Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22008D0025

    Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 25/2008 ta' l- 14 ta' Marzu 2008 li temenda l-Anness II (Ir-regolamenti tekniċi, l-istandards, l-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni) tal-Ftehim taż-ŻEE

    ĠU L 182, 10.7.2008, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/25(2)/oj

    10.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 182/11


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    Nru 25/2008

    ta' l-14 ta' Marzu 2008

    li temenda l-Anness II (Ir-regolamenti tekniċi, l-istandards, l-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni) tal-Ftehim taż-ŻEE

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “'il-Ftehim”, u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness II tal-Ftehim kien emendat b'Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 8/2008 ta' l-1 ta' Frar 2008 (1).

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (2) tal-Kummissjoni kif ikkoreġut mill-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3, għandu jiddaħħal fil-Ftehim.

    (3)

    Id-Direttiva 2006/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta' sustanzi perikolużi sabiex tadattaha għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) u li tistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (3), kif ikkoreġuta mill-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 281, għandha tiddaħħal fil-Ftehim,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Kapitolu XV ta' l-Anness II tal-Ftehim għandu jiġi emendat kif speċifikat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    It-testi tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, kif ikkoreġuti bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3, u d-Direttiva 2006/121/KE, kif ikkoreġuta bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 281, fil-lingwa Iżlandiża u dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE mal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-15 ta' Marzu 2008, jew, jekk ikun suċċessiv għal din id-data, fil-jum wara dak li fih issir l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE skond l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim (*).

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni ŻEE u fis-Suppliment ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 14 ta' Marzu 2008.

    Għall-Kumitat Konġunt ŻEE

    Il-President

    Alan SEATTER


    (1)  ĠU L 154. 12.6.2008, p. 15.

    (2)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 850.

    (*)  Obbligi kostituzzjonali huma indikati.


    ANNESS

    Il-Kapitolu XV ta' l-Anness II tal-Ftehim għandu jiġi emendat kif ġej:

    1)

    Dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-punt 12zb (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/565/KE):

    “12zc.

    32006 R 1907: Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni kif ikkoreġut mill-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3,

    Id-Dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    L-Istati ta' l-EFTA għandhom jipparteċipaw fix-xogħol ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘l-Aġenzija’, kif stabbilita mill-Parlament Ewropew u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1907/2006.

    (b)

    Sakemm mhux stabbilit xort'oħra aktar 'l isfel, u minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 1 għall-Ftehim, il-kliem ‘Stat Membru/Stati Membri’ fir-Regolament għandu, b'żieda mat-tifsira tagħhom fir-Regolament, jinftiehem li jinkludi l-Istati Membri fl-EFTA.

    (ċ)

    Fir-rigward ta' l-Istati ta' l-EFTA, skond kif ikun il-każ, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA jew lill-Kumitat fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

    (d)

    Għall-prodotti koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, l-Istati ta' l-EFTA għandhom ikunu ħielsa li jillimitaw l-aċċess għas-suq tagħhom skond il-ħtiġiet tal-leġislazzjoni eżistenti tagħhom fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim. Il-regoli ġodda tal-KE għandhom ikunu ttrattati skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 97 sa 104 tal-Ftehim.

    (e)

    Jekk iqum xi diżgwid bejn il-partijiet kontraenti fuq l-amministrazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet, il-Parti VII tal-Ftehim għandha tapplika mutatis mutandis.

    (f)

    Fl-Artikolu 3 paragrafu 10, dan li ġej għandu jiġi miżjud fit-tmiem: ‘jew fit-territorju ta' l-Istati ta' l-EFTA’.

    (g)

    L-Artikolu 64(8) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    ‘Meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjonijiet ta' awtorità, l-Istati ta' l-EFTA fl-istess ħin u sa 30 jum mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, ser tieħu d-deċiżjonijiet korrispondenti. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiġi infurmat u għandu jippubblika b'mod perjodiku il-listi ta' dawn id-deċiżjonijiet fis-Suppliment taż-ŻEE fil-Ġurnal Ufficjali.’

    (h)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud fl-Artikolu 79:

    ‘4.   L-Istati Membri ta' l-EFTA għandhom jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-Bord Amministrattiv u fi ħdanu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri tal-KE ħlief għad-dritt għall-vot. Ir-regoli interni ta' proċedura tal-Kumitat għandhom jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa ta' l-Istati ta' l-EFTA.’

    (i)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud fl-Artikolu 85:

    ‘10.   L-Istati ta' l-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Kumitat ta' l-Istati Membri, fil-Kumitat tal-Valutazzjoni tar-Riskju u fil-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika, u għanu ikollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati tal-KE, ħlief id-dritt għall-vot. Ir-regoli interni ta' proċedura tal-Kumitat għandhom jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa ta' l-Istati ta' l-EFTA.’

    (j)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud fl-Artikolu 86:

    ‘5.   L-Istati ta' l-EFTA għandhom jipparteċipaw fil-Forum għall-Iskambji ta' l-Informazzjoni dwar ir-Rinforz. Ir-regoli interni ta' proċedura tal-Kumitat għandhom jiġu jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa ta' l-Istati ta' l-EFTA.’

    (k)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud fl-Artikolu 89:

    ‘Iċ-ċittadini ta' l-Istati ta' l-EFTA ser ikunu eleġibbli bħala membri, jew bħala sostituti, fil-Bord ta' l-Appell.’

    (l)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud fl-Artikolu 96:

    ‘12.   L-Istati ta' l-EFTA għandhom jipparteċipaw fil-finanzjament ta' l-Aġenzija, sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Għal dan il-għan, il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 82(1)(a) u fil-Protokoll 32 tal-Ftehim għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    (m)

    Dan li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 102:

    ‘L-Istati ta' l-EFTA għandhom jagħtu lill-Aġenzija privileġġi u immunitajiet ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej.’

    (n)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 103:

    ‘Permezz ta' deroga mill-Artikolu 12(2)(a) tal-Kondizzjonijiet għall-impjieg ta' persunal ieħor tal-Komunitajiet Ewropej, ċittadini ta' l-Istati ta' l-EFTA li jgawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiddaħħlu jaħdmu b'kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija.’

    (o)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud fl-Artikolu 118:

    ‘5.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għall-fini ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, għandu japplika wkoll għal kull dokument ta' l-Aġenzija rigward l-Istati Membri tal-EFTA.’

    (p)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud fl-Artikolu 124:

    ‘Il-Liechtenstein mhux ser ikun obbligat li jkollu servizz nazzjonali ta' assistenza teknika. Minflok, il-Liechtenstein ser jippubblika ħolqa mas-servizz ta' assistenza teknika ta' l-Istitut Federali Ġermaniż għas-Sikurezza u s-Saħħa fil-homepage ta' l-awtorità kompetenti tal-Liechtenstein għas-sustanzi kimiċi, l-Uffiċju għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent.’”

    2)

    L-inċiż li ġej għandu jiżdied mal-punt 1 (id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE):

    “—

    32006 L 0121: Id-Direttiva 2006/121/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2004 (ĠU L 396, 30.12.2004, p. 850), kif korretta bil-ĠU L 136, 29.5.2004, p. 281.”

    3)

    L-inċiż li ġej għandu jiżdied mal-punt 12r (id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

    “—

    32006 R 1907: Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1), kif rettifikat mill-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.”

    4)

    It-test ta' punt 10 (id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/155/KEE:) għandu jitħassar. It-test tas-16-il inċiż (id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/105/KEE) u tat-22 inċiż (id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/21/KEE) tal-Punt 1 (id-Direttiva tal-Kunsill 67/584/KEE), il-punti 12e (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 793/93) u 12f (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1488/94) għandu jitneħħa b'effett mill-1 ta' Ġuju 2008. Il-punt 12d (id-Direttiva tal-Kunsill 93/67/KEE:) għandu jitħassar b'effett mill-1 ta' Awissu 2008. Il-punt 4 (id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE) għandu jiġi mħassar b'effett mill-1 ta' Ġunju 2009.


    Top