Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22008D0128

    2008/128/KE: Deċiżjoni Nru 1/2008 tal-Kumitat Temporanju KE – Montenegro tat- 22 ta’ Jannar 2008 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu li jinkludu t-Termini ta’ Referenza u l-Istruttura tas-sub-kumitati KE-Montenegro

    ĠU L 43, 19.2.2008, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/128(1)/oj

    19.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 43/16


    DEĊIŻJONI Nru 1/2008 TAL-KUMITAT TEMPORANJU KE – MONTENEGRO

    tat-22 ta’ Jannar 2008

    dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu li jinkludu t-Termini ta’ Referenza u l-Istruttura tas-sub-kumitati KE-Montenegro

    (2008/128/KE)

    IL-KUMITAT TEMPORANJU KE - MONTENEGRO

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Temporanju dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro min-naħa l-oħra (1) (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Temporanju”) iffirmat fil-15 ta’ Ottubru 2007, u, b'mod partikolari, l-Artikoli 44 tiegħu,

    IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Presidenza

    Il-Kumitat Temporanju għandu jiġi ppresjedut, fuq bażi li talterna għal perjodi ta’ 12-il xahar, minn rappreżentant tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn 'il quddiem il-“Kummissjoni Ewropea”) f'isem il-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem il-“Komunità”), u rappreżentant tal-Gvern tal-Montenegro. Madankollu, l-ewwel perjodu għandu jibda fid-data ta’ l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Temporanju u jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena.

    Artikolu 2

    Laqgħat

    Il-Kumitat Temporanju għandu jiltaqa' regolarment darba fis-sena fi Brussell jew f'Podgorica kif miftiehem miż-żewġ Partijiet. Jistgħu jissejħu laqgħat speċjali tal-Kumitat Temporanju bi ftehim reċiproku fuq it-talba waħda mill-Partijiet.

    Il-laqgħat għandhom jissejħu mill-President.

    Sakemm ma jinftiehemx mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Temporanju m'għandhomx ikunu pubbliċi.

    Artikolu 3

    Delegazzjonijiet

    Qabel kull laqgħa, il-President għandu jkun infurmat bil-kompożizzjoni ppjanata tad-delegazzjoni ta’ kull Parti.

    Rappreżentant tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (BEI) jista' jattendi l-laqgħat tal-Kumitat Temporanju, bħala osservatur, meta jkun hemm kwistjonijiet li jikkonċernaw il-BEI fuq l-aġenda.

    Il-Kumitat Temporanju jista' jistieden persuni li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

    L-Istati Membri tal-Komunità għandhom ikunu infurmati dwar il-laqgħat tal-Kumitat Temporanju.

    Artikolu 4

    Segretarjat

    Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Montenegro għandhom jaqdu flimkien il-funzjoni ta’ Segretarji tal-Kumitat Konġunt.

    Artikolu 5

    Korrispondenza

    Kull korrispondenza lill- u mill-President tal-Kumitat Temporanju għandha tintbagħat liż-żewġ Segretarji. Iż-żewġ Segretarji għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tiġi ċċirkolata, fejn dan ikun xieraq, lir-rappreżentanti rispettivi tagħhom fil-Kumitat Temporanju.

    Artikolu 6

    L-aġenda tal-laqgħat

    1.   Il-President u s-Segretarji għandhom ifasslu aġenda proviżorja għal kull laqgħa mhux aktar tard minn ħmistax-il jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa.

    L-aġenda proviżjora għandha tinkludi l-punti li dwarhom tkun saret talba għal inklużjoni, liema talba għandha tkun ġiet riċevuta mis-Segretarji mhux aktar tard minn 21 jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa, għandhom biss jitniżżlu punti fl-aġenda provviżorja jekk id-dokumentazzjoni rilevanti tintbagħat lis-Segretarji sa mhux aktar tard mid-data li tintbagħat l-aġenda proviżorja.

    L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat Temporanju fil-bidu ta’ kull laqgħa. Jistgħu jkunu inklużi punti oħra fl-aġenda apparti dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jekk iż-żewġ partijiet hekk jaqblu.

    2.   Il-President jista', bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar it-termini stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ każ partikolari.

    Artikolu 7

    Minuti

    Għandu jitfassal abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa tal-Kumitat Temporanju mill-Parti li tospita l-laqgħa. Għandhom jindikaw id-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet magħmula u l-konklużjonijiet adottati. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi preżentat lill-Kumitat Temporanju għall-approvazzjoni fi żmien xahrejn mil-laqgħa. Meta jkunu approvati, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u ż-żewġ Segretarji u kopja awtentika ta’ l-oriġinal għandha tiġi ffajljata minn kull Parti. Kopja tal-minuti għandha tintbagħat lil kull waħda mill-persuni msemmija fl-Artikolu 5.

    Artikolu 8

    Id-Deliberazzjonijiet

    Il-Kumitat Temporanju għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet.

    Waqt il-perjodu bejn is-sessjonijiet, il-Kumitat Temporanju jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonjiet permezz ta’ proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu.

    Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Temporanju skond l-Artikolu 45 tal-Ftehim Temporanju għandhom jiġu msemmija rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” u segwiti minn numru tas-serje, sad-data ta’ l-adozzjoni tagħhom u minn deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

    Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Temporanju għandhom ikunu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji.

    Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat Temporanju għandhom ikunu ppubblikati mill-Partijiet fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali rispettivi tagħhom. Kull Parti tista' tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe att ieħor adottat mill-Kumitat Temporanju.

    Artikolu 9

    Il-Lingwi

    Il-lingwi uffiċjali tal-Kumitat Temporanju għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali taż-żewġ Partijiet.

    Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kumitat Temporanju għandu jibbaża d-deliberazzjonjiet tiegħu fuq dokumentazzjoni ppreparata f'dawn il-lingwi.

    Artikolu 10

    L-Ispejjeż

    Il-Komunità u l-Montenegro għandhom it-tnejn iħallsu l-ispejjeż li jinkorru minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Temporanju u sub-kumitati, kemm rigward l-infiq relatat mal-persunal, l-ivjaġġar u l-għixien ta’ kuljum u l-ispejjeż ta’ posta u telekomunikazzjoni.

    L-infiq relatat ma’ l-interpretazzjoni, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni ta’ dokumenti fil-laqgħat kif ukoll kull nefqa oħra relatata ma’ l-organizzazzjoni tal-laqgħat għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

    Artikolu 11

    Sub-kumitati

    It-Termini ta’ Referenza u l-Istruttura tas-Sub-kumitati mwaqqfa biex jgħinu lill-Kumitat Temporanju jwettaq id-dmirijiet tiegħu jinsabu fl-Anness.

    Is-sub-kumitati għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti taż-żewġ Partijiet. Għandhom ikunu ppresjeduti alternattivament miż-żewġ Partijiet, skond l-Artikolu 1.

    Is-sub-kumitati għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Temporanju u għandhom jagħmlulu rapport wara kull laqgħa tagħhom. M'għandhomx jieħdu deċiżjonijiet iżda għandhom jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Temporanju.

    Il-Kumitat Temporanju jista' jiddeċiedi li jġib kwalunkwe sub-kumitat eżistenti fit-tmiem tiegħu, jimmodifika t-Termini ta’ Referenza tiegħu jew iwaqqaf sub-kumitati ġodda sabiex jassistuh fil-qadi ta’ dmirijietu.

    Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Jannar 2008.

    Għall-Kumitat Temporanju

    Il-President

    P. MIREL


    (1)  ĠU L 345, 28.12.2007, p. 2.


    ANNESS

    TERMINI TA’ REFERENZA U STRUTTURA TAS-SUB-KUMITATI KE-MONTENEGRO

    1.   Għamla u Presidenza

    Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 11 tar-Regoli ta’ Proċedura, is-sub-kumitati għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Gvern tal-Montenegro (minn hawn ‘il quddiem “il-Montenegro”). Għandhom ikunu ppreseduti alternattivament miż-żewġ Partijiet, skond l-Artikolu 1 tar-Regoli ta’ Proċedura. L-Istati Membri għandhom ikunu infurmati dwar il-laqgħat tas-sub-kumitati.

    2.   Segretarjat

    Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern tal-Montenegro għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala s-segretarji ta’ kull wieħed mis-sub-kumitati.

    Il-komunikazzjoni kollha li tikkonċerna s-sub-kumitati tintbagħat lis-segretarji tas-sub-kumitati relevanti.

    3.   Laqgħat

    Is-sub-kumitati għandhom jiltaqgħu regolarment darba fis-sena, u kull meta jkunu jitolbu ċ-ċirkostanzi, bil-qbil taż-żewġ Partijiet. Kull laqgħa ta’ sub-kumitat għandha ssir fi żmien u f’post li dwarhom ikun hemm qbil taż-żewġ partijiet.

    Jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu, is-sub-kumitati jistgħu jistiednu esperti għal-laqgħat tagħhom sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifika mitluba.

    4.   Suġġetti

    Is-sub-kumitati għandhom jiddiskutu kwistjonijiet skond l-istruttura multidixxiplinari tas-sub-kumitati deskritta fil-punt 7. L-Implimentazzjoni ta’ l-FT u tal-Partenarjat Ewropew, it-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u l-progress fir-rigward ta’ l-approssimazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-legiżlazzjoni għandhom jiġu evalwati fl-oqsma relevanti kollha. Is-sub-kumitati għandhom jeżaminaw kull problema li tista' tqum fis-setturi relevanti tagħhom u għandhom jissuġġerixxu l-passi possibli li għandhom jittieħdu.

    Is-sub-kumitati għandhom iservu wkoll bħala fora għall-kjarifika addizzjonali ta’ l-acquis communautaire u għandhom jistħarrġu l-progress tal-Montenegro sabiex dan jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-acquis skond l-impenji li ħa fil-Ftehim Temporanju.

    5.   Minuti

    Għandu jiġi mħejji abbozz tal-minuti ta’ kull sub-kumitat fi żmien xahrejn mil-laqgħa. Meta ż-żewġ Partijiet jagħtu l-kunsens tagħhom, għandha tintbagħat kopja tal-minuti mis-segretarji tas-sub-kumitat lis-segretarji tal-Kumitat Temporanju.

    6.   Pubbliċità

    Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tas-sub-kumitati m'għandhomx jkunu pubbliċi.

    7.   Struttura tas-Sub-kumitati

    1)

    Sub-kumitat dwar il-Kummerċ, l-Industrija, id-Dwana, it-Tassazzjoni u l-Koperazzjoni ma’ pajjiżi kandidati oħra (l-Artikoli 3, 4 sa 8, 19 sa 33, 42 u 53 tal-Ftehim Temporanju),

    2)

    Sub-kumitat dwar l-Agrikoltura u s-Sajd (l-Artikoli 9, 11(2)(3), 10, 13, 12(2), 14, 15 u 18 tal-Ftehim Temporanju),

    3)

    Sub-kumitat dwar is-Suq Intern u l-Kompetizzjoni (l-Artikoli 36, 37, 38 bil-Protokoll 4, 39, 40 u 41 tal-Ftehim Temporanju),

    4)

    Sub-kumitat dwar l-Ekonomija u l-Kwistjonijiet Finanzjarji u l-Istatistika (l-Artikoli 35 u 38(7)(b) tal-Ftehim Temporanju),

    5)

    Sub-kumitat dwar it-Transport (l-Artikolu 34 tal-Ftehim Temporanju).


    Top