Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22007A1227(02)

    Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea-Bissau għall-perjodu mis- 16 ta’ ġunju 2007 sal- 15 ta’ ġunju 2011

    ĠU L 342, 27.12.2007, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/06/2011

    Related Council decision

    22007A1227(02)

    Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea-Bissau għall-perjodu mis- 16 ta’ ġunju 2007 sal- 15 ta’ ġunju 2011

    Official Journal L 342 , 27/12/2007 P. 0005 - 0009


    20071204

    Ftehim

    ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea-Bissau għall-perjodu mis- 16 ta’ ġunju 2007 sal- 15 ta’ ġunju 2011

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn issa ‘l quddiem imsejħa l-"Komunità",

    u

    IR-REPUBBLIKA TAL-GINEA-BISSAW, minn issa ‘l quddiem imsejħa l-"Ginea-Bissau",

    Minn issa ‘l quddiem imsejħin il-"Partijiet",

    FID-DAWL tar-relazzjonijiet ta’ koperazzjoni mill-qrib bejn il-Komunità u l-Ginea-Bissau, b’mod partikolari fil-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou li jistabbilixxi relazzjoni ta’ koperazzjoni mill-qrib bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Ginea-Bissau, min-naħa l-oħra, kif ukoll ix-xewqa reċiproka tagħhom li jsaħħu dawn ir-relazzjonijiet,

    IFAKKRU li l-Komunità u l-Ginea-Bissau huma firmatarji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dritt tal-baħar u li, skond din il-Konvenzjoni, il-Ginea-Bissau waqqfet żona ekonomika esklussiva li twassal sa 200 mil marittimu mill-kosti tagħha, li fiha din teżerċita d-drittijiet sovrani tagħha għall-finijiet ta’ l-esplorazzjoni, tal-konservazzjoni u tal-ġestjoni tar-riżorsi fl-imsemmija żona,

    DETERMINATI li japplikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn fl-Atlantiku, minn issa ‘l quddiem "ICCAT"; tas-CECAF jew ta’ l-organizzazzjonijiet reġjonali jew internazzjoni oħra kollha fil-qasam li fihom iż-żewġ Partijiet huma membri jew rappreżentati,

    DETERMINATI li jikkoperaw, fl-interess komuni tagħhom, b’mod partikolari abbażi tal-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi tal-kondotta għal sajd responsabbli adottat wara l-Konferenza tal-FAO fl-1995, favur il-promozzjoni ta’ sajd responsabbli sabiex jiżgura l-konservazzjoni fit-tul u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u, b’mod partikolari t-tisħiħ ta’ sistema ta’ kontroll fuq l-attivitajiet kollha konnessi mas-sajd, sabiex jiżguraw l-effikaċja tal-miżuri ta’ l-immaniġġjar u l-konservazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi, kif ukoll il-ħarsien ta’ l-ambjent tal-baħar,

    JAFFERMAW li l-eżerċizzju ta’ drittijiet sovrani mill-Istati kostieri ma’ l-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom dwar ir-riżorsi bijoloġiċi tagħhom għal għanijiet ta’ esplorazzjoni, sfruttament, konservazzjoni u ġestjoni ta’ dawn ir-riżorsi għandu jitwettaq skond il-prinċipji tad-dritt internazzjonali,

    KONVINTI li t-twettiq ta’ l-għanijiet ekonomiċi u soċjali rispettivi tagħhom fil-qasam tas-sajd jissaħħu minn koperazzjoni mill-qrib fil-qasam xjentifiku u tekniku f’dan is-settur, taħt kundizzjonijiet li jiżguraw il-konservazzjoni ta’ l-istokks tas-sajd u l-isfruttament razzjonali tagħhom,

    KONVINTI li din il-koperazzjoni għandha tkun imsejsa fuq il-komplimentarjetà ta’ l-inizjattivi u l-azzjonijiet imwettqa kemm b’mod konġunt kif ukoll minn kull waħda mill-Partijiet sabiex jiżguraw il-koerenza tal-politika u s-sinerġija ta’ l-isforzi,

    IMPENJATI fis-sod lejn sajd responsabbli u sostenibbli,

    DEĊIŻI, għal dawn l-għanijiet, li jikkontribwixxu, fil-qafas tal-politika settorjali tas-sajd fil-Ginea-Bissau, sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ assoċjazzjoni sabiex b’mod partikolari jiġu identifikati l-mezzi l-aktar adattati sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi ta’ din il-politika kif ukoll l-involviment fil-proċessi ta’ l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili,

    ĦERQANA li jistabbilixxu l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet ta’ sajd tal-bastimenti Komunitarji fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea-Bissau, u dawk li jirrigwardaw l-appoġġ mogħti mill-Komunità għall-iżvilupp ta’ sajd responsabbli f’dawn iż-żoni tas-sajd,

    DEĊIŻI li jsegwu koperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib fil-qasam ta’ l-industrija tas-sajd u fl-attivitajiet relatati, permezz tat-tnedija u l-iżvilupp ta’ l-investimenti fil-Ginea-Bissau li jinvolvu impriżi miż-żewġ Partijiet,

    FTIEHMU DWAR DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għan

    Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw:

    - il-koperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fil-qasam tas-sajd sabiex ikun hemm żvilupp ta’ sajd responsabbli fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea-Bissau sabiex ikunu żgurati l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-iżvilupp tas-settur tas-sajd tal-Ginea-Bissau;

    - il-kundizzjonijiet ta’ aċċess tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji għaż-żoni tas-sajd tal-Ginea-Bissau;

    - il-modalitajiet li bihom isir kontroll tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea-Bissau sabiex ikunu garantiti l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-effikaċja tal-miżuri ta’ konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat;

    - sħubijiet bejn kumpanniji bil-għan li, fl-interess komuni, jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi fis-settur tas-sajd u fl-attivitajiet marbuta miegħu.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, tal-Protokoll u ta’ l-Annessi tiegħu:

    (a) "Żoni tas-sajd tal-Ginea-Bissau" tfisser l-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Ginea-Bissau. L-attività tas-sajd tal-bastimenti Komunitarji stipulata f’dan il-Ftehim ma għandhiex issir ħlief fiż-żoni li fihom is-sajd huwa awtorizzat mil-leġiżlazzjoni tal-Ginea-Bissau;

    (b) "Il-Ministeru" tfisser id-dipartiment tal-gvern responsabbli mis-settur tas-Sajd;

    ċ) "Awtoritajiet Komunitarji" tfisser il-Kummissjoni Ewropea;

    (d) "Bastiment Komunitarju" tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru tal-Komunità u rreġistrat fil-Komunità;

    (e) "Kumitat konġunt" kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità u tal-Ginea-Bissau li l-funzjonijiet tagħhom ser ikunu ddettaljata fl-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim;

    (f) "L-awtorità ta’ sorveljanza" tfisser id-direttorat tas-sorveljanza tas-sajd;

    (g) "Id-Delegazzjoni" Id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Ginea-Bissau;

    (h) "Baħrin AKP" kwalunkwe baħri ċittadin ta’ pajjiż mhux Ewropew firmatarju tal-Ftehim ta’ Cotonou. Skond din id-definizzjoni, baħri mill-Ginea-Bissau huwa baħri AKP;

    (i) "Sid" tfisser kwalunkwe persuna ġuridikament responsabbli mill-bastiment tas-sajd.

    Artikolu 3

    Prinċipji u għanijiet fundamentali li fuqu jissejjes dan il-Ftehim

    1. Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu sajd responsabbli u sfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea-Bissau skond il-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni bejn id-diversi flotot tas-sajd preżenti f’dawn l-ilmijiet.

    2. Il-Partijiet jintrabtu li josservaw il-prinċipji tad-djalogu u l-konsultazzjoni preliminari, b’mod partikolari fil-livell ta’ implimentazzjoni tal-politika settorjali dwar is-sajd tal-Ginea-Bissau minn naħa waħda, u, minn naħa l-oħra, tal-politiki u l-miżuri Komunitarji li jista’ jkollhom impatt fuq il-qasam tas-sajd tal-Ginea-Bissau.

    3. Il-Partijiet jintrabtu li jiggarantixxu li dan il-Ftehim ikun implimentat skond il-prinċipji ta’ governanza ekonomika u soċjali tajba.

    4. Il-Partijiet għandhom jikkoperaw ukoll fit-twettiq ta’ valutazzjonijiet qabel, waqt u wara l-miżuri, il-programmi u l-azzjonijiet implimentati skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

    5. B’mod partikolari, l-impjieg ta’ baħrin tal-Ginea-Bissauu/jew AKP abbord il-bastimenti tal-Komunità hu kkontrollat mid-Dikjarazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol, li tapplika bis-sħiħ fil-qafas tal-kuntratti korrispondenti u tal-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol. Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, il-libertà ta’ l-assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt tal-ħaddiema għal negozjar kollettiv u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fi kwistjonijiet ta’ xogħol u professjoni.

    Artikolu 4

    Kooperazzjoni fil-qasam xjentifiku

    1. Sakemm idum japplika l-Ftehim, il-Komunità u l-Ginea-Bissau għandhom jagħmlu ħilithom sabiex isegwu l-iżvilupp ta’ l-istat tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd tal-Ginea-Bissau; għal dan il-għan, ġiet stabbilita laqgħa xjentifika annwali konġunta, li tiltaqa’ alternattivament fil-Komunità u fil-Ginea-Bissau.

    2. Iż-żewġ Partijiet, abbażi tal-konklużjonijiet tal-laqgħa xjentifika annwali u fid-dawl ta’ l-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli u r-rakkomandazzjoni u r-riżoluzzjonijiet adottati partikolarment fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjoanli għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta’ l-Atlantiku (ICCAT) u tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF) u l-organizzazzjonijiet reġjonali jew internazzjonali oħra kollha fil-qasam li fihom iż-żewġ Partijiet huma membri jew rappreżentati, għandhom jikkonsultaw bejniethom fi ħdan il-Kumitat konġunt previst mill-Artikolu 10 sabiex jadottaw, jekk ikun il-każ u bi qbil komuni, miżuri għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd.

    3. Il-Partijiet jintrabtu li jikkonsultaw, direttament jew fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali kompetenti, sabiex jiżguraw il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u li jikkoperaw għall-implimentazzjoni tar-riċerki xjentifiċi relatati.

    Artikolu 5

    Aċċess tal-bastimenti Komunitarji għaż-żoni tas-sajd tal-Ginea-Bissau

    1. L-attivitajiet ta’ sajd imsemmija f’dan il-Ftehim huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni u r-regolamenti fis-seħħ fil-Ginea-Bissau. L-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea-Bissau għandhom jinnotifikaw lill-Komunità dwar kull tibdil li jsir fil-leġiżlazzjoni msemmija. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li l-Partijiet jistgħu jaqblu dwarhom, il-bastimenti Komunitarji għandhom josservaw kwalunkwe emenda għar-regolamenti fi żmien xahar min-notifika tagħhom.

    2. Il-Ginea-Bissau tintrabat li tawtorizza lill-bastimenti Komunitarji li jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ sajd fiż-żoni ta’ sajd tagħha skond dan il-Ftehim, inklużi l-Protokoll u l-Anness.

    3. Il-Ginea-Bissau għandha tissorvelja l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-monitoraġġ tas-sajd stipulati fil-Protokoll. Il-bastimenti Komunitarji għandhom jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Ginea-Bissau għat-twettiq ta’ dan il-monitoraġġ.

    4. Il-Komunità tintrabat li tadotta d-dispożizzjonijiet kollha xierqa sabiex tiżgura li l-bastimenti li jtajru bandiera Komunitarja josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll il-leġiżlazzjoni li tirregola s-sajd fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ginea-Bissau, skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar.

    Artikolu 6

    Kondizzjonijiet għas-sajd

    1. Il-bastimenti Komunitarji ma jistgħux jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea-Bissau sakemm ma jkollhomx liċenzja għas-sajd maħruġa skond dan il-Ftehim. L-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ sajd mill-bastimenti Komunitarji jeħtieġ liċenzja, maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fil-Ginea-Bissau, fuq talba ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Komunità. Il-modalitajiet tal-ħruġ tal-liċenzji u tal-ħlas tat-tariffi u l-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż ta’ l-osservazzjoni xjentifika, kif ukoll il-kundizzjonijiet l-oħra għall-eżerċizzju tas-sajd mill-bastimenti Komunitarji fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea-Bissau, huma stipulati fl-Annessi.

    2. Fil-każ tal-kategoriji ta’ sajd li mhumiex stipulati mill-Protokoll fis-seħħ, kif ukoll għas-sajd sperimentali, dawn l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd jistgħu jingħataw mill-Ministeru, lill-bastimenti Komunitarji. Madankollu, l-għotja ta’ dawn il-liċenzji tibqa’ tiddependi minn opinjoni favorevoli taż-żewġ Partijiet.

    3. Il-Protokoll ta’ dan il-Ftehim jiffissa l-opportunitajiet ta’ sajd mogħtija mill-Ginea-Bissau lill-bastimenti Komunitarji, fiż-żoni tas-sajd tal-Ginea-Bissau, kif ukoll il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dan il-Ftehim.

    4. Il-Partijiet kontraenti għandhom jiggarantixxu l-applikazzjoni korretta ta’ dawn il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet permezz ta’ koperazzjoni amministrattiva xierqa bejn l-awtoritajiet kompetenti.

    Artikolu 7

    Kontribuzzjoni finanzjarja

    1. Il-Komunità għandha tagħti lill-Ginea-Bissau kontribuzzjoni finanzjarja skond it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fil-Protokoll u l-Annessi. Din il-kontribuzzjoni unika hija magħmula minn żewġ elementi relatati, rispettivament:

    (a) Kontribuzzjoni finanzjarja dovuta għall-aċċess tal-bastimenti Komunitarji għaż-żoni ta’ sajd tal-Ginea-Bissau u, mingħajr preġudizzju, mat-tariffi dovuti mill-bastimenti Komunitarji għall-ksib tal-liċenzji,

    (b) Appoġġ finanzjarju mill-Komunità għall-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali dwar is-sajd imsejsa fuq sajd responsabbli u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Ginea-Bissau.

    2. L-appoġġ finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1(b) għandu jkun iddeterminat bi qbil komuni u skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll skond l-identifikazzjoni, miż-żewġ Partijiet, ta’ l-għanijiet li għandhom jitwettqu fl-ambitu tal-politika settorjali dwar is-sajd fil-Ginea-Bissau.

    3. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Komunità għandha titħallas darba fis-sena skond il-modalitajiet stabbiliti fil-Protokoll u b’riżerva għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u l-Protokoll dwar emenda potenzjali fl-ammont tagħha, minħabba:

    (a) ċirkostanzi serji, barra fenomeni naturali, li jżommu milli jsiru attivitajiet ta’ sajd fl-ilmijiet tal-Ginea-Bissau;

    (b) it-tnaqqis, bi qbil komuni, ta’ l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji fl-applikazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni ta’ l-istokkijiet ikkonċernati meqjusa neċessarji għall-konservazzjoni u għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi skond l-aqwa parir xjentifiku disponibbli;

    ċ) iż-żieda, bi qbil komuni bejn il-Partijiet, ta’ l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji jekk, skond l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, il-qagħda tar-riżorsi tippermetti dan;

    (d) evalwazzjoni mill-ġdid tal-kundizzjonijiet ta’ l-appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd fil-Ginea-Bissau meta r-riżultati tal-programmazzjoni annwali u multijannwali osservati mill-partijiet jiġġustifikaw dan;

    (e) it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14 tiegħu;

    (f) is-sospenzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 tiegħu jew tal-Protokoll.

    Artikolu 8

    Promozzjoni tal-koperazzjoni fil-livell ta’ l-operaturi ekonomiċi

    1. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-koperazzjoni ekonomika, xjentifika u teknika fis-settur tas-sajd u s-setturi konnessi miegħu. Għandhom jikkonsultaw flimkien sabiex jikkoordinaw id-diversi azzjonijiet li jkunu prevedibbli f’dan ir-rigward.

    2. Il-partijiet għandhom iħeġġu l-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar it-tekniki u l-irkaptu tas-sajd, il-metodi ta’ konservazzjoni u l-proċeduri industrijali ta’ l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd.

    3. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet idoneji għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-impriżi tagħhom, fl-oqsma tekniċi, ekonomiċi u kummerċjali, billi jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp tan-negozju u l-investimenti.

    4. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, b’mod partikolari, il-promozzjoni ta’ l-investimenti b’interess komuni b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Ginea-Bissau u tal-Komunità.

    Artikolu 9

    Kooperazzjoni amministrattiva

    Il-Partijiet kontraenti, ħerqana li jiżguraw l-effikaċja tal-miżuri ta’ l-immaniġġjar u tal-ħarsien tar-riżorsi tas-sajd:

    - jiżviluppaw koperazzjoni amministrattiva sabiex jiżguraw li l-bastimenti tagħhom josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u r-regolamentazzjoni dwar is-sajd marittimu tal-Ginea-Bissau, kull Parti safejn tikkonċerna lilha;

    - jikkoperaw sabiex jimpedixxu u jiġġieldu kontra s-sajd illegali, mhux regolat u mhux dikjarat b’mod partikolari permezz ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ koperazzjoni amministrattiva mill-qrib.

    Artikolu 10

    Kumitat Konġunt

    1. Għandu jinħatar Kumitat Konġunt magħmul miż-żewġ Partijiet u inkarigata mill-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt għandu jwettaq il-funzjonijiet li ġejjin:

    (a) jissorvelja t-twettiq, l-interpretazzjoni u l-funzjonament korrett ta’ l-implimentazzjoni tal-Ftehim, kif ukoll is-soluzzjoni għat-tilwim;

    (b) jiżgura t-twettiq u jevalwa l-implimentazzjoni tal-kontribut tal-Ftehim ta’ Sħubija għat-twettiq tal-politika settorjali dwar is-sajd tal-Ginea-Bissau;

    ċ) jiżgura l-komunikazzjoni u l-koperazzjoni meħtieġa dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni fil-qasam tas-sajd;

    (d) iservi ta’ forum sabiex jissolvew amikevolment il-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu mill-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-Ftehim;

    (e) jevalwa mill-ġdid, jekk ikun il-każ, il-livelli ta’ sajd possibbli u, konsegwentament, il-kontribuzzjoni finanzjarja;

    (f) tiffissa t-termini prattiċi tal-koperazzjoni amministrattiva stipulata fl-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim;

    (g) issegwi u tivvaluta l-istat tal-koperazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi hekk kif maħsub fl-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim u tipproponi, jekk ikun neċessarju, il-mezzi u l-metodi għall-promozzjoni tagħha.

    (h) taqdi kull funzjoni oħra li l-Partijiet jaqblu li jinkarigawha li twettaq, inkluż il-ġlieda kontra s-sajd illegali u l-koperazzjoni amministrattiva;

    2. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena, darba fil-Ginea-Bissau u darba fil-Komunità, bil-laqgħa tkun ippreseduta mill-Parti fejn issir il-laqgħa. Jista’ jżomm laqgħa straordinarja fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet.

    Artkolu 11

    Żona ta’ applikazzjoni

    Dan il-Ftehim japplika, minn naħa waħda fit-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, skond il-kundizzjonijiet stipulati mill-imsemmi Trattat, u, min-naħa l-oħra, fit-territorju tal-Ginea-Bissau u fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ginea-Bissau.

    Artikolu 12

    Tul ta’ żmien

    Dan il-Ftehim għandu japplika għal 4 snin li jiddekorru mid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ. Jista’ jiġġedded għal perjodi identiċi sakemm ma jiġix terminat skond l-Artikolu 14.

    Artikolu 13

    Riżoluzzjoni tat-tilwim

    Il-Partijiet kontraenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kumitat Konġunt f’każ ta’ tilwim fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 14

    Terminazzjoni

    1. Dan il-Ftehim jista’ jiġi terminat minn xi waħda mill-Partijiet b’mod partikolari f’ċirkostanzi serji relatati ma’, fost oħrajn, id-degradazzjoni ta’ l-istokks ikkonċernati, l-għarfien ta’ livell ridott ta’ l-użu ta’ l-opportunitajiet ta’ sajd allokati għall-bastimenti tal-Komunità, jew in-nuqqas ta’ osservanza tad-dmirijiet tal-Partijiet fil-kwistjoni tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat.

    2. Il-Parti kkonċernata għandha tgħarraf bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tirtira mill-Ftehim talanqas sitt xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali jew ta’ kull perjodu supplimentari.

    3. Meta tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu 2, għandhom jinfetħu l-konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

    4. Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju maħsub fl-Artikolu 7 għas-sena li fiha jiġi terminat il-Ftehim għandu jitnaqqas b’mod proporzjonali u pro rata temporis.

    Artikolu 15

    Sospensjoni

    1. L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista’ tkun sospiża fuq l-inizjattiva ta’ xi waħda mill-Partijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim serju fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu. Din is-sospensjoni hija suġġetta għal avviż mill-Parti kkonċernata, bil-miktub, mhux anqas minn tliet xhur qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din is-sospensjoni. Mill-ħruġ ta’ din in-notifika, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bil-għan li jsolvu n-nuqqas ta’ ftehim bonarjament.

    2. Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju maħsub fl-Artikolu 7 għandu jitnaqqas b’mod proporzjonali u pro rata temporis skond it-tul tas-sospensjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 9 tal-Protokoll.

    Artikolu 16

    Protokoll u Annessi

    Il-Protokoll, l-Annessi u l-Appendiċijiet tiegħu jiffurmaw parti integranti ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 17

    Dispożizzjonjiet tal-liġi nazzjonali applikabbli

    L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji li joperaw fl-ilmijiet tal-Ginea-Bissau huma regolati mil-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Ginea-Bissau, għajr jekk il-Ftehim, dan il-Protokoll inklużi l-Anness u l-Appendiċijiet tiegħu jistipulaw xort’oħra.

    Artikolu 18

    Tħassir

    Fid-data li jidħol fis-seħħ, dan il-Ftehim iħassar u jissostitwixxi l-Ftehim tas-Sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea-Bissau dwar is-sajd ‘il barra mill-kosta tal-Ginea-Bissau li daħal fis-seħħ fid- 29 ta’ Awwissu 1980.

    Madankollu, il-Protokoll li jistabbilixxi għall-perjodu mis- 16 ta’ Ġunju 2007 sal- 15 ta’ Ġunju 2011, l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja prevista mill-Ftehim tas-sajd jibqa’ japplika matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 1(1) u jsir parti integranti ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 19

    Dħul fis-seħħ

    Dan il-Ftehim, sar f’żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża, b’kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku, għandu jidħol fis-seħħ fid-data meta l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li lestew il-proċeduri meħtieġa fir-rigward.

    --------------------------------------------------

    Top