EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02018R0842-20230516

Consolidated text: Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/842/2023-05-16

02018R0842 — MT — 16.05.2023 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2018/842 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2018

dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 156 19.6.2018, p. 26)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2023/857 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-19 ta’ April 2023

  L 111

1

26.4.2023




▼B

REGOLAMENT (UE) 2018/842 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2018

dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



▼M1

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-kontributi minimi tagħhom għall-perjodu mill-2021 sal-2030 biex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni li fl-2030 l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra jitnaqqsu b’ 40 % taħt il-livelli fl-2005 fis-setturi koperti mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament. Jikkontribwixxi għall-mira fit-tul tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050, bil-għan li jintlaħqu emissjonijiet negattivi minn hemm ’il quddiem. B’hekk jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) u l-Ftehim ta’ Pariġi. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar id-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet u għall-evalwazzjoni tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri biex jonoraw il-kontributi minimi tagħhom.

▼B

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

▼M1

1.  
Dan ir-Regolament japplika għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn kategoriji ta’ sorsi tal-IPCC tal-enerġija, il-proċessi industrijali u l-użu tal-prodott, l-agrikoltura u l-iskart kif iddeterminati skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), minbarra l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE, għajr l-attività “trasport marittimu” u attivitajiet elenkati biss fih għall-finijiet tal-Artikoli 14 u 15 ta’ dik id-Direttiva.

▼B

2.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 u l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament ma japplikax għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għall-assorbimenti koperti mir-Regolament (EU) 2018/841.
3.  
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-kategorija tas-sorsi tal-IPCC “1.A.3.A l-avjazzjoni ċivili” għandhom jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal żero.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“Emissjonijiet ta’ gassijiet serra” tfisser emissjonijiet f’termini ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti għad-CO2 ta’ diossidu tal-karbonju (CO2), metan (CH4), ossidu nitruż (N2O), idrofluworokarburi (HFCs), perfluworokarburi (PFCs), trifluworur tan-nitroġenu (NF3) u eżafluworur tal-kubrit (SF6) iddeterminati skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(2) 

“Allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet” tfisser l-emissjonijiet tal-gassijiet serra massimi permessi għal kull sena bejn l-2021 u l-2030 iddeterminati skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10;

(3) 

“Kwota EU ETS” tfisser “kwota” kif iddefinita fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 4

Il-livelli annwali tal-emissjonijiet għall-perijodu mill-2021 sal-2030

▼M1

1.  
Fl-2030, kull Stat Membru għandu jillimita l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu tal-inqas bil-perċentwal stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 2 tal-Anness I fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu fl-2005, iddeterminati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
2.  

Soġġett għall-flessibbiltajiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament u għall-aġġustament skont l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament, u filwaqt li jitqies kwalunkwe tnaqqis li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tiegħu:

(a) 

ma jaqbżux, fis-snin 2021 u 2022, il-limitu ddefinit minn trajettorja lineari, li tibda fuq il-medja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ dak l-Istat Membru fl-2016, l-2017 u l-2018, kif stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u li tispiċċa fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 1 tal-Anness I għal dan ir-Regolament; it-trajettorja lineari ta’ Stat Membru għandha tibda jew mill-ħames parti minn kull tnax tad-distanza mill-2019 sal-2020 jew fl-2020, skont liema tkun l-anqas allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet għal dak l-Istat Membru;

(b) 

ma jaqbżux, fis-snin 2023, 2024 u 2025, il-limitu ddefinit minn trajettorja lineari li tibda fl-2022 fl-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet għal dak l-Istat Membru, kif stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għal dik is-sena, u li tintemm fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 2 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(c) 

ma jaqbżux, fis-snin 2026 sal-2030, il-limitu ddefinit minn trajettorja lineari li tibda fuq il-medja tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ dak l-Istat Membru fl-2021, 2022 u 2023, kif ippreżentat minn dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u li tintemm fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 2 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament; it-trajettorja lineari ta’ Stat Membru għandha tibda mid- disa’ parti minn kull tnax tad-distanza mill-2023 sal-2024.

3.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru għas-snin mill-2021 sal-2030 f’termini ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2 f’konformità mat-trajettorji lineari stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Għas-snin 2021 u 2022, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet abbażi ta’ rieżami komprensiv tad-data tal-inventarju nazzjonali l-aktar reċenti għas-snin 2005, 2016, 2017 u 2018 ippreżentata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 u għandha tindika l-valur għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2005 ta’ kull Stat Membru użati biex jiġu ddeterminati dawk l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet.

Għas-snin 2023, 2024 u 2025, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet abbażi tal-valur għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-2005 ta’ kull Stat Membru indikat skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u tal-valuri rieżaminati tad-data tal-inventarju nazzjonali għas-snin 2016, 2017 u 2018 imsemmija f’dak it-tieni subparagrafu.

Għas-snin 2026 sa 2030, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet abbażi tal-valur għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-2005 ta’ kull Stat Membru indikat skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u abbażi ta’ rieżami komprensiv tad-data tal-inventarju nazzjonali l-aktar reċenti għas-snin 2021, 2022 u 2023 ippreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

4.  
L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jispeċifikaw ukoll, abbażi tal-perċentwali nnotifikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(3), (3a) u (3b), il-kwantitajiet totali li jistgħu jitqiesu għall-konformità ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 9 bejn l-2021 u l-2030. Jekk is-somma tal-kwantitajiet totali tal-Istati Membri kollha taqbeż it-total kollettiv ta’ 100 miljun, il-kwantitajiet totali għal kull Stat Membru għandhom jitnaqqsu fuq bażi pro rata sabiex ma jinqabiżx it-total kollettiv.

▼B

5.  
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14.

▼M1

6.  
Meta jwettqu l-azzjonijiet biex jillimitaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont il-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-ħtieġa li jiżguraw tranżizzjoni ġusta u soċjalment ġusta għal kulħadd. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ gwida biex tappoġġa lill-Istati Membri f’dak ir-rigward.

▼B

Artikolu 5

Flessibiltajiet permezz ta’ self, tfaddil u trasferiment

▼M1

1.  
Fir-rigward tas-snin mill-2021 sal-2025, Stat Membru jista’ jissellef kwantità li ma taqbiżx is-7,5 % mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-sena sussegwenti.

▼B

2.  
Fir-rigward tas-snin mill-2026 sal-2029, Stat Membru jista’ jissellef kwantità li ma taqbiżx il-5 % mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-sena sussegwenti.

▼M1

3.  

Stat Membru li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu għal sena partikolari jkunu taħt l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal dik is-sena, b’kont meħud tal-użu ta’ flessibbiltajiet skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 6, jista’:

(a) 

fir-rigward tas-sena 2021, ifaddal il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa livell ta’ 75 % tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għall-2021 u għas-snin sussegwenti sal-2030; u

(b) 

fir-rigward tas-snin mill-2022 sal-2029, ifaddal dik il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa mhux aktar mil-livell ta’ 25 % tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa dik is-sena għas-snin sussegwenti sal-2030.

4.  
Stat Membru jista’ jittrasferixxi sa mhux aktar minn 10 % tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu ta’ sena partikolari lil Stati Membri oħra fir-rigward tas-snin mill-2021 sal-2025, u sa mhux aktar minn 15 % fir-rigward tas-snin mill-2026 sal-2030. L-Istat Membru riċeventi jista’ juża dik il-kwantità għall-konformità skont l-Artikolu 9 għas-sena partikolari jew għal snin sussegwenti sal-2030.

▼B

5.  
Stat Membru li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra rieżaminati tiegħu għal sena partikolari jkunu taħt l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal dik is-sena, filwaqt li jitqies l-użu ta’ flessibbiltajiet skont il-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 6, jista’ jittrasferixxi dik il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu lil Stati Membri oħrajn. L-Istat Membru riċeventi jista’ juża dik il-kwantità għall-konformità skont l-Artikolu 9 għal dik is-sena partikolari jew għal snin sussegwenti sal-2030.

▼M1

5a.  
Qabel kwalunkwe trasferiment tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet skont il-paragrafi 4 u 5, Stat Membru għandu jinforma, f’format elettroniku, lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1999 bl-intenzjoni tiegħu li jittrasferixxi parti mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal sena partikolari.

▼M1

6.  
L-Istati Membri għandhom jużaw id-dħul, jew l-ekwivalenti tiegħu f’valur finanzjarju, iġġenerat permezz ta’ trasferimenti ta’ allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet skont il-paragrafi 4 u 5 biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni meħuda skont dan il-paragrafu u għandhom jagħmlu dik l-informazzjoni pubblika f’forma faċilment aċċessibbli.

▼B

7.  
Kwalunkwe trasferiment tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet skont il-paragrafi 4 u 5 jista’ jirriżulta minn proġett jew programm ta’ mitigazzjoni tal-gassijiet serra mwettaq fl-Istat Membru li jkun qed ibiegħ u li jiġi rimunerat mill-Istat Membru riċeventi, bil-kondizzjoni li li jiġi evitat l-għadd doppju u tiġi żgurata t-traċċabbiltà.
8.  
L-Istati Membri jistgħu jużaw il-krediti minn proġetti maħruġa skont l-Artikolu 24a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE għall-konformità mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, mingħajr ebda valur limitu kwantitattiva, bil-kondizzjoni li jiġi evitat l-għadd doppju.

Artikolu 6

Flessibbiltà għal ċerti Stati Membri wara tnaqqis fil-kwoti tal-EU ETS

1.  
L-Istati Membri elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament jista’ jkollhom kanċellazzjoni limitata għal mhux iktar minn 100 miljun kwota EU ETS li jitqiesu kollettivament għall-konformità tagħhom skont dan ir-Regolament. Dik il-kanċellazzjoni għandha ssir mill-volumi tal-irkant tal-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87/KE.
2.  
Il-kwoti tal-EU ETS ikkunsidrati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala kwoti tal-EU ETS fiċ-ċirkolazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.

Fl-ewwel rieżami tagħha skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk iżżommx il-kontijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

3.  
L-Istati Membri elenkati fl-Anness II għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019 dwar kwalunkwe intenzjoni li jkollhom biex jagħmlu użu mill-kanċellazzjoni limitata ta’ kwoti tal-EU ETS imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sal-perċentwal elenkat fl-Anness II għal kull sena tal-perijodu mill-2021 sal-2030 għal kull Stat Membru kkonċernat, għall-konformità tiegħu skont l-Artikolu 9.

▼M1

L-Istati Membri elenkati fl-Anness II jistgħu jiddeċiedu li jirrevedu l-perċentwal notifikat darba fl-2024 u darba fl-2027. F’tali każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan sal-31 ta’ Diċembru 2024 jew sal-31 ta’ Diċembru 2027, rispettivament.

▼M1

3a.  
Malta għandha tinnotifika lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023 jekk tkunx beħsiebha tagħmel użu mill-kanċellazzjoni limitata tal-kwoti tal-EU ETS imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sal-perċentwal elenkat fl-Anness II għal kull sena mill-2025 sal-2030, għall-konformità tagħha skont l-Artikolu 9.
3b.  
Minkejja l-paragrafu 3, l-Istati Membri elenkati fl-Anness II li ma jkunux innotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019 dwar intenzjoni li jagħmlu użu jew użu sħiħ mill-kanċellazzjoni limitata ta’ kwoti tal-EU ETS imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023 jekk għandhomx l-intenzjoni li jagħmlu użu jew użu ulterjuri minn dik il-kanċellazzjoni limitata ta’ kwoti tal-EU ETS, sal-perċentwal elenkat fl-Anness II għal kull sena tal-perjodu mill-2025 sal-2030 għal kull Stat Membru kkonċernat, għall-konformità tiegħu skont l-Artikolu 9.

▼M1

4.  
Fuq talba ta’ Stat Membru, l-Amministratur Ċentrali maħtur skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/87/KE (l-“Amministratur Ċentrali”) għandu jqis ammont li ma jaqbiżx it-total tal-kwantità ddeterminata skont l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-Regolament għall-konformità ta’ dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament. Parti minn kull għaxra tal-kwantità totali tal-kwoti tal-EU ETS iddeterminati skont l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi kkanċellata skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE għal kull sena mill-2021 sal-2030 għal dak l-Istat Membru. Parti minn kull sitta tal-kwantità totali tal-kwoti tal-EU ETS iddeterminati skont l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi kkanċellata skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE għal kull sena mill-2025 sal-2030 għal Stati Membri li jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni skont il-paragrafi 3a u 3b ta’ dan l-Artikolu.
5.  
Meta Stat Membru, f’konformità mal-paragrafu 3, ikun innotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu li jirrevedi l-perċentwal innotifikat preċedentement, kwantità ta’ kwoti tal-EU ETS korrispondentement aktar baxxa jew aktar għolja għandha tiġi kkanċellata għal dak l-Istat Membru fir-rigward ta’ kull sena mill-2026 sal-2030 jew mill-2028 sal-2030, rispettivament.

▼B

Artikolu 7

▼M1

Użu addizzjonali tal-assorbimenti netti mil-LULUCF

1.  

Sal-punt li emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ Stat Membru jaqbżu l-allokazzjonijiet annwali ta’ emissjonijiet tiegħu għal sena partikolari, inkluż kwalunkwe allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet mfaddla skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament, kwantità ta’ mhux aktar mis-somma ta’ assorbimenti netti totali u l-emissjonijiet netti totali mill-kategoriji kombinati tal-kontabbiltà tal-art inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/841, tista’ titqies għall-konformità tiegħu skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament għal dik is-sena, sakemm:

(a) 

il-kwantità kumulattiva li titqies għal dak l-Istat Membru għas-snin mill-2021 sal-2025 ma taqbiżx nofs l-ammont massimu ta’ assorbimenti netti totali stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament għal dak l-Istat Membru;

(aa) 

il-kwantità kumulattiva li titqies għal dak l-Istat Membru għas-snin mill-2026 sal-2030 ma taqbiżx nofs l-ammont massimu ta’ assorbimenti netti totali stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament għal dak l-Istat Membru;

▼B

(b) 

din il-kwantità taqbeż ir-rekwiżiti ta’ dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/841;

(c) 

l-Istat Membru ma akkwistax aktar assorbimenti netti skont ir-Regolament (UE) 2018/841 mingħand Stati Membri oħra milli jkun ittrasferixxa;

(d) 

l-Istat Membru kkonforma mar-Regolament (UE) 2018/841; u

(e) 

l-Istat Membru ppreżenta deskrizzjoni tal-użu intenzjonat tal-flessibbiltà disponibbli skont dan il-paragrafu f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

▼M1 —————

▼M1

Artikolu 8

Azzjoni korrettiva

1.  

Jekk il-Kummissjoni, fil-valutazzjoni annwali tagħha ssib skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u waqt li tqis l-użu maħsub tal-flessibbiltajiet imsemmi fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament, li Stat Membru ma jkunx qed jagħmel progress suffiċjenti biex jonora l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, dak l-Istat Membru għandu, fi żmien tliet xhur, jippreżenta pjan ta’ azzjoni korrettiva lill-Kummissjoni li jinkludi:

(a) 

spjegazzjoni dettaljata dwar għaliex dak l-Istat Membru mhuwiex qed jagħmel progress suffiċjenti biex jonora dawk l-obbligi;

(b) 

valutazzjoni ta’ kif il-finanzjament tal-Unjoni appoġġa l-isforzi ta’ dak l-Istat Membru biex jonora dawk l-obbligi u ta’ kif biħsiebu juża tali finanzjament biex jagħmel progress biex jonorahahom;

(c) 

azzjonijiet addizzjonali, li jikkomplementaw il-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima ta’ dak l-Istat Membru skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 jew li jsaħħu l-implimentazzjoni tiegħu, li jrid jimplimenta sabiex jwettaq dawk l-obbligi, permezz ta’ politiki u miżuri domestiċi u l-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-Unjoni, akkumpanjati minn valutazzjoni dettaljata, li tkun mirfuda minn data kwantitattiva, fejn disponibbli, tat-tnaqqis previst tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżulta minn dawk l-azzjonijiet;

(d) 

skeda stretta ta’ implimentazzjoni ta’ tali azzjonijiet, li tippermetti l-valutazzjoni tal-progress annwali fl-implimentazzjoni.

Meta Stat Membru jkun stabbilixxa korp konsultattiv nazzjonali dwar il-klima, dan jista’ jfittex il-parir tiegħu biex jidentifika l-azzjonijiet meħtieġa msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu.

2.  
F’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali tagħha, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha biex tivvaluta kwalunkwe pjan ta’ azzjoni korrettiva.
3.  
Il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni dwar kemm huma b’saħħithom il-pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva ppreżentati f’konformità mal-paragrafu 1 u f’dak il-każ għandha tagħmel dan fi żmien erba’ xhur mill-wasla ta’ dawk il-pjanijiet. L-Istat Membru kkonċernat għandu jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni bir-reqqa u jista’ jirrevedi l-pjan tiegħu skont dan. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jindirizzax l-opinjoni tal-Kummissjoni jew parti sostanzjali minnha, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi ġustifikazzjoni lill-Kummissjoni.
4.  

Kull Stat Membru għandu jagħmel il-pjan ta’ azzjoni korrettiva tiegħu kif imsemmi fil-paragrafu 1 u kwalunkwe ġustifikazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3 disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-opinjoni tagħha kif msemmija fil-paragrafu 3 disponibbli għall-pubbliku.

▼B

Artikolu 9

Kontroll tal-konformità

1.  

Fl-2027 u fl-2032, jekk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra riveduti ta’ Stat Membru jaqbżu l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal kwalunkwe sena speċifika tal-perijodu, b’ kont meħud għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-flessibbiltajiet użati skont l-Artikoli 5, 6 u 7, għandhom japplikaw il-miżuri li ġejjin:

(a) 

żieda maċ-ċifra tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ Stat Membru tas-sena ta’ wara ugwali għall-ammont f’tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2 tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra żejda, immultiplikat b’fattur ta’ 1,08, skont il-miżuri adottati skont l-Artikolu 12; u

(b) 

l-Istat Membru għandu jkun temporanjament ipprojbit milli jittrasferixxi kwalunkwe parti mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu lil Stat Membru ieħor sakemm jiġi konformi mal-Artikolu 4.

L-Amministratur Ċentrali għandu jimplimenta l-projbizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu fir-Reġistru tal-Unjoni.

▼M1

2.  
Jekk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ Stat Membru fil-perjodu mill-2021 sal-2025 imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/841 jaqbżu l-assorbimenti tiegħu, kif iddeterminati f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ dak ir-Regolament, l-Amministratur Ċentrali għandu jnaqqas mill-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ta’ dak l-Istat Membru ammont ugwali għal dawk l-emissjonijiet ta’gassijiet serra żejda f’tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2 għas-snin rilevanti.

▼B

Artikolu 10

Aġġustamenti

1.  

Il-Kummissjoni għandha taġġusta l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament sabiex jirriflettu:

(a) 

l-aġġustamenti għall-għadd ta’ kwoti tal-EU ETS maħruġa skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87/KE li rriżultaw minn bidla fil-kopertura tas-sorsi skont dik id-Direttiva, f’konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont dik id-Direttiva dwar l-approvazzjoni finali tal-pjanijiet ta’ allokazzjoni nazzjonali għall-perijodu mill-2008 sal-2012;

(b) 

l-aġġustamenti għall-għadd ta’ kwoti jew krediti tal-EU ETS maħruġa, rispettivament, skont l-Artikoli 24 u 24a tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi Stat Membru; u

(c) 

l-aġġustamenti għall-għadd ta’ kwoti tal-EU ETS li jappartjenu għal emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn stallazzjonijiet esklużi mill-EU ETS skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE, għaż-żmien li jiġu esklużi.

2.  
L-ammont li jinsab fl-Anness IV għandu jiżdied mal-allokazzjoni għas-sena 2021 għal kull Stat Membru msemmi f’dak l-Anness.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-figuri li jirriżultaw minn tali aġġustamenti.

Artikolu 11

Riżerva ta’ sikurezza

1.  
Riżerva ta’ sikurezza li tikkorrispondi għal kwantità ta’ mhux aktar minn 105 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti għas-CO2 għandha tiġi stabbilita fir-Reġistru tal-Unjoni soġġett għall-ilħuq tal-mira tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1. Ir-riżerva ta’ sikurezza għandha tkun disponibbli flimkien mal-flessibbiltajiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7.
2.  

Stat Membru jista’ jibbenefika mir-riżerva ta’ sikurezza bil-kondizzjoni li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

il-PDG tiegħu per capita bil-prezzijiet tas-suq fl-2013, kif ippubblikat mill-Eurostat f’April 2016, kien inqas mill-medja tal-Unjoni;

(b) 

l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kumulattivi tiegħu għas-snin mill-2013 sal-2020 fis-setturi koperti minn dan ir-Regolament huma inqas mill-allokazzjonijiet kumulattivi annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-snin mill-2013 sal-2020; u

(c) 

l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu jaqbżu l-allokazzjonijiet ta’ emissjonijiet annwali fil-perijodu mill-2016 sal-2030, għalkemm:

(i) 

ikun eżawrixxa l-flessibbiltajiet skont l-Artikolu 5(2) u (3);

(ii) 

ikun għamel l-użu massimu possibbli mill-assorbimenti netti skont l-Artikolu 7, anke jekk dik il-kwantità ma tilħaqx il-livell stabbilit fl-Anness III; u

(iii) 

ma jkun għamel l-ebda trasferiment nett lejn Stati Membri oħra skont l-Artikolu 5

3.  
Stat Membru, li jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandu jirċievi kwantità addizzjonali mir-riżerva ta’ sikurezza ta’ mhux aktar min-nuqqas tiegħu li trid tintuża għall-konformità skont l-Artikolu 9. Dik il-kwantità ma għandhiex taqbeż l-20 % tas-superament tal-objettiv globali tiegħu fil-perijodu mill-2013 sal-2020.

Jekk il-kwantità kollettiva li tirriżulta li jirċievu l-Istati Membri kollha li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu taqbeż il-limitu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kwantità li tiġi riċevuta minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri għandha titnaqqas fuq bażi pro rata.

4.  
Kwalunkwe ammont li jifdal fir-riżerva ta’ sikurezza wara d-distribuzzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 għandu jitqassam fost l-Istati Membri msemmija f’dak is-subparagrafu b’mod proporzjonali għan-nuqqas li jifdlilhom, iżda mingħajr ma dan jinqabeż. Għal kull wieħed minn dawk l-Istati Membri, dik il-kwantità tista’ tkun addizzjonali għall-perċentwal imsemmi f’dak is-subparagrafu.
5.  
Wara tmiem ir-rieżami msemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 għas-sena 2020, il-Kummissjoni għandha, għal kull Stat Membru li jissodisfa l-kondizzjonijiet fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, tippubblika l-ammonti korrispondenti għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali fil-perijodu mill-2013 sal-2020 kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 12

Reġistru

1.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13 biex tissupplimenta dan ir-Regolament sabiex tiżgura l-kontabbiltà preċiża skont dan ir-Regolament permezz tar-Reġistru tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda:

(a) 

l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet;

(b) 

il-flessibbiltajiet eżerċitati skont l-Artikoli 5, 6 u 7

(c) 

il-kontrolli tal-konformità skont l-Artikolu 9;

(d) 

l-aġġustamenti skont l-Artikolu 10; u

(e) 

ir-riżerva ta’ sikurezza skont l-Artikolu 11.

2.  
L-Amministratur Ċentrali għandu jwettaq kontroll awtomatizzat fuq kull tranżazzjoni fir-Reġistru tal-Unjoni li jirriżulta minn dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, għandu jwaqqaf xi tranżazzjonijiet biex jiżgura li ma jkunx hemm irregolaritajiet.
3.  
L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

Artikolu 13

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(2) u 12(1) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mid-9 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.
3.  
Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 7(2) u 12(1) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ att delegat diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikoli 7(2) u 12(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 14

Proċedura ta’ kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 525/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼M1

Artikolu 15

Rieżami

1.  
Dan ir-Regolament għandu jinżamm taħt rieżami filwaqt li jqis fost l-oħrajn l-evoluzzjoni taċ-ċirkostanzi nazzjonali, tal-modi li bihom is-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, tal-iżviluppi internazzjonali, u tal-isforzi mwettqa għall-kisba tal-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi u tar-Regolament (UE) 2021/1119.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien sitt xhur minn kull analiżi globali maqbula skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi, dwar l-operat ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet, kif ukoll dwar l-adegwatezza tal-miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jinsabu fl-Anness I għal dan ir-Regolament fir-rigward tal-kontribut tagħhom għall-objettivi klimatiċi tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/1119 u għall-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dak ir-rapport għandu jinkludi b’mod partikolari valutazzjoni tal-ħtieġa għal politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni minħabba t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġ mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha f’qafas ta’ wara l-2030. Għandu jinkludi wkoll valutazzjoni ta’ perkors ta’ tnaqqis għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti minn dan ir-Regolament li jkun kompatibbli mal-objettiv tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li jitqies il-baġit indikattiv projettat tal-Unjoni għall-gassijiet serra msemmi fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2021/1119 kif ukoll l-importanza li jiġu promossi kemm il-ġustizzja kif ukoll is-solidarjetà fost l-Istati Membri u l-kosteffettività fil-kisba ta’ dak l-objettiv. Dak ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġiżlattivi.

Ir-rapport msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu iqis l-istrateġiji fit-tul tal-Istati Membri mħejjija u ppreżentati skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2018/1999 u l-valutazzjoni tagħhom magħmula mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 15(9) ta’ dak ir-Regolament.

▼M1

Artikolu 15a

Parir xjentifiku

Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima, stabbilit skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), (il-“Bord Konsultattiv”) jista’, fuq inizjattiva proprja, jipprovdi pariri xjentifiċi jew joħroġ rapporti dwar il-miżuri, il-miri klimatiċi, il-livelli annwali tal-emissjonijiet u l-flessibbiltajiet tal-Unjoni skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-pariri u r-rapporti rilevanti tal-Bord Konsultattiv, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri futuri li jimmiraw lejn aktar tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi koperti minn dan ir-Regolament.

▼B

Artikolu 16

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 525/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 huwa emendat kif ġej:

(1) 

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a) 

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa) 

mill-2023, l-emissjonijiet antropoġeniċi tagħhom ta’ gassijiet serra msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ) għas-sena X-2, skont ir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-UNFCCC;

(b) 

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fir-rapporti tagħhom, l-Istati Membri għandhom ta’ kull sena jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe intenzjoni li jużaw il-flessibbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 5(4) u (5) u fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/842, kif ukoll dwar l-użu tad-dħul skont l-Artikolu 5(6) ta’ dak ir-Regolament. Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi dik l-informazzjoni mingħand l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament.”;

(2) 

fil-punt (c) tal-Artikolu 13(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(ix) 

mill-2023, informazzjoni dwar politiki u miżuri nazzjonali implimentati biex jintlaħqu l-impenji tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/842 u informazzjoni dwar politiki u miżuri nazzjonali addizzjonali ppjanati maħsuba bil-għan li jillimitaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra lil hinn mill-impenji tagħhom skont dak ir-Regolament;”;

(3) 

fl- Artikolu 14(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(f) 

mill-2023, projezzjonijiet totali ta’ gassijiet serra u stimi separati għall-emissjonijiet projettati ta’ gassijiet serra għall-fonti tal-emissjonijiet koperti -mir-Regolament (UE) 2018/842 u mid-Direttiva 2003/87/KE.”;

(4) 

fl-Artikolu 21(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(c) 

l-obbligi skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/842. L-evalwazzjoni għandha tqis il-progress fil-politiki u l-miżuri tal-Unjoni u informazzjoni mill-Istati Membri. Kull sentejn, l-evalwazzjoni għandha tinkludi l-progress projettat tal-Unjoni lejn l-implimentazzjoni tal-Kontribut Maħsub Determinat fil-Livell Nazzjonali lejn il-Ftehim ta’ Pariġi li jħaddan l-impenn tal-Unjoni għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-ekonomija kollha u l-progress projettat tal-Istati Membri lejn it-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dak ir-Regolament.”.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1




ANNESS I

TNAQQIS FL-EMISSJONIJIET TAL-GASSIJIET SERRA TAL-ISTATI MEMBRI SKONT L-ARTIKOLU 4(1)



 

It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Istati Membri fl-2030 fir-rigward tal-livelli tagħhom fl-2005 iddeterminati skont l-Artikolu 4(3)

 

Kolonna 1

Kolonna 2

Belġju

-35  %

-47  %

Bulgarija

-0  %

-10  %

Ċekja

-14  %

-26  %

Danimarka

-39  %

-50  %

Ġermanja

-38  %

-50  %

Estonja

-13  %

-24  %

Irlanda

-30  %

-42  %

Greċja

-16  %

-22,7  %

Spanja

-26  %

-37,7  %

Franza

-37  %

-47,5  %

Kroazja

-7  %

-16,7  %

Italja

-33  %

-43,7  %

Ċipru

-24  %

-32  %

Latvja

-6  %

-17  %

Litwanja

-9  %

-21  %

Lussemburgu

-40  %

-50  %

Ungerija

-7  %

-18,7  %

Malta

-19  %

-19  %

Netherlands

-36  %

-48  %

Awstrija

-36  %

-48  %

Polonja

-7  %

-17,7  %

Portugall

-17  %

-28,7  %

Rumanija

-2  %

-12,7  %

Slovenja

-15  %

-27  %

Slovakkja

-12  %

-22,7  %

Finlandja

-39  %

-50  %

Żvezja

-40  %

-50  %

▼B




ANNESS II



L-ISTATI MEMBRI LI JISTA’ JKOLLHOM KANĊELLAZZJONI LIMITATA TAL-KWOTI TAL-EU ETS LI JITQIESU GĦALL-KONFORMITÀ SKONT L-ARTIKOLU 6

 

Perċentwal massimu tal-emissjonijiet għall-2005 ddeterminati skont l-Artikolu 4(3)

Belġju

2  %

Danimarka

2  %

Irlanda

4  %

Lussemburgu

4  %

▼M1

Malta

7  %

▼B

Netherlands

2  %

Awstrija

2  %

Finlandja

2  %

Żvezja

2  %




ANNESS III



▼M1

L-ASSORBIMENTI NETTI TOTALI MILL-KATEGORIJI TA’ ART KOPERTI MIR-REGOLAMENT (UE) 2018/841 LI L-ISTATI MEMBRI JISTGĦU JQISU GĦALL-KONFORMITÀ GĦALL-PERJODU MILL-2021 SAL-2030 SKONT IL-PUNTI (a) U (aa) TAL-ARTIKOLU 7(1) TA’ DAN IR-REGOLAMENT

▼B

 

Ammont massimu espress f’miljuni ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2

Belġju

3,8

Bulgarija

4,1

Repubblika Ċeka

2,6

Danimarka

14,6

Ġermanja

22,3

Estonja

0,9

Irlanda

26,8

Greċja

6,7

Spanja

29,1

Franza

58,2

Kroazja

0,9

Italja

11,5

Ċipru

0,6

Latvja

3,1

Litwanja

6,5

Lussemburgu

0,25

Ungerija

2,1

Malta

0,03

Netherlands

13,4

Awstrija

2,5

Polonja

21,7

Portugall

5,2

Rumanija

13,2

Slovenja

1,3

Slovakkja

1,2

Finlandja

4,5

Żvezja

4,9

▼M1 —————

▼B

Total massimu:

►M1  262,2  ◄




ANNESS IV



AMMONT TAL-AĠĠUSTAMENT SKONT L-ARTIKOLU 10(2)

 

Tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2

Bulgarija

1 602 912

Repubblika Ċeka

4 440 079

Estonja

145 944

Kroazja

1 148 708

Latvja

1 698 061

Litwanja

2 165 895

Ungerija

6 705 956

Malta

774 000

Polonja

7 456 340

Portugall

1 655 253

Rumanija

10 932 743

Slovenja

178 809

Slovakkja

2 160 210



( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

( 2 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

( 3 ) Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Network Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13).

( *1 ) Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).”;

Top