, fi kwalunkwe forma, li teħtieġ protezzjoni mill-iżvelar mhux awtorizzat, li jista' jkun ta’ dannu fi gradi varji għall-interessi essenzjali, inkluża s-sigurtà nazzjonali, tal-Partijiet jew tal-Istat Membri individwali. Il-klassifikazzjoni tagħha hija indikata b'marka ta' klassifikazzjoni. Tali informazzjoni hija kklassifikata mill-Partijiet skont il-liġijiet u r-Regolamenti applikabbli u għandha tiġi protetta minn kwalunkwe nuqqas ta' kunfidenzjalità, integrità u disponibbiltà.

    Artikolu 3

    Prinċipji ta' kooperazzjoni

    Il-Partijiet għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin lill-attivitajiet ta' kooperazzjoni koperti minn dan il-Ftehim:

    1.

    Benefiċċju reċiproku bbażat fuq bilanċ ġenerali tad-drittijiet u l-obbligi inklużi l-kontribuzzjonijiet u l-aċċess għas-servizzi kollha skont l-Artikolu 15;

    2.

    Opportunitajiet reċiproċi biex jieħdu sehem f'attivitajiet kooperattivi fil-proġetti tal-GNSStal- Unjoni Ewropea u tal-Isvizzera;

    3.

    Skambju f'waqtu ta' informazzjoni li tista' taffettwa l-attivitajiet ta' kooperazzjoni;

    4.

    Protezzjoni adegwata u effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif imsemmija fl-Artikolu 9;

    5.

    Libertà biex jiġu pprovduti servizzi ta' navigazzjoni bis-satellita fit-territorji tal-Partijiet;

    6.

    Kummerċ mingħajr restrizzjonijiet tal-oġġetti tal-GNSS Ewropea fit-territorji tal-Partijiet.

    PARTI II

    DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-KOOPERAZZJONI

    Artikolu 4

    Attivitajiet ta' kooperazzjoni

    1.   Is-setturi għall-attivitajiet ta' kooperazzjoni fin-navigazzjoni u ż-żamma tal-ħin bis-satellita għandhom ikunu l-ispettru tar-radju, it-taħriġ u r-riċerka xjentifiċi, l-akkwist, il-kooperazzjoni industrijali, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-kontroll tal-esportazzjoni, l-iżvilupp kummerċjali u tas-suq, l-istandards, il-miżuri ta' ċertifikazzjoni u dawk regolatorji, is-sigurtà, l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata, l-iskambju tal-persunal u l-aċċess għas-servizzi. Il-Partijiet jistgħu jemendaw din il-lista ta' setturi skont l-Artikolu 25.

    2.   Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa l-awtonomija istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea biex tirregola l-programmi tal-GNSS Ewropea u lanqas l-istruttura stabbilita mill-Unjoni Ewropea għall-iskop tal-operazzjonijiet tal-programmi Ewropej tal-GNSS. Dan il-Ftehim lanqas ma għandu jaffettwa l-miżuri regolatorji applikabbli li jimplimentaw l-impenji ta' nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-esportazzjoni, il-kontroll ta' trasferimenti intanġibbli tat-teknoloġija. Lanqas ma għandu jaffettwa l-miżuri ta' sigurtà nazzjonali.

    3.   Soġġett għall-miżuri regolatorji applikabbli tagħhom, il-Partijiet għandhom irawmu, sa l-aktar limitu prattikabbli, l-attivitajiet ta' kooperazzjoni skont dan il-Ftehim bil-ħsieb li jipprovdu opportunitajiet komparabbli għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tagħhom fis-setturi elenkati fil-paragrafu 1.

    Artikolu 5

    Spettru tar-radju

    1.   Il-Partijiet għandhom ikomplu l-kooperazzjoni u l-appoġġ reċiproku fil-kwistjonijiet tal-ispettru tar-radju fil-qafas tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (aktar 'il quddiem imsejħa "UIT"), filwaqt li jitqies il-Memorandum ta' Qbil dwar il-Ġestjoni tat-talbiet tal-UIT tas-sistema għal servizz ta' radjunavigazzjoni bis-satellita Galileo tal-5 ta’ Novembru 2004.

    2.   Il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar it-talbiet għall-frekwenzi u jipproteġu l-allokazzjonijiet adegwata ta' frekwenzi għal Galileo sabiex jiżguraw id-disponibbiltà tas-servizzi ta' Galileo għall-benefiċċju tal-utenti madwar id-dinja u b'mod partikolari fl-Isvizzera u fl-Unjoni Ewropea.

    3.   Sabiex jipproteġu l-ispettru tar-radjunavigazzjoni mix-xkiel u mill-interferenza, il-Partijiet għandhom jidentifikaw is-sorsi ta' interferenza u jfittxu s-soluzzjonijiet reċiprokament aċċettabbli sabiex jilqgħu kontra tali interferenza.

    4.   Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem bħala deroga mid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-UIT, inklużi r-Regolamenti tar-Radju tal-UIT.

    Artikolu 6

    Riċerka u taħriġ xjentifiċi

    1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-attivitajiet konġunti ta' riċerka u taħriġ fil-qasam tal-GNSS Ewropea permezz tal-programmi ta' riċerka tal-Unjoni Ewropea u tal-Isvizzera u programmi ta' riċerka rilevanti oħra tal-Partijiet. L-attivitajiet konġunti ta' riċerka għandhom jikkontribwixxu għall-ippjanar tal-iżviluppi futuri tal-GNSS Ewropea.

    2.   Il-Partijiet għandhom jiddefinixxu l-mekkaniżmu xieraq immirat biex jiżgura kuntatti u parteċipazzjoni effettivi fil-programmi rilevanti ta' riċerka.

    Artikolu 7

    Akkwist

    1.   Għall-akkwist relatat mal-programmi Ewropej tal-GNSS, il-Partijiet għandhom japplikaw l-impenji tagħhom skont il-Ftehim dwar l-Akkwist tal-Gvern (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "GPA") tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (aktar 'il quddiem imsejħa "WTO") u skont il-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar ċerti aspetti tal-akkwist pubbliku mill-gvern.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu XXIII tal-GPA (l-Artikolu III tal-GPA rivedut), l-entitajiet Svizzeri għandu jkollhom id-dritt li jieħdu sehem fl-akkwist għall-forniment ta' servizzi relatati mal-programmi Ewropej tal-GNSS.

    Artikolu 8

    Kooperazzjoni industrijali

    Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-industriji tagħhom, inkluż permezz ta' impriżi konġunti u l-parteċipazzjoni Svizzera f'assoċjazzjonijiet industrijali Ewropej rilevanti, kif ukoll permezz tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea f'assoċjazzjonijiet industrijali Svizzeri rilevanti, bl-objettivli s-sistemi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita jaħdmu sew kif ukoll biex jippromwovu l-użu u l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u s-servizzi ta' Galileo.

    Artikolu 9

    Drittijiet tal-proprjetà intelletwali

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni industrijali, il-Partijiet għandhom jagħtu u jiżguraw il-protezzjoni adegwata u effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-oqsma u s-setturi rilevanti għall-iżvilupp u l-operat tal-GNSS Ewropea, skont l-aktar standards internazzjonali għolja kif stabbilit fil-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS) tad-WTO, inklużi mezzi effettivi għall-infurzar ta' tali standards.

    Artikolu 10

    Kontroll tal-esportazzjoni

    1.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' politika uniformi tal-kontroll tal-esportazzjoni u n-nonproliferazzjoni fir-rigward tal-programmi tal-GNSS Ewropea bejn il-Partijiet, l-Isvizzera għandha tadotta u tinfurza fil-ħin, fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħha u skont il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali tagħha, miżuri dwar il-kontroll tal-esportazzjoni u n-nonprofilerazzjoni tat-teknoloġiji, id-data u l-oġġetti li huma mfassla jew modifikati apposta għall-programmi Ewropej tal-GNSS. Dawk il-miżuri għandhom jipprovdu livell ta' kontroll tal-esportazzjoni u ta' nonprofilerazzjoni ekwivalenti għal dak fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea.

    2.   F'każ li jseħħ avveniment li għalih ma jistax jinkiseb livell ekwivalenti ta' kontroll tal-esportazzjoni u ta' nonprofilerazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandha tapplika l-proċedura tal-Artikolu 22.

    Artikolu 11

    Żvilupp tal-kummerċ u tas-suq

    1.   Il-Partijiet għandhom jimkoraġġixxu l-kummerċ u l-investiment fl-infrastruttura tan-navigazzjoni bis-satellita tal-Unjoni Ewropea u tal-Isvizzera u fit-tagħmir ta' navigazzjoni, ta' ppożizzjonar u ta' żamma tal-ħin fuq livell globali, inklużi elementi ta' Galileo u applikazzjonijiet lokali rilevanti għall-programmi Ewropej tal-GNSS.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Partijiet għandhom jgħollu l-livell ta' sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-attivitajiet tan-navigazzjoni bis-satellita ta' Galileo, jidentifikaw ostakli potenzjali għat-tkabbir tal-applikazzjonijiet tal-GNSS u jieħdu miżuri xierqa biex jiffaċilitaw tali tkabbir.

    3.   Sabiex jiġu identifikati l-ħtiġiet tal-utenti u jirreaġixxu b'mod effettiv għalihom, l-entitajiet tal-Partijiet jistgħu jużaw il-Forum futur għall-Utenti tal-GNSS.

    4.   Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont il-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO.

    Artikolu 12

    Standards, ċertifikazzjoni u miżuri regolatorji

    1.   Filwaqt li jirrikonoxxu l-valur li jiġu kkoordinati l-approċċi fil-fora tal-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni internazzjonali rigward is-servizzi ta' navigazzjoni globali bis-satellita, il-Partijiet għandhom, b'mod partikolari, jappoġġjaw b'mod konġunt l-iżvilupp tal-istandards ta' Galilieo u EGNOS u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom mad-dinja kollha, filwaqt li jenfasizzaw l-interoperabbiltà mas-sistemi l-oħra tal-GNSS.

    Objettiv wieħed ta' dik il-koordinazzjoni għandu jkun li jiġi promoss l-użu wiesa’ u innovattiv tas-servizzi ta’ Galileo bħala standard dinji ta’ navigazzjoni u ta’ żamma tal-ħin għal għanijiet miftuħa, kummerċjali u tas-sikurezza tal-ħajja. Il-Partijiet għandhom joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp tal-applikazzjonijiet ta' Galileo.

    2.   Sabiex jiġu promossi u implimentati l-objettivi ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom, skont kif ikun xieraq, jikkooperaw dwar il-kwistjonijiet kollha tal-GNSS li jinqalgħu speċjalment fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u fl-UIT.

    3.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li miżuri relatati mal-istandards tekniċi, iċ-ċertifikazzjoni u r-rekwiżiti għal-liċenzji u l-proċeduri li jikkonċernaw il-GNSS Ewropea ma jikkostitwixxux ostakli bla bżonn għall-kummerċ. Ir-rekwiżiti nazzjonali għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, stabbiliti minn qabel u trasparenti.

    4.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri regolatorji meħtieġa biex jippermettu l-użu sħiħ tar-riċeviturital-Galileo, is-segmenti fuq l-art u fl-ispażju fit-territorji taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. F'dan ir-rigward, l-Isvizzera għandha, fit-territorju taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, tagħti lil Galileo trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jingħata lil sistemi oħra simili għas-servizzi tar-radjunavigazzjoni bis-satellita.

    Artikolu 13

    Sigurtà

    1.   Sabiex il-programmi tal-GNSS Ewropea jiġu protetti minn theddid bħal pereżempju l-użu ħażin, l-interferenza, ix-xkiel u l-atti ostili, il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi prattikabbli kollha biex jiżguraw il-kontinwità, is-sikurezza u s-sigurtà tas-servizzi tan-navigazzjoni bis-satellita u tal-infrastruttura relatata u l-assi kritiċi fit-territorji tagħhom mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2).

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Isvizzera għandha tadotta u tinfurza f'waqthom, fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħha u b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali tagħha, miżuri li jipprovdu livell ekwivalenti ta' sikurezza u sigurtà bħal dak applikabbli fl-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-protezzjoni, il-kontroll u l-ġestjoni tal-assi sensittivi, l-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-programmi Ewropej tal-GNSS kontra t-theddid u l-iżvelar mhux mixtieq.

    3.   F'każ li jseħħ avveniment li għalih ma jistax jinkiseb tali livell ekwivalenti ta' sikurezza u sigurtà kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, għandha tapplika l-proċedura tal-Artikolu 22.

    Artikolu 14

    Skambju ta' informazzjoni klassifikata

    1.   L-iskambju u l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea għandhom isiru skont il-Ftehim dwar is-Sigurtà kif ukoll l-Arranġamenti ta' Implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-Sigurtà.

    2.   L-Isvizzera tista' twettaq skambju ta' informazzjoni klassifikata b'marka ta' klassifikazzjoni nazzjonali dwar il-programmi Ewropej tal-GNSS ma' dawk l-Istati Membri li magħhom ikkonkludiet ftehimiet bilaterali għal dak il-għan.

    3.   Il-Partijiet għandhom ifittxu li jistabbilixxu qafas legali komprensiv u koerenti li jippermetti skambji bejn il-Partijiet kollha ta' informazzjoni klassifikata dwar il-programm Galileo.

    Artikolu 15

    Aċċess għas-servizzi

    L-Isvizzera għandu jkollha aċċess għas-servizzi kollha tal-GNSS Ewropea soġġetti għal dan il-Ftehim u għall-PRS soġġett għal Ftehim separat dwar il-PRS.

    L-Isvizzera wriet l-interess tagħha fil-PRS u tqisu bħala element importanti tal-parteċipazzjoni tagħha fil-programmi Ewropej tal-GNSS. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkonkludu Ftehim dwar il-PRS sabiex jiżguraw il-parteċipazzjoni Svizzera fil-PRS malli l-Isvizzera tressaq talba f'dan ir-rigward u titlesta l-proċedura prevista fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 16

    Parteċipazzjoni fl-Aġenzija Ewropea tal-GNSS

    L-Isvizzera għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fl-Aġenzija Ewropea tal-GNSS bil-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera. Dawk in-negozjati għandhom jibdew malli l-Isvizzera tressaq talba għal dan il-għan u jitlestew il-proċeduri neċessarji min-naħa tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 17

    Parteċpazzjoni fil-Kumitati

    Ir-rappreżentanti tal-Isvizzera għandhom jiġu mistiedna biex jieħdu sehem bħala osservaturi fil-kumitati stabbiliti għall-ġestjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-programmi Ewropej tal-GNSS skont ir-regoli u l-proċeduri rilevanti u mingħajr id-dritt għall-vot. Dan għandu jinkludi, b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni fil-Kumitat tal-Programm tal-GNSS u l-Bord tas-Sigurtà tal-GNSS, inklużi l-gruppi ta' ħidma u t-task forces tagħhom.

    PARTI III

    DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

    Artikolu 18

    Finanzjament

    L-Isvizzera għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-programmi Ewropej tal-GNSS. Il-kontribuzzjoni tal-Isvizzera għandha tiġi kkalkultata abbażi tal-fattur ta' proporzjonalità li jinkiseb billi jiġi stabbilit il-proporzjon bejn il-prodott domestiku gross tal-Isvizzera, bi prezzijiet tas-suq, u s-somma tal-prodotti domestiċi grossi, bi prezzijiet tas-suq, tal-Istati Membri.

    Għall-perjodu 2008-2013, il-kontribuzzjoni tal-Isvizzera għall-programmi tal-GNSS Ewropea tammonta għal EUR 80 050 870.

    Dan l-ammont għandu jitħallas kif ġej:

     

    2013: EUR 60 000 000

     

    2014: EUR 20 050 870

    Għall-perjodu 2014 u wara dan, il-kontribuzzjoni tal-Isvizzera għandha titħallas kull sena.

    PARTI IV

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 19

    Responsabbiltà

    Billi l-Isvizzera mhux ser tkun is-sid tal-GNSS Ewropea, mhux ma għandhiex ikollha l-ebda responsabbiltà li tirriżulta minn sjieda.

    Artikolu 20

    Kumitat Konġunt

    1.   Kumitat Konġunt magħruf bħala "Il-Kumitat tal-GNSS tal-Unjoni Ewropea/Svizzera" huwa b'dan stabbilit. Huwa għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-Partijiet u jkun responsabbli għall-ġestjoni u l-applikazzjoni xierqa ta' dan il-Ftehim. Għal dan il-fini, għandu jħejji rakkomandazzjonijiet. Għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti f'dan il-Ftehim; dawk id-deċiżjonijiet għandhom jitwettqu mill-Partijiet f'konformità mar-regoli tagħhom stess. Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim komuni.

    2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu, li għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, id-dispożizzjonijiet għas-sejħa tal-laqgħat, il-ħatra tal-President u l-mandat ta' dan tal-aħħar.

    3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' kif u meta jkun meħtieġ. L-Unjoni Ewropea jew l-Isvizzera jistgħu jitolbu li tissejjaħ laqgħa. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' fi żmien 15-il jum minn meta ssir it-talba skont l-Artikolu 22(2).

    4.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi tali gruppi ta' ħidma jew gruppi ta' esperti kif iqis xieraq għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

    5.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jemenda l-Anness I.

    Artikolu 21

    Konsultazzjonijiet

    1.   Sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni sodisfaċenti ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jagħmlu skambju ta' informazzjoni fuq bażi regolari u, fuq it-talba ta' waħda minnhom, għandhom iwettqu konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

    2.   Il-Partijiet għandhom minnufih jikkonsultaw, fuq talba ta' waħda minnhom, dwar kull kwistjoni li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 22

    Miżuri ta' salvagwardja

    1.   Wara konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt, kull Parti tista' tieħu miżuri ta' salvagwardja xierqa, inkluża s-sospensjoni ta' waħda jew diversi attivitajiet ta' kooperazzjoni, jekk taħseb li livell ekwivalenti ta' kontroll tal-esportazzjoni jew ta' sigurtà m'għadux żgurat bejn il-Partijiet. Meta kwalunkwe dewmien jirriskja li jagħmel ħsara lill-funzjonament tajjeb tal-GNSS, jistgħu jittieħdu miżuri temporanji ta' protezzjoni, mingħajr ma ssir konsultazzjoni minn qabel, bil-kundizzjoni li l-konsultazzjonijiet isiru minnufih wara l-adozzjoni tagħhom.

    2.   Il-kamp ta' applikazzjoni u t-tul ta' żmien tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni u biex jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn id-drittijiet u l-obbligi skont dan il-Ftehim. Il-Parti l-oħra tista' titlob lill-Kumitat Konġunt biex jipproċedi bil-konsultazzjonijiet fir-rigward tal-proporzjonalità ta' dawk il-miżuri. Jekk ma jkunx possibbli li tinsab soluzzjoni ta' dan it-tilwim fi żmien sitt xhur, it-tilwim jista' jitressaq minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet għal arbitraġġ vinkolanti skont il-proċedura stabbilita fl-Anness I. L-ebda kwistjoni ta' interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim li huma identiċi mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea ma tkun tista' tiġi solvuta f'dak il-qafas.

    Artikolu 23

    Riżoluzzjoni ta' tilwim

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22, kwalunkwe tilwima li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tiġi riżolta permezz ta' konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

    Artikolu 24

    Annessi

    L-Annessi għal dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

    Artikolu 25

    Reviżjoni

    Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat u żviluppat f'kull ħin bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

    Artikolu 26

    Terminazzjoni

    1.   L-Unjoni Ewropea jew l-Isvizzera jistgħu jitterminaw dan il-Ftehim billi jinnotifikaw lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jintemm sitt xhur wara l-wasla ta' tali notifika.

    2.   It-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim m'għandux jaffettwa l-validità jew it-tul taż-żmien ta' kwalunkwe arranġament li jkun sar taħtu jew kwalunkwe dritt u obbligu speċifiku li jkun irriżulta fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

    3.   Fil-każ tat-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jagħmel proposta sabiex jippermetti lill-Partijiet isolvu kwalunkwe kwistjoni pendenti inklużi l-konsegwenzi finanzjarji filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-pro rata temporis.

    Artikolu 27

    Dħul fis-seħħ

    1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri interni tagħhom stess. Huwa għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar notifika ta' approvazzjoni.

    2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Isvizzera u l-Unjoni Ewropea jiftiehmu, fir-rigward tal-elementi ta' dan il-Ftehim li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea, li japplikawh proviżorjament mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data tat-tieni notifika li tikkonferma t-tlestija tal-proċeduri neċessarji għal din il-fini.

    Matul l-applikazzjoni proviżorja ta' dan il-Ftehim il-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 20 għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Isvizzera u l-Unjoni Ewropea.

    3.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu ta' żmien indefinit.

    4.   Dan il-Ftehim huwa mfassal f'żewġ kopji fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Kroata, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.

    Voor het Koninkrijk België

    Pour le Royaume de Belgique

    Für das Königreich Belgien

    Image

    За Релублика България

    Image

    Za Českou republiku

    Image

    For Kongeriget Danmark

    Image

    Für die Bundesrepublik Deutschland

    Image

    Eesti Vabariigi nimel

    Image

    Thar cheann Na hÉireann

    For Ireland

    Image

    Για την Ελληνική Δημοκρατία

    Image

    Por el Reino de España

    Image

    Pour la République française

    Image

    Za Republiku Hrvatsku

    Image

    Per la Repubblica italiana

    Image

    Για την Κυπριακή Δημοκρατία

    Image

    Latvijas Republikas vārdā –

    Image

    Lietuvos Respublikos vardu

    Image

    Pour le Grand-Duché de Luxembourg

    Image

    Magyarország részéről

    Image

    Gћar-Repubblika ta' Malta

    Image Image

    Voor het Koninkrijk der Nederlanden

    Image

    Für die Republik Österreich

    Image

    W imieniu Rzeczypospolitej Polskiej

    Image

    Pela República Portuguesa

    Image

    Pentru România

    Image

    Za Republiko Slovenijo

    Image

    Za Slovenskú republiku

    Image

    Suomen tasavallan puolesta

    För Republiken Finland

    Image

    För Konungariket Sverige

    Image

    For the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland

    Image

    За Европейския съюз

    Por la Unión Europea

    Za Evropskou unii

    For Den Europæiske Union

    Für die Europäische Union

    Euroopa Liidu nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

    For the European Union

    Pour l'Union européenne

    Za Europsku uniju

    Per l'Unione europea

    Eiropas Savienības vārdā –

    Europos Sąjungos vardu

    Az Európai Unió részéről

    Għall-Unjoni Ewropea

    Voor de Europese Unie

    W imieniu Unii Europejskiej

    Pela União Europeia

    Pentru Uniunea Europeană

    Za Európsku úniu

    Za Evropsko unijo

    Euroopan unionin puolesta

    För Europeiska unionen

    Image

    Für die Schweizerische Eidgenossenschaft

    Pour la Confédération suisse

    Per la Confederazione Svizzera

    Image


    (1)  ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

    (2)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11

    (3)  ĠU L 287, 4.11.2011, p. 1


    ANNESS I

    PROĊEDURA TA' ARBITRAĠĠ

    Jekk jiġi riferit tilwim għall-arbitraġġ, għandu jkun hemm tliet arbitraturi, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor.

    Kull Parti għandha taħtar arbitratur wieħed fi żmien 30 jum.

    Iż-żewġ arbitraturi hekk maħtura għandhom jinnominaw bi ftehim komuni deċiżur li m'għandux ikun persuna ta' nazzjonalità tal-ebda waħda mill-Partijiet. Jekk ma jkunux jistgħu jiftiehmu fi żmien xahrejn wara l-ħatra tagħhom, huma għandhom jagħżlu d-deċiżur minn lista ta' seba' persuni stabbilita mill-Kumitat Konġunt. Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi u jaġġorna din il-lista skont ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

    Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, it-tribunal tal-arbitraġġ għandu jadotta hu stess ir-regoli ta' proċedura tiegħu. Għandu jieħu d-deċiżjonijiet b'maġġoranza.


    ANNESS II

    KONTRIBUZZJONI FINANZJARJI TAL-ISVIZZERA GĦALL-PROGRAMMI EWROPEJ TAL-GNSS

    1.

    Għall-perjodu 2008-2013, il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tingħata mill-Isvizzera lill-baġit tal-Unjoni Ewropea sabiex tieħu sehem fil-programmi Ewropej tal-GNSS għandha tkun kif ġej (f'euro):

    2013

    2014

    60 000 000

    20 050 870

    Għall-perjodu 2014 u wara dan, il-kontribuzzjoni tal-Isvizzera għandha titħallas kull sena.

    2.

    Ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1) u r-regoli ta' implimentazzjoni tagħha (2) għandhom japplikaw, b'mod partikolari, għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni tal-Isvizzera.

    3.

    L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u għall-għajxien tar-rappreżentanti u tal-esperti mill-Isvizzera marbuta mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat organizzati mill-Kummissjoni flimkien mal-implimentazzjoni tal-programmi għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni fuq l-istess bażi u skont il-proċeduri li huma fis-seħħ attwalment għal esperti mill-Istati Membri.

    4.

    Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Isvizzera talbiet għal fondi li jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni tagħha għall-baġit għall-programmi, f'konformità ma' dan il-Ftehim.

    Din il-kontribuzzjoni għandha tiġi espressa f'euro u għandha tiġi mħallsa ġo kont bankarju tal-euro tal-Kummissjoni.

    5.

    Il-modalitajiet ta' ħlas għandhom ikunu kif ġej:

    (a)

    Fl-2013, wara l-applikazzjoni proviżorja ta' dan il-Ftehim, l-Isvizzera għandha tħallas il-kontribuzzjoni tagħha sa mhux aktar tard minn 30 jum wara li tirċievi t-talba għal fondi.

    (b)

    Fl-2014, l-Isvizzera għandha tħallas il-kontribuzzjoni tagħha (kemm għall-perijodu 2008-2013 kif ukoll għall-2014) sa mhux aktar tard minn 30 jum wara li tirċievi t-talba għal fondi. Din it-talba għal fondi m'għandhiex tinħareġ qabel l-1 ta' Lulju.

    (c)

    Fl-2015 u fis-snin ta' wara, l-Isvizzera għandha tħallas il-kontribuzzjoni tagħha sal-1 ta' April, jekk l-Isvizzera tirċievi t-talba għal fondi sal-1 ta' Marzu. Talba għal fondi li l-Isvizzera tirċievi wara l-1 ta' Marzu għandha titħallas sa mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla.

    Kull dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjoni se jimplika l-ħlas ta' imgħax mill-Isvizzera fuq l-ammont pendenti mid-data dovuta. Ir-rata tal-imgħax għandha tkun dik applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta' finanzjament mill-ġdid kif ippubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih taqa' d-data tal-għeluq, biż-żieda ta' tliet punti perċentwali u nofs.


    (1)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    (2)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).


    Top