EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02009R0810-20160412
Regulation (EC) No 810/2009 of the European Parliament and of the Council of 13 July 2009 establishing a Community Code on Visas (Visa Code)
Consolidated text: Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)
Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)
02009R0810 — MT — 12.04.2016 — 004.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT (KE) Nru 810/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (ĠU L 243 15.9.2009, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 977/2011 tat-3 ta’ Ottubru 2011 |
L 258 |
9 |
4.10.2011 |
|
REGOLAMENT (UE) Nru 154/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Frar 2012 |
L 58 |
3 |
29.2.2012 |
|
REGOLAMENT (UE) Nru 610/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta' Ġunju 2013 |
L 182 |
1 |
29.6.2013 |
|
REGOLAMENT (UE) 2016/399 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-9 ta' Marzu 2016 |
L 77 |
1 |
23.3.2016 |
REGOLAMENT (KE) Nru 810/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Lulju 2009
li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi
(Kodiċi dwar il-Viżi)
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Għan u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom, li ma jeċċedux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.
2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz, li jrid ikun fil-pussess ta’ viża meta jaqsam il-fruntieri esterni tal-Istati Membri skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit ( 17 ), u dan mingħajr preġudizzju:
(a) għad-drittijiet ta’ moviment liberu li jgawdu minnhom ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni,
(b) għad-drittijiet ekwivalenti li jgawdu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-membri tal-familja tagħhom, li, taħt ftehimiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u dawn il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, igawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom.
3. Dan ir-Regolament jelenka wkoll il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża għal tranżitu fl-ajruport bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ tranżitu liberu stabbilit fl-Anness 9 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Avjazzjoni Ċivili ta’ Chicago u jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għall-finijiet ta’ tranżitu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti tal-Istati Membri.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li mhix ċittadina tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 17(1) tat-Trattat;
(2) “viża” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru bl-għan ta’:
(a) tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorn previst fihom ta’ tul ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum;
(b) tranżitu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti tal-Istati Membri;
(3) “viża uniformi” tfisser viża valida għat-territorju kollu tal-Istati Membri;
(4) “viża b’validità territorjali limitata” tfisser viża valida għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ diversi Stati Membri, iżda mhux kollha;
(5) “viża għal tranżitu fl-ajruport” tfisser viża valida għal tranżitu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali ta’ ajruport wieħed jew ta’ diversi ajruporti tal-Istati Membri;
(6) “sticker tal-viża” tfisser il-format uniformi għall-viżi kif definit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viżi ( 18 );
(7) “dokument tal-ivvjaġġar rikonoxxut” tfisser dokument tal-ivvjaġġar rikonoxxut minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri għall-fini li jitwaħħlu l-viżi;
(8) “folja separata għat-twaħħil tal-viża” tfisser il-format uniformi għal formoli għat-twaħħil tal-viża maħruġin mill-Istati Membri lil persuni li għandhom dokumenti tal-ivvjaġġar mhux rikonoxxuti mill-Istat Membru li jfassal il-formola kif definit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 fuq format uniformi għall-formuli biex titwaħħal il-viża maħruġa mill-Istati Membri lill-persuni li jkollhom dokumenti għall-ivvjaġġar mhux rikonoxxuti mill-Istat Membru li jirrediġu l-formola ( 19 );
(9) “konsulat” tfisser missjoni diplomatika ta’ Stat Membru jew uffiċċju konsulari ta’ Stat Membru, awtorizzati li joħorġu l-viżi, u mmexxija minn uffiċjal konsulari ta’ karriera kif definit mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-24 ta’ April 1963;
(10) “applikazzjoni” tfisser applikazzjoni għal viża;
(11) “intermedjarju kummerċjali” tfisser aġenzija amministrattiva privata, kumpannija tat-trasport jew aġenzija tal-ivvjaġġar (operaturi turistiċi u bejjiegħa bl-imnut).
TITOLU II
VIŻA GĦAL TRANŻITU FL-AJRUPORT
Artikolu 3
Ċittadini ta’ pajjiżi terzi meħtieġa li jkollhom viża għal tranżitu fl-ajruport
1. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness VII għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom viża għal tranżitu fl-ajruport meta jgħaddu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri.
2. F’każijiet urġenti ta’ fluss massiv ta’ immigranti illegali, l-Istati Membri individwali jistgħu jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi diversi minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 li jkollhom viża għal tranżitu fl-ajruport meta jgħaddu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti li jinsabu fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-tali deċiżjonijiet, qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ, u bl-irtirar ta’ tali rekwiżit ta’ viża għal tranżitu fl-ajruport.
3. Fil-qafas tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 52(1), dawk in-notifiki għandhom jiġu riveduti fuq bażi annwali bil-ħsieb li l-pajjiż terz ikkonċernat jiġi trasferit għal-lista mniżżla fl-Anness VII.
4. Jekk il-pajjiż terż mhuwiex trasferit għall-lista mħejjia fl-Anness IV, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jżomm, sakemm il-kondizzjonijiet fil-paragrafu 2 jiġu sodisfatti, jew jirtira r-rekwiżit ta’ viża għal tranżitu fl-ajruport.
5. Il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jkollhom viża għal tranżitu fl-ajruport prevista fil-paragrafi 1 u 2:
(a) id-detenturi ta’ viża uniformi valida, viża nazzjonali ta’ żjarat fit-tul jew permess ta’ residenza maħruġin mill-Istat Membru;
(b) ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-pusses ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru li ma jiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament jew minn Stat Membru li għadu mhux qed japplika d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu fil-pusses ta’ wieħed mill-permessi ta’ residenza validi elenkati fl-Anness V maħruġa mill-Andorra, il-Kanada, il-Ġappun, San Marino jew l-Istati Uniti tal-Amerika li jiggarantixxu r-riammissjoni mhux kondizzjonata tad-detentur;
(c) ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-pusses ta’ viża valida għal Stat Membru li ma jiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, jew għal Stat Membru li għadu mhux qed japplika d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, jew għall Kanada, il-Ġappun jew l-Istati Uniti tal-Amerika, meta jivvjaġġaw lejn il-pajjiż li jkun ħareġ il-viża jew lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor, jew meta, wara li jkunu għamlu użu mill-viża, jirritornaw mill-pajjiż li jkun ħareġ il-viża;
(d) il-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 1(2)(a);
(e) id-detenturi tal-passaporti diplomatiċi;
(f) l-ekwipaġġ tat-titjiriet li huma ċittadini ta’ Parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.
TITOLU III
PROĊEDURI U KONDIZZJONIJIET GĦALL-ĦRUĠ TA’ VIŻI
KAPITOLU I
Awtoritajiet li jipparteċipaw fil-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet
Artikolu 4
Awtoritajiet li huma kompetenti biex jieħdu sehem fil-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet
1. L-applikazzjonijiet għal viża għandhom jiġu eżaminati mill-konsulati li għandhom ukoll jieħdu deċiżjoni dwarhom.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu eżaminati u tittieħed deċiżjoni dwarhom mal-fruntieri esterni tal-Istati Membri mill-awtoritajiet responsabbli għal kontrolli fuq il-persuni, skont l-Artikoli 35 u 36.
3. Fit-territorji extra-Ewropej tal-Istati Membri, l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ezaminati u tittieħed deċiżjoni dwarhom mill-awtoritajiet nominati mill-IstatMembru kkonċernat.
4. Stat Membru jista’ jeħtieġ l-involviment ta’ awtoritajiet diversi minn dawk nominati taħt il-paragrafi 1 u 2 fl-eżami tal-applikazzjonijiet u fit-teħid ta’ deċiżjoni dwarhom.
5. Stat Membru jista’ jitlob li jiġi kkonsultat jew infurmat minn Stat Membru ieħor skont l-Artikoli 22 u 31.
Artikolu 5
Stat Membru kompetenti biex jeżamina applikazzjoni u jieħu deċiżjoni dwarha
1. L-Istat Membru kompetenti biex jeżamina applikazzjoni għal viża uniformi u jieħu deċiżjoni dwarha għandu jkun:
(a) l-Istat Membru li t-territorju tiegħu jikkostitwixxi d-destinazzjoni unika taż-żjara(t),
(b) jekk iż-żjara tinkludi aktar minn destinazzjoni waħda, l-Istat Membru li t-territorju tiegħu jikkostitwixxi d-destinazzjoni prinċipali taż-żjara(t) fir-rigward tat-tul jew l-għan taż-żjara, jew
(c) jekk ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata l-ebda destinazzjoni prinċipali, l-Istat Membru li l-applikant bi ħsiebu jaqsam il-fruntieri esterni tiegħu biex jidħol fit-territorju tal-Istati Membri.
2. L-Istat Membru kompetenti biex jeżamina applikazzjoni għal viża uniformi għall-fini ta’ tranżitu u jieħu deċiżjoni dwarha għandu jkun:
(a) fil-każ ta’ tranżitu minn Stat Membru wieħed biss, l-Istat Membru kkonċernat, jew
(b) fil-każ ta’ tranżitu minn diversi Stati Membri, l-Istat Membru li l-applikant bi ħsiebu jaqsam l-fruntiera esterna tiegħu biex jibda t-tranżitu.
3. L-Istat Membru kompetenti biex jeżamina applikazzjoni għal viża għal tranżitu fl-ajruport u jieħu deċiżjoni dwarha għandu jkun:
(a) fil-każ ta’ tranżitu f’ajruport uniku, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-ajruport ta’ tranżitu, jew
(b) fil-każ ta’ tranżitu doppju jew multiplu f’ajruport, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-ewwel ajruport ta’ tranżitu.
4. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jipprevjenu li applikazzjoni ma tkunx tista’ tiġi eżaminata u tittieħed deċiżjoni dwarha minħabba li l-Istat Membru li huwa kompetenti skont il-paragrafi 1 sa 3 la huwa preżenti u lanqas huwa rappreżentat fil-pajjiż terz fejn l-applikant jippreżenta l-applikazzjoni skont l-Artikolu 6.
Artikolu 6
Kompetenza territorjali konsulari
1. Applikazzjoni għal viża għandha tiġi eżaminata u tittieħed deċiżjoni dwarha mill-konsulat tal-Istat Membru kompetenti li l-applikant jirresjedi legalment fil-gurisdizzjoni tiegħu.
2. Il-konsulat tal-Istat Membru kompetenti għandu jeżamina u jiddeċiedi dwar applikazzjoni mressqa minn ċittadin ta’ pajjiż terz preżenti legalment li madankollu ma jirresjedix fil-ġurisdizzjoni tiegħu, jekk il-konsulat iqis li l-applikant ikun iġġustifika li ressaq l-applikazzjoni fil-konsulat imsemmi.
Artikolu 7
Kompetenza għall-ħruġ ta’ viżi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu preżenti legalment fit- territorju ta’ Stat Membru
Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma preżenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li huma meħtieġa jkollhom viża biex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għandhom japplikaw għal viża fil-konsulat tal-Istat Membru li hu kompetenti skont l-Artikolu 5(1) jew (2).
Artikolu 8
Arranġamenti dwar rappreżentanza
1. Stat Membru jista’ jaqbel li jirrappreżenta Stat Membru ieħor li hu kompetenti skont l-Artikolu 5 għall-fini li jeżamina l-applikazzjonijiet u joħroġ il-viżi f’isem dak l-Istat Membru. Stat Membru jista’ wkoll jirrappreżenta Stat Membru wieħed jew aktar b’mod limitat biss għall-ġbir tal-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjoni ta’ identifikaturi bijometriċi.
2. Meta jikkunsidra li jiċħad viża, il-konsulat tal-Istat Membru li qed jirrappreżenta għandu jippreżenta l-applikazzjoni lill-awtoritajiet relevanti tal-Istat Membru rappreżentat sabiex huma jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 23(1), (2) jew (3).
3. Il-ġbir u t-trasmissjoni ta’ fajls u data lill-Istat Membru rappreżentat għandhom jitwettqu b’konformità mar-regoli rilevanti tal-protezzjoni tad-data u regoli tas-sigurtà.
4. Għandu jiġi stabbilit arranġament bilaterali bejn l-Istat Membru rappreżentant u l-Istat Membru rappreżentat li fih l-elementi li ġejjin:
(a) għandu jispeċifika t-tul ta’ tali rappreżentanza, anki jekk temporanju, u l-proċeduri għat-tmiem tagħha;
(b) għandu jun jista’, b’mod partikolari meta l-Istat Membru rappreżentat ikollu konsulat fil-pajjiż terz ikkonċernat, jipprovdi għal uffiċċji, persunal u ħlasijiet mill-Istat Membru rappreżentat;
(c) għandu jun jista’ jistabbilixxi li l-applikazzjonijiet minn ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jiġu trasmessi mill-Istat Membru rappreżentant lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru rappreżentat għal konsultazzjoni minn qabel, kif previst fl-Artikolu 22;
(d) b’deroga mill-paragrafu 2, għandu jun jista’ jawtorizza lill-konsulat tal-Istat Membru rappreżentant li jiċħad il-ħruġ ta’ viża wara l-eżami tal-applikazzjoni.
5. L-Istati Membri li m’għandhomx konsulat tagħhom stess f’pajjiż terz għandhom jimpenjaw ruħhom li jikkonkludu arranġamenti dwar rappreżentanza ma’ Stati Membri li għandhom konsulati f’dak il-pajjiż.
6. Bil-ħsieb li jkun żgurat li infrastruttura ta’ trasport fqira jew distanzi twal f’reġjun speċifiku jew żona ġeografika ma jeħtieġux sforz sproporzjonat min-naħa tal-applikanti tal-viża biex ikollhom aċċess għal konsulat, l-Istati Membri li m’għandhomx konsulat tagħhom stess f’dak ir-reġjun jew dik iż-żona għandhom jimpenjaw ruħhom li jikkonkludu arranġamenti dwar rappreżentanza mal-Istati Membri li għandhom konsulati f’dak ir-reġjun jew dik-iż-żona.
7. L-Istat Membru rappreżentat għandu jinnotifika l-arranġamenti dwar rappreżentanza jew it-tmiem ta’ tali arranġamenti lill-Kummissjoni qabel ma huma jidħlu fis-seħħ jew qabel ma jintemmu.
8. Fl-istess ħin, il-konsulat tal-Istat Membru rappreżentant għandu jinforma kemm lill-konsulati tal-Istati Membri l-oħrajn kif ukoll lid-delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-ġurisdizzjoni kkonċernata dwar l-arranġamenti dwar rappreżentanza jew it-tmiem ta’ arranġamenti bħal dawn qabel ma jidħlu fis-seħħ jew qabel ma jintemmu.
9. Jekk il-konsulat tal-Istat Membru rappreżentant jiddeċiedi li jikkoopera ma’ fornitur ta’ servizzi esterni skont l-Artikolu 43 jew ma’ intermedjarji kummerċjali akkreditati, skont l-Artikolu 45, tali kooperazzjoni għandha tinkludi l-applikazzjonijiet koperti mill-arranġamenti dwar rappreżentanza. L-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru rappreżentat għandhom ikunu infurmati minn qabel dwar il-modilitajiet ta’ din il-kooperazzjoni.
KAPITOLU II
L-applikazzjoni
Artikolu 9
Modalitajiet prattiċi għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal viża
1. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati mhux aktar minn tliet xhur qabel il-bidu taż-żjara prevista. Id-detenturi ta’ viżi bi dħul multiplu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjoni qabel l-iskadenza tal-viża valida għal perijodu ta’ mill-anqas sitt xhur.
2. L-applikanti jistgħu jkunu meħtieġa jiksbu appuntament għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni. Il-ħatra għandha, bħala regola, isseħħ fi żmien ġimagħtejn mid-data meta ntalbet il-ħatra.
3. F’każijiet ta’ urġenza ġġustifikati, l-applikanti għandhom jitħallew mill-konsulat jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom jew mingħajr appuntament, jew għandu jingħata appuntament minnufih.
4. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati fil-konsulat mill-applikant jew mill-intermedjarji kummerċjali akkreditati, kif previst fl-Artikolu 45(1), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, jew skont l-Artikoli 42 jew 43.
Artikolu 10
Regoli ġenerali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni
1. L-applikanti għandhom jidhru personalment meta jippreżentaw applikazzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13, 42, 43 u 45.
2. Il-konsulati jistgħu jirrinunzjaw r-rekwiżit imsemmifil-paragrafu 1 meta l-applikant hu magħruf minnhom għall-integrità u l-kredibbiltà tiegħu.
3. Meta jippreżenta applikazzjoni, l-applikant għandu:
(a) jippreżenta formola tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 11;
(b) jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar skont l-Artikolu 12;
(c) jippreżenta ritratt skont l-istandards stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1683/95 jew, fejn il-VIS hija operattiva konformement mal-Artikolu 48 tar-Regolament VIS, skont l-istandards mniżżlin fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament;
(d) jippermetti t-teħid tal-marki tas-swaba’ tiegħu skont l-Artikolu 13, fejn meħtieġ;
(e) iħallas it-tariffa tal-viża skont l-Artikolu 16;
(f) jipprovdi dokumenti ta’ sostenn skont l-Artikolu 14 u l-Anness II;
(g) fejn meħtieġ, jipprovdi prova tal-pussess ta’ assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida, skont l-Artikolu 15.
Artikolu 11
Il-formola tal-applikazzjoni
1. Kull applikant għandu jippreżenta formola tal-applikazzjoni kompluta u ffirmata, kif stipulat fl-Anness I. Il-persuni inklużi fid-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant għandhom jippreżentaw formola tal-applikazzjoni separata. Il-minuri għandhom jippreżentaw formola tal-applikazzjoni ffirmata minn persuna li qiegħda teżerċita awtorità ta’ ġenitur permanenti jew temporanja jew tutela legali.
2. Il-konsulati għandhom jagħmlu l-formola tal-applikazzjoni disponibbli b’mod mifrux għall-pubbliku u faċilment aċċessibbli għall-applikanti mingħajr ħlas.
3. Il-formola għandha tkun disponibbli fil-lingwi li ġejjin:
(a) il-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru li għalih qiegħda tintalab il-viża,
(b) il-lingwa/i uffiċjali tal-pajjiż ospitant,
(c) il-lingwa/i uffiċjali tal-pajjiż ospitant u l-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru li għalih qiegħda tintalab il-viża, jew
(d) fil-każ ta’ rappreżentanza, il-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru rappreżentant.
Barra mil-lingwi msemmijin fil-punt a), il-formola tista’ ssir disponibbli f’lingwa oħra mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
4. Jekk il-formola tal-applikazzjoni ma tkunx disponibbli fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-pajjiż ospitant, għandu jkun hemm disponibbli separatament traduzzjoni tagħha f’dawk il-lingwi għall-applikanti.
5. It-traduzzjoni tal-formola tal-applikazzjoni fil-lingwa/i uffiċjali tal-pajjiż ospitant għandha ssir skont il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen skont l-Artikolu 48.
6. Il-konsulat għandu jinforma lill-applikanti dwar il-lingwa/i li jistgħu jintużaw meta jimlew il-formola tal-applikazzjoni.
Artikolu 12
Dokument tal-ivvjaġġar
L-applikant għandu jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu li jissodisfa l-kriterji li ġejjin:
(a) il-validità tiegħu għandha testendi mill-anqas tliet xhur wara d-data prevista tat-tluq mit-territorju tal-Istati Membri jew, fil-każ ta’ diversi żjarat, wara l-aħħar data prevista tat-tluq mit-territorju tal-Istati Membri. Madankollu, f’każ ta’ emerġenza ġġustifikat, dan l-obbligu jista’ jiġi rinunzjat;
(b) għandu jkun fih mill-anqas żewġ paġni vojta;
(c) għandu jkun inħareġ fl-għaxar snin preċedenti.
Artikolu 13
Identifikaturi bijometriċi
1. L-Istati Membri għandhom jiġbru l-identifikaturi bijometriċi tal-applikant li jkunu jikkonsistu f’ritratt tiegħu u għaxar marki tas-swaba’ tiegħu konformement mas-salvagwardji stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.
2. Fil-mument ta’ preżentazzjoni tal-ewwel applikazzjoni, l-applikant għandu jkun meħtieġ jidher personalment. F’dak il-ħin għandhom jinġabru l-identifikaturi bijometriċi tal-applikant, li ġejjin:
— ritratt, skannjat jew meħud fi żmien l-applikazzjoni, u
— għaxar marki tas-swaba’ meħudin ċatti u miġbura b’mod diġitali.
3. Meta l-marki tas-swaba’ miġbura mill-applikant bħala parti minn applikazzjoni aktar bikrija jkunu ddaħħlu għall-ewwel darba fil-VIS anqas minn 59 xahar qabel id-data tal-applikazzjoni l-ġdida, huma għandhom jiġu kkopjati għall-applikazzjoni sussegwenti.
Madankollu, f’każ ta’ dubji raġonevoli dwar l-identità tal-applikanti, il-konsulat għandu jiġbor l-marki tas-swaba’ fil-perijodu speċifikat fl-ewwel subparagrafu.
Barra minn hekk, jekk fil-waqt li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, ma jistax jiġi kkonfermat minnufih li l-marki tas-swaba’ inġabru fil-perijodu speċifikat fl-ewwel subparagrafu, l-applikant jista’ jitlob li jinġabru.
4. Konformement mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament VIS, ir-ritratt mehmuż ma’ kull applikazzjoni għandu jiddaħħal fil-VIS. L-applikant mhux ser ikun meħtieġ jidher personalment għal dan l-iskop.
Ir-rekwiżiti tekniċi għar-ritratt għandhom ikunu konformi mal-istandards internazzjonali kif stabbiliti fid-dokument 9303 parti 1, is-sitt edizzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).
5. Il-marki tas-swaba’ għandhom jittieħdu skont l-istandards ICAO u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/648/KE tat-22 ta’ Settembru 2006 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-istandards għall-karatteristiċi bijometriċi relatati mal-iżvilupp tas-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża ( 20 ).
6. L-identifikaturi bijometriċi għandhom jinġabru minn persunal kkwalifikat u debitament awtorizzat tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 4(1), (2) u (3). Taħt is-superviżjoni tal-konsulati, l-identifikaturi bijometriċi jistgħu wkoll jinġabru minn persunal kwalifikat u debitament awtorizzat ta’ konslu onorarju kif imsemmi fl-Artikolu 42 jew ta’ fornitur estern tas-servizzi kif imsemmi fl-Artikolu 43. L-Istat jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom, f’każ ta’ dubju, jipprovdu għall-possibbiltà ta’ verifika tal-marki tas-swaba’ li ttieħdu mill-fornitur estern tas-servizzi.
7. L-applikanti li ġejjin għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’:
(a) tfal li jkollhom anqas minn 12-il sena;
(b) persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’. Jekk ikun possibbli li jittieħdu l-marki ta’ inqas minn għaxar swaba’, għandu jittieħed in-numru massimu ta’ marki tas-swaba’. Madankollu, jekk l-impossibbiltà tkun temporanja, l-applikant għandu jkun meħtieġ li jagħti l-marki tas-swaba’ fl-applikazzjoni li jmiss. L-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 4(1), (2) u (3) għandhom ikunu intitolati jitolbu aktar ċarezza fir-rigward tar-raġunijiet ta’ impossibbiltà temporanja. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri adatti li jiggarantixxu d-dinjità tal-applikant fil-każ li jkun hemm diffikultajiet fir-reġistrazzjoni;
(c) il-kapijiet tal-Istat jew gven u membri tal-gvern nazzjonali akkumpanjati minn żwieġhom, u l-membri tad-delegazzjoni uffiċjali tagħhom meta mistienda mill-gvernijiet tal-Istati Membri jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali għal skop uffiċjali;
(d) sovrani u membri għolja oħrajn ta’ familja rjali, meta jkunu mistiedna minn gvernijiet ta’ Stati Membri jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali għal skop uffiċjali.
8. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 7, id-daħla “mhux applikabbli” m’għandhiex tiġi introdotta fil-VIS konformement mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament dwar il-VIS.
Artikolu 14
Dokumenti ta’ sostenn
1. Meta japplika għal viża uniformi, l-applikant għandu jippreżenta:
(a) dokumenti li jindikaw l-fini tal-vjaġġ;
(b) dokumenti relatati mal-akkomodazzjoni, jew prova ta’ biżżejjed mezzi biex ikopri l-akkomodazzjoni tiegħu;
(c) dokumenti li jindikaw li l-applikant għandu biżżejjed mezzi finanzjarji ta’ sussistenza kemm għat-tul tas-soġġorn previst kif ukoll għar-ritorn tiegħu fil-pajjiż tiegħu ta’ oriġini jew ta’ residenza jew għat-tranżitu lejn pajjiż terz li fih huwa żgur li jiġi ammess, jew li huwa f’pożizzjoni li jikseb dawn il-mezzi legalment, skont l-Artikolu 5(1)(c) u (3) tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen;
(d) informazzjoni li tippermetti li ssir valutazzjoni tal-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni.
2. Meta japplika għal viża għal tranżitu fl-ajruport, l-applikant għandu jippreżenta:
(a) dokumenti rigward il-vjaġġ ‘il barra lejn id-destinazzjoni finali wara t-tranżitu previst fl-ajruport;
(b) informazzjoni li tippermetti li ssir valutazzjoni tal-intenzjoni tal-applikant li ma jidħolx fit-territorju tal-Istati Membri.
3. L-Anness II jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ dokumenti ta’ sostenn li l-konsulat jista’ jeħtieġ mill-applikant sabiex jivverifika jekk ikunux ġew issodisfatti l-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 u 2.
4. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-applikanti jippreżentaw prova ta’ sponsorizzazzjoni u/jew ta’ akkomodazzjoni privata billi jimlew formola mfassla minn kull Stat Membru. Dik il-formola għandha tindika b’mod partikolari:
(a) jekk l-għan tagħha huwiex li tipprovdi prova ta’ sponsorizzazzjoni u/jew ta’ akkomodazzjoni;
(b) jekk l-ospitant huwiex individwu, kumpannija jew organizzazzjoni;
(c) l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-ospitant;
(d) l-applikant(i) mistiednin;
(e) l-indirizz tal-akkomodazzjoni;
(f) it-tul u l-għan tas-soġġorn;
(g) irbit familjari possibbli mal-ospitant.
Minbarra l-lingwa/i uffiċjali tal-Istati Membri, il-formola għandha titfassal mill-anqas f’lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Il-formola għandha tipprovdi lill-persuna li qiegħda tiffirma l-formola bl-informazzjoni skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament dwar il-VIS.Għandu jiġi notifikat kampjun tal-formola lill-Kummissjoni.
5. Fi ħdan il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen, għandha tiġi vvalutata l-ħtieġa li jiġu kkompletati u armonizzati l-listi tad-dokumenti ta’ sostenn f’kull ġurisdizzjoni sabiex jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali.
6. Il-Konsulati jistgħu jirrinunzjaw waħda jew aktar mir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 fil-każ ta’ applikanti li huma jafu li huma ta’ integrità u kredibbiltà, b’mod partikolari l-użu legali ta’ viżi preċedenti, jekk m’hemm l-ebda dubju li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen meta jsir il-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri.
Artikolu 15
Assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar
1. L-applikanti għal viża uniformi għal dħul wieħed jew tnejn għandhom jipprovaw li għandhom fil-pussess tagħhom assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida li tkopri kwalunkwe kwalunkwe spiża li tista’ tinqala’ marbuta mar-ripatrijazzjoni għal raġunijiet mediċi, attenzjoni medika urġenti u/jew trattament ta’ emerġenza jew mewt, fi sptar matul is-soġġorn(i) tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri.
2. L-applikanti għal viża uniformi għal aktar minn żewġ daħliet (“dħul multiplu”) għandhom jipprovaw li għandhom fil-pussess tagħhom assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida li tkopri l-perijodu tal-ewwel żjara prevista tagħhom.
Barra minn hekk, dawn l-applikanti għandhom jiffirmaw id-dikjarazzjoni, imniżżla fil-formola tal-applikazzjoni, li tiddikjara li huma konxji mir-rekwiżit li jkollhom fil-pussess tagħhom assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar għal soġġorni sussegwenti.
3. L-assigurazzjoni għandha tkun valida fit-territorju kollu tal-Istati Membri u tkopri l-perijodu kollu tas-soġġorn jew tat-tranżitu previst tal-persuna. Il-kopertura minima għandha tkun ta’ EUR 30 000 .
Meta tinħareġ viża b’validità territorjali limitata li tkopri t-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, il-kopertura tal-assigurazzjoni għandha tkun valida tal-anqas fl-Istati Membri kkonċernati.
4. Fil-prinċipju, l-applikanti għandhom jagħmlu assigurazzjoni fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. Fejn dan mhux possibbli, huma għandhom jagħmlu assigurazzjoni fi kwalunkwe pajjiż ieħor.
Meta persuna oħra tagħmel assigurazzjoni f’isem l-applikant, għandhom japplikaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.
5. Huma u jivvalutaw jekk l-assigurazzjoni hijiex adegwata, il-konsulati għandhom jaċċertaw li l-pretensjonijiet kontra l-kumpannija tal-assigurazzjoni jkunux rekuperabbli fi Stat Membru.
6. Ir-rekwiżit tal-assigurazzjoni jista’ jitqies li ġie sodisfatt meta jkun ġie stabbilit li wieħed jista’ jassumi livell adegwat ta’ assigurazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni professjonali tal-applikant. L-eżenzjoni mill-preżentazzjoni tal-prova tal-assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar tista’ tikkonċerna lil gruppi professjonali partikolari, bħall-baħrin, li diġà huma koperti minn assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar bħala riżultat tal-attivitajiet professjonali tagħhom.
7. Id-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li jkollhom assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida.
Artikolu 16
It-tariffa tal-viża
1. L-applikanti għandhom iħallsu tariffa tal-viża ta’ EUR 60.
2. Tfal mill-età ta’ sitt snin sa mhux aktar minn 12-il sena għandhom iħallsu tariffa tal-viża ta’ EUR 35.
3. It-tariffa tal-viża għandha tiġi riveduta sabiex tkun tirrifletti l-ispejjeż amministrattivi.
4. It-tariffa tal-viża għandha tiġi rinunzjata għal applikanti li jagħmlu parti minn waħda mill-kategoriji li ġejjin:
(a) it-tfal taħt sitt snin;
(b) it-tfal tal-iskola, l-istudenti, l-istudenti fil-livell postuniversitarju u l-għalliema li jakkumpanjawhom li jagħmlu soġġorni għall-fini ta’ studju jew ta’ taħriġ edukattiv;
(c) riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jivvjaġġaw għall-iskop li jwettqu riċerka xjentifika kif definit fir-Rakkomandazzjoni Nru 2005/761/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2005 biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ mill-Istati Membri ta’ viżi uniformi ta’ soġġorn qasir għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jivvjaġġaw fil-Komunità għall-iskop li jwettqu riċerka xjentifika ( 21 );
(d) ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet bla skop ta’ qligħ li m’għandhomx aktar minn ħamsa u għoxrin sena li jipparteċipaw f’seminars, konferenzi, avvenimenti kulturali u edukattivi, organizzati minn organizzazzjonijiet bla skop ta’ qligħ.
5. It-tariffa tal-viża tista’ tiġi rinunzjata għal:
(a) tfal mill-età ta’ sitt snin sa mhux aktar minn tnax-il sena;
(b) detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u ta’ servizz;
(c) parteċipanti li m’għandhomx aktar minn ħamsa u għoxrin sena li jipparteċipaw f’seminars, konferenzi, avvenimenti sportivi, kulturali u edukattivi, organizzati minn organizzazzjonijiet bla skop ta’ qligħ.
Fi ħdan il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen, l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jarmonizzaw l-applikazzjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet.
6. F’każijiet individwali, l-ammont tat-tariffa tal-viża li għandha tiġi imposta tista’ tiġi rinunzjata jew imnaqqsa meta din il-miżura sservi biex tippromwovi interessi kulturali jew sportivi kif ukoll interessi fil-qasam tal-politika estera, il-politika tal-iżvilupp u oqsma oħrajn ta’ interess pubbliku vitali jew għal raġunijiet umanitarji.
7. It-tariffa tal-viża għandha tiġi imposta f’Euro, fil-munita nazzjonali tal-pajjiż terz jew fil-munita li hi normalment użata fil-pajjiż terz fejn qiegħda tiġi preżentata l-applikazzjoni u għandha tkun mingħajr il-possibbiltà ta’ rifużjoni minbarra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 18(2) u 19(3).
Meta l-ammont tat-tariffa tal-viża jkun impost f’munita li mhijiex l-Euro, l-ammont tat-tariffa tal-viża impost f’dik il-munita għandu jkun determinat u rivedut b’mod regolari fl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ta’ referenza esterna tal-EURO stabblita mill-Bank Ċentrali Ewropew. L-ammont impost jista’ jiżdied sal-eqreb ċifra u l-konsulati għandhom jiżguraw li jiġu imposti tariffi simili skont arranġamenti ta’ kooperazzjoni lokali ta’ Schengen.
8. L-applikant għandu jingħata rċevuta għat-tariffa tal-viża mħallsa.
Artikolu 17
It-tariffa tas-servizz
1. Tista’ tiġi imposta tariffa għas-servizz addizzjonali minn fornitur estern ta’ servizzi kif hemm imsemmi fl-Artikolu 43. It-tariffa għas-servizz għandha tkun proporzjonata għall-ispejjeż magħmula mill-fornitur estern ta’ servizz waqt li jwettaq kompitu wieħed jew aktar imsemmijin fl-Artikolu 43(6).
2. It-tariffa għas-servizzi għandha tkun speċifikata fl-istrument legali msemmi fl-Artikolu 43(2).
3. Fil-qafas tal-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffa għas-servizz li tintalab lill-applikant tirrifletti b’mod debitu s-servizzi offruti mill-fornitur estern tas-servizzi u tkun adattata għaċ-ċirkostanzi lokali. Barra minn hekk, huma għandu jkollhom l-għan li jarmonizzaw it-tariffa applikata għas-servizzi.
4. It-tariffa għas-servizzi m’għandhiex taqbeż nofs l-ammont tat-tariffa għall-viża mniżżla fl-Artikolu 16(1) irrispettivament mit-tnaqqis ta’ jew l-eżenzjonijiet possibbli mit-tariffa għall-viża kif previst fl-Artikolu 16(2), (4), (5) u (6).
5. L-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tagħhom.
KAPITOLU III
Eżami ta’ applikazzjoni u teħid ta’ deċiżjoni dwarha
Artikolu 18
Verifika ta’ kompetenza konsulari
1. Meta tiġi preżentata applikazzjoni, il-konsulat għandu jivverifika jekk huwiex kompetenti biex jeżaminaha u jieħu deċiżjoni dwarha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6.
2. Jekk il-konsulat mhuwiex kompetenti, dan għandu mingħajr dewmien irodd lura l-formola tal-applikazzjoni u kwalunkwe dokument ippreżentat mill-applikant, jirrimborsa t-tariffa għall-viża, u jindika liema konsulat huwa kompetenti.
Artikolu 19
Ammissibbiltà
1. Il-konsulat kompetenti għandu jivverifika jekk:
— l-applikazzjoni tkunx ġiet ippreżentata fil-perijodu msemmi fl-Artikolu 9(1),
— l-applikazzjoni jkunx fiha l-punti msemmijin fil-punti (a) sa (c) tal-l-Artikolu 10(3),
— tkunx inġabret id-data bijometrika tal-applikant, u
— tkunx inġabret it-tariffa tal-viża.
2. Fejn il-konsulat kompetenti jikkonkludi li jkunu ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, l-applikazzjoni hi ammissibbli u l-konsulat għandu:
— isegwi l-proċeduri deskritti fl-Artikolu 8 tar-Regolament VIS, u
— ikompli jeżamina l-applikazzjoni.
Id-data għandha tiddaħħal fil-VIS biss minn persunal konsulari debitament awtorizzat skont l-Artikoli 6(1), 7, 9(5) u 9(6) tar-Regolament VIS.
3. Fejn il-konsulat kompetenti jikkonkludi li l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ma jkunux ġew sodisfatti, l-applikazzjoni mhijiex ammissibbli u l-konsulat għandu mingħajr dewmien:
— irodd lura l-formola tal-applikazzjoni u d-dokumenti kollha ppreżentati mill-applikant,
— jeqred id-data bijometrika miġbura,
— jirrimborsa t-tariffa tal-viża, u
— ma jeżaminax l-applikazzjoni.
4. B’deroga, applikazzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 tista’ titqies ammissibbli għal raġunijiet umanitarji jew għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali.
Artikolu 20
Timbru li jindika li l-applikazzjoni hi ammissibbli
1. Meta applikazzjoni hi ammissibbli, il-konsulat kompetenti għandu jittimbra d-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant. It-timbru għandu jkun skont il-mudell imniżżel fl-Anness III u għandu jitwaħħal skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Anness.
2. Il-passaporti diplomatiċi, tas-servizz/uffiċjali u dawk speċjali m’għandhomx ikunu ttimbrati.
3. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-konsulati tal-Istati Membri sad-data li fiha l-VIS issir kompletament operattiva fir-reġjuni kollha, skont l-Artikolu 48 tar-Regolament VIS.
Artikolu 21
Verifika tal-kondizzjonijiet ta’ dħul u stima tar-riskju
1. Fl-eżami ta’ applikazzjoni għal viża uniformi, għandu jiġi aċċertat jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari lill-istima dwar jekk l-applikant ikunx jippreżenta riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għas-sigurtà tal-Istati Membri u jekk l-applikant huwiex bi ħsiebu jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni.
2. Fir-rigward ta’ kull applikazzjoni, il-VIS għandha tiġi kkonsultata skont l-Artikoli 8 (2) u 15 tar-Regolament VIS. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir użu sħiħ tal-kriterji kollha tar-riċerka taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-VIS sabiex jiġi evitat li jsiru ċaħdiet u identifikazzjonijiet foloz.
3. Fil-verifika dwar jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul, il-konsulat għandu jivverifika:
(a) li d-dokument tal-ivvjaġġar li qiegħed jiġi ppreżentat mhuwiex falz, kontrafatt jew iffalsifikat;
(b) il-ġustifikazzjoni tal-applikant tal-iskop u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn previst, u li huwa/hija għandu mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza, kemm għat-tul tas-soġġorn previst u għar-ritorn tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini jew ta’ residenza, jew għat-tranżitu lejn pajjiż terz li fih huwa żgur li jiġi ammess, jew li hu f’pożizzjoni li jikseb dawn il-mezzi skont il-liġi;
(c) jekk l-applikant huwiex persuna li fir-rigward tagħha tkun inħarġet twissija fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul;
(d) li l-applikant mhuwiex ikkunsidrat theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika kif definit fl-Artikolu 2 punt 19 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, u partikolarment fejn ma tkun inħarġet l-ebda twissija fil-bażijiet tad-data nazzjonali ta’ Stat Membru għall-iskop ta’ ċaħda tad-dħul għal dawk l-istess raġunijiet;
(e) li l-applikant għandu fil-pussess tiegħu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida, fejn applikabbli.
4. Fejn meħtieġ, il-konsulat għandu jivverifika t-tul tas-soġġorni preċedenti u dawk previsti sabiex jivverifika li l-applikant ma qabiżx it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri, irrispettivament mis-soġġorni potenzjali awtorizzati minn viża nazzjonali għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru ieħor.
5. Il-mezzi ta’ sussistenza għas-soġġorn previst għandhom jiġu vvalutati skont it-tul u l-fini tas-soġġorn u b’referenza għall-prezzijiet medji fl-Istat jew Stati Membri kkonċernati għall-ikel u l-irqad f’akkomodazzjoni rħisa, immultiplikat bin-numru ta’ jiem ta’ soġġorn, abbażi tal-ammonti ta’ referenza stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 34(1)(c) tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen. Dikjarazzjoni ta’ garanzija u/jew akkomodazzjoni privata tista’ tikkostitwixxi wkoll evidenza ta’ mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza.
6. Fl-eżami ta’ applikazzjoni għal viża għal tranżitu fl-ajruport, il-konsulat għandu, b’mod partikolari jivverifika:
(a) li d-dokument tal-ivvjaġġar li qiegħed jiġi ppreżentat mhuwiex falz, kontrafatt jew iffalsifikat;
(b) il-punti tat-tluq u tad-destinazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat u l-koerenza tal-itinerarju previst u t-tranżitu fl-ajruport;
(c) il-prova tal-vjaġġ ‘il barra lejn id-destinazzjoni finali.
7. L-eżami ta’ applikazzjoni għandu jkun ibbażat b’mod partikolari fuq l-awtentiċità u l-affidabbiltà tad-dokumenti ppreżentati u fuq il-veraċità u l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-applikant.
8. Waqt l-eżami ta’ applikazzjoni, il-konsulati jistgħu jsejħu lill-applikant għal intervista u jitolbu dokumenti addizzjonali.
9. Ċaħda ta’ viża preċedenti m’għandhiex twassal għal ċaħda awtomatika ta’ applikazzjoni ġdida. Applikazzjoni ġdida għandha tkun ivvalutata abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli.
Artikolu 22
Konsultazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet ċentrali ta’ Stati Membri oħrajn
1. Stat Membru jista’ jitlob lill-awtoritajiet ċentrali ta’ Stati Membri oħrajn sabiex jikkonsultaw lill-awtoritajiet ċentrali tiegħu matul l-eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta’ tali ċittadini. Tali konsultazzjoni m’għandhiex tapplika għall-applikazzjonijiet għal viżi għal tranżitu fl-ajruport.
2. L-awtoritajiet ċentrali kkonsultati għandhom iwieġbu definittivament fi żmien sebat ijiem kalendarji minn meta jiġu kkonsultati. In-nuqqas ta’ rispons qabel din l-iskadenza għandha tfisser li huma m’għandhomx raġunijiet biex joġġezzjonaw għall-ħruġ tal-viża.
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni jew it-tneħħija tat-talba għal din il-konsultazzjoni qabel ma dik il-miżura tkun applikabbli. Din l-informazzjoni għandha tingħata wkoll fi ħdan il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen fil-ġurisdizzjoni kkonċernata.
4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar it-tali notifiki.
5. Mid-data tas-sostituzzjoni tan-Netwerk ta’ Konsultazzjoni ta’ Schengen, kif imsemmi fl-Artikolu 46 tar-Regolament VIS, il-konsultazzjoni minn qabel għandha ssir skont l-Artikolu 16(2) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 23
Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni
1. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu deċiżi fi żmien 15-il jum kalendarju mid-data li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni li hija ammissibbli skont l-Artikolu 19.
2. Dak il-perijodu jista’ jiġi estiż sa massimu ta’ 30 jum kalendarju f’każijiet individwali, notevolment meta huwa meħtieġ skrutinju aktar dettaljat tal-applikazzjoni jew fil-każ ta’ rappreżentanza fejn jiġu kkonsultati l-awtoritajiet tal-Istat Membru rappreżentat.
3. Eċċezzjonalment, meta tkun meħtieġa dokumentazzjoni addizzjonali f’każijiet speċifiċi, dan il-perijodu jista’ jiġi estiż sa mhux aktar minn 60 jum kalendarju.
4. Sakemm l-applikazzjoni ma tkunx ġiet irtirata, għandha tittieħed deċiżjoni sabiex:
(a) tinħareġ viża uniformi, skont l-Artikolu 24,
(b) tinħareġ viża b’validità territorjali limitata, skont l-Artikolu 25,
(c) tinċaħad viża, skont l-Artikolu 32, jew
(d) ma jkomplix l-eżami tal-applikazzjoni u jittrasferiha lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru rappreżentat skont l-Artikolu 8(2).
Il-fatt li t-teħid tal-marki tas-swaba’ ma jkunx fiżikament possibbli, skont l-Artikolu 13(7)(b), m’għandux jinfluwenza l-ħruġ jew iċ-ċaħda ta’ viża.
KAPITOLU IV
Il-ħruġ tal-viża
Artikolu 24
Ħruġ ta’ viża uniformi
1. Il-perijodu ta’ validità ta’ viża u t-tul tas-soġġorn awtorizzat għandhom ikunu bbażati fuq l-eżami mwettaq skont l-Artikolu 21.
Il-viża tista’ tinħareġ għal numru ta’ dħul li jista’ jkun wieħed, tnejn jew aktar. Il-perijodu ta’ validità m’għandux jaqbeż il-ħames snin.
Fil-każ ta’ tranżitu, it-tul tas-soġġorn awtorizzat għandu jikkorrispondi għaż-żmien meħtieġ għall-fini tat-tranżitu.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12(a), il-perijodu ta’ validità tal-viża għandu jinkludi “perijodu ta’ konċessjoni” addizzjonali ta’ 15-il jum.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux dan il-perijodu ta’ konċessjoni għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew minħabba r-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12(a), il-viżi bi dħul multiplu għandhom jinħarġu b’perjodu ta’ validità ta’ bejn sitt xhur u ħames snin, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-applikant jipprova l-ħtieġa jew jiġġustifika l-intenzjoni li jivvjaġġa ta’ spiss u/jew regolarment, partikolarment minħabba l-istat okkupazzjonali jew familjari tiegħu, bħan-negozjanti, l-impjegati taċ-Ċivil li jkollhom kuntatti uffiċjali regolari mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, ir-rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-fini ta’ taħriġ edukattiv, is-seminars u l-konferenzi, il-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fl-Istati Membri kif ukoll baħrin, u
(b) l-applikant jipprova l-integrità u l-kredibilità tiegħu, b’mod partikolari l-użu legali tal-viżi uniformi preċedenti jew il-viżi b’validità territorjali limitata, is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini u l-intenzjoni ġenwina tiegħu li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir l-applikazzjoni.
3. Id-data mniżżla fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament VIS għandha tiddaħħal fil-VIS meta tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ tali viża.
Artikolu 25
Ħruġ ta’ viża b’validità territorjali limitata
1. Viża b’validità territorjali limitata għandha tinħareġ eċċezzjonalment, fil-każijiet li ġejjin:
(a) meta l-Istat Membru kkonċernat iqis li huwa meħtieġ, għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali,
(i) b’deroga mill-prinċipju li għandhom ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a), (c), (d) u (e), tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen;
(ii) biex tinħareġ viża minkejja l-oġġezjoni mill-Istat Membru kkonsultat skont l-Artikolu 22 għall-ħruġ ta’ viża uniformi; jew
(iii) biex tinħareġ visa għal raġunijiet ta’ urġenza, għalkemm ma tkunx twettqet il-konsultazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 22,
jew
(b) meta għal raġunijiet meqjusa ġustifikati mill-konsulat, tinħareġ viża ġdida għal soġġorn matul l-istess perjodu ta’ 180 jum lil applikant li, tul dan il-perjodu ta’ 180 jum, diġà jkun uża viża uniformi jew viża b’validità territorjali limitata li ppermettiet soġġorn ta' 90 jum.
2. Viża b’validità territorjali limitata għandha tkun valida għat-territorju tal-Istat Membru li joħroġha. Eċċezzjonalment hi tista’ tkun valida għat-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, suġġett għall-kunsens ta’ kull Stat Membru.
3. Jekk l-applikant ikollu dokument tal-ivvjaġġar li ma jkunx rikonoxxut minn Stat Membru wieħed jew iżjed, iżda mhux minn kollha, għandha tinħareġ viża valida għat-territorju tal-Istati Membri li jirrikonoxxu d-dokument tal-ivvjaġġar. Jekk l-Istat Membru li joħroġha ma jirrikonoxxix id-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant, il-viża maħruġa għandha tkun valida biss għal dak l-Istat Membru.
4. Meta tkun inħarġet viża b’validità territorjali limitata fil-każijiet deskritti fil-paragrafu 1(a), l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru li joħroġha għandu jiċċirkola l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien, permezz tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament VIS.
5. Id-data mniżżla fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament VIS għandha tiddaħħal fil-VIS meta tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ tali viża.
Artikolu 26
Ħruġ ta’ viża għal tranżitu fl-ajruport
1. Viża għal tranżitu fl-ajruport għandha tkun valida għal tranżitu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali ta’ ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12(a), il-perijodu ta’ validità tal-viża għandu jinkludi “perijodu ta’ konċessjoni” addizzjonali ta’ 15-il jum.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux dan il-perijodu ta’ konċessjoni għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew minħabba r-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri.
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12(a), il-viżi għal tranżitu fl-ajruport bi dħul multiplu jistgħu jinħarġu b’perjodu ta’ validità ta’ mhux aktar minn sitt xhur.
4. Il-kriterji li ġejjin huma b’mod partikolari rilevanti għat-teħid tad-deċiżjoni biex jinħarġu viżi għal tranżitu fl-ajruport bi dħul multiplu:
(a) il-ħtieġa tal-applikant ta’ tranżitu frekwenti u/jew regolari, u
(b) l-integrità u l-affidibbiltà tal-applikant, b’mod partikolari l-użu skont il-liġi ta’ viżi uniformi preċedenti, ta’ viżi b’validità territorjali limitata jew ta’ viżi għal tranżitu fl-ajruport, is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu u l-intenzjoni ġenwina tiegħu li jkompli bil-vjaġġ tiegħu.
5. Meta l-applikant huwa meħtieġ li jkollu viża għal tranżitu fl-ajruport skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2), il-viża għal tranżitu fl-ajruport għandha tkun valida meta jgħaddu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati.
6. Id-data mniżżla fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar il-VIS għandha tiddaħħal fil-VIS meta tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ tali viża.
Artikolu 27
Il-mili tal-isticker tal-viża
1. Meta timtela l-isticker tal-viża, għandhom jiddaħħlu l-annotamenti obbligatorji stabbiliti fl-Anness X u timtela l-parti li tista’ tinqara mill-magna, kif previst fid-dokument tal-ICAO 9303, Parti 2.
2. L-Istati Membri jistgħu jżidu annotamenti nazzjonali fit-taqsima tal-“kummenti” tal-isticker tal-viża, li m’għandhomx jiddupplikaw l-annotamenti obbligatorji fl-Anness VII.
3. L-annotamenti kollha fuq l-isticker tal-viża għandhom jiġu stampati u m’għandha ssir l-ebda bidla manwali fl-isticker tal-viża stampata.
4. L-istickers tal-viża jista’ jimtlew manwalment fil-każ biss ta’ force majeure teknika. M’għandha ssir l-ebda bidla fl-isticker tal-viża stampata li tkun imtliet manwalment.
5. Meta l-isticker tal-viża timtela manwalment skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, din l-informazzjoni għandha tiddaħħal fil-VIS skont l-Artikolu 10(1)(k) tar-Regolament VIS.
Artikolu 28
Invalidar tal-istickers tal-viżi mimlijin
1. Jekk jinstab żball fuq sticker tal-viża li tkun għadha ma twaħħlitx fuq id-dokument tal-ivvjaġġar, l-isticker tal-viża għandha tiġi invalidata.
2. Jekk jinstab żball wara li l-isticker tal-viża tkun twaħħlet fuq id-dokument tal-ivvjaġġar, l-isticker tal-viża għandha tkun invalidata billi jitpinġa salib b’inka li ma titħassarx fuq l-isticker tal-viża u titwaħħal sticker tal-viża ġdida fuq paġna differenti.
3. Jekk jinstab żball wara li tkun ġiet introdotta d-data rilevanti fil-VIS skont l-Artikolu 10 (1) tar-Regolament VIS, l-iżball għandu jiġi kkoreġut skont l-Artikolu 24(1) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 29
Twaħħil tal-istickers tal-viża
1. L-isticker stampata tal-viża li fiha d-data prevista fl-Artikolu 27 u fl-Anness VII tal-viża għandha titwaħħal mad-dokument tal-ivjaġġar skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VIII.
2. Fejn l-Istat Membru li joħroġ il-viża ma jirrikonoxxix id-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant, il-folja separata għandha tintuża għat-twaħħil ta’ viża.
3. Meta l-isticker tal-viża tkun twaħħlet mal-folja separata għat-twaħħil tal-viża, din l-informazzjoni għandha tiddaħħal fil-VIS skont l-Artikolu 10(1)(j) tar-Regolament VIS.
4. Il-viżi individwali maħruġa lil persuni li huma inklużi fid-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant għandhom jitwaħħlu f’dak id-dokument tal-ivvjaġġar.
5. Fejn id-dokument tal-ivvjaġġar li fih ikunu ġew inklużi dawn il-persuni mhuwiex rikonoxxut mill-Istat Membru tal-ħruġ, l-isticker tal-viżi individwali għandhom jitwaħħlu fuq il-folji separati għat-twaħħil tal-viżi.
Artikolu 30
Drittijiet li jirriżultaw mill-ħruġ ta’ viża
Is-sempliċi pussess ta’ viża uniformi jew viża b’validità territorjali limitata ma jikkonferix dritt awtomatiku ta’ dħul.
Artikolu 31
Informazzjoni tal-awtoritajiet ċentrali ta’ Stati Membri oħrajn
1. Stat Membru jista’ jeħtieġ li l-awtoritajiet ċentrali tiegħu jiġu infurmati dwar viżi maħruġa minn konsulati ta’ Stati Membri oħrajn lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi speċifiċi jew lil kategoriji speċifiċi ta’ tali ċittadini, minbarra fil-każ ta’ viżi għal tranżitu fl-ajruport.
2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni jew it-tneħħija tar-rekwiżit għal tali informazzjoni qabel ma dik il-miżura tkun applikabbli. Din l-informazzjoni għandha tingħata wkoll fi ħdan il-kooperazzjoni ta’ Schengen fil-ġurisdizzjoni kkonċernata.
3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar it-tali notifiki.
4. Mid-data msemmija fl-Artikolu 46 tar-Regolament VIS, l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa skont l-Artikolu 16(3) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 32
Ċaħda ta’ viża
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(1), viża għandha tinċaħad:
(a) jekk l-applikant:
(i) jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar li hu falz, kontrafatt jew iffalsifikat;
(ii) ma jipprovdix ġustifikazzjoni għall-finijiet u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn previst;
(iii) ma jipprovdix prova ta’ mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għat-tul tas-soġġorn previst jew għar-ritorn tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini jew residenza, jew għat-tranżitu lejn pajjiż terz li fih huwa żgur li jiġi ammess, jew mhuwiex f’pożizzjoni li jikseb dawn il-mezzi skont il-liġi;
(iv) ikun diġà qagħad għal 90 jum matul il-perijodu preżenti ta’ 180 jum fit-territorju tal-Istati Membri abbażi ta’ viża uniformi jew viża b’validità territorjali limitata;
(v) hu persuna li nħarġitilha twissija fis-SIS għall-fini ta’ ċaħda tad-dħul;
(vi) hu meqjus bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika kif definita fl-Artikolu 2 punt 19 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, u partikolarment fejn tkun inħarġet twissija fil-bażijiet tad-data nazzjonali ta’ Stat Membru għall-fini ta’ ċaħda tad-dħul għal dawk l-istess raġunijiet;
(vii) ma jagħtix prova li għandu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida, fejn applikabbli;
jew
(b) jekk ikun hemm dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità tad-dokumenti ta’ sostenn ippreżentati mill-applikant jew dwar il-veraċità tal-kontenut tagħhom, dwar il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-applikant jew l-intenzjoni tiegħu li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni.
2. Deċiżjoni għaċ-ċaħda u r-raġunijiet li fuqhom hi bbażata għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness VI.
3. L-applikanti li tkun inċaħditilhom viża għandu jkollhom id-dritt għall-appell. L-appelli għandhom jitmexxew kontra l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni u skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-applikanti b’informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ appell, kif speċifikat fl-Anness VI.
4. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2), il-konsulat tal-Istat Membru rappreżentant għandu jinforma lill-applikant bid-deċiżjoni meħuda mill-Istat Membru rrappreżentat.
5. L-informazzjoni dwar il-viża miċħuda għandha tiddaħħal fil-VIS skont l-Artikolu 12 tar-Regolament VIS.
KAPITOLU V
Modifika ta’ viża maħruġa
Artikolu 33
Estensjoni
1. Il-perijodu ta’ validità u/jew it-tul tas-soġġorn ta’ viża maħruġa għandhom jiġu estiżi fejn l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tqis li d-detentur tal-viża jkun ipprovda prova ta’ force majeure jew raġunijiet umanitarji li ma ħallewħx jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ validità jew tad-durata tas-soġġorn awtorizzat mill-viża. Din l-estensjoni għandha tingħata mingħajr ħlas.
2. Il-perjodu ta’ validità u/jew it-tul ta’ soġġorn ta’ viża maħruġa għandu jiġi estiż jekk id-detentur tal-viża jipprovdi prova ta’ raġunijiet personali serji li jiġġustifikaw l-estensjoni tal-perijodu ta’ validità jew it-tul tas-soġġorn. Għandha titħallas tariffa ta’ EUR 30 għal tali estensjoni.
3. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-awtorità li testendi l-viża, il-validità territorjali tal-viża estiża għandha tibqa’ l-istess bħal dik tal-viża oriġinali.
4. L- awtorità kompetenti għall-estensjoni tal-viża għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun preżenti fil-mument tal-applikazzjoni għal estensjoni.
5. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni liem huma l-awtoritajiet kompetenti għall-estensjoni tal-viżi.
6. L-estensjoni tal- viżi għandha tieħu l-forma ta’ sticker tal-viża.
7. L-informazzjoni dwar viża estiża għandha tiddaħħal fil-VIS skont l-Artikolu 14 tar-Regolament VIS.
Artikolu 34
Annullament u revoka
1. Viża għandha tiġi annullata fejn isir evidenti li l-kondizzjonijiet għall-ħruġ tal-viża ma ġewx sodisfatti fiż-żmien tal-ħruġ tagħha, b’mod partikolari jekk hemm raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li l-viża nkisbet b’mod frodulenti. Fil-prinċipju, viża għandha tiġi annullata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża. Viża tista’ tiġi revokata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, f’liema każ l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun infurmat b’tali revoka.
2. Viża għandha tkun revokata meta jsir evidenti li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħha m’għadhomx ikunu sodisfatti. Viża fil-prinċipju għandha tkun revokata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jkun ħariġha. Viża tista’ tiġi annullata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, f’liema każ l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun infurmat b’tali annullament.
3. Viża tista’ tiġi revokata fuq it-talba tad-detentur tal-viża. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li ħarġu l-viża għandhom ikunu infurmati b’tali revoka.
4. In-nuqqas tad-detentur tal-viża li jipproduċi, mal-fruntiera, wieħed jew aktar dokumenti ta’ sostenn imsemmijin fl-Artikolu 14(3), m’għandux iwassal awtomatikament għal deċiżjoni ta’ annullament jew revoka tal-viża.
5. Jekk viża hija annullata jew revokata, għandu jiġi mehmuż magħha timbru li jiddikjara “ANNULLATA” jew “REVOKATA” u l-varjazzjoni ottika tal-isticker tal-viża, il-fattur ta’ sigurtà ta’ “effett ta’ xbieha moħbija” kif ukoll il-kelma ‘viża’ għandhom jitħassru billi jiġu ingassati.
6. Deċiżjoni dwar l-annullament jew ir-revoka ta’ viża u r-raġunijiet li fuqhom hi bbażata għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness VI.
7. Id-detentur tal-viża li l-viża tiegħu tkun ġiet annullata jew revokata għandu jkollu d-dritt tal-appell, sakemm il-viża ma tkunx ġiet revokata fuq it-talba tiegħu skont il-paragrafu 3. L-appelli għandhom jitmexxew kontra l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni dwar l-annullament jew ir-revoka u skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-applikanti b’informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ appell, kif speċifikat fl-Anness VI.
8. L-informazzjoni dwar viża annullata jew revokata għandha tiddaħħal fil-VIS, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament VIS.
KAPITOLU VI
Viżi maħruġa fuq il-fruntieri esterni
Artikolu 35
Applikazzjonijiet għal viżi fuq il-fruntieri esterni
1. F’każijiet eċċezzjonali, il-viżi jistgħu jinħarġu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-applikant jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen;
(b) l-applikant ma kienx f’pożizzjoni li japplika għal viża minn qabel u jippreżenta, fejn meħtieġ, dokumenti ta’ sostenn li jissostanzjaw ir-raġunijiet imprevedibbli u imperattivi għad-dħul, u
(c) ir-ritorn tal-applikant fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew ir-residenza jew it-tranżitu minn Stati li mhumiex Stati Membri li jimplimentaw bis-sħiħ l-acquis ta’ Schnegen ikun meqjus bħala ċert.
2. Meta ssir applikazzjoni għal viża mal-fruntiera esterna, jista’ jitneħħa r-rekwiżit li l-applikant ikollu fil-pussess tiegħu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar meta t-tali assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar mhijiex disponibbli f’dak il-punt tal-qsim tal-fruntieri jew għal raġunijiet umanitarji.
3. Viża maħruġa mal-fruntiera esterna għandha tkun viża uniformi, li tintitola lid-detentur għal soġġorn ta’ tul ta’ mhux aktar minn 15-il jum, li jiddependi fuq l-fini u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn previst. Fil-każ ta’ tranżitu, it-tul tas-soġġorn awtorizzat għandu jikkorrispondi għaż-żmien meħtieġ għall-fini tat-tranżitu.
4. Fejn ma jiġux sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen, l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-viża mal-fruntiera jistgħu joħorġu viża b’validità territorjali limitata għat-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-viża biss, skont l-Artikolu 25(1)(a) ta’ dan ir-Regolament.
5. Ċittadin ta’ pajjiż terz li jaqa’ f’kategorija ta’ persuni li għalihom tkun meħtieġa konsultazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 22, m’għandux, fil-prinċipju, tinħariġlu viża mal-fruntiera esterna.
Madankollu, mal-fruntiera esterna tista’ tinħareġ viża b’validità territorjali limitata għat-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-viża għal dawn il-persuni f’każijiet eċċezzjonali, skont l-Artikolu 25(1)(a).
6. Minbarra r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-viża previsti fl-Artikolu 32(1) viża għandha tkun miċħuda fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera, jekk il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu ma jkunux sodisfatti.
7. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-ġustifikazzjoni u n-notifika taċ-ċaħdiet u d-dritt tal-appell stabbilit fl-Artikolu 32(3)u l-Anness VI.
Artikolu 36
Viżi maħruġa lill-baħħara fi tranżitu fuq il-fruntiera esterna
1. Baħri li huwa mitlub li jkollu viża meta jaqsam il-fruntieri esterni tal-Istati Membri jista’ jingħata viża għal fini ta’ tranżitu mal-fruntiera fejn:
(a) jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 35(1), u
(b) ikun qiegħed jaqsam taqsam il-fruntiera inkwistjoni sabiex jimbarka fuq, jerġa’ jimbarka fuq jew jiżbarka minn fuq vapur li fuqu hu ser jaħdem jew fejn ħadem bħala baħri.
2. Qabel ma joħorġu viża mal-fruntiera lil baħri fi tranżitu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness IX, u jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa dwar il-baħri inkwistjoni tkun ġiet skambjata permezz ta’ formola għal baħrin fi tranżitu mimlija b’mod adatt, kif stabbilit fit-Tieni parti tal-Anness IX.
3. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35(3), (4) u (5).
TITOLU IV
ĠESTJONI U ORGANIZZAZZJONI AMMINISTRATTIVA
Artikolu 37
Organizzazzjoni tat-taqsimiet tal-viżi
1. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biex jorganizzaw it-taqsimiet tal-viża tal-konsulati tagħhom.
Bil-għan ta’ prevenzjoni ta’ kwalunkwe tnaqqis fil-livell ta’ viġilanza u biex il-persunal ikun imħares milli jkun espost għal pressjoni fuq livell lokali, għandhom jitwaqqfu skemi ta’ rotazzjoni għall-persunal li jittratta direttament mal-applikanti, fejn xieraq. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil strutturi ċari ta’ xogħol u għal allokazzjoni/diviżjoni distinta tar-responsabbiltajiet fir-rigward tat-teħid tad-deċiżjonijiet finali dwar l-applikazzjonijiet. L-aċċess għall-konsultazzjoni tal-VIS u s-SIS u informazzjoni kunfidenzjali oħra għandu jkun ristrett għal numru limitat tal-persunal debitament awtorizzati. Għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi prevenut l-aċċess mhux awtorizzat għal dawn il-bażijiet ta’ data.
2. Il-ħażna u l-ġestjoni tal-istickers tal-viża għandhom ikunu suġġetti għal miżuri ta’ sigurtà adatti biex jiġu evitati l-frodi jew it-telf. Kull konsulat għandu jżomm kont tal-istokk ta’ stickers tal-viża tiegħu u jirreġistra kif intużat kull sticker tal-viża.
3. Il-konsulati tal-Istati Membri għandhom iżommu arkivji tal-applikazzjonijiet. Kull fajl individwali għandu jkun fih il-formola tal-applikazzjoni, il-kopji tad-dokumenti ta’ sostenn rilevanti, reġistrazzjoni tal-kontrolli li saru u n-numru ta’ referenza għall-viża maħruġa, sabiex il-persunal ikun jista’ jibni mill-ġdid, jekk hemm bżonn, l-isfond għad-deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni.
Il-fajls individwali tal-applikazzjonijiet għandhom jinżammu għal mhux anqas minn sentejn, mid-data tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 23(1).
Artikolu 38
Riżorsi għall-eżami tal-applikazzjonijiet u l-monitoraġġ tal-konsulati
1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu minn persunal adatt f’għadd suffiċjenti biex iwettqu l-kompiti relatati mal-eżami tal-applikazzjonijiet, b’tali mod li jiżguraw kwalità raġonevoli u armonizzata tas-servizz lill-pubbliku.
2. L-uffiċċji għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti funzjonali adatti ta’ adegwatezza u jagħtu lok għal miżuri ta’ sigurtà adatti.
3. L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jipprovdu taħriġ adegwat kemm lill-membri tal-persunal espatrijati kif ukoll lil membri tal-persunal impjegati lokalment u għandhom ikunu responsabbli biex jipprovduhom b’informazzjoni kompluta, preċiża u aġġornata dwar il-liġi Komunitarja u nazzjonali rilevanti.
4. L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jiżguraw monitoraġġ frekwenti u adegwat tat-twettiq tal-eżami tal-applikazzjonijiet u għandhom jieħdu miżuri korrettivi meta jinstabu devjazzjonijiet mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 39
Imġiba tal-persunal
1. Il-konsulati tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jintlaqgħu b’korteżija.
2. Fit-twettiq tad-dmirijet tiegħu, il-persunal konsulari għandu jirrispetta b’mod sħiħ id-dinjità tal-bniedem. Kwalunkwe miżura meħuda għandha tkun proporzjonata għall-objettivi segwiti minn dawn il-miżuri.
3. Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-persunal konsulari m’għandux jiddiskrimina kontra persuni fuq il-bażi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.
Artikolu 40
Forom ta’ kooperazzjoni
1. Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli biex jorganizza l-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet. Fil-prinċipju, l-applikazzjonijiet għandhom jiġi ppreżentati f’konsulat Stat Membru.
2. L-Istati Membri għandhom:
(a) jgħammru lill-konsulati u lill-awtoritajiet responsabbli tagħhom għall-ħruġ tal-viżi fil-fruntieri bil-materjal meħtieġ għall-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, kif ukoll l-uffiċċji tal-konsli onorarji tagħhom, kull meta huma jagħmlu użu minnhom, biex jinġabru identifikaturi bijometriċi skont l-Artikolu 42, u/jew
(b) jikkooperaw ma’ Stat Membru wieħed jew aktar, fil-qafas ta’ kooperazzjoni lokali ta’ Schengen jew permezz ta’ kuntatti adatti oħrajn, fil-forma ta’ rappreżentazzjoni limitata, kolokazzjoni jew Ċentru Komuni għall-Applikazzjonijiet, skont l-Artikolu 41.
3. F’ċirkostanzi partikolari jew għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni lokali, bħal meta:
(a) l-għadd kbir ta’ applikanti ma jippermettix li l-ġbir tal-applikazzjonijiet u tad-data jiġi organizzat b’mod f’waqtu u f’kondizzjonijiet deċenti, jew
(b) ma jkunx possibbli li tiġi żgurata kopertura territorjali tajba tal-pajjiż terz ikkonċernat b’xi mod ieħor;
u fejn il-forom ta’ kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(b) jirriżultaw mhux adatti għall-Istat Membru kkonċernat, Stat Membru jista’ jikkoopera ma’ fornitur estern tas-servizzi, bħala l-aħħar soluzzjoni possibbli, skont l-Artikolu 43.
4. Mingħajr preġudizzju għad-dritt li l-applikant jissejjaħ għal intervista personali, kif previst fl-Artikolu 21(8), l-għażla ta’ forma ta’ organizzazzjoni m’għandhiex tirriżulta fir-rekwiżit tal-preżentazzjoni personali tal-applikant f’aktar minn post wieħed għal preżentazzjoni ta’ applikazzjoni.
5. L-Istati Membri għandhom jinnotifkaw lill-Kummissjoni dwar kif bi ħsiebhom jorganizzaw il-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet f’kull rappreżentanza konsulari.
Artikolu 41
Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri
1. Fejn tingħażel il-“kolokazzjoni”, il-persunal tal-konsultati ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għandhom iwettqu l-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet (inkluż il-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi) indirizzati lilhom fil-konsulat ta’ Stat Membru ieħor u jikkondividi t-tagħmir ta’ dak l-Istat Membru. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jaqblu dwar it-tul ta’ żmien u l-kondizzjonijiet għat-terminazzjoni tal-kolokazzjoni kif ukoll dwar il-proporzjon tat-tariffa għall-viża li għandu jirċievi l-Istat Membru li l-konsulat tiegħu jkun qed jintuża.
2. Fejn ikunu stabbiliti “Ċentri Komuni għall-Applikazzjonijiet”, il-persunal tal-konsulati ta’ żewġ Stati Membri jew aktar għandu jinġabar f’bini wieħed sabiex l-applikanti jippreżentaw l-applikazzjonijiet (inklużi l-identifikaturi bijometriċi). L-applikanti għandhom jiġu ggwidati lejn l-Istat Membru kompetenti għall-eżaminar ta’ u għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. L-Istat Membri għandhom jaqblu dwar il-tul ta’żmien ta’, u l-kondizzjonijiet dwar kif tintemm, tali kooperazzjoni kif ukoll dwar il-qsim tal-ispejjeż bejn l-Istati Membri parteċipanti. Stat Membru wieħed għandu jkun responsabbli mill-kuntratti f’relazzjoni mal-loġistika u r-relazzjonijiet diplomatiċi mal-pajjiż ospitant.
3. Fil-każ li tintemm il-kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn, l-Istati Membri għandhom jassiguraw il-kontinwità ta’ servizz sħiħ.
Artikolu 42
Rikors għand konsli onorarji
1. Konsli onorarji jistgħu wkoll ikunu awtorizzati li jwettqu xi kompiti jew il-kompiti kollha msemmija fl-Artikolu 43(6). Għandhom jittieħdu miżuri adegwati sabiex ikunu assigurati s-sigurtà u l-protezzjoni tad-data.
2. Fejn il-konslu onorarju ma jkunx impjegat taċ-ċivil tal-Istat Membru, it-twettiq ta’ dawk il-kompiti għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness X ħlief għad-dispożizzjonijiet fil-punt D(c) ta’ dak l-Anness.
3. Fejn il-konslu onorarju ma jkunx impjegat taċ-ċivil tal-Istat Membru, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li jiġu applikati r-rekwiżiti komparabbli ma’ dawk li jkunu japplikaw kieku l-kompiti jitwettqu mill-konsulat tiegħu.
Artikolu 43
Kooperazzjoni ma’ fornituri esterni tas-servizzi
1. L-Istati Membri għandhom ifittxu li jikkooperaw ma’ fornitur estern tas-servizzi flimkien ma’ Stat Membru wieħed jew aktar, mingħajr preġudizzju għall-akkwist pubbliku u r-regoli tal-kompetizzjoni.
2. Kooperazzjoni mal-fornitur estern tas-servizzi għandha tkun ibbażata fuq strument legali li għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness X.
3. L-Istati Membri għandhom, fil-qafas tal-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen, jiskambjaw informazzjoni dwar l-għażla ta’ fornituri esterni tas-servizzi u l-istabbiliment tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-istrumenti legali rispettivi tagħhom.
4. L-eżami ta’ applikazzjonijiet, intervisti, fejn ikun adatt id-deċiżjoni dwar applikazzjonijiet u l-istampar u t-twaħħil tal-istickers tal-viża għandhom jitwettqu biss mill-konsulat.
5. Il-fornituri esterni tas-servizzi m’għandux ikollhom aċċess għall-VIS għal kwalunkwe ċirkostanza. L-aċċess għall-VIS għandu jkun riżervat esklużivament għall-persunal debitament awtorizzat tal-konsulati.
6. Il-fornitur estern tas-servizzi jista’ jkun fdat bit-twettiq b’wieħed jew aktar minn dawn il-kompiti li ġejjin:
(a) jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar ir-rekwiżiti tal-viża u formuli tal-applikazzjoni;
(b) jinforma lill-applikant dwar id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa, abbażi ta’ lista ta’ verifika;
(c) jiġbor data u applikazzjonijiet (inkluż ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi) u jittrasmetti l-applikazzjoni lill-konsulat;
(d) jiġbor it-tariffa tal-viża;
(e) jiġġestixxi l-appuntamenti għall-preżentazzjoni personali fil-konsulat jew għand il-fornitur estern tas-servizzi;
(f) jiġbor d-dokumenti tal-ivvjaġġar, inkluża notifika ta’ ċaħda jekk applikabbli, mill-konsulat u jgħaddihom lura lill-applikant.
7. Fl-għażla tal-fornituri esterni tas-servizzi, l-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom jiflu s-solvenza u l-affidabbiltà tal-kumpannija, inklużi l-liċenzji meħtieġa, ir-reġistrazzjoni kummerċjali, l-istatuti tal-kumpannija, il-kuntratti bankarji, u għandhom jiżguraw li m’hemm l-ebda konflitt ta’ interessi.
8. L-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li l-fornitur estern tas-servizzi magħżul jikkonforma mat-termini u l-kondizzjonijiet assenjati lilu fl-istrument legali msemmi fil-paragrafu 2.
9. L-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom jibqgħu responsabbli għall-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data u għandhom jiġu ssorveljati konformement mal-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE.
Il-kooperazzjoni ma’ fornitur estern tas-servizzi m’għandhiex tillimita jew teskludi kwalunkwe responsabbiltà li tirriżulta mil-liġi nazzjonali tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati għal ksur ta’ obbligi fir-rigward tad-data personali ta’ applikanti jew it-twettiq ta’ kompitu wieħed jew aktar msemmija fil-paragrafu 2. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni li tista’ tittieħed direttament kontra l-fornitur estern tas-servizzi skont il-liġi nazzjonali tal-pajjiż terz ikkonċernat.
10. L-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu taħriġ lill-fornitur estern tas-servizzi, sal-livell li jikkorrispondi għall-għarfien meħtieġ biex jiġi offrut servizz adatt u informazzjoni suffiċjenti lill-applikanti.
11. L-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom iwettqu monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-istrument legali msemmi fil-paragrafu 2, inkluż:
(a) l-informazzjoni ġenerali dwar rekwiżiti tal-viża u formoli ta’ applikazzjoni pprovduti mill-fornitur estern tas-servizzi lill-applikanti;
(b) il-miżuri tekniċi u organizzattivi tas-sigurtà kollha meħtieġa għall-protezzjoni tad-data personali kontra qerda aċċidentali jew illegali jew telfien aċċidentali, alterazzjoni, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari fejn il-kooperazzjoni tkun tinvolvi t-trasmissjoni ta’ fajls u data lill-konsulat tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati, u l-forom illegali l-oħrajn kollha ta’ pproċessar tad-data personali;
(c) il-ġbir u t-trasmissjoni tal-identifikaturi bijometriċi;
(d) il-miżuri meħuda biex tiġi żgurata konformità mad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data.
Għal dan il-għan, il-konsulat jew konsulati tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom, fuq bażi regolari, iwettqu spezzjonijiet għall-għarrieda fil-kwartieri tal-fornitur estern tas-servizzi.
12. Fil-każ li tintemm il-kooperazzjoni mal-fornitur estern tas-servizzi, l-Istati Membri għandhom jassiguraw il-kontinwità ta’ servizz sħiħ.
13. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’kopja tal-istrument legali msemmi fil-paragrafu 2.
Artikolu 44
Kriptaġġ u trasferiment sigur ta’ data
1. Fil-każ ta’ aranġamenti ta’ rappreżentanza bejn Stati Membri u kooperazzjoni tal-Istati Membri Membri ma’ fornitur estern ta’ servizzi u r-rikors għal konsli onorarji, l-Istat jew Stati Membri rappreżentati jew l-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li d-data tkun kompletament kriptata, kemm jekk trasferita elettronikament jew trasferita fiżikament fuq mezz ta’ ħzin elettroniku mill-awtoritajiet tal-Istat Membru rappreżentant lill-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri rappreżentati jew mill-fornitur estern tas-servizzi jew il-konslu onorarju lill-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati.
2. F’pajjiżi terzi li jipprojbixxu kriptaġġ ta’ data li għandha tiġi trasferita elettronikament mill-awtoritajiet tal-Istat Membru rappreżentant lill-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri jew mill-fornitur estern tas-servizzi jew mill-konslu onorarju lill-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati, l-Istat jew Stati Membri rappreżentati jew l-Istat jew Stati Membri kkonċernati m’għandhomx jippermettu lill-Istati Membri rappreżentant jew lill-fornitur estern tas-servizzi jew lill-konslu onorajru jittrasmettu data elettronikament.
F’tali każ, l-Istat jew Stati Membri rappreżentati jew l-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li d-data elettronika tiġi trasferita fiżikament f’forma kompletament kriptata fuq mezz ta’ ħzin elettroniku mill-awtoritajiet tal-Istat Membru rappreżentant lill-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri rappreżentati jew mill-fornitur estern tas-servizzi jew mill-konslu onorarju lill-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati minn uffiċjal konsulari ta’ Stat Membru jew, fejn tali trasferiment jirrikjedi li jittieħdu miżuri sproporzjonati jew mhux raġonevoli, b’mod sigur ieħor, pereżempju bl-użu ta’ operaturi stabbiliti li għandhom esperjenza fit-trasport ta’ dokumenti u data sensittiva fil-pajjiż terz ikkonċernat.
3. Fil-każijiet kollha l-livell ta’ sigurtà għat-trasferiment għandu jiġi adattat għan-natura sensittiva tad-data.
4. L-Istati Membri jew il-Komunità għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu qbil mal-pajjiżi terzi kkonċernati bl-għan li titneħħa l-projbizzjoni kontra l-kriptaġġ ta’ data li għandha tiġi trasferita elettronikament mill-awtoritajiet tal-Istat Membru rappreżentant lill-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri rappreżentati jew mill-fornitur estern tas-servizzi jew mill-konslu onorarju lill-awtoritajiet tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati.
Artikolu 45
Kooperazzjoni tal-Istati Membri ma’ intermedjarji kummerċjali
1. L-Istati Membri jistgħu jikkooperaw mal-intermedjarji kummerċjali għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, ħlief għall-ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi.
2. Tali kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-għoti ta’ akkreditazzjoni mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri. B’mod partikolari, l-akkreditazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-verifika tal-aspetti li ġejjin:
(a) l-istat attwali tal-intermedjarju kummerċjali: il-liċenzja attwali, ir-reġistru kummerċjali, il-kuntratti mal-banek;
(b) il-kuntratti eżistenti ma’ msieħba kummerċjali bbażati fl-Istati Membri li joffru akkomodazzjoni u servizzi oħrajn ta’ pakketti ta’ vvjaġġar;
(c) il-kuntratti mal-kumpanniji tat-trasport, li għandhom jinkludu vjaġġ ‘il barra, kif ukoll vjaġġ ta’ ritorn garantit u stabbilit.
3. L-intermedjarji kummerċjali akkreditati għandhom ikunu monitorjati regolarment permezz ta’ kontrolli fuq il-post li jinvolvu intervisti personali jew bit-telefon mal-applikanti, il-verifika tal-vjaġġi u tal-akkomodazzjoni, il-verifika li l-assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar provduta hija adegwata u tkopri lill-vjaġġaturi individwali, u kulfejn huwa possibbli, il-verifika tad-dokumenti li jirrelataw mar-ritorn tal-grupp.
4. Fi ħdan il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen, ser tiġi skambjata informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-intermedjarji akkreditati dwar l-irregolaritajiet li jiġu skoperti, iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet ippreżentati mill-intermedjarji kummerċjali, u dwar il-forom skoperti ta’ frodi tad-dokumenti u n-nuqqas li jsiru l-vjaġġi skedati.
5. Fil-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen, għandhom jiġu skambjati listi ta’ intermedjarji kummerċjali li jkunu ngħataw l-akkreditazzjoni minn kull konsulat jew li tkun ġiet irtirata l-akkreditazzjoni tagħhom, flimkien mar-raġunijiet għal tali rtirar.
Kull konsulat għandu jiżgura li l-pubbliku ikun infurmat dwar il-lista tal-intermedjarji kummerċjali akkreditati li jikkoopera magħhom.
Artikolu 46
Ġbir ta’ statistika
L-Istati Membri għandhom jiġbru statistika annwali dwar il-viżi, skont it-tabella stabbilita fl-Anness XII. Din l-istatistika għandha tiġi ppreżentata sal-1 ta’ Marzu għas-sena preċedenti.
Artikolu 47
Informazzjoni lill-pubbliku ġenerali
1. L-awtoritajiet ċentrali u l-konsulati tal-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-pubbliku ġenerali bl-informazzjoni rilevanti kollha f’relazzjoni mal-applikazzjoni għal viża, b’mod partikolari:
(a) il-kriterji, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex issir applikazzjoni għal viża;
(b) il-mezzi biex jinkiseb appuntament, jekk applikabbli;
(c) fejn l-applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata (il-konsulat kompetenti, iċ-Ċentru Komuni għall-Applikazzjonijiet jew il-fornitur estern tas-servizzi esterni);
(d) l-intermedjarji kummerċjali akkreditati;
(e) il-fatt li t-timbru kif previst fl-Artikolu 20 m’għandux implikazzjonijiet legali;
(f) l-iskadenzi għall-eżami tal-applikazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 23(1), (2) u (3);
(g) il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom jew il-kategori speċifiċi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għal konsultazzjoni jew informazzjoni minn qabel;
(h) li d-deċiżjonijiet negattivi dwar applikazzjonijiet għal viża għandhom ikunu nnotifikati lill-applikant, li tali deċiżjonijiet għandhom jagħtu r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati u li l-applikanti li jkollhom l-applikazzjonijiet imċaħda għandu jkollhom dritt ta’ appell, b’informazzjoni rigward il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ appell, inkluża l-awtorità legali kompetenti, kif ukoll l-iskadenza ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ appell;
(i) li s-sempliċi pussess ta’ viża ma jikkonferix dritt awtomatiku ta’ dħul u li d-detenturi tal-viża huma mitluba jippreżentaw prova li huma jissodisfaw il-kondizzjonijiet tad-dħul mal-fruntiera esterna, kif previst fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen.
2. L-Istat Membru rappreżentant u l-Istat Membru rappreżentat għandhom jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali dwar l-arranġamenti dwar rappreżentanza kif imsemmi fl-Artikolu 8 qabel ma dawn it-tipi ta’ arranġamenti jidħlu fis-seħħ.
TITOLU V
KOOPERAZZJONI LOKALI TA’ SCHENGEN
Artikolu 48
Kooperazzjoni lokali ta’ Schengen fost il-konsulati tal-Istati Membri
1. Bil-għan li tkun żgurata applikazzjoni armonizzata tal-politika komuni dwar il-viżi filwaqt li jiġu kkunsidrati, fejn adatt, iċ-ċirkostanzi lokali, il-konsulati tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw f’kull ġurisdizzjoni u jevalwaw il-ħtieġa li jistabbilixxu b’mod partikolari:
(a) lista armonizzata ta’ dokumenti ta’ sostenn li għandhom ikunu ppreżentati mill-applikanti, b’kont meħud tal-Artikolu 14 u tal-Anness IV;
(b) kriterji komuni għall-eżami ta’ applikazzjonijiet rigward eżenzjonijiet mill-ħlas tat-tariffa tal-viża skont l-Artikolu 16(5) u materji relatati mat-traduzzjoni tal-formola tal-applikazjoni skont l-Artikolu 11(5);
(c) lista eżawrjenti ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-pajjiż ospitant, li għandha tiġi aġġornata regolarment.
Jekk fir-rigward ta’ wieħed jew iżjed mill-punti (a) sa (c), il-valutazzjoni fi ħdan il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen tikkonferma l-ħtieġa għal approċċ armonizzat lokali, għandhom jiġu adottati miżuri dwar dan l-approċċ skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(2).
2. Fi ħdan il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen għandha tiġi stabbilita karta ta’ informazzjoni komuni dwar viżi uniformi u viżi b’validità territorjali limitata kif ukoll viżi għal tranżitu fl-ajruport, jiġifieri, id-drittijiet li timplika u l-kondizzjonijiet sabiex wieħed japplika għaliha, inkluża, fejn applikabbli, il-lista ta’ dokumenti ta’ sostenn kif imsemmi fil-paragrafu 1(a).
3. L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi skambjata fi ħdan il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen:
(a) stastika ta’ kull xahar dwar il-viżi uniformi, il-viżi b’validità territorjali limitata, il-viżi għal tranżitu fl-ajruport maħruġa, kif ukoll l-għadd ta’ viżi li jkunu ġew miċħuda;
(b) rigward il-valutazzjoni tar-riskji migratorji u/jew ta’ sigurtà, informazzjoni dwar:
(i) l-istruttura soċjo-ekonomika tal-pajjiż ospitant;
(ii) is-sorsi tal-informazzjoni fil-livell lokali, inklużi is-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni tas-saħħa, ir-reġistri fiskali u r-reġistrazzjonijiet tad-dħul u l-ħruġ;
(iii) l-użu ta’ dokumenti kontrafatti jew foloz;
(iv) ir-rotot tal-immigrazzjoni illegali;
(v) iċ-ċaħdiet;
(c) informazzjoni dwar il-kooperazzjoni mal-kumpanniji tat-trasport;
(d) informazzjoni dwar il-kumpanniji tal-assigurazzjoni li jipprovdu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata, inkluża l-verifika tat-tip ta’ kopertura u l-ammont possibbli tal-eċċess.
4. Il-laqgħat ta’ kooperazzjoni lokali ta’ Schengen sabiex jittrattaw speċifikament il-kwistjonijiet operattivi f’relazzjoni mal-applikazzjoni tal-politika komuni dwar il-viża għandhom ikunu organizzati regolarment fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Dawn il-laqgħat għandhom jissejħu fil-ġurisdizzjoni mill-Kummissjoni, dment li ma jkunx miftiehem mod ieħor fuq it-talba tal-Kummissjoni.
Jistgħu jkunu organizzati laqgħat b’suġġett uniku u jistgħu jiġu stabbiliti sotto-gruppi sabiex jistudjaw kwistjonijiet speċifiċi fi ħdan il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen.
5. Għandhom jitfasslu b’mod sistematiku rapporti u jiġu ċċirkolati lokalment is-sommarji ta’ laqgħat ta’ kooperazzjoni lokali ta’ Schengen. Il-Kummissjoni tista’ tiddelega t-tfassil tar-rapporti lil Stat Membru. Il-konsulati ta’ kull Stat Membru għandhom jibgħatu r-rapporti lill-awtoritajiet ċentrali tagħhom.
Abbażi ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport annwali fi ħdan kull ġuriżdizzjoni li għandu jkun ippreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Ir-rappreżentanti ta’ konsulati ta’ Stati Membri li ma japplikawx l-acquis Komunitarju fir-rigward tal-viżi, jew ta’ pajjiżi terzi, jistgħu, fuq bażijiet ad hoc, ikunu mistiedna jipparteċipaw f’laqgħat għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-viżi.
TITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 49
Arranġamenti għal Logħob Olimpiku u Logħob Paralimpiku
L-Istati Membri li jospitaw il-Logħob Olimpiku u l-Logħob Paralimpiku għandhom japplikaw il-proċeduri u l-kondizzjonijiet speċifiċi li jiffaċilitaw il-ħruġ tal-viża kif stabbilit fl-Anness XI.
Artikolu 50
Emendi għall-Annessi
Il-miżuri mfasslin biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament u li jemendaw l-Annessi I, II, III, IV, V, VI, VII, VIII u XII għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(3).
Artikolu 51
Istruzzjonijiet dwar l-applikazzjoni prattika tal-Kodiċi dwar il-Viżi
L-istruzzjonijiet operattivi dwar l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jitfasslu skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(2).
Artikolu 52
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat, “il-Kumitat tal-Viża”.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha u dment li l-miżuri implimentattivi adottati skont din il-proċedura ma jimmodifikawx id-dispożizzjonjiet essenzjali ta’ dan ir-Regolament.
Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.
Artikolu 53
Notifika
1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar:
(a) arranġamenti dwar rappreżentanza msemmija fl-Artikolu 8;
(b) il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa mill-Istati Membri individwali li jkollhom viża għal tranżitu fl-ajruport meta jgħaddu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali li jinsabu fit-territorju tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 3;
(c) il-formola nazzjonali għal dikjarazzjoni ta’ garanzija u/jew ta’ akkomodazzjoni privata msemmija fl-Artikolu 14(4), fejn applikabbli;
(d) il-lista tal-pajjiżi terzi li għalihom hija meħtieġa konsultazzjoni minn qabel msemmija fl-Artikolu 22(1);
(e) il-lista tal-pajjiżi terzi li għalihom hi meħtieġa l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 31(1);
(f) l-annotamenti nazzjonali addizzjonali fit-taqsima tal-“kummenti” tal-isticker tal-viża, kif imsemmi fl-Artikolu 27(2);
(g) l-awtoritajiet kompetenti għall-estensjoni tal-viżi, kif previst fl-Artikolu 33(5);
(h) il-forom ta’ kooperazzjoni magħżula kif imsemmi fl-Artikolu 40;
(i) l-istatistika miġbura skont l-Artikolu 46 u l-Anness XII.
2. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni notifikata skont il-paragrafu 1 għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u tal-pubbliku permezz ta’ pubblikazzjoni elettronika li tkun aġġornata b’mod kostanti.
Artikolu 54
Emendi għar-Regolament (KE) Nru 767/2008
Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:
(1) L-Artikolu 4(1) għandu jiġi emendat kif ġej:
(a) il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(a) ‘viża uniformi’ kif imfissra fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) ( *1 );
(b) il-punt (b) għandu jitħassar;
(c) il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(c) ‘viża għal tranżitu fl-ajruport’ kif definit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009;”
(d) il-punt (d) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(d) ‘viża b’validità territorjali limitata’ kif definit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009;”
(e) il-punt (e) għandu jitħassar;
(2) fl-Artikolu 8(1), il-kliem “Mal-wasla ta’ applikazzjoni”, għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Meta l-applikazzjoni hija ammissibbli skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009.”
(3) L- Artikolu 9 għandu jiġi emendat kif ġej:
(a) l-intestatura għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:
“Data li għandha tiddaħħal mal-applikazzjoni”;
(b) paragrafu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:
(i) il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(a) kunjom (kunjom tal-familja), kunjom fit-twelid (kunjom(ijiet) preċedenti tal-familja, isem(ismijiet) (isem(ismijiet) mogħtija)); data tat-twelid, post tat-twelid, pajjiż tat-twelid, sess;”;
(ii) il-punt (e) għandu jitħassar;
(iii) il-punt (g) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(g) Stat(i) Membru(i) destinatarji u tul tas-soġġorn previst jew tat-tranżitu;”
(iv) il-punt (h) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(h) għan(għanijiet) prinċipali tal-vjaġġ;”;
(v) il-punt (i) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(i) id-data prevista għall-wasla fiż-żona ta’ Schengen u d-data prevista għat-tluq miż-żona ta’ Schengen;”
(vi) il-punt (j) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(j) Stat Membru tal-ewwel dħul;”;
(vii) il-punt (k) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(k) l-indirizz tal-applikant;”;
(viii) fil-punt (l), il-kelma “skola” għandha tiġi sostitwita bi: “stabbiliment edukattiv”;
(ix) fil-punt (m), il-kliem “omm u missier” għandhom jiġu sostitwiti bi “setgħa tal-ġenituri jew kustodja legali”.
(4) Il-punt li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 10(1):
“(k) jekk applikabbli, l-informazzjoni li tindika li l-isticker tal-viża tkun imtliet manwalment.”
(5) Fl-Artikolu 11, il-kliem introduttorju għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Fejn l-awtorità tal-viża li tirrappreżenta Stat Membru ieħor ma tkomplix l-eżami tal-applikazzjoni, hi għandha żżid id-data li ġejja fil-fajl tal-applikazzjoni:”.
(6) l-Artikolu 12 għandu jiġi emendat kif ġej:
(a) fil-paragrafu 1, il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(a) informazzjoni dwar l-istatus li tindika li viża ġiet irrifjutata u jekk dik l-awtorità ċaħdet f’isem Stat Membru ieħor”
(b) paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“2. Il-fajl tal-applikazzjoni għandu jindika wkoll ir-raġuni(jiet) li għalihom inċaħdet il-viża, li għandha tkun waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a) l-applikant:
(i) jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar li hu falz jew iffalsifikat;
(ii) ma jipprovdix ġustifikazzjoni għall-finijiet u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn previst;
(iii) ma jipprovdix prova ta’ mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għat-tul tas-soġġorn previst jew għar-ritorn tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini jew residenza, jew għat-tranżitu lejn pajjiż terz li fih huwa żgur li jiġi ammess, jew mhuwiex f’pożizzjoni li jikseb dawn il-mezzi skont il-liġi;
(iv) ikun diġà qagħad għal tliet xhur matul il-perijodu attwali ta’ sitt xhur fit-territorju tal-Istati Membri abbażi ta’ viża uniformi jew viża b’validità territorjali limitata;
(v) hu persuna li nħarġitilha twissija fis-SIS għall-fini ta’ ċaħda tad-dħul;
(vi) huwa meqjus bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika kif hemm definit fl-Artikolu 2 il-punt 2 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru, u partikolarment fejn tkun inħarġet twissija fil-bażijiet tad-data nazzjonali ta’ Stat Membru għall-fini ta’ ċaħda tad-dħul għal dawk l-istess raġunijiet;
(vii) ma jagħtix prova li għandu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida, fejn applikabbli;
(b) l-informazzjoni sottomessa rigward il-ġustifikazzjoni għall-finijiet u l-kondizzjonijiet għas-soġġorn previst ma kinitx affidabbli;
(c) ma setgħatx tiġi aċċertata l-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża;
(d) ma ġietx ipprovduta biżżejjed evidenza li l-applikant ma kienx f’pożizzjoni li japplika minn qabel għal viża, li tiġġustifika l-applikazzjoni għal viża mal-fruntiera.”;
(7) l-Artikolu 13 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 13
Data li għandha tiġi miżjuda għal viża ġiet annullata jew irrevokata
1. Fejn ittieħdet deċiżjoni li tiġi annullata jew irrevokata viża, jew li jitqassar il-perjodu ta’ validità tal-viża, l-awtorità tal-viża li ħadet din id-deċiżjoni għandha żżid id-data li ġejja fil-fajl tal-applikazzjoni:
(a) informazzjoni dwar l-istatus li tindika li l-viża ġiet annullata jew irrevokata;
(b) l-awtorità li annullat jew irrevokat il-viża, inkluż il-post fejn tinsab;
(c) post u data tad-deċiżjoni.
2. Il-fajl tal-applikazzjoni għandu jindika wkoll ir-raġuni(raġunijiet) għall-annullament jew ir-revoka, li għandhom ikunu:
(a) waħda jew aktar mir-raġuni(raġunijiet) elenkati fl-Artikolu 12(2);
(b) applikazzjoni tad-detentur tal-viża li jirrevoka l-viża.”.
(8) L-Artikolu 14 għandu jiġi emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:
(i) il-paragrafu introduttorju għandu jinbidel b’dan li ġej:
“1. Fejn ittieħdet deċiżjoni biex tiġi estiża viża, l-awtorità tal-viża li estendiet il-viża għandha żżid id-data li ġejja fil-fajl tal-applikazzjoni:”;
(ii) l-punt (d) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(d) in-numru tal-isticker tal-viża tal-viża estiża;”;
(iii) il-punt (g) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(g) it-territorju li fih id-detentur tal-viża hu intitolat li jivvjaġġa, jekk il-validità territorjali tal-viża estiża hija differenti minn dik tal-viża oriġinali;”;
b) fil paragrafu 2, il-punt (c) għandu jitħassar.
(9) Fl-Artikolu 15(1), il-kliem “biex tiġi estiża jew imqassra l-validità tal-viża” għandu jiġi sostitwit bi “jew tiġi estiża l-viża”.
(10) L-Artikolu 17 għandu jiġi emendat kif ġej:
(a) il-punt (4) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(4) Stat Membru tal-ewwel dħul;”;
(b) il-punt (6) għandu jinbidel b’dan li ġej:
“(6) it-tip ta’ viża maħruġa;”;
(c) il-punt (11) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(11) Għan(għanijiet) prinċipali tal-vjaġġ;”.
(11) Fl-Artikolu 18(4)(c), l-Artikolu 19(2)(c), l-Artikolu 20(2)(d), l-Artikolu 22(2)(d), il-kliem “jew imqassra” għandu jitħassar;
(12) Fl-Artikolu 23(1)(d), il-kelma “imqassra” għandha titħassar.
▼M4 —————
Artikolu 56
Tħassir
1. L-Artikoli 9 sa 17 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 huma b’dan imħassra.
2. Dawn li ġejjin huma b’dan imħassra:
(a) id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Schengen tat-28 ta’ April 1999 dwar il-verżjonijiet definittivi tal-Manwal Komuni u tal-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni (SCH/Com-ex (99)13 (l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni, inklużi l-Annessi);
(b) id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Schengen tal-14 ta’ Diċembru 1993 li estendew il-viża komuni(SCH/Com-ex (93) 21) u dwar prinċipji komuni għall-kanċellament, annullament jew taqsir tat-tul tal-validità tal-viża uniformi (SCH/Com-ex (93)24), id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Schengen tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni statistika dwar il-ħruġ ta’ viżi uniformi (SCH/Com-ex (94) 25), id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Schengen tal-21 ta’ April 1998 dwar l-iskambju ta’ statistika dwar viżi maħruġa (SCH/Com-ex (98)12), u d-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Schengen tas-16 ta’ Diċembru 1998 dwar l-introduzzjoni ta’ forma armonizzata li tipprovdi prova ta’ invit, sponsorizzar u akkomodazzjoni (SCH/Com-ex (98)57);
(c) l-Azzjoni Konġunta 96/197/ĠAI tal-4 ta’ Marzu 1996 dwar l-arranġamenti għal tranżitu fl-ajruporti ( 22 );
(d) ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2001 tal-24 ta’ April 2001 li jirriserva lill-Kunsill il-poteri ta’ implimentazzjoni rigward ċerti disposizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi sabiex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-viżi ( 23 );
(e) ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1091/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar il-libertà tal-moviment b’viża ta’ waqfien fit-tul ( 24 );
(f) ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 415/2003 tas-27 ta’ Frar 2003 dwar il-ħruġ ta’ viżi fil-konfini, inkluż il-ħruġ ta’ dawn il-viżi lil baħħara li jkunu in transitu ( 25 );
(g) L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 390/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għall-uffiċċji diplomatiċi u konsulari fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ bijometrija, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-ilqugħ u l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża ( 26 ).
3. Ir-referenzi għall-istrumenti mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness XIII.
Artikolu 57
Monitoraġġ u evalwazzjoni
1. Sentejn wara li d-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament ikunu saru applikabbli, il-Kummissjoni għandha tippreżenta evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu. Din l-evalwazzjoni ġenerali għandha tinkludi eżami tar-riżultati miksuba meta mqabbla mal-objettivi u dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, bla ħsara għar-rapporti msemmija fil-paragrafu 3.
2. Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, jekk ikun meħtieġ, proposti xierqa bil-ħsieb li dan ir-Regolament jiġi emendat.
3. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, tliet snin wara li l-VIS tibda topera u kull erba’ snin minn hemm ‘il quddiem, rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Artikoli 13, 17, 40 sa 44 ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-implimentazzjoni tal-ġbir u l-użu ta’ identifikaturi bijometriċi, l-adegwatezza tal-istandard magħżul tal-ICAO, il-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, l-esperjenza mal-fornituri esterni tas-servizzi b’referenza speċifika għall-ġbir ta’ data bijometrika, l-implimentazzjoni tar-regola ta’ 59 xahar biex issir kopja tal-marki tas-swaba’ u l-organizzazzjoni tal-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll, abbażi tal-Artikolu 17 (12), (13) u (14) u tal-Artikolu 50(4) tar-Regolament VIS, il-każijiet fejn il-marki tas-swaba’ fil-fatt ma setgħux jiġu pprovduti, jew ma kinux meħtieġa jingħataw għal raġunijiet legali, imqabbla man-numru ta’ każijiet fejn il-marki tas-swaba’ jittieħdu. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar każijiet fejn persuna li fil-fatt ma setgħetx tipprovdi marki tas-swaba’ ġiet miċħuda minn viża. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn ikun meħtieġ, minn proposti adatti biex jiġi emendat dan ir-Regolament.
4. L-ewwel rapport imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jindirizza wkoll il-kwistjoni tal-affidabbiltà suffiċjenti għall-identifikazzjoni u l-verifika tal-marki tas-swaba’ ta’ tfal taħt it-12-il sena u, b’mod partikolari, kif il-marki tas-swaba’ jevolvu mal-età, abbażi tar-riżultati ta’ studju mwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni.
Artikolu 58
Dħul fis-seħħ
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Huwa għandu japplika mill-5 ta’ April 2010.
3. L-Artikolu 52 u l-Artikolu 53 (1) (a) sa (h) u (2) għandhom japplikaw mill-5 ta’ Ottubru 2009.
4. F’dak li jirrigwarda n-Netwerk ta’ Konsultazzjoni ta’ Schengen (l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi), l-Artikolu 56(2)(d) għandu japplika mid-data msemmija fl-Artikolu 46 tar-Regolament VIS.
5. L-Artikoli 32(2) u (3), l-Artikolu 34(6) u (7) u l-Artikolu 35(7) għandhom japplikaw mill-5 ta’ April 2011.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
ANNESS I
ANNESS II
Lista mhux eżawrjenti tad-dokumenti ta’ sostenn
Id-dokumenti ta’ sostenn, imsemmija fl-Artikolu 14, li għandhom jiġu ppreżentati mill-applikanti għal viża jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:
A. DOKUMENTAZZJONI RELATATA MAL-GĦAN TAL-VJAĠĠ
(1) għall-vjaġġi ta’ negozju:
(a) stedina minn ditta jew awtorità biex wieħed jattendi laqgħat, konferenzi jew avvenimenti konnessi ma’ negozju, industrija jew xogħol;
(b) dokumenti oħrajn li juru l-eżistenza ta’ relazzjonijiet ta’ negozju jew relazzjonijiet għall-finijiet ta’ xogħol;
(c) biljetti ta’ dħul għal fieri u kungressi, jekk ikun il-każ;
(d) dokumenti li jagħtu prova tal-attivitajiet kummerċjali tal-kumpanija;
(e) dokumenti li jagħtu prova ta’ [l-istatus] tal-impjieg tal-applikanti fil-kumpanija;
(2) għall-vjaġġi magħmula għall-finijiet ta’ studju jew tipi oħrajn ta’ taħriġ:
(a) ċertifikat ta’ reġistrazzjoni f’istitut tat-tagħlim sabiex wieħed jattendi għal korsijiet vokazzjonali jew teoretiċi fil-qafas ta’ taħriġ bażiku jew addizzjonali;
(b) kards tal-istudent jew ċertifikati tal-korsijiet li wieħed jrid jattendi;
(3) għall-vjaġġi magħmula għall-finijiet ta’ turiżmu jew għal raġunijiet privati:
(a) dokumenti relatati mal-akkomodazzjoni:
— stedina mill-ospitant jekk wieħed ser joqgħod għand xi ħadd;
— dokument mill-istabbiliment li jipprovdi l-akkomodazzjoni jew kwalunkwe dokument ieħor adatt li jindika l-akkomodazzjoni prevista;
(b) dokumenti relatati mal-itinerarju:
— konferma tal-prenotazzjoni ta’ vjaġġ organizzat jew kwalunkwe dokument ieħor adatt li jindika l-pjanijiet previsti għall-ivvjaġġar;
— fil-każ ta’ tranżitu: viża jew permess ta’ dħul ieħor għall-pajjiż terz tad-destinazzjoni; biljetti għall-vjaġġ ‘il quddiem;
(4) għall-vjaġġi magħmula għal avvenimenti politiċi, xjentifiċi, kulturali, sportivi jew reliġjużi jew għal raġunijiet oħrajn:
— biljetti tad-dħul bi stedina, reġistrazzjonijiet jew programmi li jiddikjaraw (fejn ikun possibbli) isem l-organizzazzjoni ospitanti u t-tul tal-waqfa jew kwalunkwe dokument ieħor adatt li jindika l-għan taż-żjara;
(5) għall-vjaġġi ta’ membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali, indirizzata lill-gvern tal-pajjiż terz ikkonċernat, jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju ta’ Stat Membru minn organizzazzjonijiet intergovernamentali:
— ittra maħruġa minn awtorità tal-pajjiż terz ikkonċernat li tikkonferma li l-applikant huwa membru tad-delegazzjoni uffiċjali li qed tivvjaġġa lejn it-territorju ta’ Stat Membru biex tipparteċipa fl-avvenimenti msemmija hawn fuq, flimkien ma’ kopja tal-istedina uffiċjali;
(6) għall-vjaġġi li jsiru għal raġunijiet mediċi:
— dokument uffiċjali tal-istituzzjoni medika li jikkonferma l-ħtieġa ta’ kura medika f’dik l-istituzzjoni u evidenza ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jitħallas it-trattament mediku.
B. DOKUMENTAZZJONI LI TIPPERMETTI L-VALUTAZZJONI TAL-INTENZJONI TAL-APPLIKANT LI JITLAQ MIT-TERRITORJU TAL-ISTATI MEMBRI
(1) ir-riżervar ta’ biljett tar-ritorn jew ta’ biljett li jinkludi tluq u ritorn;
(2) prova ta’ mezzi finanzjarji fil-pajjiż tar-residenza;
(3) prova tal-impjieg: dikjarazzjonijiet bankarji;
(4) prova ta’ proprjetà immobbli;
(5) prova ta’ integrazzjoni fil-pajjiż tar-residenza: irbit familjari; status professjonali.
C. DOKUMENTAZZJONI RELATATA MAS-SITWAZZJONI FAMILJARI TAL-APPLIKANT
(1) il-kunsens tal-ġenituri jew ta’ tutur legali (meta l-minorenni ma jivvjaġġax magħhom);
(2) prova ta’ rbit familjari mal-persuna ospitanti/li tagħmel l-istedina;
ANNESS III
FORMAT UNIFORMI U UŻU TAT-TIMBRU LI JINDIKA LI HIJA AMMISSIBBLI APPLIKAZZJONI GĦAL VIŻA
… viża … (1) |
|
xx/xx/xxxx (2) |
… (3) |
Eżempju: |
|
C visa FR |
|
22.4.2009 |
Consulat de France |
Djibouti |
|
(1) Il-kodiċi tal-Istat Membru li jeżamina t-talba. Huma użati dawk il-kodiċi kif stabbiliti fl-Anness VII punt 1.1. (2) Id-Data tal-applikazzjoni (tmien figuri: xx jum, xx xahar, xxxx sena). (3) L-awtorità li teżamina t-talba għall-viża. |
It-timbru għandu jitqiegħed fuq l-ewwel paġna disponibbli li ma fiha l-ebda annotament jew timbru fid-dokument tal-ivvjaġġar.
ANNESS IV
Lista komuni tal-pajjiżi terzi elenkati fl-anness i tar-regolament (KE) Nru 539/2001, li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom fil-pussess tagħhom viża għal tranżitu fl-ajruport meta jgħaddu miż-żona ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-istati membri
L-AFGANISTAN
IL-BANGLADEXX
IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-KONGO
L-ERITREA
L-ETJOPJA
IL-GANA
L-IRAN
L-IRAQ
IN-NIĠERJA
IL-PAKISTAN
IS-SOMALJA
IS-SRI LANKA
ANNESS V
LISTA TA’ PERMESSI TA’ RESIDENZA LI JINTITOLAW LID-DETENTURI TAGĦHOM GĦAL TRANŻITU MILL-AJRUPORTI TAL-ISTATI MEMBRI MINGĦAJR MA JKUN MEĦTIEĠ LI JKUNU FIL-PUSSESS TA’ VIŻA GĦAL TRANŻITU FL-AJRUPORT
L-ANDORRA:
— Tarjeta provisional de estancia y de trabajo (permess proviżorju ta’ residenza u ta’ xogħol) (abjad). Dawn jinħarġu lill-ħaddiema staġunali; il-perjodu tal-validità jiddependi mit-tul tal-impjieg, iżda qatt ma jaqbeż is-sitt xhur. Dan il-permess ma jistax jiġġedded,
— Tarjeta de estancia y de trabajo (permess ta’ residenza u ta’ xogħol) (abjad). Dan il-permess jinħareġ għal sitt xhur u jista’ jiġġedded għal sena oħra,
— Tarjeta de estancia (permess ta’ residenza) (abjad). Dan il-permess jinħareġ għal sitt xhur u jista’ jiġġedded għal sena oħra,
— Tarjeta temporal de residencia (permess temporarju ta’ residenza) (roża). Dan il-permess jinħareġ għal sena u jista’ jiġġedded darbtejn, kull darba għal sena oħra,
— Tarjeta ordinaria de residencia (permess ordinarju ta’ residenza) (isfar). Dan il-permess jinħareġ għal 3 snin u jista’ jiġġedded għal tliet snin oħra,
— Tarjeta privilegiada de residencia (permess speċjali ta’ residenza) (aħdar). Dan il-permess jinħareġ għal 5 snin u jista’ jiġġedded, kull darba għal ħames snin oħra,
— Autorización de residencia (awtorizzazzjoni ta’ residenza) (aħdar). Dan il-permess jinħareġ għal sena, u jista’ jiġġedded, kull darba għal tliet snin oħra,
— Autorización temporal de residencia y de trabajo (awtorizzazzjoni temporanja ta’ residenza u ta’ xogħol) (roża). Dan il-permess jinħareġ għal sentejn u jista’ jiġġedded għal sentejn oħra,
— Autorización ordinaria de residencia y de trabajo (awtorizzazzjoni ordinarja ta’ residenza u ta’ xogħol) (isfar). Dan il-permess jinħareġ għal ħames snin,
— Autorización privilegiada de residencia y de trabajo (awtorizzazzjoni speċjali ta’ residenza u ta’ xogħol) (aħdar). Dan il-permess jinħareġ għal għaxar snin u jista’ jiġġedded, kull darba għal għaxar snin oħra.
IL-KANADA:
— Kard ta’ residenti permanenti (kard tal-plastik).
IL-ĠAPPUN:
— Permess għad-dħul mill-ġdid fil-Ġappun.
SAN MARINO:
— Permesso di soggiorno ordinario (validità illimitata) (permess ordinarju ta’ residenza (mingħajr data ta’ skadenza)),
— Permesso di soggiorno continuativo speciale (validità illimitata) (permess speċjali ta’ residenza permanenti (mingħajr data ta’ skadenza)),
— Carta d’identità de San Marino (validità illimitata) (Karta tal-identità ta’ San Marino (mingħajr data ta’ skadenza)).
L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA:
— Formola I-551 kard ta’ resident permanenti (valida għal sentejn sa għaxar snin),
— Formola I-551 kard ta’ rċevuta tar-reġistrazzjoni tal-barranin (valida għal sentejn sa għaxar snin),
— Formola I-551 kard ta’ rċevuta tar-reġistrazzjoni tal-barranin (mingħajr data ta’ skadenza),
— Formola I-327 Dokument ta’ dħul mill-ġdid (valida għal sentejn – maħruġa lid-detenturi ta’ I-551),
— Kard ta’ resident barrani (valida għal sentejn sa għaxar snin jew mingħajr data ta’ skadenza. Dan id-dokument jiggarantixxi r-ritorn tad-detentur biss jekk is-soġġorn tiegħu jew tagħha barra mill-Istati Uniti ma kienx ta’ aktar minn sena),
— Permess tad-dħul mill-ġdid (valida għal sentejn. Dan id-dokument jiggarantixxi r-ritorn tad-detentur biss jekk is-soġġorn tiegħu jew tagħha barra mill-Istati Uniti ma kinitx ta’ aktar minn sentejn),
— Timbru validu ta’ residenza temporanja f’passaport validu (validu għal sena mid-data tal-ħruġ).
ANNESS VI
ANNESS VII
MILI TAL-ISTICKER TAL-VIŻA
1. Taqsima tal-annotamenti mandatorji
1.1. Intestatura “VALIDU GĦAL”:
Din l-intestatura tindika t-territorju li fih id-detentur tal-viża huwa intitolat li jivvjaġġa.
Din l-intestatura tista’ timtela biss f’waħda mill-modi li ġejjin:
(a) L-Istati ta’ Schengen;
(b) L-Istat ta’ Schengen jew l-Istati ta’ Schengen li l-validità tal-viża hija limitata għat-territorju tagħhom (f’dan il-każ jintużaw it-taqsiriet li ġejjin):
BE |
IL-BELĠJU |
CZ |
IR-REPUBBLIKA ĊEKA |
DK |
ID-DANIMARKA |
DE |
IL-ĠERMANJA |
EE |
L-ESTONJA |
GR |
IL-GREĊJA |
ES |
SPANJA |
FR |
FRANZA |
IT |
L-ITALJA |
LV |
IL-LATVJA |
LT |
IL-LITWANJA |
LU |
IL-LUSSEMBURGU |
HU |
L-UNGERIJA |
MT |
MALTA |
NL |
L-OLANDA |
AT |
L-AWSTRIJA |
PL |
IL-POLONJA |
PT |
IL-PORTUGALL |
SI |
IS-SLOVENJA |
SK |
IS-SLOVAKKJA |
FI |
IL-FINLANDJA |
SE |
L-IŻVEZJA |
IS |
L-IŻLANDA |
NO |
IN-NORVEĠJA |
CH |
L-IŻVIZZERA |
1.2. |
Meta l-isticker tintuża biex tinħareġ viża uniformi din l-intestatura timtela bil-kliem “Stati ta’ Schengen”, fil-lingwa tal-Istat Membru emittenti. |
1.3. |
Meta l-isticker tintuża biex tinħareġ viża b’validità territorjali limitata skont l-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-Regolament din l-intestatura timtela bl-isem(ismijiet) tal-Istat Membru jew Stati Membri li s-soġġorn tad-detentur tal-viża huwa limitat għalih (għalihom), bil-lingwa tal-Istat Membru emittenti. |
1.4. |
Meta l-isticker tintuża biex tinħareġ viża b’validità territorjali limitata skont l-Artikolu 25(3) ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jintużaw l-għażliet li ġejjin għall-kodiċijiet li għandhom jiddaħħlu: (a) id-dħul tal-kodiċijiet għall-Istati Membri kkonċernati; (b) Id-dħul tal-kliem “Stati ta’ Schengen”, segwit f’parentesi bis-sinjal minus u mill-kodiċijiet tal-Istati Membri li l-viża mhijiex valida għat-territorju tagħhom; (c) f’każ li l-parti “valida għal” mhijiex suffiċjenti għad-dħul tal-kodiċijiet kollha għall-Istati Membri li (ma jirrikonoxxux) jirrikonoxxu d-dokument tal-ivvjaġġar ikkonċernat, id-daqs tat-tipa tal-ittri użati jitnaqqas. |
2. L-intestatura “MINN ... SA”:
Din l-intestatura tindika l-perjodu tal-waqfa tad-detentur tal-viża, kif awtorizzat mill-viża.
Id-data li minnha d-detentur tal-viża jista’ jidħol fit-territorju li għalih hija valida l-viża tinkiteb bħal aktar ‘l isfel, wara l-kelma “MINN”:
— il-jum jinkiteb billi jintużaw żewġ figuri, bl-ewwel wieħed ikun żero jekk il-jum ikkonċernat huwa numru b’figura waħda,
— daxx orizzontali,
— ix-xahar jinkiteb billi jintużawżewġ figuri, bl-ewwel wieħed ikun żero jekk ix-xahar ikkonċernat huwa numru b’figura waħda,
— daxx orizzontali.
— is-sena tinkiteb billi jintużaw żewġ figuri, li jikkorrispondu għall-aħħar żewġ figuri tas-sena.
Pereżempju: 05-12-07 = il-5 ta’ Diċembru 2007.
Id-data tal-aħħar jum tal-perjodu tal-waqfa awtorizzata tad-detentur tal-viża tiddaħħal wara l-kelma “SA” u tinkiteb bl-istess mod bħall-ewwel data. Id-detentur tal-viża irid ikun telaq mit-territorju li għalih hija valida l-viża sa nofs il-lejl f’din id-data.
3. L-intestatura “NUMRU TA’ DAĦLIET”:
Din l-intestatura turi n-numru ta’ drabi li d-detentur tal-viża jista’ jidħol fit-territorju li għalih hija valida l-viża, jiġifieri tirreferi għan-numru ta’ perjodi ta’ waqfa li jistgħu jkunu mifruxa tul il-perjodu kollu tal-validità, ara 4.
In-numru ta’ dħul jista’ jkun wieħed, tnejn jew aktar. Dan in-numru jinkiteb fuq il-lemin tal-parti stampata minn qabel, billi jintuża “01”, “02” jew it-taqsira “MULT”, fejn il-viża tawtorizza aktar minn żewġt idħul.
Meta tinħareġ visa għal tranżitu f.numru ta’ ajruporti skont l-Artikolu 26 (3) ta’ dan ir-Regolament, il-validità tal-viża tiġi kkalkulata kif ġej: l-ewwel data tat-tluq + 6 xhur.
Il-viża ma tibqax aktar valida meta n-numru totali ta’ ħruġ li jagħmel id-detentur tal-viża jkun daqs in-numru ta’ dħul awtorizzat, anki jekk id-detentur tal-viża ma jkunx eżawrixxa n-numru ta’ jiem awtorizzati mill-viża.
4. L-intestatura “TUL TAŻ-ŻJARA ... JIEM”
Din l-intestatura tindika n-numru ta’ jiem li matulhom id-detentur tal-viża jista’ joqgħod fit-territorju li għalih hija valida l-viża. Din il-waqfa tista’ tkun kontinwa jew, skont l-għadd ta’ jiem awtorizzati, mifruxa fuq diversi perjodi bejn id-dati msemmija taħt 2, b’kont meħud tan-numru ta’ daħliet awtorizzati taħt 3.
In-numru ta’ jiem awtorizzati jinkiteb fl-ispazju vojt bejn “TUL TAŻ-ŻJARA” u “JIEM”, fil-forma ta’ żewġ numri, bl-ewwel wieħed ikun żero jekk in-numru ta’ jiem huwa inqas minn 10.
In-numru massimu ta’ jiem li jista’ jiddaħħal taħt din l-intestatura huwa 90.
Meta viża tkun valida għal aktar minn sitt xhur, it-tul ta' żmien ta' waqfiet huwa ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.
5. L-intestatura “MAĦRUĠ FI ... FI …”
Din l-intestatura tagħti l-isem tal-post fejn tinsab l-awtorità emittenti. Id-data tal-ħruġ hija indikata wara “FI”.
Id-data tal-ħruġ tinkiteb bl-istess mod bħad-data msemmija fi 2.
6. L-intestatura “NUMRU TAL-PASSAPORT”:
Din l-intestatura tindika n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar li miegħu titwaħħal l-isticker tal-viża.
F’każ li l-persuna li tinħarġilha l-viża tkun inkluża fil-passaport tal-konjuġi, tal-ġenituri jew ta’ tutur legali, jiġi indikat in-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar ta’ dik il-persuna.
Meta d-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant ma jiġix rikonoxxut mill-Istat Membru emittenti, jintuża l-format uniformi għall-folja separata għat-twaħħil tal-viżi, biex titwaħħal il-viża.
In-numru li għandu jiddaħħal taħt din l-intestatura, jekk l-isticker tal-viża titwaħħal mal-folja separata, mhuwiex in-numru tal-passaport iżda l-istess numru tipografiku kif jidher fuq il-formola, magħmul minn sitt numri.
7. L-intestatura “TIP TA’ VIŻA”:
Sabiex jiġu ffaċilitati l-affarijiet għall-awtoritajiet ta’ kontroll, din l-intestatura tispeċifika t-tip ta’ viża billi jintużaw l-ittri A, C u D kif ġej:
A |
: |
viża għal tranżitu fl-ajruport (kif definit fl-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-Regolament |
C |
: |
viża (kif definit fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament |
D |
: |
viża għal waqfa fit-tul |
8. L-intestatura “KUNJOM U ISEM”:
L-ewwel kelma fil-kaxxa “kunjom” segwita mill-ewwel kelma fil-kaxxa “isem” tad- dokument tal-ivvjaġġar tad-detentur tal-viża tinkiteb f’dik l-ordni. L-awtorità emittenti tivverifikaw li l-kunjom u l-isem li jidhru fid-dokument tal-ivvjaġġar u li għandhom jiddaħħalu taħt din l-intestatura u fit-taqsima li għandha tiġi skanjata elettronikament huma l-istess bħal dawk li jidhru fl-applikazzjoni għall-viża. Jekk in-numru ta’ karattri tal-kunjom u tal-isem jaqbeż in-numru tal-ispazji disponibbli, il-karattri żejda jiġu sostitwiti b’tikka (.).
9. |
(a) L-annotamenti mandatorji li għandhom jiġu miżjuda fit-taqsima tal-“KUMMENTI” — Fil-każ ta’ viża maħruġa f’isem Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 7, għandu jiżdied dan li ġej: “R/[Kodiċi tal-Istat Membru rappreżentat.]”. — Fil-każ ta’ viża maħruġa għall-fini ta’ tranżitu, għandu jiġi msemmi dan li ġej: “TRANŻITU”. — Fejn id-dejta kollha msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-VIS hija rreġistrata fis-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża, għandu jiżdied dan li ġej: “VIS”. — Fejn dik id-dejta biss imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-VIS hija rreġistrata fis-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża iżda d-dejta msemmija fil-punt (c) ta’ dak il-paragrafu ma nġabrietx minħabba li l-ġbir tal-marki tas-swaba’ ma kienx mandatorju fir-reġjun ikkonċernat, għandu jiżdied dan li ġej: “VIS 0”. (b) L-annotamenti nazzjonali fit-taqsima “KUMMENTI” Din it-taqsima fiha wkoll il-kummenti bil-lingwa tal-Istat Membru emittenti relatati mad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Madanakollu, dawn il-kummenti ma jidduplikawx il-kummenti mandatorji msemmija fil-Punt 1. (c) Taqsima għar-ritratt Ir-ritratt tad-detentur tal-viża, bil-kulur, huwa integrat fl-ispazju riżervat għal dak il-għan. Ir-regoli li ġejjin iridu jiġu osservati fir-rigward tar-ritratt li għandu jiġi integrat fl-isticker tal-viża. Id-daqs tar-ras mill-geddum sal-qurriegħa għandu jkun bejn 70 % u 80 % tad-dimensjoni vertikali tas-superfiċje tar-ritratt. Ir-rekwiżiti minimi tar-riżoluzzjoni għandhom ikunu: — 300 pixel kull pulzier (ppi), mhux kompressat, għall-iskanjar, — 720 dot kull pulzier (dpi) għall-istampar tar-ritratti bil-kulur. |
10. |
Il-parti li tista’ tinqara mill-magna Din it-taqsima hija magħmula minn żewġ linji ta’ 36 karattru (OCR B-10 cpi). L-ewwel linja: 36 karattru (obbligatorju)
It-tieni linja: 36 karattru (obbligatorju)
|
ANNESS VIII
IT-TWAĦĦIL TAL-ISTICKER TAL-VIŻA
1. L-isticker tal-viża għandha titwaħħal mal-ewwel paġna tad-dokument tal-ivvjaġġar li ma fih l-ebda annotamenti jew timbri – minbarra t-timbru li jindika li applikazzjoni hija ammissibbli.
2. L-isticker għandha tkun allinjata u mwaħħla mat-tarf tal-paġna tad-dokument tal-ivvjaġġar. Il-parti tal-isticker li tista’ tinqara mill-magna għandha tiġi allinjata mat-tarf tal-paġna.
3. It-timbru tal-awtoritajiet emittenti għandu jitqiegħed fit-taqsima “KUMMENTI” b’tali mod li jestendi lil hinn mill-isticker fuq il-paġna tad-dokument tal-ivvjaġġar.
4. Fejn ikun meħtieġ li ma timteliex it-taqsima li għandha tiġi skennjata elettronikament, it-timbru jista’ jitqiegħed f’din it-taqsima biex ma tkunx tista’ tintuża. Id-daqs u l-kontenut tat-timbru li għandu jintuża għandhom ikunu determinati mir-regoli nazzjonali tal-Istat Membru.
5. Biex ma jitħalliex li jsir użu mill-ġdid ta’ sticker tal-viża mwaħħla fuq il-folja separata għat-twaħħil ta’ viża, is-siġill tal-awtoritajiet emittenti għandu jkun ittimbrat fuq il-lemin, fuq l-isticker u l-folja separata f’daqqa, b’tali mod li la jimpedixxi l-qari tal-intestaturi u tal-kummenti u lanqas ma jidħol fil-parti li tista’ tinqara mill-magna.
6. L-estensjoni ta’ viża, skont l-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament, għandha ssir permezz ta’ sticker tal-viża. It-timbru tal-awtoritajiet emittenti għandu jitwaħħal mal-isticker tal-viża.
ANNESS IX
PARTI 1
Regoli għall-ħruġ tal-viżi fuq il-fruntieri lill-baħħara fi tranżitu li huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-viża
Dawn ir-regoli huma marbuta mal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fir-rigward tal-baħħara fi tranżitu li huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-viża. Sakemm tinħareġ viża fuq il-fruntiera fuq il-bażi tal-informazzjoni li tkun ġiet skambjata, ir-responsabbiltà tistrieħ fuq l-Istat Membru li joħroġ il-viża.
Għall-finijiet ta’ dawn ir-regoli:
“port ta’ Stat Membru”: tfisser port li jikkostitwixxi fruntiera esterna ta’ Stat Membru;
“ajruport ta’ Stat Membru”: tfisser ajruport li jikkostitwixxi fruntiera esterna ta’ Stat Membru.
I. L-iffirmar fuq bastiment irmiġġat jew mistenni f’port ta’ Stat Membru (dħul fit-territorju tal-Istati Membri)
— il-kumpanija ta’ trasport marittimu jew l-aġent tagħha għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti fil-port tal-Istat Membru fejn il-bastiment huwa rmiġġat jew mistenni li l-baħħara suġġetti għar-rekwiżiti tal-viża huma mistennija li jidħlu permezz ta’ ajruport, fruntiera tal-art jew tal-baħar ta’ Stat Membru. Il-kumpanija ta’ trasport marittimu jew l-aġent tagħha għandhom jiffirmaw garanzija fir-rigward ta’ dawk il-baħħara li l-ispejjeż kollha għaż-żjara u, jekk meħtieġ, għall-ispejjeż ta’ ripatriazzjoni tal-baħħara ser jiġu koperti mill-kumpanija ta’ trasport marittimu;
— l-awtoritajiet kompetenti msemmija għandhom jivverifikaw mill-aktar fis possibbli jekk l-informazzjoni pprovduta mill-kumpanija ta’ trasport marittimu jew l-aġent tagħha hijiex korretta u għandhom jeżaminaw jekk il-kondizzjonijiet l-oħra għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri ġewx sodisfatti. Ir-rotta tal-ivvjaġġar fit-territorju tal-Istati Membri għandha wkoll tiġi vverifikata eż. b’referenza għall-biljetti (tal-linja tal-ajru);
— meta l-baħħara jkunu waslu biex jidħlu permezz ta’ ajruport ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti fil-port tal-Istat Membru għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti fl-ajruport ta’ dħul tal-Istat Membru, permezz ta’ formola mimlija kif xieraq għall-baħħara fi tranżitu li huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-viża (kif imniżżel fil-Parti 2 ta’ dan l-Anness), mibgħuta b’faks, posta elettronika jew mezzi oħrajn, bir-riżultati tal-verifika u għandhom jindikaw jekk fil-prinċipju tistax tinħareġ viża fuq il-fruntiera. Meta l-baħħara jkunu waslu biex jidħlu permezz ta’ fruntiera tal-art jew tal-baħar, l-awtoritajiet kompetenti fuq il-fruntiera minn fejn il-baħri kkonċernat jidħol fit-territorju tal-Istati Membri għandhom ikunu infurmati bl-istess proċedura;
— fejn il-verifika tad-data disponibbli hija pożittiva u r-riżultat biċ-ċar jaqbel mad-dikjarazzjoni jew mad-dokumenti tal-baħħar, l-awtoritajiet kompetenti fl-ajruport ta’ dħul jew ħruġ tal-Istat Membru jistgħu joħorġu viża fuq il-fruntiera li s-soġġorn awtorizzat tagħha għandu jikkorrispondi ma’ dak li hu meħtieġ għall-fini tat-tranżitu. Barra minn hekk, f’tali każijiet id-dokument tal-ivvjaġġar tal-baħħar għandu jkun ittimbrat b’timbru ta’ dħul jew ta’ ħruġ tal-Istat Membru u jingħata lill-baħħar ikkonċernat.
II. It-tluq mis-servizz minn bastiment li daħal f’port ta’ Stat Membru (ħruġ mit-territorju tal-Istati Membri)
— il-kumpanija ta’ trasport marittimu jew l-aġent tagħha għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti fl-imsemmi port tal-Istat Membru ta’ dħul tal-baħħara suġġetti għar-rekwiżiti ta’ viża u li għandhom jitilqu miss-servizz tagħhom u joħorġu mit-territorju tal-Istati Membri permezz ta’ ajruport, fruntiera tal-art u tal-baħar ta’ Stat Membru. Il-kumpanija ta’ trasport marittimu jew l-aġent tagħha għandhom jiffirmaw garanzija fir-rigward ta’ dawk il-baħħara li l-ispejjeż kollha għaż-żjara u, jekk meħtieġ, għall-ispejjeż ta’ ripatriazzjoni tal-baħħara ser jiġu koperti mill-kumpanija ta’ trasport marittimu;
— l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw mill-aktar fis possibbli jekk l-informazzjoni pprovduta mill-kumpannija ta’ trasport marittimu jew mill-aġent tagħha hijiex korretta u għandhom jeżaminaw jekk il-kondizzjonijiet l-oħra għad-dħul fit-territorju tal-Istat Membru ġewx sodisfatti. Ir-rotta tal-ivvjaġġar fit-territorju tal-Istati Membri għandha wkoll tiġi vverifikata eż., b’referenza għall-biljetti (tal-linja tal-ajru);
— fejn il-verifika tad-data disponibbli hija pożittiva, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu viża li s-soġġorn awtorizzat tagħha għandu jikkorrispondi għal dak li hu meħtieġ għall-fini tat-tranżitu.
III. It-trasferiment minn bastiment li daħal f’port ta’ Stat Membru għal bastiment ieħor
— il-kumpannija ta’ trasport marittimu jew l-aġent tagħha għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-port imsemmi tal-Istat Membru ta’ dħul tal-baħħara suġġetti għar-rekwiżiti ta’ viża li mistennija jitilqu miss-servizz u joħorġu mit-territorju tal-Istati Membri permezz permezz ta’ port ta’ Stat Membru ieħor. Il-kumpannija ta’ trasport marittimu jew l-aġent tagħha għandhom jiffirmaw garanzija fir-rigward ta’ dawk il-baħħara li l-ispejjeż kollha għaż-żjara u, jekk meħtieġ, għall-ispejjeż ta’ ripatriazzjoni tal-baħħara ser jiġu koperti mill-kumpanija ta’ trasport marittimu;
— l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw mill-aktar fis possibbli jekk l-informazzjoni pprovduta mill-kumpanija ta’ trasport marittimu jew mill-aġent tagħha hijiex korretta u għandhom jeżaminaw jekk il-kondizzjonijiet l-oħra għad-dħul fit-territorju tal-Istat Membru ġewx sodisfatti. L-awtoritajiet kompetenti fil-port tal-Istat Membru minn fejn il-baħħara ser jitilqu mit-territorju tal-Istati Membri bil-bastiment għandhom jiġu kkuntattjati għall-eżami. Għandu jsir kontroll biex ikun stabbilit jekk il-bastiment li ser jaqbdu hux irmiġġat jew mistenni hemm. Ir-rotta tal-ivvjaġġar fit-territorju tal-Istati Membri għandha wkoll tiġi verifikata;
— fejn il-verifika tad-data disponibbli hija pożittiva, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu viża li s-soġġorn awtorizzat tagħha għandu jikkorrispondi għal dak li hu meħtieġ għall-fini tat-tranżitu.
PARTI 2
DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-FORMOLA
Punti 1-4: l-identità tal-baħħar
(1) |
A. Kunjom(ijiet) |
B. Isem(ismijiet) |
|
C. Nazzjonalità |
|
D. Kariga/Grad |
|
(2) |
A. Post tat-twelid |
B. Data tat-twelid |
|
(3) |
A. Numru tal-passaport |
B. Data tal-ħruġ |
|
C. Perijodu ta’ validità |
|
(4) |
A. Numru tal-ktieb tal-baħħar |
B. Data tal-ħruġ |
|
C. Perijodu ta’ validità |
Ad punti 3 u 4: skont in-nazzjonalità tal-baħħar u l-Istat Membru fejn isir id-dħul, dokument tal-ivvjaġġar jew ktieb tal-baħri jista’ jintuża għall-finijiet ta’ identifikazzjoni.
Punti 5-8: l-aġent marittimu u l-bastiment ikkonċernat
(5) |
Isem l-aġent marittimu (l-individwu jew il-korporazzjoni li jirrappreżentaw lis-sid tal-bastiment fuq il-post fil-kwistjonijiet kollha rigward id-dmirijiet tas-sid tal-bastiment fit-tgħammir tal-bastiment) taħt 5 A u n-numru tat-telefon (u dettalji ta’ kuntatt oħra bħan-numru tal-faks, l-indirizz tal-posta elettronika taħt 5B. |
(6) |
A. Isem il-bastiment |
B. In-numru-IMO (dan in-numru fih 7 figuri u hu magħruf ukoll bħala n-“numru Llyods”) |
|
C. Bandiera (li taħtha qed jivvjaġġa l-bastiment merkantili) |
|
(7) |
A. Data tal-wasla tal-bastiment |
B. Oriġini (port) tal-bastiment |
|
L-ittra “A” tirreferi għad-data tal-wasla tal-bastiment fil-port fejn il-baħħar għandu jingaġġa ruħu. |
|
(8) |
A. Data tat-tluq tal-bastiment |
B. Destinazzjoni tal-bastiment (il-port li jmiss) |
Ad punti 7 A u 8 A: indikazzjonjiet rigward it-tul ta’ żmien li għalih il-baħħar jista’ jivvjaġġa sabiex jiġi ingaġġat.
Ta’ min jiftakar li r-rotta segwita hija suġġetta ħafna għal tfixkil u fatturi esterni bħal maltempati, ħsarat, eċċ.
Punti 9 - 12: l-iskop tal-vjaġġ tal-baħħar u d-destinazzjoni tiegħu
(9) Id-“destinazzjoni finali” hija t-tmiem il-vjaġġ tal-baħħar. Din tista’ tkun jew il-port fejn għandu jiġi ngaġġat jew il-pajjiż lejn fejn sejjer jekk qed iħalli s-servizz.
(10) Ir-raġunijiet għall-applikazzjoni
(a) Fil-każ ta’ ingaġġ, id-destinazzjoni finali hija l-port fejn il-baħħar ser jiġi ingaġġat.
(b) Fil-każ ta’ trasferiment għal bastiment ieħor fit-territorju tal-Istati Membri, hija wkoll il-port fejn il-baħħar ser ikun ingaġġat. It-trasferiment għal bastiment li jinsab barra mit-territorju tal-Istati Membri għandu jitqies bħala tluq mis-servizz.
(c) Fil-każ ta’ tluq mis-servizz, dan jista’ jiġri għal diversi raġunijiet, bħat-tmiem tal-kuntratt, inċident fuq ix-xogħol, raġunijiet familjari urġenti, eċċ.
(11) Il-mezzi tat-trasport
Lista tal-mezzi użati fit-territorju tal-Istati Membri mill-baħħar fi tranżitu li huwa suġġett għal rekwiżiti ta’ viża biex jilħaq id-destinazzjoni finali tiegħu. Fuq il-formola, it-tliet possibilitajiet li ġejjin huma previsti:
(a) karozza (jew kowċ);
(b) ferrovija;
(c) ajruplan.
(12) Data tal-wasla (fit-territorju tal-Istati Membri)
Jgħodd primarjament għal baħħar fl-ewwel ajruport jew punt ta’ qsim tal-fruntiera ta’ Stat Membru (ladarba jista’ ma jkunx dejjem ajruport) fuq il-fruntiera esterna li minnha jixtieq jidħol fit-territorju tal-Istati Membri.
Data tat-tranżitu
Din hija d-data li fiha l-baħħar jieqaf minn xogħlu f’port fit-territorju tal-Istati Membri u jmur lejn port ieħor li jinsab ukoll fit-territorju tal-Istati Membri.
Data tat-tluq
Din hija d-data li fiha l-baħħar jieqaf minn xogħlu f’port fit-territorju tal-Istati Membri biex jitrasferixxi ruħu għal bastiment ieħor f’port li jinsab barra mit-territorju tal-Istati Membri jew id-data li fiha l-baħħar jieqaf minn xogħlu f’port fit-territorju tal-Istati Membri biex jirritorna lejn daru (barra mit-territorju tal-Istati Membri).
Wara li jkunu determinati t-tliet mezzi ta’ vvjaġġar, għandha tiġi pprovduta wkoll l-informazzjoni disponibbli dwar dawk il-mezzi:
(a) karozza, kowċ: numru tar-reġistrazzjoni;
(b) ferrovija: isem, numru, eċċ;
(c) data tat-titjira: data, ħin, numru.
(13) Dikjarazzjoni formali ffirmata mill-aġent marittimu jew mis-sid tal-bastiment li tikkonferma r-responsabbiltà tiegħu għas-soġġorn u, jekk ikun meħtieġ, għall-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni tal-baħħar.
ANNESS X
LISTA TA’ REKWIŻITI MINIMI LI GĦANDHOM IKUNU INKLUŻI FL-ISTRUMENT LEGALI FIL-KAŻ TA’ KOOPERAZZJONI MA’ FORNITURI ESTERNI TAS-SERVIZZI
A. Rigward it-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-fornitur estern tas-servizzi għandu, fir-rigward tal-protezzjoni tad-data:
(a) jipprevjeni fil-ħinijiet kollha kwalunkwe qari, ikkopjar, modifika jew tħassir mhux awtorizzat ta’ data, b’mod partikolari matul it-trasmissjoni tagħha lill-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari tal-Istat jew Stati Membri responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni;
(b) jittrasmetti d-data skont l-istruzzjonijiet tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati,
— elettronikament, f’forma kriptata, jew
— fiżikament, b’mod sigur;
(c) jittrasmetti d-data malajr kemm jista’ jkun:
— fil-każ ta’ trasferiment fiżiku ta’ data, mill-anqas darba fil-ġimgħa,
— fil-każ ta’ trasferiment elettroniku ta’ data kriptata, mill-anqas fi tmiem il-jum tal-ġbir tagħha;
(d) iħassar id-data immedjatament wara t-trasmissjoni tagħha u jiżgura li l-unika data li tkun tista’ tinżamm għandha tkun l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-applikant għall-finijiet tal-arranġamenti ta’ appuntamenti, kif ukoll in-numru tal-passaport, sar-ritorn tal-passaport lill-applikant, fejn ikun applikabbli;
(e) il-miżuri tekniċi u organizzattivi tas-sigurtà kollha meħtieġa għall-protezzjoni tad-data personali kontra qerda aċċidentali jew illegali jew telfien aċċidentali, alterazzjoni, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari fejn il-kooperazzjoni tkun tinvolvi t-trasmissjoni ta’ fajls u data lill-missjoni diplomatika jew lill-uffiċċju konsulari tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati, u l-forom illegali l-oħrajn kollha ta’ pproċessar tad-data personali;
(f) jipproċessa d-data biss għall-finijiet ta’ pproċessar ta’ data personali ta’ applikanti f’isem l-Istat jew Stati Membri kkonċernati;
(g) japplika standards ta’ protezzjoni ta’ data mill-anqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE;
(h) jipprovdi lill-applikanti bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 37 tar-Regolament VIS.
B. Rigward it-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-fornitur estern tas-servizzi għandu, fir-rigward tal-imġiba tal-persunal:
(a) jiżgura li l-persunal tiegħu jkun imħarreġ b’mod adatt;
(b) jiżgura li l-persunal tiegħu fit-twettiq tal-obbligi tiegħu:
— jirċievi lill-applikant b’korteżija,
— jirrispetta d-dinjità tal-bniedem u l-integrità ta’ applikant,
— ma jiddiskriminax kontra persuni fuq raġunijiet ta’ sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, u
— jirrispetta r-regoli ta’ kunfidenzjalità li għandhom japplikaw ukoll ladarba l-membri tal-persunal ikunu telqu mix-xogħol tiegħu jew wara s-sospensjoni jew it-tmiem tal-istrument legali;
(c) jipprovdi identifikazzjoni tal-persunal li jaħdem mal-fornitur estern tas-servizzi fil-ħinijiet kollha;
(d) juri li l-persunal tiegħu m’għandux kondotta kriminali mtebba’ u għandu l-kompetenza meħtieġa.
C. Fir-rigward tal-verifika tal-esekuzzjoni tal-attivitajiet tiegħu, il-fornitur estern tas-servizzi għandu:
(a) jipprovdi aċċess minn persunal intitolat mill-Istat jew Stati Membri kkonċernati għall-kwartieri tiegħu fil-ħinijiet kollha mingħajr avviż preċedenti, b’mod partikolari għal finijiet ta’ spezzjoni;
(b) jiżgura l-possibbiltà ta’ aċċess mill-bogħod għas-sistema tiegħu ta’ appuntamenti għal finijiet ta’ spezzjoni;
(c) jiżgura l-użu ta’ metodi ta’ monitoraġġ rilevanti (eż. eżami tal-applikanti; Webcam);
(d) jiżgura aċċess għal prova ta’ konformità mal-protezzjoni tad-data, inklużi obbligi ta’ rappurtar, verifiki esterni u verifiki fuq il-post regolari;
(e) jirrapporta lill-Istat jew Stati Membri kkonċernati mingħajr dewmien kwalunkwe ksur ta’ sigurtà jew kwalunkwe lment mill-applikanti dwar użu ħażin ta’ data jew aċċess mhux awtorizzat, u jikkoordina mal-Istat jew Stati Membri kkonċernati sabiex tinstab soluzzjoni u jingħataw spjegazzjonijiet fil-pront lill-applikanti li jilmentaw.
D. Rigward rekwiżiti ġenerali, il-fornitur estern tas-servizzi għandu:
(a) jaġixxi skont l-istruzzjonijiet tal-Istat jew Stati Membri kompetenti għall-ipproċessar tal-applikazzjoni;
(b) jadotta miżuri adatti kontra l-korruzzjoni (eż. dispożizzjonijiet dwar rimunerazzjoni tal-persunal; kooperazzjoni fl-għażla ta’ membri tal-persunal assenjat għal tali kompitu; two-man-rule; prinċipju ta’ rotazzjoni);
(c) jirrispetta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-istrument legali, li għandu jkun fih klawsola ta’ sospensjoni jew terminazzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ ksur tar-regoli stabbiliti, kif ukoll klawsola ta’ reviżjoni bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-istrument legali jirrifletti l-aħjar prattika.
ANNESS XI
PROĊEDURI U KONDIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI LI JIFFAĊILITAW IL-ĦRUĠ TAL-VIŻI LILL-MEMBRI TAL-FAMILJA OLIMPIKA LI QED TIPPARTEĊIPA FIL-LOGĦOB OLIMPIKU U FIL-LOGĦOB PARALIMPIKU
KAPITOLU I
Għan u definizzjonijiet
Artikolu 1
Għan
Il-proċeduri u l-kondizzjonijiet speċifiċi li ġejjin jiffaċilitaw l-applikazzjoni għall-viżi u l-ħruġ ta’ viżi lill-membri tal-familja Olimpika għat-tul tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku organizzati minn Stat Membru.
Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis Komunitarju dwar il-proċeduri għall-applikazzjoni u għall-ħruġ ta’ viżi.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
(1) “Organizzazzjonijiet responsabbli” jirrelataw mal-miżuri previsti biex ikunu ffaċilitati l-proċeduri għall-applikazzjoni u għall-ħruġ ta’ viżi għall-membri tal-familja Olimpika li qed jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku, u jfissru l-organizzazzjonijiet uffiċjali, f’termini tal-Karta Olimpika, li huma intitolati li jippreżentaw listi ta’ membri tal-familja Olimpika lill-Kumitat Organizzattiv tal-Istat Membr li jospita l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku bil-għan li jinħarġu l-kards tal-akkreditazzjoni għal-Logħob;
(2) “Membru tal-Familja Olimpika” tfisser kwalunkwe persuna li hija membru tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali, tal-Federazzjonijiet Internazzjonali, tal-Kumitati Nazzjonali Olimpiċi u Paralimpiċi, tal-Kumitati Organizzattivi tal-Logħob Olimpiku u tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali, bħall-atleti, l-arbitri/ir-referis, il-kowċijiet u t-tekniċi sportivi l-oħra, il-persunal mediku ta’ mat-timijiet jew l-isportivi individwali u l-ġurnalisti akkreditati mill-medja, l-eżekuttivi anzjani, id-donaturi, l-isponsers jew il-mistednin uffiċjali l-oħra, li jaqblu li jiġu ggwidati mill-Karta Olimpika, jaġixxu taħt il-kontroll u l-awtorità suprema tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, huma inklużi fil-listi tal-organizzazzjonijiet responsabbli u huma akkreditati mill-Kumitat Organizzattiv tal-Istat Membru li jospita l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku bħala parteċipanti fil-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tal-[sena];
(3) “Kards tal-akkreditazzjoni Olimpika” li huma maħruġa mill-Kumitat Organizzattiv tal-Istat Membru li jospita l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku, skont il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu tfisser wieħed minn żewġ dokumenti siguri, wieħed għal-Logħob Olimpiku u l-ieħor għal-Logħob Paralimpiku, b’kull wieħed ikollu ritratt tad-detentur tiegħu, jistabbilixxu l-identità tal-membru tal-familja Olimpika u jawtorizzaw l-aċċess għall-faċilitajiet fejn isiru l-kompetizzjonijiet u għal avvenimenti oħrajn skedati sakemm idum il-Logħob;
(4) “Sakemm idum il-Logħob Olimpiku u Paralimpiku” tfisser il-perijodu li matulu jseħħ il-Logħob Olimpiku u l-perijodu li matulu jseħħ il-Logħob Paralimpiku;
(5) “Kumitat Organizzattiv tal-Istat Membru li jospita l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku” tfisser il-Kumitat stabbilit mill-Istat Membru ospitant konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu biex jiġi organizzat il-Logħob Olimpiku u Paralimpiku, li jiddeċiedi dwar l-akkreditazzjoni tal-membri tal-familja Olimpika li jieħdu sehem f’dak il-Logħob;
(6) “Servizzi responsabbli mill-ħruġ tal-viżi” tfisser is-servizzi magħżula mill-Istat Membru li jospita l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku biex jeżaminaw l-applikazzjonijiet u joħorġu l-viżi lill-membri tal-familja Olimpika.
KAPITOLU II
Il-ħruġ ta’ viżi
Artikolu 3
Kondizzjonijiet
Viża tista’ tinħareġ skont dan ir-Regolament biss fejn il-persuna kkonċernata:
(a) ġiet magħżula minn waħda mill-organizzazzjonijiet responsabbli u akkreditata mill-Kumitat Organizzattiv tal-Istat Membru li jospita l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku bħala parteċipant fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku;
(b) għandha dokument tal-ivvjaġġar validu li jawtorizza l-qsim tal-fruntieri esterni, kif imsemmi fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen;
(c) mhijiex persuna li dwarha nħarġet twissija bl-iskop li tiġi mċaħħda mid-dħul;
(d) mhijiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà nazzjonali jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri.
Artikolu 4
Preżentazzioni tal-applikazzjoni
1. Fejn organizzazzjoni responsabbli tfassal lista tal-persuni magħżula biex jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku, hija tista’, flimkien mal-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ kard tal-akkreditazzjoni Olimpika għall-persuni magħżula, tippreżenta applikazzjoni kollettiva għall-viżi għal dawk il-persuni magħżula li huma meħtieġa li jkollhom viża skont ir-Regolament (KE) Nru 539/2001, ħlief fejn dawk il-persuni għandhom permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru jew permess ta’ residenza, maħruġ mir-Renju Unit jew mill-Irlanda, skont id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri ( 27 ).
2. Applikazzjoni kollettiva għall-viżi għall-persuni konċernati għandhom jiġu mgħoddija fl-istess ħin bħall-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ kard tal-akkreditazzjoni Olimpika lill-Kumitat Organizzattiv tal-Istat Membru li jospita l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku skont il-proċedura stabbilita minnu.
3. Għandhom jiġu ppreżentati applikazzjonijiet individwali għall-viża għal kull persuna li tieħu sehem fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku.
4. Il-Kumitat Organizzattiv tal-Istat Membru li jospita l-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku għandu jgħaddi lis-servizzi responsabbli biex joħorġu l-viżi, applikazzjoni kollettiva għall-viżi mill-aktar fis possibbli, flimkien mal-kopji tal-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ kard tal-akkreditazzjoni Olimpika għall-persuni kkonċernati, li jkollha fuqha l-isem sħiħ, in-nazzjonalità, is-sess u d-data u l-post tat-twelid tagħhom u n-numru, it-tip u d-data tal-iskadenza tad-dokument tal-ivvjaġġar tagħhom.
Artikolu 5
Eżami tal-applikazzjoni kollettiva għall-viżi u t-tip ta’ viża maħruġa
1. Il-viża għandha tinħareġ mis-servizzi responsabbli biex joħorġu l-viżi wara eżami previst biex jiżgura li jintlaħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.
2. Il-viża maħruġa għandha tkun viża uniformi, bi dħul multiplu, li tawtorizza soġġorn ta’ mhux aktar minn 90 jum għat-tul tal-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku.
3. Fejn il-membru tal-familja Olimpika kkonċernat ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 3, is-servizzi responsabbli għall-ħruġ tal-viżi jistgħu joħorġu viża b’validità territorjali limitata skont l-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Forma tal-viża
1. Il-viża għandha tieħu l-forma ta’ żewġ numri mdaħħla fuq il-kard tal-akkreditazzjoni Olimpika. L-ewwel numru għandu jkun in-numru tal-viża. Fil-każ ta’ viża uniformi, dak in-numru għandu jkun magħmul minn seba’ (7) karattri li jinkludu sitt (6) numri ppreċeduti mill-ittra “C”. Fil-każ ta’ viża b’validità territorjali limitata, dak in-numru għandu jkun magħmul minn tmien (8) karattri li jinkludu sitt (6) numri ppreċeduti mill-ittri “XX” ( 28 ). It-tienu numru għandu jkun in-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar tal-persuna kkonċernata.
2. Is-servizzi responsabbli biex joħorġu l-viżi għandhom jgħaddu n-numri tal-viża lill-Kumitat Organizzattiv tal-Istat Membru li jospita l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku sabiex jinħarġu l-kards tal-akkreditazzjoni.
Artikolu 7
Rinunzja għat-tariffi
L-eżami tal-applikazzjonijiet għal viża u l-ħruġ tal-viżi m’għandhomx iwasslu għall-ebda talba ta’ ħlas mis-servizzi responsabbli mill-ħruġ l-viżi.
KAPITOLU III
Dispożizzjonijiet ġenerali u finali
Artikolu 8
Tħassir ta’ viża
Fejn il-lista tal-persuni ppreżentati bħala parteċipanti fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku hija emendata qabel ma jibdew il-Logħob, l-organizzazzjonijiet responsabbli għandhom jgħarrfu mingħajr l-ebda dewmien lill-Kumitat Organizzattiv tal-Istat Membru li jospita l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tal-[sena] b’dan sabiex il-kards tal-akkreditazzjoni Olimpika tal-persuni mneħħija mil-lista jistgħu jiġu revokati. Il-Kumitat Organizzattiv għandu jinnotifika lis-servizzi responsabbli biex joħorġu l-viżi b’dan u għandu jgħarrafhom bin-numri tal-viżi in kwistjoni.
Is-servizzi responsabbli biex joħorġu l-viżi għandhom iħassru l-viżi tal-persuni kkonċernati. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-awtoritajiet responsabbli għall-kontrolli fuq il-fruntieri b’dan, u dawn tal-aħħar mingħajr dewmien għandhom jgħaddu dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri l-oħra.
Artikolu 9
Kontrolli fuq il-fruntieri esterni
1. Il-kontrolli tad-dħul imwettqa fuq il-membri tal-familja Olimpika li nħarġulhom il-viżi skont dan ir-Regolament, meta dawn il-membri jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, għandhom ikunu limitati għall-kontroll tal-konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.
2. Għat-tul tal-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku:
(a) it-timbri tad-dħul u tal-ħruġ għandhom jitwaħħlu fuq l-ewwel paġna libera tad-dokument tal-ivvjaġġar ta’ dawk il-membri tal-familja Olimpika li għalihom huwa meħtieġ li jitwaħħlu dawn it-timbri skont l-Artikolu 10(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Mal-ewwel dħul, in-numru tal-viża għandu jkun indikat fuq dik l-istess paġna;
(b) il-kondizzjonijiet għad-dħul previsti fl-Artikolu 5(1)(c) tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen għandhom ikunu preżunti li ntlaħqu ladarba membru tal-Familja Olimpika jkun ġie debitament akkreditat.
3. Il-paragrafu 2 għandu jgħodd għall-membri tal-familja Olimpika li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kemm jekk huma suġġetti għar-rekwiżiti ta’ viża u kemm jekk le, skont ir-Regolament (KE) Nru 539/2001.
ANNESS XII
STATISTIKA ANNWALI DWAR VIŻI UNIFORMI, VIŻI B’VALIDITÀ TERRITORJALI LIMITATA U VIŻI GĦAL TRANŻITU FL-AJRUPORT
Id-data li għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni fi żmien l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 40a, għal kull post fejn l-Istati Membri individwali joħorġu viża:
— total ta’ viżi A li saret applikazzjoni għalihom (inklużi viżi A multipli),
— total ta’ viżi A maħruġa (inklużi viżi A multipli),
— total ta’ viżi A multipli maħruġa,
— total ta’ viżi A maħruġa (inklużi viżi A multipli),
— total ta’ viżi C li saret applikazzjoni għalihom (inklużi viżi C bi dħul multiplu),
— total ta’ viżi C maħruġa (inklużi viżi C bi dħul multiplu),
— total ta’ viżi C bi dħul multiplu maħruġa,
— total ta’ viżi C mhux maħruġa (inklużi viżi C bi dħul multiplu),
— total ta’ viżi VTL maħruġa.
Regoli ġenerali għall-preżentazzjoni tad-data:
— id-data għas-sena preċedenti kollha għandha tinġabar f’fajl wieħed,
— id-data għandha tingħata bl-użu ta’ mudell standard (ipprovdut mill-Kummisjoni),
— id-data għandha tkun disponibbli għal-lokazzjonijiet individwali fejn l-Istat membru kkonċernat joħroġ il-viżi u raggruppati minn pajjiżi terzi,
— “Mhux maħruġa” tkopri d-data dwar viżi u applikazzjonijiet miċħuda fejn l-eżami twaqqaf (kif previst għall-Artikolu 8(2)).
F’każ li d-data mjihiex la disponibbli u lanqas rilevanti għal kategorija u pajjiż terz partikolari, l-Istati Membri għandhom iħallu l-ispazju vojt (u ma jdaħħlux “0”) (żero), “N.A”) (mhux applikablli) jew kwalunkwe valur ieħor).
ANNESS XIII
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
Dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament |
Dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (CSA), Istruzzjonijiet Konsulari Komuni (CCI) jew tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Schengen (SCH/Com-ex) sostitwiti |
TITOLU I |
|
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI |
|
Artikolu 1 Għan u kamp ta’ applikazzjoni |
CCI, Parti I.1. Kamp ta’ applikazzjoni (l-Artikoli 9 u 10 tas-CSA) |
Artikolu 2 Definizzjonijiet (1)-(4) |
CCI: Parti I. 2. Definizzjonijiet u tipi ta’ viża CCI: Parti IV “Bażi legali” CSA: l-Artikoli 11(2), 14 (1), 15, 16 |
TITOLU II |
|
VIŻA GĦAL TRANŻITU FL-AJRUPORT |
|
Artikolu 3 Ċittadini ta’ pajjiżi terzi meħtieġa li jkollhom viża għal tranżitu fl-ajruport |
Azzjoni Konġunta 96/197/ĠAI, CCI, Parti I. 2.1.1 |
TITOLU III |
|
PROĊEDURI U KONDIZZJONIJIET GĦALL-ĦRUĠ TA’ VIŻI |
|
KAPITOLU I |
|
Awtoritajiet li jipparteċipaw fil-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet |
|
Artikolu 4 Awtoritajiet li huma kompetenti biex jieħdu sehem fil-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet |
CCI Parti II. 4., CSA, Artikolu 12(2), Regolament 415/2003 |
Artikolu 5 Stat Membru kompetenti biex jeżamina applikazzjoni u jieħu deċiżjoni dwarha |
CCI, Parti II 1.1(a)(b), CSA Artikolu 12(2) |
Artikolu 6 Kompetenza territorjali konsulari |
CCI, Parti II, 1.1 u 3 |
Artikolu 7 Kompetenza tal-ħruġ ta’ viżi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu legalment preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru |
— |
Artikolu 8 Arranġamenti dwar rappreżentanza |
CCI, Parti II, 1.2 |
KAPITOLU II |
|
L-applikazzjoni |
|
Artikolu 9 Modalitajiet prattiċi għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal viża |
CCI, Anness 13, nota (Artikolu 10(1) |
Artikolu 10 Regoli ġenerali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni |
— |
Artikolu 11 Il-formola tal-applikazzjoni |
CCI, Parti III. 1.1 |
Artikolu 12 Dokument tal-ivvjaġġar |
CCI, Parti III.2. (a), CSA, Artikolu 13(1) u (2) |
Artikolu 13 Identifikaturi bijometriċi |
CCI, Parti III. 1.2 (a) u (b) |
Artikolu 14 Dokumenti ta’ sostenn |
CCI, Parti III.2(b) u Parti V.1.4, Com-ex (98) 57 |
Artikolu 15 Assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar |
CCI, Parti V, 1.4 |
Artikolu 16 It-tariffa tal-viża |
CCI Parti VII. 4. u Anness 12 |
Artikolu 17 It-tariffa tas-servizz |
IKK, Parti VII, 1.7 |
KAPITOLU III |
|
Eżami ta’ applikazzjoni u teħid ta’ deċiżjoni dwarha |
|
Artikolu 18 Verifika ta’ kompetenza konsulari |
— |
Artikolu 19 Ammissibbiltà |
— |
Artikolu 20 Timbru li jindika li l-applikazzjoni hi ammissibbli |
CCI, Parti VIII, 2 |
Artikolu 21 Verifika tal-kondizzjonijiet ta’ dħul u stima tar-riskju |
CCI, Parti III,.4 u Parti V.1. |
Artikolu 22 Konsultazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet ċentrali ta’ Stati Membri oħrajn |
IKK, Parti II, 2.3 and Parti V, 2.3(a)-(d) |
Artikolu 23 Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni |
CCI, Parti V. 2.1 (it-tieni inċiż), 2.2, IKK |
KAPITOLU IV |
|
Il-ħruġ tal-viża |
|
Artikolu 24 Ħruġ ta’ viża uniformi |
CCI, Parti V, 2.1 |
Artikolu 25 Ħruġ ta’ viża b’validità territorjali limitata |
CCI, Parti V, 3, Anness 14, CSA 11(2), 14(1) u 16 |
Artikolu 26 Ħruġ ta’ viża għal tranżitu fl-ajruport |
CCI, Part I, 2.1.1 – Azzjoni Konġunta 96/197/ĠAI |
Artikolu 27 Il-mili tal-isticker tal-viża |
CCI, Parti VI. 1-2-3-4 |
Artikolu 28 Invalidar tal-istickers tal-viżi mimlijin |
CCI, Parti VI, 5.2 |
Artikolu 29 Twaħħil tal-istickers tal-viża |
CCI, Parti VI, 5,3 |
Artikolu 30 Drittijiet li jirriżultaw mill-ħruġ ta’ viża |
CCI, Part I, 2.1, l-aħħar sentenza |
Artikolu 31 Informazzjoni tal-awtoritajiet ċentrali ta’ Stati Membri oħrajn |
— |
Artikolu 32 Ċaħda ta’ viża |
— |
KAPITOLU V |
|
Modifika ta’ viża maħruġa |
|
Artikolu 33 Estensjoni |
Com-ex (93) 21 |
Artikolu 34 Annullament u revoka |
Com-ex (93) 24 u l-Anness 14 għall-IKK |
KAPITOLU VI |
|
Viżi maħruġa fuq il-fruntieri esterni |
|
Artikolu 35 Applikazzjonijiet għal viżi fuq il-fruntieri esterni |
Ir-Regolament (KE) Nru 415/2003 |
Artikolu 36 Viżi maħruġa lill-baħħara fi tranżitu fuq il-fruntiera |
|
TITOLU IV |
|
ĠESTJONI U ORGANIZZAZZJONI AMMINISTRATTIVA |
|
Artikolu 37 Organizzazzjoni tat-taqsimiet tal-viżi |
CCI, Parti VII, 1-2-3 |
Artikolu 38 Riżorsi għall-eżami tal-applikazzjonijiet u l-monitoraġġ tal-konsulati |
— |
|
CCI, Parti VII, 1 A |
Artikolu 39 Imġiba tal-persunal |
CCI, Parti III.5 |
Artikolu 40 Forom ta’ kooperazzjoni |
CCI, Parti VII, 1AA |
Artikolu 41 Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri |
|
Artikolu 42 Rikors għand konsli onorarji |
CCI, Parti VII, A.B |
Artikolu 43 Kooperazzjoni ma’ fornituri esterni tas-servizzi |
CCI, Parti VII, 1B |
Artikolu 44 Kriptaġġ u trasferiment sigur ta’ data |
CCI, Parti II, 1.2, Parti VII, 1.6, is-sitt, seba’, tmien u d-disa’ subparagrafi |
Artikolu 45 Kooperazzjoni tal-Istati Membri ma’ intermedjarji kummerċjali |
CCI, VIII, 5.2 |
Artikolu 46 Ġbir ta’ statistika |
SCH Com-ex (94) 25 u (98) 12 |
Artikolu 47 Informazzjoni lill-pubbliku ġenerali |
— |
TITOLU V |
|
KOOPERAZZJONI LOKALI TA’ SCHENGEN |
|
Artikolu 48 Kooperazzjoni lokali ta’ Schengen fost il-konsulati tal-Istati Membri |
CCI, VIII, 1-3-4 |
TITOLU VI |
|
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI |
|
Artikolu 49 Arranġamenti għal Logħob Olimpiku u Logħob Paralimpiku |
— |
Artikolu 50 Emendamenti għall-Annessi |
— |
Artikolu 51 Istruzzjonijiet dwar l-applikazzjoni prattika tal-Kodiċi dwar il-Viżi |
— |
Artikolu 52 Proċedura ta’ kumitat |
— |
Artikolu 53 Notifika |
— |
Artikolu 54 Emendamenti għar-Regolament (KE) Nru 767/2008 |
— |
Artikolu 55 Emendamenti għar-Regolament (KE) Nru 562/2006 |
— |
Artikolu 56 Tħassir |
— |
Artikolu 57 Monitoraġġ u evalwazzjoni |
— |
Artikolu 58 Dħul fis-seħħ |
— |
ANNESSI
Anness I Formola armonizzata ta’ applikazzjoni |
CCI, Anness 16 |
Anness II Lista mhux eżawrkenti ta’ dokumenti ta’ sostenn |
Parzjalment CCI, V, 1.4. |
Anness III Format uniformi u użu tat-timbri li jindika li hija ammissibbli l-applikazzjoni għal viża |
CCI, VIII |
Anness IV Lista komuni ta’ pajjiżi terzi, elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom fil-pussess tagħhom viża għal tranżitu fl-ajruport meta jgħaddu miż-zona ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti li jinsabu fit-territorji tal-Istati Membri |
CCI, Anness 3, Parti I |
Anness V Lista ta’ permessi ta’ residenza li jintitolaw lid-detenturi tagħhom għal tranżitu mill-ajruporti tal-Istati Membri mingħajr ma jkun meħtieġ li jkunu fil-pussess ta’ viża għal tranżitu fl-ajruport |
CCI, Anness 3, Parti III |
Anness VI Formola standard għan-notifika u għall-motivazzjoni ta’ ċaħda, annullament jew revoka ta’ viża |
— |
Anness VII Mili tal-isticker tal-viża |
CCI, Parti VI, 1-4, Anness 10 |
Anness VIII It-twaħħil tal-isticker tal-viża |
CCI, Parti VI, 5.3 |
Anness IX Regoli għall-ħruġ tal-viżi fuq il-fruntieri lill-baħħara fi tranżitu li huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-viża |
Ir-Regolament (KE) Nru 415/2003, l-Annessi I u II |
Anness X Lista ta’ rekwiżiti minimi li għandhom ikunu inklużi fl-istrument legali fil-każ ta’ kooperazzjoni ma’ fornituri esterni tas-servizzi |
CCI, Anness 19 |
Anness XI Proċeduri u kondizzjonijiet speċifiċi li jiffaċilitaw il-ħruġ tal-viżi lill-membri tal-Familja Olimpika li qed tipparteċipa fil-Logħob Olimpiku u fil-Logħob Paralimpiku |
— |
Anness XII Statistika annwali dwar viżi uniformi, viżi b’validità territorjali limitata u viżi għal tranżitu fl-ajruport |
— |
( 1 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ April 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2009.
( 2 ) ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.
( 3 ) ĠU C 326, 22.12.2005, p. 1.
( 4 ) ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.
( 5 ) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.
( 6 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
( 7 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
( 8 ) ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.
( 9 ) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
( 10 ) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.
( 11 ) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 53.
( 12 ) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
( 13 ) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.
( 14 ) ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.
( 15 ) ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.
( 16 ) ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.
( 17 ) ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.
( 18 ) ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1.
( 19 ) ĠU L 53, 23.2.2002, p. 4.
( 20 ) ĠU L 267, 27.9.2006, p. 41.
( 21 ) ĠU L 289, 3.11.2005, p. 23.
( *1 ) ĠU L 243, 15.4.2009, p. 1”;
( 22 ) ĠU L 63, 13.3.1996, p. 8.
( 23 ) ĠU L 116, 26.4.2001, p. 2.
( 24 ) ĠU L 150, 6.6.2001, p. 4.
( 25 ) ĠU L 64, 7.3.2003, p. 1.
( 26 ) ĠU L 131, 28.5.2009, p. 1.
( 27 ) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
( 28 ) Referenza għall-kodiċi ISO tal-Istat Membru li qed jorganizza.