Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22010A0622(03)

    Ftehim bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

    ĠU L 155, 22.6.2010, p. 57–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

    Related Council decision

    22010A0622(03)

    Ftehim bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

    Official Journal L 155 , 22/06/2010 P. 0057 - 0060


    TRADUZZJONI

    Ftehim

    bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

    IL-GVERN TAL-FEDERAZZJONI RUSSA,

    u

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem "l-UE", irrappreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

    minn hawn ’il quddiem "il-Partijiet",

    WAQT LI JIKKUNSIDRAW LI l-UE u l-Federazzjoni Russa jaqblu dwar il-ħtieġa li jiżviluppaw kooperazzjoni bejniethom dwar materji ta’ interess komuni, speċjalment fil-qasam tas-sigurtà;

    WAQT LI JAGĦRFU li l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet tista’ teħtieġ aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE jew tal-Federazzjoni Russa, kif ukoll skambju ta’ tali informazzjoni bejn iż-żewġ Partijiet;

    KONXJI LI l-aċċess għal informazzjoni klassifikata kif ukoll l-iskambju tagħha jeħtieġu li jittieħdu miżuri adegwati ta’ protezzjoni;

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Dan il-Ftehim għandu japplika għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata provduta, skambjata jew prodotta bejn il-Partijiet matul il-kooperazzjoni tagħhom.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    (1) "Informazzjoni klassifikata" għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni u materjal protetti skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, provduta, skambjata jew prodotta bejn il-Partijiet matul il-kooperazzjoni tagħhom, li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħha jista’ jikkawża gradi differenti ta’ preġudizzju għall-interessi ta’ sigurtà tal-Federazzjoni Russa jew tal-UE jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tagħha, u li ġiet kwalifikata minn klassifikazzjoni tas-sigurtà.

    (2) "Portaturi ta’ informazzjoni klassifikata" għandha tfisser materjal, inklużi partijiet fiżiċi li jkun fihom informazzjoni klassifikata fis-sura ta’ simboli, immaġini, senjalazzjonijiet, soluzzjonijiet u proċessi tekniċi.

    (3) "Klassifikazzjoni tas-sigurtà" għandha tfisser kwalifika li tindika:

    - il-grad ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Federazzjoni Russa jew tal-UE jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tagħha li jista’ jiġi kkawżat fil-każ ta’ żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni klassifikata, u

    - l-grad ta’ protezzjoni li għalhekk hu meħtieġ skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Federazzjoni Russa jew tal-UE.

    (4) "Marka ta’ klassifikazzjoni" għandha tfisser il-kwalifika mwaħħla fuq il-portaturi tal-informazzjoni klassifikata u/jew kwalunkwe dokument li jkun magħha, li tindika l-klassifika tas-sigurtà tal-informazzjoni li jkun fiha.

    (5) "Awtorizzazzjoni tas-sigurtà" għandha tfisser deċiżjoni amministrattiva meħuda skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tal-Federazzjoni Russa jew tal-UE li tiċċertifika li individwu jista’ jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat.

    Artikolu 3

    1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, "UE" għandha tfisser il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem: "il-Kunsill"), is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea.

    2. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, għall-Federazzjoni Russa, il-korpi awtorizzati li jimplimentaw dan il-Ftehim għandhom ikunu awtoritajiet governattivi federali tal-Federazzjoni Russa.

    Artikolu 4

    1. Informazzjoni klassifikata tista’ tiġi rilaxxata, skont il-paragrafi 2 sa 5, minn Parti waħda, "il-Parti li tipprovdi", lill-Parti l-oħra, "il-Parti li tirċievi".

    2. Kull Parti għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata lill-Parti l-oħra każ b’każ skont l-interessi ta’ sigurtà tagħha stess u skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha stess. Xejn f’dan il-ftehim m’għandu jitqies bħala bażi għal rilaxx mandatorju jew ġeneriku ta’ informazzjoni klassifikata jew ċertu kategoriji ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet.

    3. Kull Parti għandha, skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha:

    (a) tipproteġi l-informazzjoni klassifikata provduta, skambjata jew prodotta bejn il-Partijiet matul il-kooperazzjoni tagħhom;

    (b) tiżgura li la l-informazzjoni klassifikata u lanqas il-marka jew marki ta’ klassifikazzjoni li jillimitaw id-distribuzzjoni ta’ informazzjoni assenjata mill-Parti li tipprovdi lill-informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skont dan il-Ftehim ma jinbidlu mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel ta’ dik il-Parti, u li l-informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skont dan il-Ftehim hija rreġistrata, issalvagwardjata u protetta skont id-dispożizzjonijiet imniżżlin fil-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha stess għall-informazzjoni li jkollha klassifikazzjoni tas-sigurtà ekwivalenti u marka ta’ klassifikazzjoni skont l-Artikolu 6;

    (c) tuża l-informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skont dan il-Ftehim għall-finijiet stabbiliti mill-Parti li tipprovdi biss;

    (d) tirritorna jew teqred il-portaturi ta’ informazzjoni klassifikata riċevuta mill-Parti l-oħra meta tintalab tagħmel dan bil-miktub mill-awtorità kompetenti tal-Parti li tipprovdi;

    (e) ma tiżvelax l-informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skont dan il-Ftehim lil riċevituri li mhumiex dawk imsemmijin fl-Artikolu 3 mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti li tipprovdi;

    4. L-informazzjoni klassifikata għandha tingħadda permezz tal-kanali diplomatiċi, b’servizz ta’ kurrier jew bi kwalunkwe mezz ieħor maqbul bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 10. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    (a) Fir-rigward tal-UE, il-korrispondenza kollha għandha tinbagħat lill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-korrispondenza għandha tintbagħat mill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea, soġġett għall-paragrafu 5.

    (b) Fir-rigward tal-Federazzjoni Russa, il-korrispondenza kollha għandha tiġi indirizzata lill-Missjoni Permanenti tal-Federazzjoni Russa għall-UE u għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    5. Il-Parti li tipprovdi tista’, għal raġunijiet operattivi, tindirizza l-korrispondenza lil uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi biss tal-Parti li tirċievi maħtura bħala riċevituri, b’kont meħud tal-kompetenzi tagħhom skont il-priniċipju ta’ ħtieġa ta’ tagħrif. Tali korrispondenza għandha tkun aċċessibbli biss għall-uffiċjali, l-organi jew is-servizzi msemmijin qabel. Sa fejn jikkonċerna l-UE, din il-korrispondenza għandha tiġi trażmessa permezz tal-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill, jew l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kummissjoni Ewropea meta tali informazzjoni tkun indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    Kull waħda mill-Partijiet għandha tiżgura rispettivament li kemm il-Federazzjoni Russa kif ukoll l-Unjoni Ewropea jkollhom sistema ta’ sigurtà u miżuri ta’ sigurtà stabbiliti abbażi tal-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fil-liġijiet jew ir-regolamenti rispettivi tagħhom, sabiex ikun żgurat li jiġi applikat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni lill-informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim.

    Artikolu 6

    1. Sabiex ikun stabbilit livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għall-informazzjoni klassifikata provduta, skambjata jew prodotta bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea matul il-kooperazzjoni tagħhom skont il-liġijiet jew ir-regolamenti rispettivi tagħhom, il-klassifikazzjonijiet tas-sigurtà għandhom jikkorrispondu kif ġej:

    UE | FEDERAZZJONI RUSSA |

    CONFIDENTIEL UE | СЕКРЕТНО |

    SECRET UE | СОВЕРШЕННО СЕКРЕТНО |

    2. Il-marka tar-restrizzjoni "ДЛЯ СЛУЖЕБНОГО ПОЛЬЗОВАНИЯ" tal-Federazzjoni Russa għandha tikkorrispondi għall-klassifikazzjoni tas-sigurtà RESTREINT UE tal-UE.

    3. L-entitajiet taż-żewġ Partijiet li jkunu qed jikkooperaw għandhom jaqblu dwar il-klassifikazzjoni tas-sigurtà ekwivalenti rispettiva li għandha tingħata lil kwalunkwe informazzjoni klassifikata prodotta matul il-kooperazzjoni tagħhom u dwar it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-klassifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

    Artikolu 7

    1. L-aċċess għall-informazzjoni klassifikata tingħata biss lil persuni li għalihom hija meħtieġa l-konoxxenza tal-informazzjoni msemmija sabiex jaqdu d-dmirijiet uffiċjali tagħhom, b’mod konsistenti mal-finijiet speċifikati meta tiġi provduta l-informazzjoni.

    2. Il-persuni kollha li, fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew il-funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtuhom aċċess, għal informazzjoni klassifikata fil-livell CONFIDENTIEL UE/СЕКРЕТНО jew ogħla provduta, skambjata jew prodotta bejn iż-żewġ Partijiet matul il-kooperazzjoni tagħhom għandu jsirilhom awtorizzazzjoni tas-sigurtà b’mod xieraq qabel ma jingħataw aċċess għal tali informazzjoni.

    3. Kull Parti għandha tiżgura li jitwettqu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tas-sigurtà skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha bil-ħsieb li jiġi ddeterminat jekk iċ-ċirkostanzi u l-karattru ta’ individwu humiex tali li huwa jew hija jista’ jkollu/ha aċċess għal informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat.

    Artikolu 8

    L-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 10 jistgħu jiskambjaw ir-regolamenti rilevanti li jirregolaw il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u, b’kunsens reċiproku, jagħmlu żjarat lil xulxin biex iwettqu konsultazzjonijiet reċiproċi li abbażi tagħhom tista’ ssir konklużjoni fir-rigward tal-effikaċja tal-miżuri meħudin skont dan il-Ftehim u l-arranġament tekniku msemmi fl-Artikolu 10.

    Artikolu 9

    Il-Parti li tirċievi għandha twaħħal il-marka ta’ klassifikazzjoni korrispondenti tagħha stess kif imniżżel fl-Artikolu 6, flimkien ma’ dik diġà mwaħħla mill-Parti li tipprovdi, fuq il-portaturi ta’ informazzjoni klassifikata provduta, skambjata jew prodotta matul il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet, jew bħala riżultat ta’ traduzzjoni, ikkuppjar jew dupplikazzjoni.

    Artikolu 10

    1. Sabiex jimplimentaw dan il-Ftehim u biex jiżguraw li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni klassifikata ġew stabbiliti mill-Part li tirċievi, l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4 għandhom jistabbilixxu arranġament tekniku kif ġej:

    - huma għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-miktub dwar il-miżuri tekniċi (inkluż miżuri prattiċi għall-immaniġġar, il-ħażna, ir-riproduzzjoni, it-trażmissjoni u d-distruzjoni ta’ informazzjoni klassifikata) għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata provduta, skambjata jew prodotta bejn il-Partijiet matul il-kooperazzjoni tagħhom, u

    - għandhom jikkonfermaw bil-miktub li l-miżuri tekniċi jiżguraw livell reċiprokament aċċettabbli ta’ protezzjoni għall-informazzjoni klassifikata provduta, skambjata jew prodotta bejn il-Partijiet matul il-kooperazzjoni tagħhom.

    2. Għall-Federazzjoni Russa, is-Servizz tas-Sigurtà Federali tal-Federazzjoni Russa għandu jikkoordina l-attivitajiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandu jkun responsabbli li jagħti informazzjoni dwar u jikkonferma l-miżuri tekniċi għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata provduta lil jew skambjata mal-Federazzjoni Russa skont dan il-Ftehim.

    3. Għall-Kunsill, l-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, taħt it-tmexxija ta’ u f’isem is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, filwaqt li jaġixxi f’isem il-Kunsill u taħt l-awtorità tiegħu, għandu jikkoordina l-attivitajiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandu jkun responsabbli li jagħti informazzjoni dwar u jikkonferma l-miżuri tekniċi għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata provduta lil jew skambjata mal-Kunsill jew is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill skont dan il-Ftehim.

    4. Għall-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxi taħt l-awtorità tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-materji tas-sigurtà, għandu jikkoordina l-attivitajiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandu jkun responsabbli li jipprovdi informazzjoni dwar u jikkonferma l-miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skont dan il-Ftehim mal-Kummissjoni Ewropea.

    Artikolu 11

    1. L-awtorità kompetenti ta’ kull Parti msemmija fl-Artikolu 10 għandha tinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra bi kwalunkwe każ pruvat jew suspettat ta’ żvelar mhux awtorizzat jew telf ta’ informazzjoni klassifikata provduta minn dik il-Parti, u għandha twettaq investigazzjoni u għandha tirrapporta r-riżultati ta’ din l-investigazzjoni lill-Parti l-oħra.

    2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet imsemmijin fl-Artikolu 10 għandhom jistabbilixxu, każ b’każ, proċedura bil-ħsieb li jiddeterminaw, skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull waħda mill-Partijiet, azzjonijiet jew miżuri korrettivi proporzjonati li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-konsegwenzi jew il-ħsara kkawżati.

    3. Kull Parti għandha tieħu l-miżuri kollha xierqa, skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, f’każijiet fejn individwu huwa responsabbli li kkomprometta informazzjoni klassifikata. Il-miżuri meħudin f’dan il-kuntest jistgħu jirriżultaw f’azzjoni legali, inklużi proċedimenti kriminali possibbli, kontra l-individwu kkonċernat skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli.

    Artikolu 12

    Kull Parti għandha tħallas l-ispejjeż involuti li jirriżultaw mill-miżuri għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skont dan il-Ftehim.

    Artikolu 13

    Dan il-Ftehim m’għandux iżomm lill-Partijiet milli jikkonkludu xi Ftehim ieħor relatat mal-proviżjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim sakemm dawn ma jkunux f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 14

    Kwalunkwe differenza bejn il-Partijiet li tiġi mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi trattata b’negozjati bejniethom. Matul dawn in-negozjati, il-Partijiet għandhom ikomplu jaqdu l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim.

    Artikolu 15

    1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara n-notifika mill-Partjiiet li l-proċeduri interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu tlestew.

    2. Kull Parti tista’ titlob konsultazzjonijiet għall-konsiderazzjoni ta’ emendi possibbli għal dan il-Ftehim.

    3. Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet. Huwa għandu jidħol fis-seħħ skont il-kondizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1.

    Artikolu 16

    Dan il-Ftehim jista’ jiġi ddenunzjat minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet b’notifika bil-miktub ta’ denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandu jkollha effett sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika. Minkejja din id-denunzja, l-obbligi rigward il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata kollha provduta jew skambjata skont il-Ftehim preżenti f’konformità mad-dispożizzjonijiet imniżżlin hawnhekk għandhom ikomplu japplikaw.

    B’XIEHDA TA’ DAN is-sottoskritti, debitament awtorizzati rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Magħmul f’Rostov-on-Don fl-ewwel ġurnata ta’ Ġunju fis-sena elfejn u għaxra f’żewġ kopji b’kull waħda minnhom fil-lingwa Russa u dik Ingliża.

    Għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa

    Għall-Unjoni Ewropea

    --------------------------------------------------

    Top