Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02012R1024-20220202

    Consolidated text: Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (ir-Regolament tal-IMI) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1024/2022-02-02

    02012R1024 — MT — 02.02.2022 — 006.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT (UE) Nru 1024/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-25 ta' Ottubru 2012

    dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 316 14.11.2012, p. 1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DIRETTIVA 2013/55/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta' Novembru 2013

      L 354

    132

    28.12.2013

    ►M2

    DIRETTIVA 2014/60/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Mejju 2014

      L 159

    1

    28.5.2014

    ►M3

    DIRETTIVA 2014/67/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Mejju 2014

      L 159

    11

    28.5.2014

    ►M4

    REGOLAMENT (UE) 2016/1191 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-6 ta' Lulju 2016

      L 200

    1

    26.7.2016

     M5

    REGOLAMENT (UE) 2016/1628 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta' Settembru 2016

      L 252

    53

    16.9.2016

    ►M6

    REGOLAMENT (UE) 2018/1724 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-2 ta’ Ottubru 2018

      L 295

    1

    21.11.2018

    ►M7

    DIRETTIVA (UE) 2020/1057 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Lulju 2020

      L 249

    49

    31.7.2020


    Ikkoreġut bi:

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 231, 6.9.2019, p.  29 (2016/1628)




    ▼B

    REGOLAMENT (UE) Nru 1024/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-25 ta' Ottubru 2012

    dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)



    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    ▼M6

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-użu ta’ Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) għal kooperazzjoni amministrattiva fost l-atturi tal-IMI, inkluż l-ipproċessar ta’ data personali.

    ▼B

    Artikolu 2

    L-Istabbiliment tal-IMI

    L-IMI hija b'dan stabbilita formalment.

    Artikolu 3

    Ambitu

    ▼M6

    1.  

    L-IMI għandha tintuża għall-iskambji ta’ informazzjoni, inkluż ta’ data personali, fost l-atturi tal-IMI u għall-ipproċessar ta’ dik l-informazzjoni għall-finijiet ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a) 

    kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa skont l-atti elenkati fl-Anness;

    (b) 

    kooperazzjoni amministrattiva soġġetta għal proġett pilota mwettaq skont l-Artikolu 4.

    ▼B

    2.  
    L-ebda ħaġa f'dan ir-Regolament m'għandu jkollha l-effett li twassal sabiex id-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni li m'għandhomx saħħa vinkolanti jsiru mandatorji.

    Artikolu 4

    L-espansjoni tal-IMI

    1.  
    Il-Kummissjoni tista' twettaq proġetti pilota sabiex tivvaluta jekk l-IMI tkunx strument effettiv fl-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni amministrattiva fir-rigward ta' atti tal-Unjoni li mhumiex elenkati fl-Anness. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni biex tiddetermina liema dispożizzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu soġġetti għal proġett pilota u li tistabbilixxi l-modalitajiet ta' kull proġett, b'mod partikolari l-funzjonalità teknika bażika u l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta' kooperazzjoni amministrattiva. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(3).
    2.  
    Il-Kummissjoni għandha tippreżenta evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota, inklużi kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data u funzjonalitajiet ta' traduzzjoni effettivi, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fejn adatt, dik l-evalwazzjoni tista' tiġi akkumpanjata minn proposta leġislattiva biex jiġi emendat l-Anness biex jespandi l-użu tal-IMI għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw.

    Barra minn hekk, id-definizzjonijiet li ġejjin sejrin japplikaw ukoll:

    ▼M6

    (a) 

    “IMI” tfisser l-għodda elettronika pprovduta mill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva fost l-atturi tal-IMI;

    (b) 

    “kooperazzjoni amministrattiva” tfisser il-kollaborazzjoni bejn l-atturi tal-IMI bl-iskambju u bl-ipproċessar ta’ informazzjoni għall-fini ta’ applikazzjoni aħjar tal-liġi tal-Unjoni;

    ▼B

    (c) 

    ”qasam tas-suq intern” tfisser qasam leġislattiv jew funzjonali tas-suq, fis-sens tal-Artikolu 26(2) TFUE, li fih l-IMI tintuża f'konformità mal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament;

    (d) 

    “proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva” tfisser fluss tax-xogħol predefinit previst fl-IMI li jippermetti lill-atturi tal-IMI sabiex jikkomunikaw u jinteraġġixxu ma’ xulxin b’mod strutturat;

    (e) 

    “koordinatur tal-IMI” tfisser korp maħtur minn Stat Membru biex iwettaq kompiti ta’ appoġġ meħtieġa għall-funzjonament effiċjenti tal-IMI f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

    (f) 

    ”awtorità kompetenti” tfisser kull korp stabbilit jew fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali u li jkun irreġistrat fl-IMI li għandu responsabbiltajiet speċifiċi relatati mal-applikazzjoni ta’ drittijiet nazzjonali jew atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness f’qasam wieħed jew aktar tas-suq intern;

    ▼M6

    (g) 

    “l-atturi tal-IMI” tfisser l-awtoritajiet kompetenti, il-koordinaturi tal-IMI, il-Kummissjoni u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni;

    ▼B

    (h) 

    “utent tal-IMI” tfisser persuna fiżika li taħdem taħt l-awtorità ta' attur tal-IMI u rreġistrata fl-IMI f’isem dak l-attur tal-IMI;

    (i) 

    “atturi esterni” tfisser persuni fiżiċi jew legali minbarra l-utenti tal-IMI li jistgħu jinteraġixxu mal-IMI biss permezz ta’ mezzi tekniċi separati u skont fluss tax-xogħol speċifiku predefinit previst għal dak il-għan;

    (j) 

    “imblukkar” tfisser l-applikazzjoni ta’ mezzi tekniċi li permezz tagħhom id-data personali ssir inaċċessibbli għall-utenti tal-IMI permezz tal-interfaċċja normali tal-IMI;

    (k) 

    “għeluq formali” tfisser l-applikazzjoni tal-faċilità teknika prevista mill-IMI sabiex tingħalaq proċedura ta' kooperazzjoni amministrattiva.



    KAPITOLU II

    FUNZJONIJIET U RESPONSABBILTAJIET FIR-RIGWARD TAL-IMI

    Artikolu 6

    Il-Koordinaturi tal-IMI

    1.  

    Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali wieħed tal-IMI li r-responsabbiltajiet tiegħu għandhom jinkludu:

    (a) 

    li jirreġistra jew li jivvalida r-reġistrazzjoni tal-Koordinaturi tal-IMI u tal-awtoritajiet kompetenti;

    (b) 

    li jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-atturi tal-IMI tal-Istati Membri għal kwistjonijiet relatati mal-IMI inkluż, l-għoti ta' informazzjoni dwar aspetti relatati mal-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-Regolament;

    (c) 

    li jaġixxi bħala interlokutur tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-IMI inkluż l-għoti ta' informazzjoni rigward aspetti relatati mal-protezzjoni tad-data personali skont dan ir-Regolament;

    (d) 

    li jipprovdi għarfien, taħriġ u appoġġ, inkluż assistenza teknika bażika, lill-atturi tal-IMI tal-Istati Membri;

    (e) 

    li jiżgura l-funzjonament effiċjenti tal-IMI sakemm din tkun taħt il-kontroll tagħhom, inkluż l-għoti ta' tweġibiet f’waqthom u adegwati mill-atturi tal-IMI tal-Istati Membri għal talbiet għal kooperazzjoni amministrattiva.

    2.  
    Kull Stat Membru jista’ jaħtar, barra minn dan, koordinatur wieħed jew aktar tal-IMIs sabiex iwettaq jew iwettqu kwalunkwe kompitu elenkat fil-paragrafu 1, skont l-istruttura amministrattiva interna tiegħu.
    3.  
    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-koordinaturi tal-IMI maħturin f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 u bil-kompiti li għalihom huma responsabbli. Il-Kummissjoni għandha taqsam dik l-informazzjoni mal -Istati Membri l-oħrajn.
    4.  
    Il-koordinaturi kollha tal-IMI jistgħu jaġixxu bħala awtoritajiet kompetenti. F’każijiet bħal dawn, koordinatur tal-IMI għandu jkollu l-istess drittijiet ta’ aċċess bħal awtorità kompetenti. Kull koordinatur tal-IMI għandu jkun kontrollur fir-rigward tal-attivitajiet tiegħu tal-ipproċessar ta’ data bħala attur tal-IMI.

    Artikolu 7

    Awtoritajiet kompetenti

    1.  
    Meta jikkooperaw permezz tal-IMI, l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jaġixxu permezz tal-utenti tal-IMI f'konformità mal-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva, għandhom jiżguraw li, f'konformità mal-att applikabbli tal-Unjoni, tingħata tweġiba adegwata fl-iqsar perijodu ta' żmien possibbli u fi kwalunkwe każ fid-data ta’ skadenza stabbilita minn dak l-att.
    2.  
    Awtorità kompetenti tistà tinvoka bħala evidenza kull informazzjoni, dokument, sejba, stqarrija jew kopja ċċertifikata bħala vera li tkun irċeviet b'mod elettroniku permezz tal-IMI, fuq l-istess bażi bħal dik ta’ informazzjoni simili li nkisbet mill-pajjiż tagħha stess, għal finijiet kompatibbli mal-iskopijiet li għalihom id-data kienet oriġinarjament inġabret.
    3.  
    Kull awtorità kompetenti għandha tkun kontrollur fir-rigward tal-attivitajiet tal-ipproċessar ta’ data tagħha stess imwettaq minn utent tal-IMI taħt l-awtorità tagħha u għandha tiżgura li s-suġġetti tad-data jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f'konformità mal-Kapitoli III u IV, fejn meħtieġ, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

    Artikolu 8

    Il-Kummissjoni

    1.  

    Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-kompiti li ġejjin:

    (a) 

    tiżgura s-sigurtà, id-disponibbiltà, il-manteniment u l-iżvilupp tas-software u l-infrastruttura tal-IT għall-IMI;

    (b) 

    tipprovdi sistema multilingwi, inklużi funzjonalitajiet ta' traduzzjoni eżistenti, taħriġ fil-kooperazzjoni mal-Istati Membri, u uffiċċju ta’ informazzjoni (helpdesk) biex tassisti lill-Istati Membri fl-użu tal-IMI;

    (c) 

    tirreġistra l-koordinaturi nazzjonali tal-IMI u tagħtihom aċċess għall-IMI;

    (d) 

    twettaq operazzjonijiet ta' pproċessar fuq dejta personali fl-IMI, fejn previst f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-finijiet iddeterminati mill-atti tal-Unjoni applikabbli elenkati fl-Anness;

    (e) 

    tissorvelja l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 25;

    ▼M6

    (f) 

    tiżgura l-koordinazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u tagħtihom aċċess għall-IMI.

    ▼B

    2.  
    Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti elenkati fl-ewwel paragrafu u biex tipproduċi rapporti ta' statistika, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja relatata mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar imwettqa fl-IMI.
    3.  
    Il-Kummissjoni m'għandhiex tipparteċipa fil-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali ħlief fejn meħtieġ minn att tal-Unjoni elenkat fl-Anness.

    Artikolu 9

    Id-drittijiet ta’ aċċess tal-atturi u l-utenti tal-IMI

    1.  
    Utenti tal-IMI biss għandu jkollhom aċċess għall-IMI.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-koordinaturi tal-IMI u l-awtoritajiet kompetenti u l-oqsma tas-suq intern li fihom huma għandhom kompetenza. Il-Kummissjoni jista' jkollha rwol konsultattiv f'dak il-proċess.
    3.  
    Kull attur tal-IMI għandu jagħti u jirrevoka, kif meħtieġ, id-drittijiet xierqa ta’ aċċess lill-utenti tiegħu tal-IMI fil-qasam tas-suq intern li għalih huwa jkun kompetenti.

    ▼M6

    4.  
    Għandhom jiġu implimentati mezzi adatti mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u minn korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni biex jiġi żgurat li l-utenti tal-IMI jkunu permessi jaċċessaw data personali pproċessata fl-IMI biss fuq il-bażi tal-ħtieġa tal-għarfien u fil-qasam jew l-oqsma tas-suq intern li għalihom ingħataw id-drittijiet ta’ aċċess skont il-paragrafu 3.

    ▼B

    5.  
    L-użu ta’ data personali pproċessata fl-IMI għal raġuni speċifika b’mod li huwa inkompatibbli ma’ dik tar-raġuni oriġinali għandu jiġi pprojbit, sakemm dan ma jkunx espliċitament previst mil-liġi nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.
    6.  
    Fil-każ ta’ proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali, l-atturi tal-IMI biss li jkunu qegħdin jipparteċipaw f’dik il-proċedura għandu jkollhom aċċess għal data personali bħal din.

    Artikolu 10

    Kunfidenzjalità

    1.  
    Kull Stat Membru għandu japplika r-regoli tiegħu dwar is-sigriet professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħra ta’ kunfidenzjalità lill-atturi tal-IMI u lill-utenti tal-IMI tiegħu, skont il-leġislazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni.
    2.  
    L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li t-talbiet minn atturi oħrajn tal-IMI għal trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni skambjata permezz tal-IMI jiġu rispettati mill-utenti kollha tal-IMI li jaħdmu taħt l-awtorità tagħhom.

    Artikolu 11

    Proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva

    L-IMI għandha tkun ibbażata fuq proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni rilevanti elenkati fl-Anness. Fejn adatt, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni għal att tal-Unjoni speċifiku elenkat fl-Anness jew għal tip ta' proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva, li jistabbilixxu l-funzjonalità teknika essenzjali u l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex jippermettu l-operazzjoni tal-proċeduri rilevanti ta' kooperazzjoni amministrattiva, inkluż fejn applikabbli l-interazzjoni bejn atturi esterni u l-IMI kif imsemmi fl-Artikoli 12. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).

    Artikolu 12

    Atturi esterni

    Jistgħu jiġu pprovduti mezzi tekniċi biex jippermettu lill-atturi esterni jinteraġixxu mal-IMI meta tali interazzjoni tkun:

    (a) 

    prevista minn att tal-Unjoni;

    (b) 

    prevista f'att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 11 sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness; jew

    (c) 

    meħtieġa biex iresqu talbiet sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data skont l-Artikolu 19.

    Kwalunkwe mezz tekniku bħal dan għandu jiġi sseparat mill-IMI u m'għandux jippermetti lill-atturi esterni li jaċċessaw l-IMI.



    KAPITOLU III

    L-IPPROĊESSAR TA' DATA PERSONALI U S-SIGURTÀ

    Artikolu 13

    Limitazzjoni tal-użu

    L-atturi tal-IMI għandhom jiskambjaw u jipproċessaw data personali biss għall-iskopijiet iddefiniti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness.

    Id-data mibgħuta lill-IMI mis-suġġetti tad-data għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom id-data ntbagħtet.

    Artikolu 14

    Żamma ta’ data personali

    1.  
    Id-data personali pproċessata fl-IMI għandha tiġi mblukkata fl-IMI hekk kif ma tkunx aktar meħtieġa għall-fini li għaliha kienet inġabret, skont l-ispeċifiċitajiet ta' kull tip ta' kooperazzjoni amministrattiva u, bħala regola ġenerali, mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-għeluq formali tal-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

    Madankollu, jekk f'att tal-Unjoni applikabbli elenkat fl-Anness huwa previst perijodu itwal, id-data personali pproċessata fl-IMI tista' tinżamm għal massimu ta' 18-il xahar wara l-għeluq formali ta' proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva .

    2.  
    Fejn repożitorju ta’ informazzjoni għal referenza fil-futur mill-atturi tal-IMI ikun meħtieġ skont att tal-Unjoni vinkolanti elenkat fl-Anness, id-data personali inkluża f’tali repożitorju tista’ tiġi pproċessata sakemm dan ikun meħtieġ għal dan l-għan jew bil-kunsens tas-suġġett tad-data jew fejn dan ikun previst f'dak l-att tal-Unjoni.
    3.  
    Id-data personali mblukkata skont dan l-Artikolu għandha, bl-eċċezzjoni tal-ħżin tagħha, tiġi pproċessata biss għall-fini ta’ prova ta’ skambju ta’ informazzjoni permezz tal-IMI bil-kunsens tas-suġġett tad-data, sakemm ma jintalabx l-ipproċessar minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku.
    4.  
    Id-data mblukkata għandha titħassar awtomatikament fl-IMI tliet snin wara l-għeluq formali tal-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva.
    5.  
    Fuq talba espliċita ta' awtorità kompetenti f'każ speċifiku u bil-kunsens tas-suġġett tad-data, id-data personali tista' titħassar qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' żamma applikabbli.
    6.  
    Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-imblukkar u t-tħassir ta’ data personali u tal-irkupru tagħha permezz ta’ mezzi tekniċi skont il-paragrafu 3.
    7.  
    Għandhom jiġu stabbiliti mezzi tekniċi biex l-atturi tal-IMI jitħeġġu jagħlqu formalment il-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva malajr kemm jista' jkun wara li l-iskambju ta' informazzjoni jkun ġie kkompletat u biex l-atturi tal-IMI jiġu permessi jinvolvu lill-koordinaturi tal-IMI responsabbli fi kwalunkwe proċedura li tkun ilha inattiva mingħajr ġustifikazzjoni għal aktar minn xahrejn.

    Artikolu 15

    Żamma ta’ data personali tal-utenti tal-IMI

    1.  
    B’deroga mill-Artikolu 14, il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għaż-żamma ta’ data personali tal-utenti tal-IMI. Dik id-data personali għandha tinkludi l-isem sħiħ u l-mezzi elettroniċi kollha u oħrajn ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
    2.  
    Id-data personali relatata mal-utenti tal-IMI għandha tinħażen fl-IMI sakemm jibqgħu jkunu utenti tal-IMI u tista’ tibqa’ tiġi pproċessata għal finijiet kompatibbli mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
    3.  
    Meta persuna fiżika ma tibqax utent tal-IMI, id-data personali relatata ma' dik il-persuna għandha tiġi mblukkata permezz ta’ mezzi tekniċi għal perijodu ta’ tliet snin. Dik id-data għandha, bl-eċċezzjoni tal-ħżin tagħha, tiġi biss ipproċessata għal raġunijiet ta’ prova ta’ skambju ta’ informazzjoni permezz tal-IMI u għandha titħassar fit-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin.

    Artikolu 16

    Ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data

    1.  
    L-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data li saret referenza għalihom fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46/KE u fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 permezz tal-IMI għandu jsir biss abbażi ta’ raġuni speċifika msemmija fl-Artikolu 8(2) u (4) ta' dik id-Direttiva u l-Artikolu 10(2) ta' dak ir-Regolament u soġġett għal salvagwardji adatti previsti f'dawk l-Artikoli biex jiġu żgurati d-drittijiet tal-individwi li tiġi pproċessata d-data personali tagħhom.
    2.  
    L-IMI tista’ tintuża għall-ipproċessar ta’ data relatata ma’ reati, kundanni kriminali jew miżuri ta’ sigurtà li saret referenza għalihom fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, soġġett għal salvagwardji previsti f'dawk l-Artikoli, inkluż informazzjoni dwar miżuri restrittivi dixxiplinarji, amministrattivi jew kriminali jew informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tajba ta’ individwu jew ta’ persuna ġuridika, fejn l-ipproċessar ta’ data bħal din huwa previst f’att tal-Unjoni li jikkostitwixxi l-bażi għall-ipproċessar jew bil-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data, soġġett għal salvagwardji speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE.

    Artikolu 17

    Sigurtà

    1.  
    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-IMI tkun konformi mar-regoli dwar is-sigurtà tad-data adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
    2.  
    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà ta’ data personali pproċessata fl-IMI, inkluż kontroll adegwat tal-aċċess għad-data u pjan ta’ sigurtà li għandu jinżamm aġġornat.
    3.  
    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, fil-każ ta’ inċident relatat mas-sigurtà, huwa possibbli li jiġi vverifikat liema data personali ġiet ipproċessata fl-IMI, meta, minn min u għal liema raġuni.
    4.  
    L-atturi tal-IMI għandhom jieħdu l-miżuri proċedurali u organizzattivi kollha meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà tad-data personali pproċessata minnhom fl-IMI skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46/KE.



    KAPITOLU IV

    ID-DRITTIJIET TAS-SUĠĠETTI TAD-DATA U S-SORVELJANZA

    Artikolu 18

    Informazzjoni lis-suġġetti tad-data u t-trasparenza

    1.  
    L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li s-suġġetti tad-data jkunu infurmati bl-ipproċessar tad-data personali tagħhom fl-IMI malajr kemm jista' jkun u li huma jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u kif jeżerċitawhom, inklużi l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrullur u r-rappreżentant tal-kontrollur, jekk ikun hemm, skont l-Artikoli 10 jew 11 tad-Direttiva 95/46/KE u l-leġislazzjoni nazzjonali li hija konformi ma’ dik id-Direttiva.
    2.  

    Il-Kummissjoni għandha tagħmel għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'mod li huwa faċilment aċċessibbli:

    (a) 

    informazzjoni li tirrigwarda l-IMI skont l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, f’forma ċara u li tiftiehem;

    (b) 

    informazzjoni dwar l-aspetti tal-protezzjoni tad-data ta’ proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva fl-IMI kif imsemmija fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament;

    (c) 

    informazzjoni dwar eċċezzjonijiet għal jew limitazzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data’ kif imsemmija fl-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament;

    (d) 

    it-tipi ta' proċeduri ta' kooperazzjoni amministrattiva, il-funzjonalitajiet u l-kategoriji ta' data essenzjali tal-IMI li jistgħu jiġu pproċessati fl-IMI;

    (e) 

    lista komprensiva tal-atti kollha ta' implimentazzjoni u ddelegati rigward l-IMI, adottati skont dan ir-Regolament jew att ieħor tal-Unjoni, u verżjoni kkonsolidata tal-Anness għal dan ir-Regolament u l-emendi sussegwenti tiegħu minn atti oħrajn tal-Unjoni.

    Artikolu 19

    Id-drittijiet tal-aċċess, korrezzjoni u tħassir

    1.  
    L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-data jista’ jeżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għal data relatata magħhom fl-IMI, u d-dritt li jkollu data mhux eżatta jew mhux sħiħa kkoreġuta, u data pproċessata b’mod illegali mħassra, skont il-leġislazzjoni nazzjonali. Il-korrezzjoni jew it-tħassir tad-data għandhom isiru malajr kemm jista' jkun, u l-aktar tard fi żmien 30 jum wara li t-talba tas-suġġett tad-data tasal għand l-attur tal-IMI responsabbli.
    2.  
    Meta l-preċiżjoni jew il-legalità ta’ data mblukkata skont l-Artikolu 14(1) tiġi kkuntestata mis-suġġett tad-data, dan il-fatt għandu jiġi rreġistrat kif ukoll l-informazzjoni preċiża, ikkoreġġuta.

    Artikolu 20

    Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni meta jipprovdu għal eċċezzjonijiet għal jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data stabbiliti f’dan il-Kapitolu fil-leġislazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE.

    Artikolu 21

    Sorveljanza

    1.  
    L-awtorità jew l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali maħtura f’kull Stat Membru u mogħtija s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE (l-“Awtorità ta’ Sorveljanza Nazzjonali”) għandhom jissorveljaw b'mod indipendenti l-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali mill-atturi tal-IMI tal-Istati Membri tagħhom u, b’mod partikolari, għandhom jiżguraw li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data stabbiliti f’dan il-Kapitolu jiġu protetti skont dan ir-Regolament.

    ▼M6

    2.  
    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ u jiżgura li dan ir-Regolament jiġi applikat meta l-Kummissjoni jew korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, fir-rwol tagħhom bħala atturi tal-IMI, jipproċessaw data personali. Id-dmirijiet u s-setgħat imsemmija fl-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament (UE) 2018/1725 ( 1 ) għandhom japplikaw b’konsegwenza.
    3.  
    L-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kull wieħed jaġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, għandhom jikkooperaw flimkien sabiex jiżguraw is-superviżjoni kkoordinata tal-IMI u l-użu tagħha mill-atturi tal-IMI skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    ▼M6 —————

    ▼B



    KAPITOLU V

    IL-KAMP TAL-APPLIKAZZJONI ĠEOGRAFIKU TAL-IMI

    Artikolu 22

    Użu nazzjonali tal-IMI

    1.  

    Stat Membru jista’ juża biss l-IMI għall-finijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti fit-territorju tiegħu skont il-liġi nazzjonali meta dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

    (a) 

    ma jkun meħtieġ l-ebda tibdil sostanzjali għall-proċeduri eżistenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva;

    (b) 

    tkun ġiet sottomessa notifika tal-użu mbassar tal-IMI lill-Awtorità ta’ Sorveljanza Nazzjonali fejn meħtieġ skont il-liġi nazzjonali; u

    (c) 

    dan m'għandux impatt negattiv fuq il-funzjonament effiċjenti tal-IMI għall-utenti tal-IMI.

    2.  
    Fejn Stat Membru jkun biħsiebu jagħmel użu sistematiku mill-IMI għal finijiet nazzjonali, għandu javża lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu u għandu jfittex l-approvazzjoni tagħha minn qabel. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 humiex sodisfatti. Fejn meħtieġ, u skont dan ir-Regolament, għandu jiġi konkluż ftehim li jistabbilixxi, inter alia, l-arranġamenti tekniċi, finanzjarji u organizzattivi għall-użu nazzjonali, inkluż ir-responsabbiltajiet tal-atturi tal-IMI, bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni.

    Artikolu 23

    Skambju ta' tagħrif ma' pajjiżi terzi

    1.  

    Skont dan ir-Regolament, informazzjoni, inkluż data personali, tista’ tiġi skambjata fl-IMI bejn l-atturi tal-IMI fl-Unjoni u l-kontropartijiet tagħhom f’pajjiż terz biss fejn il-kondizzjonijiet segwenti huma sodisfatti:

    (a) 

    l-informazzjoni hija pproċessata skont dispożizzjoni ta' att tal-Unjoni elenkata fl-Anness u dispożizzjoni ekwivalenti fil-liġi tal-pajjiż terz;

    (b) 

    L-informazzjoni tiġi skambjata jew tkun disponibbli skont ftehim internazzjonali li jipprevedi:

    (i) 

    l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta' att tal-Unjoni elenkata fl-Anness mill-pajjiż terz,

    (ii) 

    l-użu tal-IMI, kif ukoll

    (iii) 

    il-prinċipji u l-modalitajiet ta' dak l-iskambju; kif ukoll

    (c) 

    il-pajjiż terz inkwistjoni jiżgura protezzjoni adegwata tad-data personali skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, inkluż salvagwardji xierqa li d-data pproċessata fl-IMI għandha tintuża biss għall-fini li għaliha ġiet inizjalment skambjata, u l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE.

    2.  
    Meta l-Kummissjoni hija attur tal-IMI, l-Artikolu 9(1) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw għal kull skambju ta’ data personali pproċessata fl-IMI mal-kontropartijiet tagħha f’pajjiż terz.
    3.  
    Il-Kummissjoni għandha tippubblika u żżomm aġġornata lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati li jiskambjaw l-informazzjoni, li tinkludi data personali, skont il-paragrafu 1 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.



    KAPITOLU VI

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 24

    Proċedura ta’ kumitat

    1.  
    Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
    2.  
    Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
    3.  
    Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 25

    Monitoraġġ u Rapportar

    1.  
    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-IMI fuq bażi annwali.
    2.  
    Permezz ta'5 Diċembru 2017 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar aspetti relatati mal-protezzjoni ta’ data personali fl-IMI, inkluża s-sigurtà tad-data.
    3.  
    Għall-finijiet tal-produzzjoni tar-rapporti msemmija f’paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni kull informazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż dwar l-applikazzjoni fil-prattika tar-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 26

    Spejjeż

    1.  
    L-ispejjeż imġarrba għall-iżvilupp, il-promozzjoni, it-tħaddim u l-manteniment tal-IMI għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti skont l-Artikolu 22(2).
    2.  
    Sakemm ma jkunx stipulat b’mod ieħor f’att tal-Unjoni, l-ispejjeż għall-operazzjonijiet tal-IMI fuq livell ta’ Stat Membru, inklużi r-riżorsi umani meħtieġa għat-taħriġ, attivitajiet ta’ promozzjoni u ta’ assistenza teknika (helpdesk), kif ukoll għall-amministrazzjoni tal-IMI fuq livell nazzjonali, għandhom jitħallsu minn kull Stat Membru.

    Artikolu 27

    Tħassir

    Id-Deċiżjoni 2008/49/KE hija mħassra.

    Artikolu 28

    Applikazzjoni effettiva

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament mill-atturi tal-IMI tagħhom.

    Artikolu 29

    Eċċezzjonijiet

    ▼M6 —————

    ▼B

    2.  
    Minkejja l-Artikolu 8(3), u l-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament, għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni amministrattiva tar-Rakkomandazzjoni SOLVIT permezz tal-IMI, l-involviment tal-Kummissjoni fil proċeduri ta' kooperazzjoni amministrattiva u l-faċilità eżistenti għal atturi esterni jistgħu jkomplu abbażi tal-arranġamenti li kienu saru qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-perijodu kif imsemmi fl-Artikolu 14(1) ta' dan ir-Regolament għandu jkun ta' 18-il xahar għal data personali pproċessata fl-IMI għall-finijiet tar-Rakkomandazzjoni SOLVIT.
    3.  
    Minkejja l-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tniedi proġett pilota biex tivvaluta jekk l-IMI hijiex għodda effiċjenti, kosteffettiva u faċli għall-utent biex jiġi implimentat l-Artikolu 3(4), (5) u (6) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar kummerċ elettroniku) ( 2 ). Mhux aktar tard minn sentejn wara t-tnedija ta' dak il-proġett pilota, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament, li għandha wkoll tkopri l-interazzjoni bejn il-kooperazzjoni amministrattiva fis-sistema ta' kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi ( 3 ) u fl-IMI.
    4.  
    Minkejja l-Artikolu 14(1) ta' dan ir-Regolament, kwalunkwe perijodu sa massimu ta' 18-il xahar deċiż abbażi tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2006/123/KE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva skont il-Kapitolu VI tiegħu, għandu jibqa' japplika f'dak il-qasam.

    Artikolu 30

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




    ANNESS

    DISPOŻIZZJONIJIET DWAR KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA FL-ATTI TAL-UNJONI LI HUMA IMPLIMENTATI PERMEZZ TAL-IMI, IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 3

    1. Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern ( 4 ): il-Kapitolu VI, l-Artikolu 39(5), kif ukoll l-Artikolu 15(7), sakemm ma ssirx notifika, kif previst f'dak l-aħħar artikolu, skont id-Direttiva 98/34/KE.

    ▼M1

    2. Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ): l-Artikoli 4a sa 4e, l-Artikolu 8, l-Artikolu 21a, l-Artikolu 50, l-Artikolu 56 u l-Artikolu 56a.

    ▼B

    3. Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali ( 6 ): l-Artikolu 10(4).

    4. Ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar it-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro ( 7 ): l-Artikolu 11(2).

    5. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2001 dwar il-prinċipji tal-użu tas-“SOLVIT” — in-Netwerk għas-Soluzzjoni ta’ Problemi fis-Suq Intern ( 8 ): Kapitoli I u II.

    ▼M3

    6. Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi ( 9 ): Artikolu 4.

    7. Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) ( 10 ) l-Artikoli 6 u 7, l-Artikolu 10(3), u l-Artikoli 14 sa 18.

    ▼M2

    8. Id-Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 ( 11 ): Artikoli 5 u 7.

    ▼M4

    9. Ir-Regolament (UE) 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 ( 12 ): l-Artikoli 14 u 16 u l-Artikolu 22(1) u (2).

    ▼C1

    10. Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti ta' emissjonijiet ta' inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b'kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE ( 13 ): Artikolu 44.

    ▼M6

    11. Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ( 14 ): l-Artikolu 56, l-Artikoli 60 sa 66 u l-Artikolu 70(1).

    12. Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 ( 15 ): L-Artikoli 6(4), u l-Artikoli 15 u 19.

    ▼M7

    13. Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u tad-Direttiva 2002/15/KE fir-rigward tal-leġiżlazzjoni soċjali marbuta ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE ( 16 ): l-Artikolu 8.

    14. Id-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 ( 17 ): l-Artikolu 1(14).



    ( 1 ) Regolament (UE) 2018/1725tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu tat-tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    ( 2 ) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

    ( 3 ) ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

    ( 4 ) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

    ( 5 ) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

    ( 6 ) ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.

    ( 7 ) ĠU L 316, 29.11.2011, p. 1.

    ( 8 ) ĠU L 331, 15.12.2001, p. 79.

    ( 9 ) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

    ( 10 ) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.

    ( 11 ) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 1.

    ( 12 ) ĠU L 200, 26.7.2016, p. 1.

    ( 13 ) ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53.

    ( 14 ) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

    ( 15 ) ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

    ( 16 ) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35.

    ( 17 ) ĠU L 249, 31.7.20202, p. 49.

    Top