Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02013R1287-20131220

Consolidated text: Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (COSME) (2014 - 2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1287/2013-12-20

2013R1287 — MT — 20.12.2013 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

►C1  REGOLAMENT (UE) Nru 1287/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Diċembru 2013

li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (COSME) (2014 - 2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE ◄

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 347 20.12.2013, p. 33)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 071, 16.3.2016, p.  323 (1287/2013)




▼B

▼C1

REGOLAMENT (UE) Nru 1287/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Diċembru 2013

li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (COSME) (2014 - 2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE

▼B

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 173 u 195 ta’ dan,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 2 ),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni bit-titolu “L-Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” f’Marzu 2010 ("l-Istrateġija Ewropa 2020"). Il-Komunikazzjoni kienet approvata mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2010. L-Istrateġija Ewropa 2020 twieġeb għall-kriżi ekonomika u hija maħsuba biex tħejji l-Unjoni għall-għaxar snin li ġejjin. Hija tiffissa ħames għanijiet ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija, l-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali li għandhom jintlaħqu sal-2020 u tidentifika l-ixpruni ewlenin għat-tkabbir, maħsuba li jagħmlu lill-Unjoni aktar dinamika u kompetittiva. Hija tenfasizza wkoll l-importanza li jkun rinfurzat it-tkabbir tal-ekonomija Ewropea filwaqt li tikseb livell għoli ta' impjiegi, ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija kif ukoll koeżjoni soċjali. L-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) għandhom jaqdu rwol kruċjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Ir-rwol tagħhom hu rifless fil-fatt li l-SMEs jissemmew f’sitta mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(2)

Sabiex ikun żgurat li l-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs, ikollhom rwol ċentrali fil-ksib tat-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni, li huwa prijorità prinċipali, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni bit-titolu "Politika industrijali integrata għal era tal-globalizzazzjoni fejn il-kompetittività u s-sostenibbiltà jkunu fix-xena prinċipali" f’Ottubru 2010, li ġiet approvata mill-Kunsill ta’ Diċembru 2010. Din hija inizjattiva ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija bil-għan li tagħti spinta lit-tkabbir u l-impjiegi billi żżomm u tappoġġa bażi industrijali qawwija, diversifikata u kompetittiva fl-Ewropa, b'mod partikolari bit-titjib tal-kundizzjonijiet qafas għall-intrapriżi u t-tisħiħ ta’ bosta aspetti tas-suq intern, inklużi servizzi relatati man-negozju.

(3)

F’Ġunju 2008 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni bit-titolu “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” - “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa”, li kienet milqugħa mill- Kunsill ta’ Diċembru 2008. L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA) jipprovdi qafas politiku komprensiv għall- SMEs, jippromwovi l-intraprenditorija u jistabbilixxi fis-sod il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fil-liġi u l-politika sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-SMEs. L-SBA tistabbilixxi għaxar prinċipji u tiddeskrivi politika u azzjonijiet leġiżlattivi li jippromovu l-potenzjal tal-SMEs biex jikbru u joħolqu l-impjiegi. L-implimentazzjoni tal-SBA tikkontribwixxi lejn il-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Diversi azzjonijiet għall-SMEs diġà ġew stabbiliti fl-inizjattivi ewlenin.

(4)

Minn dak iż-żmien l-SBA kienet is-suġġett ta' reviżjoni, ippubblikata fi Frar 2011, li abbażi tagħha l-Kunsill tat-30 u 31 ta' Mejju 2011 adotta konklużjonijiet. Dik ir-reviżjoni tanalizza l-implimentazzjoni tal-SBA u tivvaluta l-bżonnijiet tal-SMEs li joperaw fl-ambjent ekonomiku attwali, fejn qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jiksbu aċċess għal finanzjament u għas-swieq. Hija tippreżenta ħarsa ġenerali lejn il-progress li sar fl-ewwel sentejn tal-SBA, tistabbilixxi azzjonijiet ġodda biex jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika rrappurtata mill-partijiet interessati, u tipproponi modi kif jistgħu jittejbu l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-SBA bi rwol ċar għall-partijiet interessati u għall-organizzazzjonijiet tan-negozju fuq quddiem. ►C1  L-għanijiet speċifiċi ta' programm għall-kompetittività tal-intrapriżi u għall-SMEs għandhom jirriflettu l-prijoritajiet ippreżentati f'dik ir-reviżjoni. ◄ Huwa importanti li jkun żgurat li l-implimentazzjoni ta' tali programm tkun koordinata mal-implimentazzjoni tal-SBA.

B'mod partikolari, azzjonijiet b'għanijiet speċifiċi għandhom jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għaxar prinċipji msemmijin hawn fuq u l-azzjonijiet ġodda identifikati fil-proċess tar-reviżjoni tal-SBA.

(5)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 ( 3 ) jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020. Dak il-qafas finanzjarju pluriennali jiddeskrivi kif ser jintlaħqu l-għanijiet ta' politika ta’ żieda fit-tkabbir u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi fl-Ewropa, u l-istabbiliment ta’ ekonomija b’karbonju baxx u aktar konxja mill-ambjent u Unjoni internazzjonalment prominenti.

(6)

Biex jikkontribwixxi lejn it-tisħiħ tal-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-SMEs, biex jappoġġa l-SMEs eżistenti, biex jinkoraġġixxi kultura intraprenditorjali u jippromwovi t-tkabbir tal-SMEs, l-avvanz tas-soċjetà tal-għarfien, u l-iżvilupp ibbażat fuq it-tkabbir ekonomiku bilanċjat, ►C1  għandu jiġi stabbilit programm għall-kompetittività tal-intrapriżi u għall-SMEs ("il-programm COSME"). ◄

(7)

Il-programm COSME għandu jagħti prijorità għolja lill-aġenda ta' simplifikazzjoni, f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Frar 2012 bit-titolu "Aġenda ta’ Simplifikazzjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020". L-infiq tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fuq il-promozzjoni tal-kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs għandu jkun koordinat aħjar biex jiżgura l-komplementarjetà, aktar effiċjenza u viżibilità, kif ukoll biex jinkisbu sinerġiji baġitarji akbar.

(8)

Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tpoġġi fiċ-ċentru tal-programm tal-infiq tal-Unjoni l-azzjoni dwar il-klima u li tidderieġi ta’ mill-inqas 20 % tal-baġit tal-Unjoni għal għanijiet relatati mal-klima. Huwa importanti li jkun żgurat li l-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima kif ukoll il-prevenzjoni tar-riskju huma promossi fil-preparazzjoni, it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm COSME. Il-miżuri koperti minn dan ir-Regolament għandhom jikkontribwixxu lejn il-promozzjoni tat-transizzjoni lejn ekonomija u soċjetà b'karbonju baxx u reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

(9)

Isegwi mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE ( 4 ) li l-entitajiet l-korpi tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-programm COSME.

(10)

Il-politika dwar il-kompetittività tal-Unjoni hija maħsuba biex jiġu stabbiliti l-arranġamenti istituzzjonali u politiċi li joħolqu l-kundizzjonijiet għat-tkabbir sostenibbli tal-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs. Il-ksib tal-kompetittività u s-sostenibbiltà jinvolvi l-kapaċità li jintlaħqu u jinżammu l-kompetittività ekonomika u t-tkabbir tal-intrapriżi f'konformità ma' objettivi għal żvilupp sostenibbli. It-titjib fil-produttività, inkluż il-produttività tar-riżorsi u l-enerġija, huwa s-sors primarju tat-tkabbir fid-dħul sostenibbli. Il-kompetittività tiddependi wkoll fuq l-abbiltà tal-kumpaniji sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet bħalma hu s-suq intern. Dan huwa speċjalment importanti għall-SMEs, li jirrappreżentaw 99 % ta' intrapriżi fl-Unjoni, jipprovdu tnejn minn tliet impjiegi eżistenti fis-settur privat, u 80 % tal-impjiegi ġodda, u jikkontribwixxu għal iktar min-nofs tat-total tal-valur miżjud maħluq mill-intrapriżi fl-Unjoni. L-SMEs huma mutur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali.

(11)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi" stmat li l-politiki li jippromwovu tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika bħall-effiċjenza tar-riżorsi, l-effiċjenza tal-enerġija, u l-politiki dwar it-tibdil fil-klima jistgħu jiġġeneraw aktar minn ħames miljun impjieg sal-2020, u b'mod partikolari fis-settur tal-SMEs. B'kont meħud ta' dan, azzjonijiet speċifiċi fl-ambitu tal-programm COSME jistgħu jinkludu l-promozzjoni tal-iżvilupp ta' prodotti, servizzi, teknoloġiji u proċessi sostenibbli, kif ukoll effiċjenza tar-riżorsi u tal-enerġija u responsabbiltà soċjali korporattiva.

(12)

Il-kompetittività tpoġġiet taħt lenti fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni fis-snin riċenti minħabba fallimenti istituzzjonali, politiċi u tas-suq li jimminaw il-kompetittività tal-intrapriżi tal-Unjoni, partikolarment l-SMEs.

(13)

Il-programm COSME għandu għalhekk jindirizza fallimenti tas-suq li jaffettwaw il-kompetittività fl-ekonomija tal-Unjoni fuq skala globali u li jimminaw l-kapaċità tal-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs, li jikkompetu mal-kontropartijiet tagħhom f’partijiet oħra tad-dinja.

(14)

Il-programm COSME għandu b'mod partikolari jindirizza lill-SMEs, kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ( 5 ). Fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-partijiet kollha interessati, inkluż organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-intrapriżi mikro, lill-intrapriżi impenjati f'attivitajiet artiġġjanali, lil dawk impjegati għal rashom, lill-professjonijiet liberali u lill-intrapriżi soċjali. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lil imprendituri potenzjali ġodda, żgħażagħ u nisa, kif ukoll lil gruppi speċifiċi oħra fil-mira, bħall-anzjani, migranti u imprendituri li jappartjenu għal gruppi soċjalment żvantaġġati jew vulnerabbli bħal ma huma persuni b'diżabbiltà u lill-promozzjoni tat-trasferimenti ta' negozju, spin-offs, spin-outs u t-tieni opportunità għall-imprendituri.

(15)

Ħafna mill-problemi tal-kompetittività tal-Unjoni jinvolvu diffikultajiet tal-SMEs biex jiksbu l-aċċess għall-finanzi minħabba li jitħabtu biex juru l-valur tal-kreditu tagħhom u jkollhom diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-kapital ta' riskju. Dawk id-diffikultajiet għandhom effett negattiv fuq il-livell u l-kwalità tal-intrapriżi ġodda maħluqa u fuq it-tkabbir u r-rata ta' sopravivenza tal-intrapriżi, kif ukoll fuq ir-rieda ta' imprendituri ġodda li jidħlu responsabbli għal kumpanniji vijabbli fil-kuntest ta' trasferiment ta' negozju/suċċessjoni. L-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni stabbiliti fl-ambitu tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ) huma ta' valur miżjud konfermat u taw kontribut pożittiv lil mill-inqas 200 000 SME. Il-valur miżjud imtejjeb għall-Unjoni tal-istrumenti finanzjarji proposti jinsab fost oħrajn fit-tisħiħ tas-suq intern għall-kapital ta' riskju u fl-iżvilupp pan-Ewropew tas-suq ta' finanzjament tal-SMEs kif ukoll fl-indirizzar tal-fallimenti tas-suq li ma jistgħux jiġu indirizzati mill-Istati Membri.L-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu koerenti, konsistenti u komplementari għall-istrumenti finanzjarji għall-SMEs tal-Istati Membri, jipprovdu effett ta' lieva u jevitaw li joħolqu distorsjoni tas-suq, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ). L-entitajiet delegati bl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għandhom jiżguraw addizzjonalità u jevitaw finanzjament doppju permezz ta’ riżorsi tal-Unjoni.

(16)

Il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb il-viżibbiltà tal-finanzjament ipprovdut permezz tal-istrumenti finanzjarji ta' dan ir-Regolament biex tiżgura li d-disponibbiltà tal-appoġġ tal-Unjoni jkun magħruf u li l-appoġġ mogħti jkun rikonoxxut fis-suq. Għal dak il-għan, għandu jkun hemm ukoll obbligu sabiex l-intermedjarji finanzjarji jinnotifikaw espliċitament lir-riċevituri aħħarin li l-finanzjament sar possibbli bl-appoġġ tal-istrumenti finanzjarji fl-ambitu ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati, inkluż permezz ta' sistemi online li jitħaddmu faċilment, biex ixerrdu informazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji disponibbli fost SMEs u intermedjarji. Dawk is-sistemi, li jistgħu jinkludu portal waħdieni, ma għandhomx jidduplikaw sistemi eżistenti.

(17)

In-Netwerk Enterprise Europe ("in-Netwerk") wera li kien ta’ valur miżjud għall-SMEs Ewropej bħala “one-stop-shop” ta’ appoġġ għan-negozji billi għen lill-intrapriżi biex itejbu l-kompetittività tagħhom u jesploraw l-opportunitajiet kummerċjali fis-suq intern u lil hinn. It-tħaffif tal-metodoloġiji u l-metodi ta’ ħidma u l-provvediment ta’ dimensjoni Ewropea għal servizzi ta' appoġġ għan-negozju jistgħu jinkisbu biss fil-livell tal-Unjoni. B’mod partikolari, in-Netwerk għen lill-SMEs isibu kooperazzjoni jew sħab ta’ trasferiment tat-teknoloġija fis-suq intern u f'pajjiżi terzi, jiksbu pariri dwar sorsi ta’ finanzjament tal-Unjoni, dwar il-liġi tal-Unjoni u l-proprjetà intellettwali tal-Unjoni u dwar programmi tal-Unjoni li jinkoraġġixxu l-ekoinnovazzjoni u l-produzzjoni sostenibbli. Kiseb ukoll rispons dwar il-liġi u l-istandards tal-Unjoni. L-għarfien espert uniku tiegħu huwa partikolarment importanti sabiex jingħelbu l-ażimetriji fl-informazzjoni u jittaffew l-ispejjeż tat-tranżazzjoni assoċjati ma’ tranżazzjonijiet transkonfinali.

(18)

Jinħtieġ sforz kontinwu biex tkompli titjieb il-kwalità tas-servizzi u l-prestazzjoni tan-Netwerk, b'mod partikolari fir-rigward tal-għarfien tal-SMEs u t-teħid sussegwenti tas-servizzi proposti, permezz tal-integrazzjoni ulterjuri ta' servizzi ta' internazzjonalizzazzjoni u innovazzjoni, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn in-Netwerk u l-partijiet interessati reġjonali u lokali fil-qasam tal-SMEs, konsultazzjoni u involviment aħjar tal-organizzazzjonijiet ospitanti, tnaqqis tal-burokrazija, titjib tal-appoġġ bit-teknoloġija tal-informazzjoni u żieda fil-viżibilità tan-Netwerk u s-servizzi tiegħu fir-reġjuni ġeografiċi koperti minnu.

(19)

L-internazzjonalizzazzjoni limitata tal-SMEs kemm ġewwa u barra l-Ewropa taffettwa l-kompetittività. Skont xi stimi, attwalment 25 % tal-SMEs tal-Unjoni jesportaw jew esportaw f’xi punt matul l-aħħar tliet snin, filwaqt li 13 % biss tal-SMEs tal-Unjoni jesportaw barra mill-Unjoni fuq bażi regolari u 2 % biss investew barra minn pajjiżhom. Barra minn hekk, l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2012 juri l-potenzjal mhux użat għat-tkabbir tal-SMEs fis-swieq ekoloġiċi, fl-Unjoni u barra minnha, f'termini ta' internazzjonalizzazzjoni u aċċess għall-akkwist pubbliku. F'konformità mal-SBA, li appella lill-Unjoni u l-Istati Membri biex jappoġġjaw u jinkoraġġixxu lill-SMEs jibbenefikaw mit-tkabbir tas-swieq barra l-Unjoni, l-Unjoni tipprovdi għajnuna finanzjarja lil diversi inizjattivi bħaċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni Industrijali UE- Ġappun u l-Helpdesk għall-SMEs dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fiċ-Ċina. Jinħoloq valur miżjud tal-Unjoni bil-promozzjoni tal-kooperazzjoni u billi jiġu offruti servizzi fil-livell Ewropew li jikkomplementaw iżda ma jidduplikawx is-servizzi ta' qofol għall-promozzjoni tan-negozju tal-Istati Membri u li jsaħħu l-isforzi konġunti tal-fornituri pubbliċi u privati ta' servizzi f'dan il-qasam. Dawn is-servizzi għandhom jinkludu tagħrif dwar drittijiet ta' proprjetà intellettwali, standards u regoli u opportunitajiet tal-akkwist pubbliku.Għandu jittieħed kont sħiħ tal-Parti II tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2011, bit-titolu "It-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-politika industrijali fl-UE", dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Politika industrijali integrata għal era tal-globalizzazzjoni fejn il-kompetittività u s-sostenibbiltà jkunu fix-xena prinċipali",. F'dak ir-rigward, strateġija ta' ragruppament Ewropea ddefinita tajjeb għandha tikkomplementa l-isforzi nazzjonali u reġjonali li jħeġġu r-ragruppamenti lejn l-eċċellenza u l-kooperazzjoni internazzjonali, b'kont meħud tal-fatt li r-ragruppament tal-SMEs jista' jkun mezz ewlieni biex isaħħu l-kapaċita' tagħhom għall-innovazzjoni u biex jibdew joperaw fi swieq barra minn pajjiżhom.

(20)

Biex tittejjeb il-kompetittività tal-intrapriżi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-SMEs, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom bżonn joħolqu ambjent kummerċjali favorevoli. L-interessi tal-SMEs u s-setturi li fihom huma l-iktar attivi jeħtieġu attenzjoni partikulari. Inizjattivi fil-livell tal-Unjoni huma meħtieġa wkoll biex ikunu skambjati informazzjoni u għarfien fuq skala Ewropea u s-servizzi diġitali jistgħu jkunu partikolarment kost-effettivi f'dan il-qasam. Tali azzjonijiet jistgħu jgħinu biex ikunu żviluppati opportunitajiet indaqs għall-SMEs.

(21)

Il-lakuni, il-frammentazzjoni u l-burokrazija żejda fis-suq intern jipprevjenu liċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, milli jaħsdu l-benefiċċji sħaħ minnu. Għalhekk hemm ħtieġa kbira ta' sforz flimkien min-naħa tal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, biex jindirizzaw l-implimentazzjoni u n-nuqqasijiet leġiżlattivi u ta' informazzjoni. F'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, għandhom jikkollaboraw ukoll biex inaqqsu u jevitaw piżijiet amministrattivi u regolatorji żejda fuq l-SMEs. L-azzjonijiet taħt dan il-programm COSME - li huwa l-uniku programm tal-Unjoni li jiffoka speċifikament fuq l-SMEs - għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' dawk l-għanijiet, speċjalment billi jgħinu fit-titjib tal-qafas tal-kundizzjonijiet għall-intrapriżi. Kontrolli tal-idoneitá u valutazzjonijiet tal-impatt iffinanzjati taħt dan il-programm COSME għandu jkollhom rwol f'dan l-isforz.

(22)

Fattur ieħor li jaffettwa l-kompetittività huwa l-ispirtu intraprenditorjali relattivament dgħajjef fl-Unjoni. Huma biss 45 % taċ-ċittadini tal-Unjoni (u inqas minn 40 % tan-nisa) jixtiequ jkunu impjegati għal rashom meta mqabbla ma’ 55 % tal-popolazzjoni tal-Istati Uniti u 71 % fiċ-Ċina (skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-imprenditura tal-2009). Skont l-SBA, għandha tingħata attenzjoni għas-sitwazzjonijiet kollha li jiffaċċjaw l-imprendituri, inkluż il-bidu, it-tkabbir, it-trasferiment u l-falliment (it-tieni opportunità). Il-promozzjoni tal-edukazzjoni intraprenditorjali, kif ukoll koerenza u konsistenza biex jissaħħu l-miżuri bħalma huma l-valutazzjoni komparattiva u l-iskambji ta' prattiki tajba jipprovdu valur miżjud għoli tal-Unjoni.

(23)

Il-Programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ ġie varat bil-ħsieb li jgħin imprendituri ġodda jew aspiranti jiksbu esperjenza ta' negozju fi Stat Membru li mhux tagħhom u b'hekk jippermettilhom isaħħu t-talenti imprenditorjali. B'rabta mal-objettiv tat-titjib tal-qafas tal-kundizzjonijiet għall-promozzjoni tal-imprenditura u l-kultura imprenditorjali, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tieħu miżuri mfassla biex jgħinu lil imprendituri ġodda jtejbu l-abilità li jiżviluppaw il-kompetenzi, ħiliet u l-attitudni imprenditorjali tagħhom u li jtejbu l-kapaċità teknoloġika u l-ġestjoni tal-intrapriża.

(24)

Il-kompetizzjoni globali, bidliet demografiċi, limiti ta' riżorsi u xejriet soċjali emerġenti jiġġeneraw sfidi u opportunitajiet għal setturi differenti li jiffaċċjaw sfidi globali u karatterizzati minn proporzjon għoli ta' SMEs. Pereżempju, is-setturi bbażati fuq id-disinn jeħtiġilhom jadattaw biex jibbenefikaw mill-potenzjal mhux sfruttat ta' domanda għolja għal prodotti personalizzati, kreattivi, uinklużivi. Peress li dawn l-isfidi japplikaw għall-SMEs kollha fl-Unjoni f’dawn is-setturi, hemm bżonn ta’ sforz kollettiv fuq il-livell tal-Unjoni sabiex jinħoloq tkabbir addizzjonali permezz ta' inizjattivi li jaċċelleraw il-feġġ ta' prodotti u servizzi ġodda.

(25)

B'appoġġ għall-azzjoni meħuda fl-Istati Membri, il-programm COSME jista' jappoġġa inizjattivi f'oqsma kemm settorjali kif ukoll transettorjali b'potenzjal sinifikanti għat-tkabbir u l-attività imprenditorjali, speċjalment dawk bi proporzjon għoli ta' SMEs, li jaċċelleraw il-feġġ ta' industriji kompetittivi u sostenibbli, ibbażati fuq il-mudelli kummerċjali l-aktar kompetittivi, prodotti u proċessi mtejba, strutturi organizzattivi jew katini ta' valur modifikati. Kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010, bit-titolu “L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew”, li ntlaqgħet mill-Kunsill f'Ottubru 2010, it-turiżmu huwa settur importanti tal-ekonomija tal-Unjoni. L-intrapriżi f'dan is-settur jikkontribwixxu direttament 5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-Unjoni. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)jirrikonoxxi l-importanza tat-turiżmu u jiddeskrivi l-kompetenzi tal-Unjoni f’dan il-qasam. L-inizjattivi Ewropej tat-turiżmu jistgħu jikkomplementaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri billi jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' ambjent favorevoli u billi jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari bl-iskambju ta' prattiki tajbin. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu t-titjib tal-bażi ta' għarfien turistiku permezz tal-forniment ta' data u analiżi, u l-iżvilupp ta' proġetti ta' kooperazzjoni tranżnazzjonali f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri waqt li jiġu evitati rekwiżiti mandatorji għall-intrapriżi tal-Unjoni.

(26)

Il-programm COSME jindika azzjonijiet għall-għanijiet, il-pakkett finanzjarju totali biex jintlaħqu dawk l-objettivi, pakkett finanzjarju minimu għall-istrumenti finanzjarji, tipi differenti ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, u l-arranġamenti trasparenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni u għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(27)

Il-programm COSME jikkomplementa programmi oħra tal-Unjoni, filwaqt li jirrikonoxxi li kull strument għandu jaħdem skont il-proċeduri speċifiċi tiegħu stess. B'hekk, l-istess spejjeż eliġibbli ma għandhomx jirċievu finanzjament doppju. Bil-għan li jinkiseb il-valur miżjud u l-impatt sostanzjali tal-finanzjament tal-Unjoni, għandhom jiġu żviluppati sinerġiji mill-qrib bejn il-programm COSME, ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ) ("Il-programm Orizzont 2020"), ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ) ("il-Fondi Strutturali") u programmi oħrajn tal-Unjoni.

(28)

Il-prinċipji tat-trasparenza u tal-opportunità indaqs bejn is-sessi għandhom jiġu kkunsidrati fl-inizjattivi u l-azzjonijiet rilevanti kollha koperti mill-programm COSME. Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha għandhom jiġu kkunsidrati wkoll f’dawk l-inizjattivi u l-azzjonijiet.

(29)

Għotjiet lill-SMEs għandhom ikunu preċeduti minn proċess trasparenti. L-għoti ta' għajnuna finanzjarja u l-ħlas tagħha għandhom ikunu trasparenti, mhux burokratiċi u skont regoli komuni.

(30)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi pakkett fnanzjarju, għat-tul kollu tal-programm COSME, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba ( 10 ), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(31)

Biex ikun żgurat li l-finanzjament huwa limitat għall-indirizzar ta’ fallimenti tas-suq, ta’ politika u istituzzjonali, u bil-ħsieb li jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq, il-finanzjament mill-programm COSME għandu jħares ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni.

(32)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Protokolli tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdu għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati fi programmi tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni minn pajjiżi terzi oħra għandha tkun possibbli meta l-ftehimiet u l-proċeduri jindikaw hekk.

(33)

Huwa importanti li jiġu żgurati l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-programm COSME u l-implimentazzjoni tiegħu bl-aktar mod effettiv u faċli għall-utent, filwaqt li għandhom ikunu wkoll żgurati għall-parteċipanti kollha ċ-ċertezza legali u l-aċċessibbiltà tal-programm COSME.

(34)

Il-programm COSME għandu jkun immonitorat u evalwat sabiex jingħata lok għal aġġustamenti. Għandu jsir rapport ta' kull sena dwar l-implimentazzjoni tiegħu, li jippreżenta l-progress miksub u l-attivitajiet ippjanati.

(35)

L-implimentazzjoni tal-programm COSME għandha tkun immonitorjata kull sena bl-għajnuna ta' indikaturi prinċipali għall-valutazzjoni tar-riżultati u l-impatti. Dawn l-indikaturi, inklużi l-linji ta' referenza rilevanti, għandhom jipprovdu l-bażi minima sabiex jiġi vvalutat sa liema punt ikunu ntlaħqu l-objettivi tal-programm COSME.

(36)

Ir-rapport interim dwar il-kisba tal-objettivi tal-azzjonijiet kollha appoġġati skont il-programm COSME imħejji mill-Kummissjoni għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni dwar ir-rati baxxi ta' parteċipazzjoni tal-SMEs, meta dan ikun identifikat f'għadd sinifikanti ta' Stati Membri. Fejn xieraq, l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu kont tar-riżultati tar-rapport interim fil-linji ta' politika rispettivi tagħhom.

(37)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jitħarsu permezz ta' miżuri proporzjonati fiċ-ċiklu kollu tal-infiq, inklużi l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi li jintilfu, jitħallsu ħażin jew jintużaw b'mod korrett u, fejn ikun xieraq, pieni amministrattivi u finanzjarji, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966 /2012.

(38)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’dan ir-Regolament, għandhom jiġu konferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, biex tadotta programmi annwali ta’ ħidma għall-implimentazzjoni tal-programm COSME. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 ). Uħud mill-azzjonijiet inklużi fil-programm annwali ta' ħidma jinvolvu l-koordinazzjoni ta' azzjonijiet fuq livell nazzjonali. F'dak ir-rigward, għandu japplika l-Artikolu 5(4) ta' dak ir-Regolament.

(39)

Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti taħt l-Artikolu 290 TFUE għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward ta' żidiet mal-indikaturi, bidliet f'ċerti dettalji speċifiċi dwar l-istrumenti finanzjarji u modifiki fl-ammonti indikattivi li jkunu iżjed minn dawk l-ammonti b'aktar minn 5 % tal-valur tal-pakkett finanzjarju f'kull każ. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,

(40)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza u ċarezza legali, id-Deċiżjoni 1639/2006/KE għandha titħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU I

Suġġett

Artikolu 1

Stabbiliment

Programm għal azzjonijiet tal-Unjoni biex itejjbu l-kompetittività tal-intrapriżi, b’enfasi speċjali fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) ("il-programm COSME"), huwa b'dan stabbilit għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, "SMEs" għandha tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.

Artikolu 3

Objettivi ġenerali

1.  Il-programm COSME għandu jikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali li ġejjin, b'attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs stabbiliti fl-Unjoni u tal-SMEs stabbiliti f'pajjiżi terzi parteċipanti fil-programm COSME skont l-Artikolu 6:

(a) it-tisħiħ tal-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-SMEs;

(b) l-inkoraġġiment ta' kultura imprenditorjali u l-promozzjoni tal-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs.

2.  Il-kisba tal-objettivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitkejlu bl-indikaturi li ġejjin:

(a) il-prestazzjoni tal-SMEs fir-rigward tas-sostenibbiltà;

(b) bidliet fil-piż amministrattiv u regolatorju mhux meħtieġ fuq SMEs kemm ġodda kif ukoll dawk eżistenti;

(c) bidliet fil-proporzjon tal-SMEs li jesportaw ġewwa jew barra l-Unjoni;

(d) bidliet fit-tkabbir tal-SMEs;

(e) bidliet fil- proporzjon taċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jkunu impjegati għal rashom.

3.  Lista dettaljata ta' indikaturi u miri għall-programm COSME tinsab fl-Anness I.

4.  Il-programm COSME għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għandu jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. B'mod partikolari, il-programm COSME għandu jikkontribwixxi għall-mira ewlenija li tikkonċerna l-impjiegi.



KAPITOLU II

Objettivi speċifiċi u l-oqsma ta’ azzjoni

Artikolu 4

Objettivi speċifiċi

1.  L-objettivi speċifiċi tal-programm COSME għandhom ikunu:

(a) li jittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fil-forma ta' ekwità u dejn;

(b) li jittejjeb l-aċċess għas-swieq, b'mod partikolari fl-Unjoni iżda wkoll fil-livell globali;

(c) li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-SMEs, inkluż fis-settur tat-turiżmu;

(d) li jiġu promossi l-intraprenditorija u l-kultura tal-intraprenditorjali.

2.  Il-bżonn tal-intrapriżi li jaddattaw għal ekonomija b’emissjonijiet baxxi, reżiljenti għat-tibdil fil-klima, efficjenti fl-użu tar-riżorsi u fl-enerġija għandu jkun promoss fl-implimentazzjoni tal-programm COSME.

3.  Sabiex jitkejjel l-impatt tal-programm COSME fil-kisba tal-objettivi speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jintużaw l-indikaturi stipulati fl-Anness.

4.  Il-programmi annwali ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 13 għandhom jispeċifikaw fid-dettall l-azzjonijiet kollha li għandhom jiġu implimentati skont il-programm COSME.

Artikolu 5

Baġit

1.  Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm COSME huwa stabbilit għal EUR 2,302 biljun fil-prezzijiet attwali, li minnhom xejn anqas minn 60 % għandu jiġi allokat għall-istrumenti finanzjarji.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju multiannwali.

2.  Il-pakkett finanzjarju stabbilit skont dan ir-Regolament jista' jkopri wkoll l-ispejjeż tal-attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' verifika u ta' evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-programm COSME u l-kisba tal-objettivi tiegħu. B’mod partikolari huwa għandu ikopri, b'mod kost-effettiv, l-studji, il-laqgħat tal-esperti, l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta' komunikazzjoni, inkluża l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni safejn ikunu relatati mal-objettivi ġenerali tal-programm COSME, l-ispejjeż konnessi man-netwerks tal-IT li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, flimkien mal-ispejjez l-oħra kollha ta’ assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-programm COSME.

Dawk l-ispejjeż m'għandhomx jaqbżu 5 % tal-valur tal-pakkett finanzjarju.

3.  Il-pakkett finanzjarju għall-programm COSME għandu jalloka l-ammonti indikattivi ta' 21,5 % tal-valur tal-pakkett finanzjarju għall-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 4(1)(b), 11 % għall-għan speċifiku msemmi flArtikolu 4(1)(c) u 2,5 % għall-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 4(1)(d). Il-Kummissjoni tista' tiddevja minn dawn l-ammonti indikattivi iżda mhux b'aktar minn 5 % tal-valur tal-pakkett finanzjarju f'kull każ. Jekk ikun neċessarju li jinqabeż dak il-limitu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 23 biex jiġu mmodifikati dawk l-ammonti indikattivi.

4.  L-allokazzjoni finanzjarja tista' tkopri wkoll l-ispejjeż ta’ assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-transizzjoni bejn il-programm COSME u l-miżuri adottati skont id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE. Jekk ikun meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2020 biex jiġu koperti spejjeż simili, sabiex jippermettu l-ġestjoni ta' azzjonijiet li jkunu għadhom mhux mitmuma sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 6

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi

1.  Il-programm COSME għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta':

(a) il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ŻEE, u pajjiżi Ewropej oħra meta l-ftehim u l-proċeduri jippermettu dan;

(b) il-pajjiżi li qed jaderixxu, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fi programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-Ftehimiet ta’ Qafas u fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni rispettivi, jew arranġamenti simili;

(c) il-pajjiżi li jaqgħu fl-ambitu tal-politiki Ewropej tal-viċinat, meta l-ftehimiet u l-proċeduri jippermettu hekk u skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fi programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-Ftehimiet ta’ Qafas rispettivi, il-Protokolli tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni.

2.  Entità stabbilita f'pajjiż imsemmi fil-paragrafu 1 tista' tipparteċipa f'partijiet tal-programm COSME fejn dak il-pajjiż jipparteċipa skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet rispettivi deskritti fil-paragrafu 1.

Artikolu 7

Parteċipazzjoni tal-entitajiet ta' pajjiżi mhux parteċipanti

1.  F'partijiet tal-programm COSME li fihom pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 5 ma jipparteċipax, jistgħu jipparteċipaw entitajiet stabbiliti f'dak il-pajjiż. Entitajiet stabbiliti f'pajjiżi terzi oħra jistgħu wkoll jipparteċipaw f'azzjonijiet skont il-programm COSME.

2.  L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu intitolati li jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, minbarra meta jkun essenzjali għall-programm COSME, b’mod partikolari f’termini ta’ kompetittività u aċċess għas-swieq għall-intrapriżi tal-Unjoni. Dik l-eċċezzjoni ma għandhiex tapplika għal entitajiet li għandhom skop ta' qligħ.

Artikolu 8

Azzjonijiet li jtejbu l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs

1.  Il-Kummissjoni għandha tappoġġa azzjonijiet li għandhom l-għan li jiffaċilitaw u jtejbu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament fil-fażijiet tagħhom tal-bidu, it-tkabbir u t-trasferiment filwaqt li jikkumplimentaw l-użu tal-istrumenti finanzjarji mill-Istati Membri għall-SMEs fil-livell nazzjonali u reġjonali. Sabiex tkun żgurata l-kumplimentarjetà, tali azzjonijiet għandhom ikunu kkoordinati mill-qrib ma' dawk li jitwettqu fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni, l-programm Orizzont 2020 u fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Tali azzjonijiet għandhu jkollhom l-għan li jistimolaw l-adozzjoni u l-provvista tal-finanzjament kemm tal-ekwità kif ukoll tad-dejn, li jistgħu jinkludu finanzjament tal-avvjament (seed funding), finanzjament informali (angel funding) u finanzjament ta’ ekwità jew kważi-ekwità soġġetti għad-domanda tas-suq, iżda li jeskludi l-iżmembrament tal-assi (asset stripping).

2.  Minbarra l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-appoġġ tal-Unjoni jista' jingħata wkoll lil azzjonijiet, biex jittejjeb il-finanzjament transkonfinali u multinazzjonali, soġġett għad-domanda tas-suq biex jassisti lill-SMEs fl-internazzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tagħhom f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni tista' teżamina wkoll il-possibilità ta' żvilupp ta' mekkaniżmi finanzjarji innovattivi, bħal crowdfunding, soġġett għal domanda tas-suq.

3.  Id-dettalji tal-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 huma stabbiliti fl-Artikolu 17.

Artikolu 9

Azzjonijiet li jtejbu l-aċċess għas-swieq

1.  Biex tkompli ttejjeb il-kompetittività u l-aċċess għas-swieq tal-intrapriżi tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tappoġġa azzjonijiet biex jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għas-suq intern, bħall-forniment ta’ informazzjoni (inkluż permezz tas-servizzi diġitali) u s-sensibilizzazzjoni fir-rigward, fost l-oħrajn, il-programmi, il-liġi u l-istandards tal-Unjoni.

2.  Miżuri speċifiċi għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess tal-SME għas-swieq barra mill-Unjoni. Tali miżuri jistgħu jinkludu l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ostakli eżistenti għad-dħul fis-suq u opportunitajiet kummerċjali, akkwist pubbliku u proċeduri doganali, u titjib tas-servizzi ta' appoġġ fis-sens ta' standards u drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi ta' prijorità. Dawk il-miżuri għandhom jikkomplementaw iżda mhux jidduplikaw l-attivitajiet ċentrali għall-promozzjoni tal-kummerċ tal-Istati Membri.

3.  L-azzjonijiet skont il-programm COSME jistgħu jimmiraw li jrawmu kooperazzjoni internazzjonali, inklużi djalogi industrijali u regolatorji ma’ pajjiżi terzi. Il-miżuri speċifiċi jistgħu jimmiraw li jnaqqsu d-differenzi bejn l-Unjoni u pajjiżi oħra fis-sens tal-oqfsa regolatorji għal prodotti, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-politika industrijali u tal-intrapriża u sabiex jikkontribwixxu għat-titjib tal-ambjent tan-negozju.

Artikolu 10

In-Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi

1.  Il-Kummissjoni għandha tappoġġa n-Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi (“in-Netwerk”) biex tipprovdi servizzi integrati ta' appoġġ għan-negozju lill-SMEs tal-Unjoni li jfittxu li jesploraw opportunitajiet fis-suq intern u f'pajjiżi terzi. L-azzjonijiet meħuda permezz tan-Network jistgħu jinkludu dan li ġej:

(a) għoti ta' informazzjoni u servizzi ta' konsulenza dwar inizjattivi u liġital-Unjoni; l-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' ġestjoni biex tiżdied il-kompetittività tal-SMEs; l-appoġġ bl-għan li jttejjeb l-għarfien finanzjarju tal-SMEs, inkluż informazzjoni u servizzi ta' pariri dwar opportunitajiet ta' finanzjament, l-aċċess għall-finanzi u skemi relatati ta' taħriġ u mentoring; miżuri biex jiżdied l-aċċess tal-SME għall-effiċjenza enerġetika, il-klima u għarfien espert ambjentali; u l-promozzjoni ta' programmi ta' finanzjament tal-Unjoni u strumenti finanzjarji (inklużi il-programm Orizzont 2020 f'kooperazzjoni mal-punti ta' kuntatt nazzjonali u l-Fondi Strutturali);

(b) faċilitazzjoni ta' kooperazzjoni transkonfinali tan-negozju, R&Ż, trasferiment ta' teknoloġija u għarfien u sħubiji fit-teknoloġija u l-innovazzjoni;

(c) forniment ta’ kanal ta’ komunikazzjoni bejn l-SMEs u l-Kummissjoni.

2.  In-Netwerk Ewropew jista' jintuża wkoll biex jagħti servizzi f'isem programmi oħra tal-Unjoni bħal l-programm Orizzont 2020, inklużi servizzi ta' konsulenza dedikati li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-SMEs fi programmi oħra tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tassigura li r-riżorsi finanzjarji diversi għan-Netwerk ikunu kkoordinati b'mod effiċjenti u li s-servizzi mogħtija min-Netwerk f'isem programmi oħra tal-Unjoni jkunu ffinanzjati minn dawk il-programmi.

3.  L-implimentazzjoni tan-Netwerk għandha tkun ikkoordinata mill-qrib mal-Istati Membri sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta n-Netwerk f'termini ta' governanza effettiva tagħha u dispożizzjonijiet ta' servizzi ta' kwalità għolja madwar l-Unjoni.

Artikolu 11

L-azzjonijiet biex itejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni partikolarment l-SMEs

1.  Il-Kummissjoni għandha tappoġġa azzjonijiet biex jitjiebu l-kundizzjonijiet qafas għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi tal-Unjoni, partikolarment l-SMEs, sabiex tittejjeb l-effettività, il-koerenza, il-koordinazzjoni u l-konsistenza tal-politiki nazzjonali u reġjonali għall-promozzjoni tal-kompetittività, is-sostenibbilità u t-tkabbir tal-intrapriżi tal-Unjoni.

2.  Il-Kummissjoni tista' tappoġġa azzjonijiet speċifiċi biex itejbu l-kondizzjonijiet ta' qafas għall-intrapriżi, partikolarment SMEs, permezz ta' tnaqqis fi u evitar ta' piżijiet amministrattivi u piżijiet regolatorji mhux meħtieġa. Tali azzjonijiiet jistgħu jinkludu kejl fuq bażi regolari tal-impatt tal-liġi rilevanti tal-Unjoni fuq l-SMEs, fejn xieraq permezz ta' tabella ta' valutazzjoni, l-appoġġ għall-gruppi ta' esperti indipendenti u l-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattiki tajba, inkluż dwar l-applikazzjoni sistematika tat-test tal-SMEs fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

3.  Il-Kummissjoni tista' tappoġġa l-azzjonijiet maħsuba biex jiżviluppaw strateġiji ġodda ta' kompetittività u ta' żvilupp ta' negozju. Tali azzjonijiet jistgħu jinkludu dan li ġej:

(a) miżuri li jtejbu d-disinn, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki li jaffettwaw il-kompetittività u s-sostenibbilità tal-intrapriżi, inkluż permezz tal-kondiviżjoni ta' prattiki tajba dwar kondizzjonijiet ta' qafas u dwar il-ġestjoni ta' gruppi ta' klassi dinjija u netwerks kummerċjali; u permezz tal-promozzjoni tal-kollaborazzjoni transnazzjonali bejn gruppi u netwerks kummerċjali, l-iżvilupp ta' prodotti sostenibbli, is-servizzi, teknoloġiji u proċessi, kif ukoll effiċjenza tar-riżorsi u l-enerġija u r-responsabbiltà soċjali korporattiva;

(b) miżuri biex jiġu indirizzati l-aspetti internazzjonali tal-politiki tal-kompetittività, li jiffukaw b'mod partikolari fuq il-kooperazzjoni fil-politika bejn l-Istati Membri, pajjiżi oħrajn li jipparteċipaw fil-programm COSME u s-sħab globali kummerċjali tal-Unjoni;

(c) miżuri għat-titjib tal-iżvilupp tal-politika tal-SMEs, il-kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika, reviżjonijiet minn pari u l-iskambju ta' prattiki tajbin fost l-Istati Membri, b'kont meħud, fejn adatt, tal-evidenza disponibbli u l-fehmiet tal-partijiet interessati u partikolarment bil-ħsieb li jkun aktar faċli għall-SMEs li jkollhom aċċess għall-programmi u miżuri tal-Unjoni, f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tal-SBA.

4.  Il-Kummissjoni tista', permezz tal-promozzjoni tal-koordinazzjoni, tappoġġa azzjonijiet meħuda mill-Istati Membru bil-ħsieb li jiġi aċċellerat il-ħolqien ta' industriji kompetittivi b'potenzjal fis-suq. Tali appoġġ jista' jinkludi azzjonijiet li jippromwovu l-iskambju ta' prattiki tajbin u l-identifikazzjoni ta' ħiliet u r-rekwiżiti għat-taħriġ mill-industriji, speċjalment l-SMEs, partikolarment il-ħiliet diġitali. Huwa jista' jinkludi wkoll azzjonijiet li jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' mudelli kummerċjali ġodda u l-kooperazzjoni tal-SMEs fi ktajjen ta’ valur ġodda kif ukoll l-użu kummerċjali ta' ideat rilevanti għal prodotti u servizzi ġodda.

5.  Il-Kummissjoni tista' tikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex itejbu l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-SMEs tal-Unjoni f'oqsma kkaratterizzati minn potenzjal sinifikanti ta' tkabbir, speċjalment dawk bi proporzjon għoli ta' SMEs, bħas-settur tat-turiżmu. Tali attivitajiet jistgħu jinkludu promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari permezz tal-iskambju ta' prattiki tajbin.

Artikolu 12

Azzjonijiet li jippromwovu l-intraprenditorija

1.  Il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-kultura intraprenditorjali billi ttejjeb il-kondizzjonijiet ta' qafas li jaffettwaw l-iżvilupp tal-intraprenditorija, inkluż billi tnaqqas l-ostakoli għall-istabbiliment ta' intrapriżi. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa ambjent tan-negozju u kultura favorevoli għall-intrapriżi sostenibbli, start-ups, it-tkabbir, it-trasferiment tan-negozju, it-tieni ċans (re-start), kif ukoll spin-offs u spin-outs.

2.  Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-imprendituri potenzjali, ġodda, żgħażagħ, u nisa, kif ukoll lil gruppi speċifiċi oħra ta’ mira;

3.  Il-Kummissjoni tista' tieħu azzjonijiet bħal programmi ta' mobilità għall-imprendituri ġodda biex itejbu l-abilità' tagħhom li jiżviluppaw għarfien, ħiliet u attitudnijiet intraprenditorjali u biex itejbu l-kapaċità teknoloġika tagħhom u l-ġestjoni tal-intrapriżi.

4.  Il-Kummissjoni tista' tappoġġa miżuri tal-Istati Membri li jiżviluppaw u jiffaċilitaw edukazzjoni, taħriġ, ħiliet u attitudnijiet intraprenditorjali, b' mod partikolari fost imprendituri potenzjali u ġodda.



KAPITOLU III

Implimentazzjoni tal-programm COSME

Artikolu 13

Programmi annwali ta' ħidma

1.  Sabiex ikun implimentat il-programm COSME, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi annwali ta’ ħidma f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2). Kull programm ta' annwali ħidma għandu jimplimenta l-objettivi stipulati f'dan ir-Regolament u għandu jistabbilixxi fid-dettall:

(a) deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, l-objettivi segwiti għal kull azzjoni, li għandhom ikunu skont l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta' implimentazzjoni, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni, ammont totali għall-azzjonijiet kollha u skeda indikattiva ta 'implimentazzjoni u l-profil tal-ħlas;

(b) indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi xierqa għal kull azzjoni, għall-fini ta' analiżi u l-monitoraġġ tal-effikaċja fit-twettiq tal-eżiti u l-ksib ta' objettivi tal-azzjoni kkonċernata;

(c) għall-għotjiet u l-miżuri relatati, il-kriterji essenzjali ta' evalwazzjoni, li għandhom jiġu stabbiliti sabiex jintlaħqu bl-aħjar mod l-objettivi segwiti mill-programm COSME, u r-rata massima ta' kofinanzjament;

(d) kapitolu separat u dettaljat dwar l-istrumenti finanzjarji, li għandha, f'konformità mal-Artikolu 17 ta' dan ir-Regolament, jirriflettu l-obbligi ta' informazzjoni taħt Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, inkluż it-tqassim mistenni tal-pakkett finanzjarju bejn il-Faċilità tal-Ekwità għat-Tkabbir u l-Faċilità ta’ Garanzija ta' Self imsemmija fl-Artikoli 18 u 19 ta' dan ir-Regolament rispettivament u l-informazzjoni bħal-livell ta' garanzija u r-relazzjoni mal-programm l-Orizzont 2020.

2.  Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-programm COSME f’konformità mar- Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

3.  Il-programm COSME għandu jiġi implimentat b'mod li jiġi żgurat li l-azzjonijiet appoġġati jieħdu kont tal-iżviluppi u l-ħtiġijiet futuri, b’mod partikolari wara l-evalwazzjoni interim, imsemmija fl-Artikolu 15(3), u li dawn huma rilevanti għal swieq li qed jevolvu, l-ekonomija u l-bidliet fis-soċjetà.

Artikolu 14

Miżuri ta' appoġġ

1.  Flimkien mal-miżuri koperti mill-programmi annwali ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 13, il-Kummissjoni għandha twettaq b’mod regolari miżuri ta’ sostenn, inklużi dawn li ġejjin:

(a) it-titjib tal-analiżi u l-monitoraġġ ta’ kwistjonijiet tal-kompetittività settorjali u transsettorjali;

(b) l-identifikazzjoni u t-tixrid ta’ prattiċi tajbin u approċċi ta' politika, u l-iżvilupp ulterjuri tagħhom;

(c) kontrolli ta' idoneità tal-liġi eżistenti u evalwazzjonijiet tal-impatt ta' miżuri ġodda tal-Unjoni li huma ta’ rilevanza partikolari għall-kompetittività tal-intrapriżi, bil-ħsieb li jiġu identifikati oqsma tal-liġi eżistenti li jeħtieġ li jiġu simplifikati u li jiġi żgurat li l-piżijiet fuq l-SMEs jiġu mminimizzati fl-oqsma fejn miżuri leġislattivi ġodda qed jiġu proposti;

(d) l-evalwazzjoni tal-leġislazzjoni li taffettwa l-intrapriżi, partikolarment l-SMEs, il-politika industrijali u l-miżuri relatati mal-kompetittività;

(e) il-promozzjoni ta' sistemi online integrati u faċli biex jitħaddmu li jipprovdu informazzjoni dwar programmi rilevanti għall-SMEs, filwaqt li jiġi żgurat li huma ma jidduplikawx il-portali eżistenti.

2.  L-ispiża totali ta' dawn il-miżuri ta' appoġġ ma għandhiex teċċedi 2,5 % tal-pakkett finanzjarju tal-programm COSME.

Artikolu 15

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-programm COSME.

2.  Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport annwali ta’ monitoraġġ li jeżamina l-effiċjenza u l-effettività tal-attivitajiet appoġġati f'termini tal-implimentazzjoni finanzjarja, ir-riżulati, l-ispejjeż u, fejn possibbli, l-impatt. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar il-benefiċjarji, meta possibbli, għal kull sejħa għall-proposti, informazzjoni dwar l-ammont ta’ nfiq relatat mal-klima u l-impatt tal-appoġġ għall-objettivi tat-tibdil fil-klima, data rilevanti rigward is-self ipprovdut mill-Faċilità ta' Garanzija ta' Self iktar u inqas minn EUR 150 000 sakemm il-ġbir ta' tali informazzjoni ma joħloqx piż amministrattiv mhux ġustifikat għall-intrapriżi, speċjalment l-SMEs. Ir-rapport ta’ monitoraġġ għandu jinkludi r-rapport annwali dwar kull strument finanzjarju kif stipulat bl-Artikolu 140(8) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

3.  Sa mhux iktar tard mill-2018, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport ta' evalwazzjoni interim dwar ir-realizzazzjoni tal-objettivi tal-azzjonijiet kollha appoġġati skont il-programm COSME fil-livell ta' riżultati u impatti, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew ta' dan, bi ħsieb ta' deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni tal-miżuri. Ir-rapport ta' evalwazzjoni interim għandu jindirizza wkoll l-ambitu għas-simplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tagħha, ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dan għandu jieħu kont tar-riżultati tal-evalwazzjoni fuq l-impatt fit-tul tal-miżuri preċedenti u għandu jikkontribwixxi għal deċiżjoni dwar tiġdid, modifika jew sospensjoni possibbli ta' miżura sussegwenti.

4.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport ta' evalwazzjoni finali dwar l-impatti fit-tul u sostenibbiltà tal-effetti tal-miżuri.

5.  Il-benefiċjarji kollha tal-għotjiet u partijiet oħrajn involuti li rċevew fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-data adatta u l-informazzjoni meħtieġa biex tippermetti l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri kkonċernati.

6.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapporti msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tagħmilhom pubbliċi.



KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finanzjarji u forom ta’ assistenza finanzjarja

Artikolu 16

Forom ta’ assistenza finanzjarja

L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni skont il-programm COSMEtista’ tiġi implimentata indirettament billi jkunu ddelegati l-kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarji lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 17

Strumenti finanzjarji

1.  Strumenti finanzjarji skont il-programm COSME, stabbiliti skont it-Titolu VIII tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandhom jitħaddmu bl-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għal finanzjament tal-SMEs, fil-fażijiet tagħhom tal-bidu, it-tkabbir u t-trasferiment. L-istrumenti finanzjarji għandhom jinkludu faċilità ta’ ekwità u faċilità ta' garanzija fuq is-self. L-allokazzjoni tal-fondi lil dawk il-faċilitajiet għandha tieħu kont tad-domanda minn intermedjarji finanzjarji.

2.  L-istrumenti finanzjarji għall-SMEs jistgħu, fejn xieraq, jiġu kkombinati ma' u jikkomplementaw:

(a) strumenti finanzjarji oħra stabbiliti mill-Istati Membri u l-awtoritajiet amministrattivi tagħhom iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew reġjonali jew iffinanzjati fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali, skont l-[Artikolu 33(1)(a)] tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013];

(b) strumenti finanzjarji oħra stabbiliti mill-Istati Membri u l-awtoritajiet amministrattivi tagħhom ffinanzjati mill-programmi nazzjonali jew reġjonali barra mill-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali;

(c) għotjiet iffinanzjati mill-Unjoni, inkluż taħt dan ir-Regolament.

3.  Il-Faċilità tal-Ekwità għat-Tkabbir u l-Faċilità ta’ Garanzija ta' Self imsemmija fl-Artikoli 18 u 19 rispettivament jistgħu jikkomplementaw l-użu mill-Istati Membri tal-istrumenti finanzjarji għall-SMEs fil-qafas ta’ politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni.

4.  Il-Faċilità tal-Ekwità għat-Tkabbir u l-Faċilità ta’ Garanzija ta' Self jistgħu, fejn adatt, jippermettu l-ġbir flimkien ta’ riżorsi finanzjarji bl-Istati Membri u/jew reġjuni li jkunu lesti jikkontribwixxu parti mill-Fondi Strutturali allokati lilhom skont l-[Artikolu 38(1)(a)] tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013].

5.  L-istrumenti finanzjarji jistgħu jiġġeneraw dħul aċċettabbli biex jintlaħqu l-objettivi tas-sħab l-oħrajn jew l-investituri. Il-Faċilità tal-Ekwità għat-Tkabbir tista' topera fuq bażi subordinata iżda għandha timmira li tippreserva l-valur tal-assi provduti mill-baġit tal-Unjoni.

6.  Il-faċilitajiet ta' garanzija tal-ekwità u ta’ self għandhom jiġu implimentati skont it-Titolu VIII tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE, Euratom) Nru 1268/2012 ( 12 ).

7.  L-istrumenti finanzjarji taħt il-programm COSME għandhom jiġu żviluppati u implimentati b'komplementarjetà u koerenza ma' dawk stabbiliti għall-SMEs taħt il-programm l-Orizzont 2020.

8.  Skont l-Artikolu 60 (1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-entitajiet fdati bl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għandhom jiżguraw viżibilità tal-azzjoni tal-Unjoni meta jamministraw fondi tal-Unjoni. Għal din il-fini, l-entità fdata għandha tiżgura li l-intermedjarji finanzjarji jinformaw espliċitament lir-riċevituri aħħarin li l-finanzjament sar possibbli bl-appoġġ tal-istrumenti finanzjarji taħt il-programm COSME. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-pubblikazzjoni ex post tal-informazzjoni dwar benefiċjarji skont l-Artikolu 60(2)(e) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 hija faċilment aċċessibbli għal benefiċjarji finali potenzjali.

9.  Ħlasijiet lura ġġenerati mit-tieni parti tal-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b'Rata Għolja ta' Tkabbir stabbilita taħt id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE u rċevuti wara l-31 Diċembru 2013 għandhom jiġu assenjati, skont l-Artikolu 21 (4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, għall-Faċilità tal-Ekwità għat-Tkabbir stabbilita taħt l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament.

10.  L-istrumenti finanzjarji għandhom jiġu implimentati b’konformità mar-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Artikolu 18

Faċilità tal-Ekwità għat-Tkabbir

1.  Il-Faċilità tal-Ekwità għat-Tkabbir (EFG) għandha tiġi implimentata bħala parti minn strument finanzjarju waħdieni tal-Ekwità tal-Unjoni li tappoġġa t-tkabbir tal-intrapriżi tal-Unjoni u r-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) mill-istadju bikri, inkluż il-kapital tal-avvjament, sal-istadju tat-tkabbir. L-istrument finanzjarju waħdieni tal-Ekwità tal-Unjoni għandu jkun appoġġat finanzjarjament mill-programm l-Orizzont 2020 u l-programm COSME.

2.  L-EFG għandu jiffoka fuq fondi li jipprovdu: kapital ta’ riskju u finanzjament intermedju, bħal self subordinat u parteċipanti, għall-intrapriżi ta’ espansjoni u dawk li qegħdin fi stadju ta’ tkabbir, partikolarment dawk li joperaw transkonfinalment, filwaqt li jkollu l-possibbiltà li jagħmel investimenti f'fondi li qegħdin fi stadju bikri flimkien mal-Faċilità tal-Ekwità għar-R&I skont l-programm l-Orizzont 2020 u jipprovdi faċilitajiet ta' koinvestiment għal investituri informali (business angels). Fil-każ ta' investimenti fi stadju bikri, l-investiment mill-EFG m’għandux jaqbeż l-20 % tal-investiment totali tal-Unjoni ħlief f'każijiet ta' fondi f'diversi stadji u fondi ta' fondi, fejn il-finanzjament mill-EFG u l-Faċilità tal-Ekwità għar-R&I skont il-programm l-Orizzont 2020 għandu jkun ipprovdut fuq bażi pro rata, abbażi tal-politika ta’ investiment tal-fondi. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li temenda l-limitu massimu ta’ 20 % fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq li jinbidlu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 21(2).

3.  L-EFG u l-faċilità tal-ekwità għar-R&I taħt il-programm l-Orizzont 2020 għandhom jużaw l-istess mekkaniżmu tat-twassil.

4.  L-appoġġ mill-EFG għandu jingħata fil-forma ta' wieħed mill-investimenti li ġejjin:

(a) direttament mill-Fond Ewropew tal-Investiment jew entitajiet oħrajn fdati bl-implimentazzjoni tal-EFG f'isem il-Kummissjoni; jew

(b) minn fondi ta’ fondi jew vetturi tal-investiment li jinvestu b’mod transkonfinali stabbiliti mill-Fond Ewropew tal-Investiment jew entitajiet oħrajn (inklużi amministraturi tas-settur privat jew pubbliku) fdati bl-implimentazzjoni tal-EFG f’isem il-Kummissjoni flimkien ma’ investituri minn istituzzjonijiet finanzjarji privati u/jew pubbliċi nazzjonali.

5.  L-EFG għandu jinvesti f'fondi intermedjarji ta' kapital ta' riskju inklużi fondi ta’ fondi, li jipprovdu investimenti għall-impriżi żgħar u medji tipikament fl-espansjoni u fl-istadju ta' tkabbir tagħhom. L-investimenti taħt l-EFG għandhom ikunu fit-tul, jiġifieri normalment jieħdu pożizzjonijiet bejn 5 snin u 15-il sena f'fondi ta' kapital ta' riskju. Fi kwalunkwe każ, it-tul ta' ħajja tal-investimenti taħt l-EFG ma għandux jaqbeż 20 sena miż-żmien tal-firma tal-ftehim bejn il-Kummissjoni u l-entità fdata bl-implimentazzjoni tiegħu.

Artikolu 19

Il-Faċilità ta’ Garanzija ta' Self

1.  Il-Faċilità ta’ Garanzija ta' Self (LGF) għandha tipprovdi:

(a) kontrogaranziji u arranġamenti oħrajn li jikkondividu r-riskju għal skemi ta' garanzija, inkluż kogaranziji, fejn adatt;

(b) garanziji diretti u arranġamenti oħrajn li jikkondividu r-riskju għal kwalunkwe intermedjarju finanzjarju ieħor li jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija fil-paragrafu 5.

2.  L-LGF għandha tiġi implimentata bħala parti minn strumenti finanzjarju waħdieni tad-dejn tal-Unjoni għat-tkabbir u r-riċerka u l-innovazzjoni tal-intrapriżi tal-Unjoni, bl-użu tal-istess mekkaniżmu tat-twassil bħal dik il-parti tal-SME mmexxija mid-domanda tal-Faċilità tad-Dejn għar-R&I skont il-programm l-Orizzont 2020 (RSI II).

3.  L-LGF għandu jikkonsisti fi:

(a) garanziji għal finanzjament tad-dejn (inkluż permezz ta' self subordinat u parteċipanti, kirja jew garanziji bankarji), li għandha tnaqqas id-diffikultajiet partikolari li jiffaċċjaw l-SMEs vijabbli biex ikollhom aċċess għall-finanzi, jew minħabba r-riskju għoli pperċepit tagħhom jew minħabba n-nuqqas ta' kollateral disponibbli suffiċjenti tagħhom;

(b) it-titolizzazzjoni tal-portafolli ta' finanzjament tad-dejn tal-SME, li għandha timmobilizza l-finanzjament addizzjonali tad-dejn għall-SMEs skont arranġamenti adatti ta' kondiviżjoni tar-riskju mal-istituzzjonijiet identifikati. Is-sostenn għal dawn it-tranżazzjonijiet ta' titolizzazzjoni għandu jiddependi mill-impenn tal-istituzzjonijiet minn fejn joriġina li jużaw parti sinifikanti mil-likwidità li tirriżulta jew il-kapital mobilizzat għal self ġdid lil SMEs f' perijodu ta' żmien raġonevoli. L-ammont ta' dan il-finanzjament ġdid permezz ta' dejn għandu jiġi kkalkulat b'rabta mal-ammont tar-riskju tal-portafoll iggarantit. Dan l-ammont u l-perijodu ta' żmien għandhom jiġu nnegozjati individwalment ma' kull istituzzjoni minn fejn joriġinaw.

4.  L-LGF għandha titħaddem mill- Fond Ewropew tal-Investiment jew minn entitajiet oħrajn inkarigati bl-implimentazzjoni tal-LGF f'isem il-Kummissjoni. Il-garanziji individwali skont l-LGF jistgħu jkollhom maturità sa 10 snin.

5.  L-eliġibbiltà skont l-LGF għandhom jiġu ddeterminati għal kul intermedjarju abbażi tal-attivitajiet tagħhom u kemm huma effettivi fl-għajnuna għall-SMEs biex ikollhom aċċess għall-finanzjament għall-proġetti vijabbli. L-LGF tista' tintuża min-negozji ta' appoġġ intermedjarji biex jiffinanzjaw fost l-oħrajn l-akkwist ta' assi tanġibbli u mhux tanġibbli, kapital li jiċċirkola u għal trasferimenti ta' negozju. Il-kriterji marbuta mat-titolizzazzjoni ta' portafolli tal-finanzjament tad-dejn tal-SMEs, għandhom jinkludu tranżazzjonijiet individwali u dawk bejn diversi bejjiegħa kif ukoll tranżazzjonijiet bejn diversi pajjiżi. L-eliġibbiltà għandha tkun ibbażata fuq il-prattika tajba tas-suq, partikolarment fir-rigward tal-kwalità tal-kreditu u d-diversifikazzjoni tar-riskju tal-portafoll titolizzat.

6.  L-LGF għandha tkopri self sa EUR 150 000 u b’maturità minima ta’ 12-il xahar, minbarra s-self fil-portafoll titolizzat. L-LGF għandha wkoll tkopri self ogħla minn EUR 150 000 f'każijiet fejn l-SMEs li jissodisfaw il-kriterji biex ikunu eliġibbli skont il-programm COSME ma jissodisfawx il-kriterji biex ikunu eliġibbli skont il-parti tal-SME fil-Faċilità tad-Dejn tal-programm l-Orizzont 2020, b'maturità minima ta' 12-il xahar.

'Il fuq minn dan il-limitu, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-intermedjarji finanzjarji li juru jekk l-SME huwiex eliġibbli jew le skont il-parti tal-SME fil-Faċilità tad-Dejn tal-programm l-Orizzont 2020.

7.  L-LGF għandha tkun imfassla b'tali mod li tagħmilha possibbli li wieħed jirrapporta dwar l-SMEs appoġġati, kemm f’termini tal-għadd kif ukoll f'dak li hu volum ta' self.

Artikolu 20

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, b'verifiki effikaċi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti li jkunu tħallsu bi żball u, fejn xieraq, b'penalitajiet amministrattivi u finanzjarji effikaċi, proporzjonali u dissważivi.

2.  Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandhom ikollhom is-setgħa ta’ verifika, abbażi ta' dokumenti u verifiki fuq il-post, fuq il-benefiċjarji, il-kuntratturi, is-sottokuntratturi u partijiet terzi oħrajn kollha li rċevew fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

3.  L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 ) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 ( 14 ) bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim ta' għotjajew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt dan ir-Regolament.

4.  Bla ħsara għall-paragrafi1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta' għotjali jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom b'mod espliċitu jkun fihom dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali verifiki u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.



KAPITOLU V

Kumitat u dispożizzjonijiet finali

Artikolu 21

Il-proċedura tal-kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-Kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 22

Atti ddelegati

1.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li taddotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 23 li jikkonċerna l-addizzjonijiet għall-indikaturi stipulati fl-Anness fejn dawk l-indikaturi jistgħu jgħinu biex ikejlu l-progress biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-programm COSME.

2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li taddotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 23 li jikkonċerna xi bidliet f'xi dettalji tal-azzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji. Dawk id-dettalji huma s-sehem ta' investiment mill-FEG tal-investiment totali tal-Unjoni fl-istadju bikri tal-fondi tal-kapital ta’ riskju u l-kompożizzjoni tal-portafolli tas-self titolizzati.

3.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 23 dwar il-modifiki għal-ammonti indikattivi speċifikati fl-Artikolu 4(2a) li jkunu jeċċedu dawk l-ammonti b'aktar minn 5 % tal-valur tal-pakkett finanzjarju f'kull każ, jekk ikun neċessarju li jinqabeż dak il-limitu.

Artikolu 23

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti ddelegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa biex jiġu adottati atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 22 għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin minn 23 Diċembru 2013

3.  Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 17 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni għal revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta' atti ddelegati li huma diġà fis-seħħ.

4.  Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 17 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa jew min-naħa tal-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn wara n-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel tmiem dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li ma kinux sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew il-Kunsill.

Artikolu 24

Revoka u dispożizzjonijiet transitorji

1.  Id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

2.  Madankollu, azzjonijiet mibdija taħt id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE u obbligi finanzjarji relatati ma’ dawk l-azzjonijiet għandhom ikomplu jiġu amministrati minn dik id-Deċiżjoni sakemm jitlestew.

3.  L-allokazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 5 tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata t-transizzjoni bejn il-programm COSME u l-miżuri adottati skont id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

INDIKATURI GĦAL GĦANIJIET U MIRI ĠENERALI U SPEĊIFIĊI



Objettiv ġenerali:

1.  Li tissaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-SMEs

A.  Indikatur tal-impatt (1)

Sitwazzjoni attwali

Mira u stadju fuq il-medda twila taż-żmien (2020)

A.1.  Prestazzjoni tal-SMEs fir-rigward tas-sostenibbiltà

Tiġi mkejla fuq bażi regolari, pereżempju permezz ta' stħarriġ tal-Ewrobarometru

Żieda fil-proporzjon tal-SME tal-Unjoni li jipproduċu prodotti nodfa, jiġifieri ekoloġiċi (2) mqabbel mal-linja bażi (kejl inizjali)

A.2.  Bidliet fil-piż amministrattiv u regolatorju mhux neċessarju kemm fuq SMEs ġodda kif ukoll SMEs eżistenti (3)

Għadd ta' jiem li hemm bżonn biex tiġi stabbilita SME ġdida fl-2012: 5,4 ijiem ta' xogħol.

Tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ jiem li hemm bżonn biex tiġi stabbilita SME

Spejjeż li hemm bżonn biex tiġi stabbilita fl-2012: EUR 372

Tnaqqis sinifikanti fil-medja tal-ispejjeż li hemm bżonn biex tiġi stabbilita fl-Unjoni mqabbla mal-linja bażi

Għadd ta' Stati Membri fejn iż-żmien meħtieġ għall-kisba ta' liċenzji u permessi (inklużi l-permessi ambjentali) biex tinbeda u titwettaq l-attività speċifika ta' intrapriża huwa xahar: 2

Żieda importanti fl-għadd ta' Stati Membri fejn il-ħin meħtieġ għall-kisba ta' liċenzji u permessi (inklużi l-permessi ambjentali) biex tinbeda u titwettaq l-attività speċifika ta' intrapriża hija xahar

Għadd ta' Stati Membri b'"one-stop shop" għat-twaqqif ta' negozji ġodda sabiex l-imprendituri jistgħu jwettqu l-proċeduri neċessarji kollha (eż. reġistrazzjoni, taxxa, VAT u sigurtà soċjali) permezz ta' punt ta' kuntatt amministrattiv uniku, kemm jekk ikun fiżiku (uffiċċju), virtwali (internet), jew it-tnejn fl-2009: 18

Żieda sinifikanti fl-għadd ta' Stati Membri b'one-stop shop għat-twaqqif ta' negozji ġodda

A.3.  Bidliet fil-proporzjon tal-SMEs li jesportaw ġewwa jew barra l-Unjoni

25 % tal-SMEs jesportaw u 13 % tal-SMEs jesportaw barra l-Unjoni (2009) (4)

Żieda fil- proporzjon ta' SMEs li jesportaw u żieda fil-proporzjon ta' SMEs li jesportaw barra l-Unjoni mqabbel mal-linja bażi



Objettiv ġenerali:

2.  Li titħeġġeġ kultura imprenditorjali u jiġu promossi l-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs

Indikatur tal-impatt

Sitwazzjoni attwali

Mira u stadju fuq il-medda twila taż-żmien (2020)

B.1.  Bidliet fit-tkabbir tal-SMEs

Fl-2010 l-SMEs ipprovdew aktar minn 58 % tal-Valur Miżjud Gross tal-Unjoni;

Żieda fil-produzzjoni (valur miżjud) u impjegati tal-SME mqabbla mal-linja bażi

Għadd totali ta' impjegati fl-SMEs fl-2010: 87.5 miljun (67 % tal-impjiegi fis-settur privat fl-Unjoni)

B.2.  Bidliet fil-proporzjon taċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jkunu impjegati għal rashom

Din iċ-ċifra hija mkejla kull sentejn jew tlieta minn stħarriġ tal-Ewrobarometru. L-aħħar ċifra disponibbli hi 37 % fl-2012 (45 % fl-2007 u l-2009).

Żieda fil-proporzjon taċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jkunu impjegati għal rashom



Objettiv speċifiku:

Li jitjieb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fil-forma ta’ ekwità u dejn

C.  Strumenti finanzjarji għat-tkabbir

L-aħħar riżultat magħruf (linja bażi)

Mira fit-tul (2020)

C.1.  Għadd ta' impriżi li jibbenefikaw mill-finanzjament tad-dejn

Mill-31 ta' Diċembru 2012 EUR 13,4 biljun f'finanzjament mobilizzat, li jilħaq 219 000 SMEs (Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs (SMEG)).

Il-valur ta' finanzjament mobilizzat li jvarja minn EUR 14,3 biljuni sa EUR 21,5 biljuni; għadd ta' impriżi li jirċievu finanzjament li jibbenefikaw minn garanziji mill-programm COSMEli jvarjaw bejn 220 000 u 330 000

C.2.  Għadd ta' investimenti ta' kapital ta' riskjumill-programm COSMEu l-volum ġenerali investit.

Mill-31 ta' Diċembru 2012 EUR 2.3 biljun f'finanzjament ta' kapital ta' riskjumobilizzati għal 289 SME (Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b'Rata Għolja ta' Tkabbir, GIF)

Il-valur ġenerali tal-investimenti ta' kapital ta' riskjuli jvarja minn EUR 2,6 biljuni sa EUR 3,9 biljuni; l-għadd ta' impriżi li jirċievu investimenti VC mill-programm COSME li jvarja bejn 360 u 540

C.3.  Proporzjon ta’ ingranaġġ

Proporzjon ta’ lieva għall-Faċilità SMEG 1:32

Proporzjon ta’ lieva għall-GIF 1:6,7

Strument ta' dejn 1:20 - 1:30

Strument ta' ekwità 1:4 - 1:6 (5)

C.4.  Addizzjonalità tal-EFG u l-LGF

Addizzjonalità tal-Faċilità SMEG: 64 % tal-benefiċjarji finali indikaw li l-appoġġ kien kruċjali biex jinstab il-finanzjament li kienu jeħtieġu

Addizzjonalità tal-GIF: 62 % tal-benefiċjarji finali tal-GIF indikaw li l-appoġġ kien kruċjali biex jinstab il-finanzjament li kienu jeħtieġu

Żieda fil-proporzjon tal-benefiċjarji finali li jikkunsidraw l-EFG jew l-LGF li jipprovdu finanzjament li setax jinkiseb b'mezzi oħrajn mqabbla mal-linja bażi



Objettiv speċifiku:

Li jittejjeb l-aċċess għas-swieq, b'mod partikolari fl-Unjoni iżda wkoll fil-livell globali

D.  Kooperazzjoni Industrijali Internazzjonali

L-aħħar riżultat magħruf (linja bażi)

Mira fit-tul (2020)

D.1.  Għadd ta’ każijiet ta’ allinjament mtejjeb bejn ir-regolamenti tal-Unjoni u dawk ta’ pajjiżi terzi għall-prodotti industrijali

Huwa stmat li f’kooperazzjoni regolatorja mal-imsieħba kummerċjali ewlenin (l-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Brażil, ir-Russja, il-Kanada, l-Indja) hemm medja ta’ żewġ oqsma rilevanti ta’ allinjament sinifikanti ta' regolamenti tekniċi

Erba' oqsma rilevanti tal-allinjament sinifikanti tar-regolamenti tekniċi mal-imsieħba kummerċjali ewlenin (l-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Brażil, ir-Russja, il-Kanada, l-Indja)

E.  Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi

L-aħħar riżultat magħruf (linja bażi)

Mira fit-tul (2020)

E.1.  Għadd ta’ ftehimiet ta’ sħubija ffirmati

Ftehimiet ta’ sħubija ffirmati: 2 475 (2012)

Ftehimiet ta’ sħubija ffirmati: 2 500 /fis-sena

E.2.  Rikonoxximent tan-Netwerk fost il-popolazzjoni tal-SMEs

Ir-rikonoxximent tan-Netwerk fost il-popolazzjoni tal-SMEs ser jiġi mkejjel fl-2015

Żieda fir-rikonoxximent tan-Netwerk fost il-popolazzjoni tal-SMEs mqabbla mal-linja bażi

E.3.  Rata ta’ sodisfazzjon tal-klijenti (% tal-SMEs li jiddikjaraw sodisfazzjon, il-valur miżjud ta’ servizz speċifiku pprovdut min-Netwerk)

Rata ta’ sodisfazzjon tal-klijenti (% tal-SMEs li jiddikjaraw sodisfazzjon, il-valur miżjud ta’ servizz speċifiku): 78 %

Rata ta’ sodisfazzjon tal-klijenti (% tal-SMEs li jiddikjaraw sodisfazzjon, il-valur miżjud ta’ servizz speċifiku): > 82 %

E.4.  Għadd ta’ SMEs li jirċievu servizzi ta’ appoġġ

L-għadd ta’ SMEs li jirċievu servizzi ta’ appoġġ: 435 000 (2011)

Għadd ta’ SMEs li jirċievu servizzi ta’ appoġġ: 500 000 /fis-sena

E.5.  Għadd ta' SMEs li jużaw servizzi diġitali (inkluż servizzi ta' informazzjoni elettroniċi) ipprovduti min-Netwerk

2 miljuni SMEs fis-sena jużaw servizzi diġitali

2,3 miljuni SMEs fis-sena jużaw servizzi diġitali



Objettiv speċifiku:

Li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-SMEs, inkluż fis-settur tat-turiżmu

F.  Attivitajiet biex titjieb il-kompetittività

L-aħħar riżultat magħruf (linja bażi)

Mira fit-tul (2020)

F.1.  L-għadd ta’ miżuri ta' simplifikazzjoni adottati

Ħames miżuri ta’ simplifikazzjoni fis-sena (2010)

Tal-anqas 7 miżuri ta' simplifikazzjoni fis-sena

F.2.  Il-qafas regolatorju jsir adegwat għall-fini

Kontroll tal-idoneità tnedew sa mill-2010. L-uniku kontroll tal-idoneità rilevanti s'issa huwa l-proġett pilota li għaddej dwar "l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur"

Sa ħames kontrolli tal-idoneità għandhom jiġu mnedija matul il-perijodu tal-programm COSME

F.3.  Għadd ta’ Stati Membri li jużaw l-ittestjar tal-kompetittività

Għadd ta’ Stati Membri li jużaw l-ittestjar tal-kompetittività: 0

Żieda sinifikanti fl-għadd ta' Stati Membri li jużaw l-ittestjar tal-kompetittività

F.4.  Azzjonijiet ta' effiċjenza fir-riżorsi (li jistgħu jinkludu enerġija, materjali jew ilma, riċiklaġġ, eċċ.) meħuda mill-SMEs

Tiġi mkejla fuq bażi regolari, pereżempju permezz ta' stħarriġ tal-Ewrobarometru

Żieda fil-proporzjon tal-SMEs tal-Unjoni li qed jieħdu mill-anqas azzjoni waħda biex ikunu aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi (li tista' tinkludi enerġija, materjali jew ilma, riċiklaġġ, eċċ.) imqabbla mal-linja bażi (kejl inizjali)

Żieda fil-proporzjon ta' SMEs tal-Unjoni li qed jippjanaw biex jimplimentaw azzjonijiet addizzjonali għall-effiċjenza tar-riżorsi (li jistgħu jinkludu enerġija, materjali jew ilma, riċiklaġġ, eċċ.) kull sentejn imqabbla mal-linja bażi (kejl inizjali)

G.  L-iżvilupp tal-politika tal-SME

L-aħħar riżultat magħruf (linja bażi)

Mira fit-tul (2020)

G.1.  Għadd ta’ Stati Membri li jużaw it-test tal-SME

Għadd ta’ Stati Membri li jużaw it-test tal-SME: 15

Żieda sinifikanti fl-għadd ta' Stati Membri li jużaw it-test tal-SME



Objettiv speċifiku:

Li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-SMEs, inkluż fis-settur tat-turiżmu

H.  Turiżmu

L-aħħar riżultat magħruf (linja bażi)

Mira fit-tul (2020)

H.1.  Parteċipazzjoni f'proġetti ta' kooperazzjoni transnazzjonali

Tliet pajjiżi koperti f'kull proġett fl-2011

Żieda fl-għadd ta' Stati Membri li jipparteċipaw f'proġetti ta' kooperazzjoni transnazzjonali ffinanzjati mill-programm COSME imqabbla mal-linja bażi

H.2.  Għadd ta’ destinazzjonijiet li jadottaw il-mudelli ta’ żvilupp sostenibbli fit-turiżmu promossi mid-Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza

Għadd totali ta’ Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza li ngħataw: 98 (medja ta’ 20 fis-sena – fl-2007-10, fl-2008-20, fl-2009-22, fl-2010-25, fl-2011-21)

Aktar minn 200 destinazzjonijiet li jadottaw il-mudelli ta’ żvilupp ta' turiżmu sostenibbli promossi mid-Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza (madwar 20 kull sena)

I.  Kunċetti Ġodda tan-Negozju

L-aħħar riżultat magħruf (linja bażi)

Mira fit-tul (2020)

I.1.  L-għadd ta' prodotti/servizzi ġodda fis-suq

Ser jitkejlu fuq bażi regolari

(Sa issa din l-attività kienet ristretta għal xogħol analitiku ta' skala limitata)

Żieda fl-għadd kumulattiv ta' prodotti/servizzi ġodda mqabbla mal-linja bażi (kejl inizjali)



Objettiv speċifiku:

Li jiġu promossi l-intraprenditorija u l-kultura tal-intraprenditorija

J.  Sostenn għall-imprenditorija

L-aħħar riżultat magħruf (linja bażi)

Mira fit-tul (2020)

J.1.  L-għadd ta' Stati Membri li jimplimentaw soluzzjonijiet għall-intraprenditorija bbażati fuq prattiki tajbin identifikati permezz tal-programm

L-għadd ta’ Stati Membri li jimplimentaw is-soluzzjonijiet tal-imprenditorija: 22 (2010)

Żieda importanti fl-għadd ta' Stati Membri li jimplimentaw soluzzjonijiet tal-intraprenditorija

J.2.  Għadd ta' Stati Membri li jimplimentaw soluzzjonijiet għall-intraprenditorija li jimmiraw intraprendituri potenzjali, żgħar, ġodda u nisa, kif ukoll gruppi speċifiċi oħra fil-mira

Attwalment, 12-il Stat Membru jipparteċipa fin-Netwerk Ewropew ta' Konsulenti għall-Intraprendituri Nisa. Attwalment, 6 Stati Membri u 2 reġjuni għandhom strateġija speċifika għall-Edukazzjoni Intraprenditorjali, 10 Stati Membri inkorporaw objettivi nazzjonali relatati mal-edukazzjoni intraprenditorjali fl-istrateġiji wesgħin tat-tagħlim tul il-ħajja u fi 8 Stati Membri attwalment qed jiġu diskussi strateġiji għall-intraprenditorija

Żieda sinifikanti fl-għadd ta' Stati Membri li jimplimentaw soluzzjonijiet għall-intraprenditorija li jimmiraw imprendituri potenzjali, żgħar, ġodda u nisa, kif ukoll gruppi speċifiċi oħra fil-mira mqabbla mal-linja bażi

(1)   Dawn l-indikaturi jirreferu għall-iżviluppi fil-qasam tal-politika għall-Intrapriża u l-Industrija. Il-Kummissjoni nnifisha mhix unikament responsabbli għall-kisba tal-miri. Firxa ta’ fatturi oħra li mhumiex fil-kontroll tal-Kummissjoni taffettwa wkoll ir-riżultati f’dan il-qasam.

(2)   Prodotti u servizzi nodfa huma dawk b'funzjoni predominanti li jnaqqsu r-riskji ambjentali u jnaqqsu t-tniġġiż u r-riżorsi. Huma wkoll inklużi l-prodotti b'karatteristiċi ambjentali (ekodiżinn, ekotikketta, prodott b'mod organiku, u b'kontenut importanti għar-riċiklaġġ). Sors: Flash Ewrobarometru 342, “SMEs, Resource Efficiency and Green Markets”.

(3)   Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' Mejju 2011 inkludew sejħa li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri, fejn xieraq, li jnaqqsu l-ħin li jieħdu l-intrapriżi biex jistabbilixxu negozju ġdid għal intrapriżi ġodda għal tlett ijiem ta' xogħol u l-ispiża sa EUR 100 sal-2012, kif ukoll il-ħin meħtieġ biex jinkisbu liċenzji u permessi biex tinbeda u titwettaq l-attività speċifika ta' intrapriża għal tliet xhur sal-aħħar tal-2013.

(4)   "L-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej", EIM, 2010, http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/market-access/files/internationalisation_of_european_smes_final_en.pdf

(5)   EUR 1 mill-baġit tal-Unjoni ser jirriżulta fi EUR 20-30 f'finanzjament u EUR 4-6 f'investimenti ta' ekwità tul iż-żmien tal-programm COSME.



( 1 ) ĠU C 181, 21.6.2012, p. 125.

( 2 ) ĠU C 391, 18.12.2012, p. 37.

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 ta' 2 Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (Ara paġna 884 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea ("Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar") (ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1, Edizzjoni Speċjali MT: Kap 11, Vol 38, p. 319).

( 5 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

( 6 ) Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15).

( 7 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

( 8 ) Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 11 Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (Ara paġna 104 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)

( 9 ) Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Repjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

( 10 ) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

( 11 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

( 12 ) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

( 13 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

( 14 ) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni biex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej mill-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

( 15 ) Dawn l-indikaturi jirreferu għall-iżviluppi fil-qasam tal-politika għall-Intrapriża u l-Industrija. Il-Kummissjoni nnifisha mhix unikament responsabbli għall-kisba tal-miri. Firxa ta’ fatturi oħra li mhumiex fil-kontroll tal-Kummissjoni taffettwa wkoll ir-riżultati f’dan il-qasam.

( 16 ) Prodotti u servizzi nodfa huma dawk b'funzjoni predominanti li jnaqqsu r-riskji ambjentali u jnaqqsu t-tniġġiż u r-riżorsi. Huma wkoll inklużi l-prodotti b'karatteristiċi ambjentali (ekodiżinn, ekotikketta, prodott b'mod organiku, u b'kontenut importanti għar-riċiklaġġ). Sors: Flash Ewrobarometru 342, “SMEs, Resource Efficiency and Green Markets”.

( 17 ) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' Mejju 2011 inkludew sejħa li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri, fejn xieraq, li jnaqqsu l-ħin li jieħdu l-intrapriżi biex jistabbilixxu negozju ġdid għal intrapriżi ġodda għal tlett ijiem ta' xogħol u l-ispiża sa EUR 100 sal-2012, kif ukoll il-ħin meħtieġ biex jinkisbu liċenzji u permessi biex tinbeda u titwettaq l-attività speċifika ta' intrapriża għal tliet xhur sal-aħħar tal-2013.

( 18 ) "L-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej", EIM, 2010, http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/market-access/files/internationalisation_of_european_smes_final_en.pdf

( 19 ) EUR 1 mill-baġit tal-Unjoni ser jirriżulta fi EUR 20-30 f'finanzjament u EUR 4-6 f'investimenti ta' ekwità tul iż-żmien tal-programm COSME.

Top