Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02014R0208-20211207

    Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014 tal-5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/208/2021-12-07

    02014R0208 — MT — 07.12.2021 — 012.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 208/2014

    tal-5 ta’ Marzu 2014

    dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina

    (ĠU L 066 6.3.2014, p. 1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

     M1

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 381/2014 tal-14 ta' April 2014

      L 111

    33

    15.4.2014

    ►M2

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/138 tad-29 ta' Jannar 2015

      L 24

    1

    30.1.2015

    ►M3

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/357 tal-5 ta' Marzu 2015

      L 62

    1

    6.3.2015

    ►M4

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/869 tal-5 ta' Ġunju 2015

      L 142

    1

    6.6.2015

     M5

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1777 tal-5 ta' Ottubru 2015

      L 259

    3

    6.10.2015

    ►M6

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/311 tal-4 ta' Marzu 2016

      L 60

    1

    5.3.2016

    ►M7

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/374 tat-3 ta' Marzu 2017

      L 58

    1

    4.3.2017

    ►M8

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/326 tal-5 ta' Marzu 2018

      L 63

    5

    6.3.2018

    ►M9

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/352 tal-4 ta' Marzu 2019

      L 64

    1

    5.3.2019

    ►M10

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1163 tal-5 ta' Lulju 2019

      L 182

    33

    8.7.2019

    ►M11

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/370 tal-5 ta’ Marzu 2020

      L 71

    1

    6.3.2020

    ►M12

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/391 tal-4 ta’ Marzu 2021

      L 77

    2

    5.3.2021

    ►M13

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2152 tas-6 ta’ Diċembru 2021

      L 436

    7

    7.12.2021


    Ikkoreġut bi:

     C1

    Rettifika, ĠU L 070, 11.3.2014, p.  36 (208/2014)

     C2

    Rettifika, ĠU L 294, 10.10.2014, p.  62 (208/2014)

     C3

    Rettifika, ĠU L 350, 6.12.2014, p.  15 (208/2014)

     C4

    Rettifika, ĠU L 086, 28.3.2019, p.  118 (2019/352)




    ▼B

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 208/2014

    tal-5 ta’ Marzu 2014

    dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina



    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) 

    “pretensjoni” tfisser kull talba, sew asserita bi proċeduri legali jew le, magħmula qabel jew wara s-6 ta’ Marzu 2014, taħt jew b’rabta ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni, u b’mod partikolari tinkludi:

    (i) 

    talba għat-twettiq ta’ kull obbligu li jirriżulta taħt jew b’rabta ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni;

    (ii) 

    talba għall-estensjoni jew għall-ħlas ta’ rahan, ta’ garanzija finanzjarja jew ta’ indennizz ta’ kull forma;

    (iii) 

    talba għal kumpens marbut ma’ kuntratt jew tranżazzjoni;

    (iv) 

    kontrotalba;

    (v) 

    talba għar-rikonoxximent jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta’ exequatur, ta’ sentenza, ta’ deċiżjoni arbitrali jew ta’ deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tittieħed jew tingħata;

    (b) 

    “kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta’ kwalunkwe forma u irrispettivament mil-liġi applikabbli għaliha, sew jekk tinkludi kuntratt wieħed jew aktar, jew obbligi simili, stabbiliti bejn l-istess partijiet jew bejn partijiet differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” tinkludi rahan, garanzija jew indennità, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennità finanzjarja, u kreditu, sew jekk legalment indipendenti jew le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li taqa’ taħt, jew b’konnessjoni ma’, it-tranżazzjoni;

    (c) 

    “awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness II;

    (d) 

    “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull xorta, kemm tanġibbli u kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, beni jew servizzi;

    (e) 

    “l-iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, beni jew servizzi bi kull mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-użu tagħhom bħala ipoteka;

    (f) 

    “l-iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’, aċċess għal, jew negozju b’fondi li b’kull mod jirriżulta f’xi bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fid-dritt ta’ proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew f’bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġar ta’ portafolji;

    (g) 

    “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull xorta, li jinkludu, iżda mhux limitati għal:

    (i) 

    flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet ta’ flus, kambjali, ordnijiet ta’ flus u strumenti oħra ta’ ħlas;

    (ii) 

    depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta’ dejn;

    (iii) 

    titoli u strumenti ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi l-istokks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

    (iv) 

    imgħax, dividends jew introjtu ieħor minn assi jew valur li jakkumula minnhom jew iġġenerat minnhom;

    (v) 

    kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

    (vi) 

    ittri ta’ kreditu, poloz tat-tagħbija, poloz ta’ bejgħ; kif ukoll

    (vii) 

    dokumenti li jagħtu prova ta’ interess f’fondi jew f’riżorsi finanzjarji;

    (h) 

    “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

    Artikolu 2

    1.  
    Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kif elenkati fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.
    2.  
    L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom jitqiegħdu għad-disposizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-beneficċju ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I.

    Artikolu 3

    1.  
    L-Anness I għandu jinkludi l-persuni li, f’konformità mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/119/PESK, ikunu ġew identifikati mill-Kunsill bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina, u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

    ▼M2

    1a.  

    Għall-finijiet tal-paragrafu 1, persuni identifikati bħala responsabbli għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludi persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

    (a) 

    għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f'tali misapproprjazzjoni; jew

    (b) 

    għall-abbuż tal-uffiċċju bħala detentur ta' pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza u li b'hekk jikkawża telf ta' fondi pubbliċi jew assi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f'tali abbuż.

    ▼B

    2.  
    L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi konċernati.
    3.  
    L-Anness I għandu jinkludi, fejn tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi konċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet inklużi psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

    Artikolu 4

    1.  

    B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kondizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi konċernati huma:

    (a) 

    meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kif elenkati fl-Anness I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, għall-kera jew għall-garanziji ipotekarji, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

    (b) 

    maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta’ spejjeż marbutin mal-forniment ta’ servizzi legali;

    (c) 

    maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti fuq servizz ta’ rutina għaż-żamma jew il-manteniment ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

    (d) 

    meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti relevanti tkun innotifikat ir-raġunijiet li għalihom hi kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni qabel l-awtorizzazzjoni.

    2.  
    L-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

    Artikolu 5

    1.  

    B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) 

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ikunu l-oġġett ta’ deċiżjoni arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmijin fl-Artikolu 2 ġew inklużi fl-Anness I, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru konċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b) 

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi se jintużaw esklussivament biex jiġu sodisfatti pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

    (c) 

    id-deċiżjoni mhijiex għall-benefiċċju ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fost dawk elenkati fl-Anness I; u

    (d) 

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru konċernat.

    2.  
    L-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

    Artikolu 6

    1.  

    B’deroga mill-Artikolu 2 u sakemm il-pagament minn xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp minn dawk elenkati fl-Anness I ikun dovut taħt kuntratt jew ftehim li ġie konkluż, jew taħt obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp konċernati, qabel id-data meta tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ġew inklużi fl-Anness 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati jew ta’ riżorsi ekonomiċi, sakemm l-awtorità kompetenti konċernata tkun iddeterminat li:

    (a) 

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jintużaw għal pagament minn xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fost dawk elenkati fl-Anness I; u

    (b) 

    il-pagament mhuwiex bi ksur tal-Artikolu 2(2).

    2.  
    L-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

    Artikolu 7

    1.  
    L-Artikolu 2(2) ma għandux jimpedixxi l-akkreditar ta’ kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont tal-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp minn dawk elenkati, dejjem jekk kwalunkwe kreditu f’dawn il-kontijiet jiġi ffriżat ukoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti bi kwalunkwe tali tranżazzjoni, mingħajr dewmien.
    2.  

    L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għall-akkreditar tal-kontijiet iffriżati ta’:

    (a) 

    imgħax jew qligħ ieħor fuq dawn il-kontijiet;

    (b) 

    pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 2 ġew inklużi fl-Anness I; jew

    (c) 

    pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fi Stat Membru jew infurzabbli fl-Istat Membru konċernat,

    sakemm kwalunkwe tali imgħax, dħul ieħor u pagamenti oħrajn ikunu ffriżati skont l-Artikolu 2(1).

    Artikolu 8

    1.  

    Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi għandhom:

    (a) 

    jagħtu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu kwalunkwe tali informazzjoni, direttament jew permezz l-Istat Membru lill-Kummissjoni; u

    (b) 

    jikkooperaw mal-awtorità kompetenti biex tali informazzjoni tiġi vverifikata b’kull mod.

    2.  
    Kull informazzjoni addizzjonali riċevuta direttament mill-Kummissjoni għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri.
    3.  
    Kull informazzjoni li tingħata jew li tiġi riċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet pprovduta jew riċevuta.
    4.  
    Il-paragrafu 3 m’għandux jimpedixxi l-Istati Membri milli jikkondividu dik l-informazzjoni, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, mal-awtoritajiet rilevanti tal-Ukraina u ma’ Stati Membri oħrajn, fejn dan ikun meħtieġ, sabiex jassistu fl-irkupru ta’ fondi misapproprjati.

    Artikolu 9

    Il-parteċipazzjoni b’mod konxju u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri imsemmija fl-Artiklu 2 hija pprojbita.

    Artikolu 10

    1.  
    L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li dawn il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, li jsiru bona fede abbażi li dawn l-azzjonijiet ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandhom joħolqu l-ebda tip ta’ responsabbiltà fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jimplimentawh, la għad-diretturi u lanqas għall-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma minħabba negliġenza.
    2.  
    Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi bl-ebda mod ma għandhom joħolqu xi responsabbiltà, ta’ kwalunkwe tip, għalihom jekk dawn ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 11

    1.  

    L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet milquta, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ rahan, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

    (a) 

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi indikati li jkunu elenkati fl-Anness I;

    (b) 

    kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’, jew f’isem, waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi imsemmija fil-punt (a).

    2.  
    Fi kwalunkwe proċediment għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-oneru tal-prova li mhuwiex ipprojbit, mill-paragrafu 1, l-adempiment tal-pretensjoni, għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jfittxu l-infurzar ta’ dik il-pretensjoni.
    3.  
    Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal rieżami ġudizzjarju tal-legalità ta’ non-adempiment ta’ obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.

    Artikolu 12

    1.  

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin dwar il-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament u għandhom jikkondividu kull informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’rabta ma’ dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni:

    (a) 

    fir-rigward ta’ fondi ffriżati taħt l-Artikolu 2 u awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt l-Artikoli 4, 5 u 6;

    (b) 

    fir-rigward ta’ ksur u ta’ diffikultajiet ta’ infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

    2.  
    L-Istati Membri għandhom minnufih jinformaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kull informazzjoni li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li tkun tista’ tinċidi fuq l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 13

    Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

    Artikolu 14

    1.  
    Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, huwa għandu jemenda l-Anness I kif meħtieġ.
    2.  
    Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp msemmijin fil-paragrafu 1, b’mod dirett, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, biex b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.
    3.  
    Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp skont il-każ.
    4.  
    Il-lista fl-Anness I għandha tiġi eżaminata mill-ġdid f’intervalli regolari u għall-inqas kull 12-il xahar.

    Artikolu 15

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penalitajiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmijin fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara s-6 ta’ Marzu 2014 u għandhom jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti li ssirilhom.

    Artikolu 16

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq il-websajts elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull tibdil fl-indirizzi tal-websajts tagħhom elenkati fl-Anness II.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawn l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti.
    3.  
    Fejn dan ir-Regolament jistipula xi rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew li għandha li ssir xi komunikazzjoni magħha xorta oħra, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

    Artikolu 17

    Dan ir-Regolament għandu japplika:

    (a) 

    fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

    (b) 

    abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

    (c) 

    għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni jew lil hinn minnu li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

    (d) 

    għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

    (e) 

    għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

    Artikolu 18

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    ▼M3




    ANNESS I

    ▼M9

    A.    Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 2

    ▼M3



     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

    Data tal-elenkar

    1.

    Viktor Fedorovych Yanukovych

    (Вiктор Федорович Янукович),

    Viktor Fedorovich Yanukovich

    (Виктор Фёдорович Янукович)

    imwieled fid-9 ta' Lulju 1950f'Yenakiieve (Donetsk oblast), eks President tal-Ukrajna

    Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

    6.3.2014

    ▼M6

    2.

    Vitalii Yuriyovych Zakharchenko

    (Вiталiй Юрiйович Захарченко),

    Vitaliy Yurievich Zakharchenko

    (Виталий Юрьевич Захарченко)

    imwieled fl-20 ta' Jannar 1963, f'Kostiantynivka (Donetsk oblast) eks-Ministru tal-Affarijiet Interni.

    Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u b'rabta mal-abbuż tal-kariga minn uffiċjal b'kariga pubblika biex takkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih stess jew għal terza parti, u b'hekk ikkawżat telf għall-baġit jew l-assi pubbliċi Ukreni.

    6.3.2014

    ▼M3

    3.

    Viktor Pavlovych Pshonka

    (Вiктор Павлович Пшонка)

    imwieled fis-6 ta' Frar 1954 f'Serhiyivka (Donetsk oblast), eks Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna

    Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

    6.3.2014

    ▼M8 —————

    ▼M9 —————

    ▼M3

    6.

    Viktor Ivanovych Ratushniak

    (Вiктор Iванович Ратушняк)

    imwieled fis-16 ta' Ottubru 1959, eks Viċi Ministru għall-Affarijiet Interni

    Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u għal kompliċità b'rabta ma' dan

    6.3.2014

    ▼M8

    7.

    Oleksandr Viktorovych Yanukovych (Олександр Вiкторович Янукович)

    Imwieled fl-10 ta' Lulju 1973 f'Yenakiieve (Donetsk oblast), iben l-eks President, negozjant

    Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u għal kompliċità b'rabta ma' dan.

    6.3.2014

    ▼M4 —————

    ▼M3

    9.

    Artem Viktorovych Pshonka

    (Артем Вiкторович Пшонка)

    imwieled fid-19 ta' Marzu 1976 f'Kramatorsk (Donetsk oblast), iben l-eks Prosekutur Ġenerali, Viċi Kap tal-fazzjoni tal-Partit tar-Reġjuni fil-Verkhovna Rada tal-Ukrajna

    Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u għal kompliċità b'rabta ma' dan.

    6.3.2014

    ▼M8 —————

    ▼M11 —————

    ▼M8

    12.

    Serhiy Vitalyovych Kurchenko (Сергiй Вiталiйович Курченко)

    Imwieled fil-21 ta' Settembru 1985 f'Kharkiv, negozjant

    Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u għall-abbuż tal-uffiċċju sabiex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih innifsu jew għal terza parti u li b'hekk ikkawża telf ta' fondi jew assi pubbliċi Ukreni.

    6.3.2014

    ▼M12 —————

    ▼M6 —————

    ▼M12 —————

    ▼M7 —————

    ▼M13 —————

    ▼M11 —————

    ▼M12

    B.   Drittijiet tad-difiża u dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

    Id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna

    L-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna (Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) jipprevedi li kull persuna li tkun suspettata jew mixlija fi proċedimenti kriminali tgawdi d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dawn jinkludu: id-dritt li wieħed ikun infurmat bir-reat kriminali li jkun ġie ssuspettat jew akkużat bih; id-dritt li jkun infurmat, espressament u fil-pront, bid-drittijiet tiegħu taħt il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali; id-dritt li jkollu, meta jkun talab għall-ewwel darba, aċċess għal avukat tad-difiża; id-dritt li jippreżenta petizzjonijiet għal azzjonijiet proċedurali; u d-dritt li jikkontesta d-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet u l-omissjonijiet mill-investigatur, il-prosekutur pubbliku u l-imħallef inkwirenti.

    L-Artikolu 303 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jiddistingwi bejn deċiżjonijiet u ommissjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati matul il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess (l-ewwel paragrafu) u d-deċiżjonijiet, l-atti u l-omissjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati fil-qorti matul il-proċedimenti preparatorji (it-tieni paragrafu). L-Artikolu 306 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti kontra deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet tal-investigatur jew il-prosekutur pubbliku għandhom jiġu kkunsidrati minn imħallef inkwirenti ta’ Qorti lokali fil-preżenza tar-rikorrenti jew l-avukat tad-difiża jew ir-rappreżentant legali tiegħu. L-Artikolu 308 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti li jirrigwardaw in-nuqqas mill-investigatur jew mill-prosekutur pubbliku li josservaw żmien raġonevoli matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jistgħu jiġu ppreżentati lil prosekutur pubbliku superjuri u għandhom jiġu kkunsidrati fi żmien tlett ijiem minn meta jiġu ppreżentati. Barra minn hekk, l-Artikolu 309 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jispeċifika d-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti li jistgħu jiġu kkontestati b’appell, u li deċiżjonijiet oħra jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċeduri preparatorji fil-Qorti. Barra minn hekk, għadd ta’ azzjonijiet investigattivi proċedurali huma possibbli biss soġġett għal deċiżjoni mill-imħallef inkwirenti jew minn Qorti (pereżempju s-sekwestru ta’ proprjetà taħt l-Artikoli 167 sa 175, u miżuri ta’ detenzjoni taħt l-Artikoli 176 sa 178, tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).

    Applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull waħda mill-persuni elenkati

    1. 

    Viktor Fedorovych Yanukovych

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Yanukovych, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjoni tal-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tal-11 ta’ Awwissu 2020 li fiha l-Qorti eżaminat il-petizzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna u tat permess biex jinqabad is-Sur Yanukovych. Fid-deċiżjoni tal-Qorti, l-imħallef inkwirenti kkonferma li hemm suspett raġonevoli tal-involviment tas-Sur Yanukovych f’reat kriminali relatat ma’ miżapproprjazzjoni u kkonferma wkoll l-istatus tas-Sur Yanukovych bħala suspettat fil-proċedimenti kriminali.

    Il-Qorti Għolja ta’ Kontra l-Korruzzjoni stabbiliet ukoll li s-Sur Yanukovych ilu joqgħod barra mill-Ukrajna mill-2014. Il-Qorti kkonkludiet li kien hemm biżżejjed raġunijiet biex jitwemmen li s-Sur Yanukovych kien qed jistaħba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Yanukovych kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Għolja ta’ Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur Yanukovych ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    2. 

    Vitalii Yuriyovych Zakharchenko

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Zakharchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tal-21 ta’ Mejju 2018, tat-23 ta’ Novembru 2018 u tas-27 ta’ Novembru 2019 li tagħti permess biex is-Sur Zakharchenko jiġi detenut.

    Barra minn hekk, il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu s-Sur Zakharchenko. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Zakharchenko fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol.

    Fit-28 ta’ Frar 2020, issoktat l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess u twettqu azzjonijiet proċedurali u investigattivi. Il-korp investigattiv issospenda l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fit-3 ta’ Marzu 2020, ikkonkluda li s-Sur Zakharchenko qed jinħeba mill-korp investigattiv u mill-Qorti biex jevadi r-responsabbiltà kriminali, li mhuwiex magħruf fejn jinsab u li twettqu l-azzjonijiet investigattivi (ta’ tfittxija) u proċedurali kollha li jistgħu jitwettqu fin-nuqqas ta’ persuni suspettati. Dik id-deċiżjoni ta’ sospensjoni setgħet tiġi appellata.

    Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawk id-drittijiet.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Zakharchenko kien qed jaħrab mill-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Zakharchenko kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    3. 

    Viktor Pavlovych Pshonka

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Pshonka, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mill-fatt li fit-22 ta’ Diċembru 2014 intbagħtet notifika bil-miktub ta’ suspett, mill-fatt li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2017 ta’ sospensjoni tal-proċedimenti kriminali setgħet tiġi appellata u mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tat-12 ta’ Marzu 2018, tat-13 ta’ Awwissu 2018 u tal-5 ta’ Settembru 2019 li jagħtu permess sabiex is-Sur Pshonka jinżamm bl-għan li jitressaq quddiem il-Qorti biex jipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tal-petizzjoni għall-applikazzjoni ta’ detenzjoni taħt kustodja.

    Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu s-Sur Pshonka. Fl-24 ta’ Lulju 2020, intbagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa biex jiġi stabbilit fejn tinsab is-Sur Pshonka u biex tiġi interrogata. Dik it-talba għadha pendenti. L-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess ġiet sospiża fl-24 ta’ Lulju 2020 minħabba fil-ħtieġa li jitwettqu azzjonijiet proċedurali fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali.

    L-awtoritajiet Russi ċaħdu t-talbiet għal assistenza legali internazzjonali mibgħuta lilhom fl-2016 u l-2018.

    Fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-appell ippreżentat mill-avukat tas-Sur Pshonka biex jitħassar l-avviż ta’ suspett datat it-23 ta’ Diċembru 2014. Il-Qorti kkonkludiet li l-avviż ta’ suspett ġie nnotifikat f’konformità mal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna u kkonfermat l-istatus tas-Sur Pshonka bħala persuna suspettata fil-proċedimenti.

    Fis-7 ta’ Mejju 2020 u fid-9 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna irrifjutat talba biex jinfetħu proċedimenti magħmula abbażi ta’ ilment minn avukati dwar nuqqas ta’ azzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna fil-proċedimenti kriminali. L-Awla tal-Appell tal-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni kkonfermat dawk id-deċiżjonijiet fl-1 ta’ Ġunju 2020 u s-26 ta’ Novembru 2020, rispettivament.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Pshonka kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur Pshonka kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni preċedenti tat-talbiet għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    6. 

    Viktor Ivanovych Ratushniak

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Ratushniak, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari fid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tal-21 ta’ Mejju 2018, tat-23 ta’ Novembru 2018, u tal-4 ta’ Diċembru 2019 li jagħtu permess sabiex is-Sur Ratushniak jinżamm bl-għan li jitressaq quddiem il-Qorti biex jipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tal-petizzjoni għall-applikazzjoni ta’ detenzjoni taħt kustodja.

    Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Ratushniak. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Ratushniak fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol.

    Fit-28 ta’ Frar 2020, l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess issoktat bil-għan li jitwettqu azzjonijiet proċedurali u investigattivi. Il-korp investigattiv issospenda l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fit-3 ta’ Marzu 2020, u kkonkluda li s-Sur Ratushniak qed jinħeba mill-korpi investigattivi u mill-Qorti biex jevadi r-responsabbiltà kriminali, li mhuwiex magħruf fejn jinsab u li twettqu l-azzjonijiet investigattivi (ta’ tfittxija) u proċedurali kollha li jistgħu jitwettqu fin-nuqqas ta’ persuni suspettati. Dik id-deċiżjoni ta’ sospensjoni setgħet tiġi appellata.

    Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawn id-drittijiet.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Ratushniak kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Ratushniak kkontribwew ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    7. 

    Oleksandr Viktorovych Yanukovych

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Yanukovych, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill.

    Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Yanukovych, li qed joqgħod fil-Federazzjoni Russa u qed jevita l-investigazzjoni.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Yanukovych kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Yanukovych ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    9. 

    Artem Viktorovych Pshonka

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Pshonka, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mill-fatt li fid-29 ta’ Diċembru 2014 intbagħtet notifika bil-miktub ta’ suspett, mill-fatt li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2017 ta’ sospensjoni tal-proċedimenti kriminali kienet soġġetta għal appell, u mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tat-12 ta’ Marzu 2018, tat-13 ta’ Awwissu 2018 u tal-5 ta’ Settembru 2019 li jagħtu permess sabiex is-Sur Pshonka jinżamm bl-għan li jitressaq quddiem il-Qorti biex jipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tal-petizzjoni għall-applikazzjoni ta’ detenzjoni taħt kustodja.

    Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Pshonka. Fl-24 ta’ Lulju 2020, intbagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa biex jiġi stabbilit fejn tinsab il-persuna suspettata u biex tiġi interrogata. Dik it-talba għadha pendenti. L-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess ġiet sospiża fl-24 ta’ Lulju 2020 minħabba fil-ħtieġa li jitwettqu azzjonijiet proċedurali fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali.

    L-awtoritajiet Russi ċaħdu t-talba għal assistenza legali internazzjonali mibgħuta lilhom fl-2018.

    Fid-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-appell ippreżentat mill-avukat tas-Sur Pshonka biex titħassar id-deċiżjoni tat-30 ta’ April 2015 li tiġi sospiża l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Il-Qorti kkonkludiet ukoll li l-avviż ta’ suspett ġie nnotifikat f’konformità mal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna u kkonfermat l-istatus tas-Sur Pshonka bħala persuna suspettata fil-proċedimenti kriminali.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Pshonka kien qed jaħrab l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur Pshonka kif ukoll lil nuqqas ta’ eżekuzzjoni preċedenti tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    12. 

    Serhiy Vitalyovych Kurchenko

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Kurchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari fid-deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti tas-7 ta’ Marzu 2018 li tat permess biex issir investigazzjoni speċjali in absentia. Barra minn hekk, id-difiża ġiet notifikata bit-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fit-28 ta’ Marzu 2019 u ngħatat aċċess għall-materjali għall-familjarizzazzjoni. Il-Kunsill għandu informazzjoni li għaddejja l-familjarizzazzjoni mid-difiża.

    Fid-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ April 2020, il-Qorti ta’ Appell ta’ Odessa laqgħet l-appell mill-prosekutur u imponiet miżura preventiva ta’ detenzjoni f’kustodja fuq is-Sur Kurchenko. Il-Qorti ddikjarat ukoll li s-Sur Kurchenko telaq mill-Ukrajna fl-2014 u li ma jistax jiġi stabbilit fejn jinsab. Il-Qorti kkonkludiet li s-Sur Kurchenko qed jinħeba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.

    Il-Kunsill ġie infurmat li fid-29 ta’ April 2020 l-awtoritajiet Ukreni bagħtu talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa, li ġiet irritornata fit-28 ta’ Lulju 2020 mingħajr eżekuzzjoni.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Kurchenko kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Odessa attribwiti lis-Sur Kurchenko kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    ▼M13 —————

    ▼B




    ANNESS II

    Websajts għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

    ▼M10

    IL-BELĠJU

    https://diplomatie.belgium.be/nl/Beleid/beleidsthemas/vrede_en_veiligheid/sancties

    https://diplomatie.belgium.be/fr/politique/themes_politiques/paix_et_securite/sanctions

    https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

    Il-BULGARIJA

    https://www.mfa.bg/en/101

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA

    www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

    ID-DANIMARKA

    http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

    IL-ĠERMANJA

    http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

    L-ESTONJA

    http://www.vm.ee/est/kat_622/

    L-IRLANDA

    http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

    IL-GREĊJA

    http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

    SPANJA

    http://www.exteriores.gob.es/Portal/en/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

    FRANZA

    http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

    IL-KROAZJA

    http://www.mvep.hr/sankcije

    L-ITALJA

    https://www.esteri.it/mae/it/politica_estera/politica_europea/misure_deroghe

    ĊIPRU

    http://www.mfa.gov.cy/mfa/mfa2016.nsf/mfa35_en/mfa35_en?OpenDocument

    IL-LATVJA

    http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

    IL-LITWANJA

    http://www.urm.lt/sanctions

    IL-LUSSEMBURGU

    https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/mesures-restrictives.html

    L-UNGERIJA

    http://www.kormany.hu/download/9/2a/f0000/EU%20szankci%C3%B3s%20t%C3%A1j%C3%A9koztat%C3%B3_20170214_final.pdf

    MALTA

    https://foreignaffairs.gov.mt/en/Government/SMB/Pages/Sanctions-Monitoring-Board.aspx

    IN-NETHERLANDS

    https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

    L-AWSTRIJA

    http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

    IL-POLONJA

    https://www.gov.pl/web/dyplomacja

    IL-PORTUGALL

    http://www.portugal.gov.pt/pt/ministerios/mne/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

    IR-RUMANIJA

    http://www.mae.ro/node/1548IS

    IS-SLOVENJA

    http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

    IS-SLOVAKKJA

    https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

    IL-FINLANDJA

    http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

    L-IŻVEZJA

    http://www.ud.se/sanktioner

    IR-RENJU UNIT

    https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

    Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Servizz għall-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI)

    EEAS 07/99

    B-1049 Brussels, Belgium

    Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu

    Top