Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008R1342-20160628

    Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat- 18 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1342/2016-06-28

    2008R1342 — MT — 28.06.2016 — 004.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1342/2008

    tat-18 ta’ Diċembru 2008

    li jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004

    (ĠU L 348 24.12.2008, p. 20)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009

      L 343

    1

    22.12.2009

    ►M2

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1243/2012 tad-19 ta’ Diċembru 2012

      L 352

    10

    21.12.2012

    ►M3

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2324 tal-11 ta' Diċembru 2015

      L 328

    101

    12.12.2015

    ►M4

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1025 tal-24 ta' Ġunju 2016

      L 168

    7

    25.6.2016


    Ikkoreġut b'

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 231, 1.9.2010, p.  6 (1342/2008)




    ▼B

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1342/2008

    tat-18 ta’ Diċembru 2008

    li jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004



    KAPITOLU I

    SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan għal erba' stokkijiet ta' merluzz li jikkorrispondu għaż-żoni ġeografiċi li ġejjin:

    (a) il-Kattegat;

    (b) il-Baħar tat-Tramuntana, is-Skagerrak u l-Kanal tal-Lvant;

    (c) il-Punent tal-Iskozja;

    (d) il-Baħar Irlandiż.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, flimkien mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) “grupp ta' sforz” tfisser unità ta' ġestjoni ta' Stat Membru li għaliha jkun stabbilit sforz tas-sajd massimu permissibbli. Huwa definit minn grupp ta' rkaptu u żona kif stabbilit fl-Anness I;

    (b) “grupp ta' sforz aggregat” tfisser il-kombinazzjoni tal-grupp ta' sforz tal-Istati Membri kollha li għandhom l-istess grupp ta' rkaptu u żona;

    (c) “qabda għal kull unità ta' sforz” (CPUE) tfisser il-kwantità ta' merluzz maqbuda u espressa f'piż ħaj b'unità waħda ta' sforz tas-sajd espressa f'KW/jiem matul sena waħda;

    (d) “gruppi ta' età adatti” tfisser etajiet bejn 3, 4 u 5 snin għall-merluzz fil-Kattegat; età ta' 2, 3 u 4 snin għall-merluzz fil-Baħar Irlandiz, fil-Baħar tat-Tramuntana, Skagerrak u l-Kanal tal-Lvant; età ta' 2, 3, 4 u 5 snin għall-merluzz fil-Punent tal-Iskozja; jew gruppi ta' età oħrajn kif rakkommandat bħala adatti mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet ġeografiċi

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ġeografiċi ta' żoni ġeografiċi li ġejjin:

    (a) “Kattegat” tfisser dik il-parti tad-Diviżjoni IIIa, kif iddelineata mill-ICES, b'konfini min-naħa tat-Tramuntana b'linja mill-fanal tal-port fi Skagen sal-fanal tal-port f'Tistlarna u minn din il-ponta sal-eqreb ponta fil-kosta Svediża u min-naħa ta' Nofsinhar b'linja minn Hasenore sa Gnibens Spids, minn Korshage sa Spodsbjerg u minn Gilbjerg Hoved sa Kullen;

    (b) “Baħar tat-Tramuntana” tfisser is-Subżona IV tal-ICES u dik il-parti tad-Diviżjoni IIIa tal-ICES li mhijiex koperta mis-Skagerrak u l-Kattegat u dik il-parti tad-Diviżjoni IIA tal-ICES li qiegħda fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Stati Membri;

    (c) “Skagerrak” tfisser dik il-parti tad-Diviżjoni IIIa tal-ICES b'konfini min-naħa tal-Punent b'linja mill-fanal tal-port f'Hanstholm sal-fanal tal-port f'Lindesnes u min-naħa ta' Nofsinhar b'linja mill-fanal tal-port fi Skagen sal-fanal tal-port f'Tistlarna u minn dik il-ponta sal-eqreb ponta fil-kosta Svediża;

    (d) “Kanal tal-Lvant” tfisser id-Diviżjoni VIId tal-ICES;

    (e) “Baħar Irlandiż” tfisser id-Diviżjoni VIIa tal-ICES;

    (f) “Punent tal-Iskozja” tfisser id-Diviżjoni VIa tal-ICES u dik il-parti tad-Diviżjoni Vb tal-ICES li tinsab fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Stati Membri.

    Artikolu 4

    Kalkolu tal-isforz tas-sajd

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-isforz tas-sajd użat minn grupp ta' bastimenti għandu jkun ikkalkolat bħala somma tal-prodotti tal-valuri tal-kapaċità espressa f'kW għal kull bastiment u l-għadd ta' jiem li kull bastiment kien preżenti f'żona kif stabbilit fl-Anness I. Jum preżenti f’żona għandu jkun kwalunkwe perijodu kontinwu ta’ 24 siegħa (jew parti minnu) li matulu bastiment ikun preżenti fiż-żona u assenti mill-port.

    Artikolu 5

    Objettiv tal-pjan

    1.  Il-pjan imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jiżgura l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet ta' merluzz abbażi ta' rendiment sostenibbli massimu.

    2.  L-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkiseb waqt li tinżamm il-mortalità, hawn taħt indikata, mis-sajd fir-rigward tal-merluzz fi gruppi adatti ta' età:



    Stokk

    Rata ta' mortalità mis-sajd

    Merluzz fil-Kattegat

    0,4

    Merluzz lejn il-Punent tal-Iskozja

    0,4

    Merluzz fil-Baħar Irlandiż

    0,4

    3.  Għall-istokk tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, is-Skagerrak u l-Kanal tal-Lvant, l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jintlaħaq filwaqt li tinżamm il-mortalità mis-sajd għall-merluzz fi gruppi adatti ta' età msemmija fl-Artikolu 8.



    KAPITOLU II

    QABDIET TOTALI PERMISSIBBLI

    Artikolu 6

    Livelli minimi u prekawzjonarji

    Il-livell minimu ta' bijomassa riproduttiva u l-livell prekawzjonarju ta' bijomassa riproduttiva għal kull wieħed mill-istokkijiet ta' merluzz għandhom ikunu kif ġej:



    Stokk

    Livelli Minimi ta' Bijomassa riproduttiva

    f'tunnellati metriċi

    Livelli Prekawzjonarji ta' Bijomassa riproduttiva

    f'tunnellati metriċi

    Merluzz fil-Kattegat

    6 400

    10 500

    Merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, is-Skagerrak u l-Kanal tal-Lvant

    70 000

    150 000

    Merluzz lejn il-Punent tal-Iskozja

    14 000

    22 000

    Merluzz fil-Baħar Irlandiż

    6 000

    10 000

    Artikolu 7

    Proċedura għall-istabbiliment tat-TAC għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Kattegat, il-Punent tal-Iskozja u l-Baħar Irlandiż

    1.  Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-TAC għas-sena ta' wara għal kull wieħed mill-istokkijiet ta' merluzz fil-Kattegat, il-Punent tal-Iskozja u l-Baħar Irlandiż.It-TAC għandu jkun ikkalkulat billi jitnaqqsu l-kwantitajiet li ġejjin mit-total ta' merluzz imwarrab previst mill-STECF bħala li jkun jikkorrispondi għar-rati ta' mortalità mis-sajd imsemmijin fil-paragrafi 2 u 3:

    (a) kwantità ta' ħut ekwivalenti għar-rimi mistenni ta' merluzz mill-istokk ikkonċernat;

    (b) fejn u kif meħtieġ, kwantità li tikkorrispondi għal sorsi oħrajn ta' mortalità tal-merluzz, ikkawżat mis-sajd li għandha tkun stabbilita abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

    2.  It-TAC għandu, abbażi tal-parir tal-STECF, jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a) jekk id-daqs tal-istokk fl-1 ta’ Jannar tas-sena ta' applikazzjoni tat-TAC ikun previst mill-STECF li jkun anqas mil-livell minimu tal-bijomassa riproduttiva stabbilit fl-Artikolu 6, ir-rata ta' mortalità mis-sajd għandha titnaqqas b'25 % fis-sena ta' applikazzjoni tat-TAC kif imqabbla mar-rata ta' mortalità mis-sajd fis-sena preċedenti;

    (b) jekk id-daqs tal-istokk fl-1 ta’ Jannar tas-sena ta' applikazzjoni tat-TAC ikun previst mill-STECF li jkun anqas mil-livell minimu tal-bijomassa riproduttiva stabbilit fl-Artikolu 6 u ogħla jew daqs il-livell minimu tal-bijomassa riproduttiva stabbilit fl-Artikolu 6, ir-rata ta' mortalità mis-sajd għandha titnaqqas bi 15 % fis-sena ta' applikazzjoni tat-TAC kif imqabbla mar-rata ta' mortalità mis-sajd fis-sena preċedenti; u

    (c) jekk id-daqs tal-istokk fl-1 ta’ Jannar tas-sena ta' applikazzjoni tat-TAC ikun previst mill-STECF li jkun ogħla jew daqs il-livell prekawzjonarju tal-bijomassa riproduttiva stabbilit fl-Artikolu 6, ir-rata ta' mortalità mis-sajd għandha titnaqqas b'10 % fis-sena ta' applikazzjoni tat-TAC kif imqabbla mar-rata ta' mortalità mis-sajd fis-sena preċedenti;

    3.  Jekk, abbażi tal-parir tal-STECF, l-applikazzjoni tal-paragrafu 2(b) u (c) tirriżulta f'rata ta' mortalità mis-sajd aktar baxxa mir-rata ta' mortalità mis-sajd speċifikata fl-Artikolu 5(2), il-Kunsull għandu jiffissa t-TAC f'livell li jirriżulta f'rata ta' mortalità mis-sajd kif speċifikat f'dak l-Artikolu.

    4.  Meta jagħti l-parir tiegħu taħt il-paragrafi 2 u 3, l-STECF għandu jassumi li fis-sena preċedenti għas-sena ta' applikazzjoni tat-TAC l-istokk ikun instad b'aġġustament fil-mortalità mis-sajd ugwali għat-tnaqqis fl-isforz tas-sajd massimu permissibbli li japplika f'dik is-sena.

    5.  Minkejja l-paragrafu 2(a), (b) u (c) u l-paragrafu 3, il-Kunsill m'għandux jistabbilixxi t-TAC f'livell li jkun aktar minn 20 % taħt jew 'il fuq mit-TAC stabbilit fis-sena preċedenti.

    Artikolu 8

    Proċedura għall-istabbiliment tat-TACs għall-istokk tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, l-Iskagerrak u l-Kanal tal-Lvant

    1.  Kull sena l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-TACs għall-istokk tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, l-Iskagerrak u l-Kanal tal-Lvant. Il-TACs għandhom jiġu kkalkulati billi jiġu applikati r-regoli ta' tnaqqis stabbiliti fil-paragrafu 1 (a) u (b) tal-Artikolu 7.

    2.  It-TACs għandhom inizjalment jiġu kkalkulati konformement mal-paragrafi 3 u 5. Mis-sena li fiha t-TACs li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-paragrafi 3 u 5 jkunu inqas mit-TACs li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-paragrafi 4 u 5, it-TACs għandhom jiġu kkalkulati konformement mal-paragrafi 4 u 5.

    3.  Inizjalment, it-TACs ma għandhomx jeċċedu l-livell korrispondenti għall-mortalità mis-sajd li huwa frazzjoni tal-istima tal-mortalità mis-sajd fir-rigward ta' gruppi ta' etajiet adatti fl-2008 kif ġej: 75 % għat-TACs fl-2009, 65 % għat-TACs fl-2010, u applikazzjoni ta' tnaqqis suċċessiv ta' 10 % kull sena għas-snin ta' wara.

    4.  Sussegwentement, jekk id-daqs tal-istokk fl-1 ta’ Jannar tas-sena ta' qabel is-sena tal-applikazzjoni tat-TACs huwa:

    a) ogħla mil-livell prekawzjonarju tal-bijomassa riproduttiva, it-TACs għandhom jikkorrispondu għar-rata ta' mortalità mis-sajd ta' 0,4 fir-rigward ta' gruppi ta' etajiet adatti;

    b) bejn il-livell minimu tal-bijomassa riproduttiva u l-livell prekawzjonarju tal-bijomassa riproduttiva, it-TACs m'għandhomx jeċċedu livell li jikkorrispondi għar-rata ta' mortalità mis-sajd fir-rigward ta' gruppi ta' etajiet adatti ugwali għall-formola li ġejja:

    0,4 - (0,2 * (Livell prekawzjonarju tal-bijomassa riproduttiva - bijomassa riproduttiva) / (Livell prekawzjonarju tal-bijomassa riproduttiva - livell minimu ta' bijomassa riproduttiva))

    c) fil-limitu tal-livell tal-bijomassa riproduttiva jew inqas, it-TAC m'għandux ikun iżjed minn livell li jikkorrispondi għar-rata ta' mortalità mis-sajd ta' 0,2 fir-rigward ta' gruppi ta' etajiet adatti.

    5.  Minkejja l-paragrafi 3 u 4, il-Kunsill m'għandux jistabbilixxi t-TACs għall-2010 u s-snin sussegwenti f'livell li jkun aktar minn 20 % taħt jew 'il fuq mit-TACs stabbiliti fis-sena preċedenti.

    6.  Fejn l-istokk tal-merluzz imsemmi fil-paragrafu 1 ikun ġie sfruttat f'rata ta' mortalità mis-sajd qrib 0.4 matul tliet snin suċċessivi, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu u, fejn adatt, tipproponi miżuri rilevanti sabiex dan jiġi emendat sabiex jiġi żgurat sfruttament fir-rendiment sostenibbli massimu.

    ▼M2

    Artikolu 9

    Proċedura speċjali biex jiġu stabbiliti t-TACs

    1.  F’każijiet fejn ma jkunx hemm biżżejjed tagħrif biex it-TACs jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 7, it-TACs għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Kattegat, fil-Punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż għandhom jiġu stabbiliti fil-livell indikat mill-parir xjentifiċu. Madankollu, jekk il-livell indikat mill-parir xjentifiċu jkun ogħla mit-TACs tas-sena ta’ qabel b’iktar minn 20 %, dawn għandhom jiġu stabbiliti f’livell li jkun 20 % ogħla mit-TACs tas-sena ta’ qabel, jew jekk il-livell indikat fil-parir xjentifiċu jkun inqas mit-TACs tas-sena ta’ qabel b’iktar minn 20 %, dawn għandhom jiġu stabbiliti f’livell li jkun 20 % inqas mit-TACs tas-sena ta’ qabel.

    2.  Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, fejn il-parir xjentifiku jindika li m’għandu jkun hemm ebda sajd dirett u li:

    (a) il-qabda inċidentali għandha tiġi mminimizzata jew imnaqqsa għall-iktar livell baxx possibbli; u/jew

    (b) il-qabdiet ta’ merluzz għandhom jitnaqqsu għall-iktar livell baxx possibbli,

    il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li ma japplikax aġġustament annwali għat-TAC fis-sena sussegwenti jew fis-snin sussegwenti, bil-kondizzjoni li t-TAC stabbilit ikun biss għall-qabda inċidentali.

    3.  F’każijiet fejn ma jkunx hemm biżżejjed tagħrif biex it-TACs jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, it-TACs għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak u fil-Kanal tal-Lvant għandhom jiġu stabbiliti billi jiġu applikati l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu mutatis mutandis, sakemm il-konsultazzjonijiet man-Norveġja ma jwasslux għal livell differenti tat-TAC.

    4.  Meta l-parir xjentifiku jindika li l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 8(1) sa (4) mhijiex adatta biex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan, il-Kunsill jista', minkejja d-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, jiddeċiedi fuq livell alternattiv tat-TAC.

    ▼B

    Artikolu 10

    Adattament tal-miżuri

    1.  Meta tintlaħaq ir-rata ta' mortalità mis-sajd kif imsemmija fl-Artikolu 5(2) jew f'każ li l-STECF jagħti parir li din il-mira jew il-livelli minimi u prekawzjonarji tal-bijomassa riproduttiva fl-Artikolu 6 jew il-livelli tar-rati ta' mortalità mis-sajd mogħti fl-Artikolu 7(2) ma jkunux aktar adatti sabiex ir-riskju li l-istokkijiet jiġu eżawriti jinżamm baxx u sabiex jinżamm rendiment sostenibbli massimu, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar valuri ġodda għal dawn il-livelli.

    2.  F'każ li l-STECF jagħti parir li xi wieħed mill-istokkijiet ta' merluzz ikun qed jonqos li jirkupra sewwa, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni li:

    (a) tistabbilixxi t-TAC għall-istokk rilevanti f'livell aktar baxx minn dak previst fl-Artikoli 7, 8 u 9;

    (b) tistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli f'livell aktar baxx minn dak previst fl-Artikolu 12;

    (c) tistabbilixxi kondizzjonijiet assoċjati kif opportun.



    KAPITOLU III

    LIMITAZZJONI TAL-ISFORZ TAS-SAJD

    Artikolu 11

    Reġim tal-isforz tas-sajd

    1.  It-TACs stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9 għandhom ikunu kkomplementati minn reġim tal-isforz tas-sajd li bih opportunitajiet fis-sajd f'termini ta' sforz tas-sajd huma allokati lil Stati Membri fuq bażi annwali.

    2.  Il-Kunsill jista', filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri u tal-parir tal-STECF msemmi fil-paragrafu 3, jeskludi ċerti gruppi ta' bastimenti mill-applikazzjoni tar-reġim tal-isforz dment li:

    a) tkun disponibbli data adatta dwar qabdiet u rimi ta' merluzz sabiex l-STECF ikun jista' jivvaluta l-persentaġġ ta' qabdiet ta' merluzz minn kull grupp ta' bastimenti involuti;

    b) il-persentaġġ ta' qabdiet ta' merluzz kif ivvalutat mill-STECF ma jeċċedix 1,5 % tal-qabdiet totali għal kull grupp ta' bastimenti involuti; u

    c) l-inklużjoni ta' dawn il-gruppi ta' bastimenti fir-reġim tal-isforz ikun jikkostitwixxi piż amministrattiv sproporzjonat għall-impatt ġenerali fuq l-istokkijiet ta' merluzz.

    Jekkk l-STECF mhux f'pożizzjoni li jivvaluta li dawn il-kondizzjonijiet ser jibqgħu jiġu sodisfatti, il-Kunsill għandu jinkludi kull grupp ta' bastimenti involuti fir-reġim tal-isforz.

    3.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu annwalment informazzjoni adatta lill-Kummissjoni u lill-STECF sabiex jiġi stabbilit li l-kondizzjonijiet ta' hawn fuq huma u jibqgħu sodisfatti konformement mar-regoli ddettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

    Artikolu 12

    Allokazzjonijiet ta' sforz tas-sajd

    1.  Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-isforz massimu permissibbli tas-sajd għal kull grupp ta' sforz minn Stat Membru.

    2.  L-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandu jkun ikkalkulat permezz ta' valur ta' riferiment stabbilit kif ġej:

    (a) għall-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament il-valur ta' riferiment għandu jkun stabbilit għal kull grupp ta' sforz bħala l-isforz medju f'kW-jiem matul is-snin 2004-2006 jew 2005-2007, abbażi tal-preferenza tal-Istat Membru involut, abbażi tal-parir tal-STECF;

    (b) għas-snin sussegwenti ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-valur ta' riferiment għandu jkun ugwali għall-isforz tas-sajd massimu permissibbli tas-sena preċedenti.

    3.  Il-gruppi ta' sforz li għalihom għandu japplika aġġustament annwali fl-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandhom jiġu deċiżi abbażi ta' li ġej:

    (a) il-qabdiet ta' merluzz maqbudin minn bastimenti f'kull wieħed mill-gruppi ta' sforz għandhom jiġu evalwati abbażi tad-data ppreżentata mill-Istati Membri taħt l-Artikoli 18, 19 u 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd ( 8 );

    (b) għandha tiġi kkumpilata lista għal kull żona definita fl-Anness I ta' dan ir-Regolament tal-gruppi ta' sforz aggregati u l-qabdiet ta' merluzz korrispondenti tagħhom, inkluż il-ħut li jintrema. Din il-lista għandha tinkiteb f'ordni axxendenti tal-qabda tal-merluzz f'kull grupp ta' sforz;

    (c) il-qabdiet ta' merluzz kumulattivi fil-listi stabbiliti taħt il-punt (b) għandhom jiġi kkalkulati bil-mod li ġej. Għal kull grupp ta' sforz aggregat, is-somma għandha tkun ikkalkulata mill-qabda tal-merluzz minn dak il-grupp ta' sforz u l-qabdiet tal-merluzz magħmulin mill-gruppi kollha ta' sforz aggregat fl-iskrizzjonijiet preċedenti fil-lista;

    (d) il-qabdiet kumulattivi kkalkulati taħt il-punt (c) għandhom jiġu kkalkulati bħala perċentwal tal-qabda totali tal-merluzz mill-gruppi ta' sforz aggregati kollha fl-istess żona.

    ▼M2

    4.  Għall-gruppi aggregati tal-isforz li l-perċentwal tal-qabda kumulattiva tagħhom, ikkalkulat skont il-paragrafu 3(d), huwa ta’ 20 % jew ta’ iktar minn hekk, għandhom japplikaw l-aġġustamenti annwali. L-isforz tas-sajd massimu permissibbli tal-gruppi kkonċernati għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

    (a) f’każijiet fejn japplikaw l-Artikoli 7 jew 8, billi jiġi applikat l-istess perċentwal ta’ aġġustament għall-valur ta’ referenza bħal dak stabbilit f’dawk l-Artikoli għall-mortalità mis-sajd;

    (b) f’każijiet fejn japplika l-Artikolu 9, billi jiġi applikat l-istess perċentwal ta’ aġġustament għall-isforz tas-sajd bħal dak applikat għat-TAC meta mqabbel ma’ tas-sena ta’ qabel.

    ▼B

    5.  Għal gruppi ta' sforz barra dawk imsemmijin fil-paragrafu 4, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandu jinżamm fil-livell tal-valur ta' riferiment.

    ▼M2

    6.  B’deroga mill-paragrafu 4, meta l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jkun tnaqqas għal erba’ snin konsekuttivi, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li ma japplikax aġġustament annwali għall-isforz tas-sajd massimu permissibbli fis-sena ta’ wara jew fis-snin ta’ wara.

    ▼B

    Artikolu 13

    Allokazzjoni ta' sforz tas-sajd addizzjonali għal irkaptu selettiv ħafna u vjaġġi tas-sajd li jevitaw il-merluzz

    1.  L-Istati Membri jistgħu iżidu l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għal gruppi ta' sforz li għalihom ġie aġġustat l-isforz taħt l-Artikolu 12(4) u suġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7.

    2.  L-isforz tas-sajd massimu permissibbli tas-sajd jista' jiżdied fi grupp ta' sforz fejn l-attività tas-sajd ta' bastiment wieħed jew aktar:

    (a) titwettaq b'irkaptu regolat wieħed biss abbord li, abbażi ta' studju xjentifiku evalwat mill-STECF, il-karatterisċi tekniċi tiegħu jirriżultaw fil-qbid ta' anqas minn 1 % ta' merluzz (rkaptu selettiv ħafna);

    (b) tirriżulta f'kompożizzjoni tal-qabda ta' anqas minn 5 % ta' merluzz għal kull vjaġġ ta' sajd (vjaġġi ta' sajd li jevitaw il-merluzz);

    (c) titwettaq abbażi ta' pjan għall-prevenzjoni tal-qbid tal-merluzz jew għat-tnaqqis tar-rimi li jnaqqas il-mortalità mis-sajd għall-merluzz fost il-bastimenti parteċipanti b'mill-inqas daqs l-isforz ta' aġġustament imsemmi fl-Artikolu 12(4); jew

    (d) titwettaq fiż-żona tal-Punent tal-Iskozja lejn il-Punent ta' linja mpinġija billi l-linji ta’ rombu jingħaqdu sekwenzjalment mal-pożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV mkejlin taħt is-sistema ta' koordinati WGS84, sakemm il-bastimenti parteċipanti jkunu mgħammra b'sistemi ta' monitoraġġ tal-bastimenti bbażati fuq satellita (VMS).

    3.  Il-bastimenti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu suġġetti għal frekwenza akbar ta' monitoraġġ, li jikkonċernaw b'mod partikolari:

    (a) l-użu esklussiv ta' rkaptu selettiv ħafna matul il-vjaġġi tas-sajd ikkonċernati taħt il-paragrafu 2(a);

    (b) l-ammont ta' rimi f'konformità mal-paragrafu 2(b);

    (c) it-tnaqqis fil-mortalità mis-sajd taħt il-paragrafu 2(c);

    (d) l-ammont ta' qabdiet u rimi li jsir fil-Punent tal-linja speċifikata fil-paragrafu 2(d),

    u suġġetti għal arranġamenti għall-forniment regolari ta' data lill-Istat Membri rigward ir-rispett tal-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti f'dawk il-punti.

    4.  Iż-żieda fl-isforz tas-sajd taħt dan l-Artikolu għandha tiġi kkalkolata għal kull bastiment fil-gruppi ta' sforz ikkonċernati li joperaw taħt kondizzjonijiet speċjali msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a), (b), (c) u (d), u ma għandhiex tkun aktar mill-ammont meħtieġ sabiex jikkumpensa l-aġġustament tal-isforz imsemmi fl-Artikolu 12(4) għall-irkaptu involut f'dawk l-azzjonijiet.

    5  Kwalunkwe żieda fl-allokazzjoni ta' sforz tas-sajd imwettqa mill-Istati Membri għandha tkun innotifikata lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April tas-sena li matula għandu jseħħ il-kumpens għall-aġġustament tal-isforz. In-notifika għandha tinkludi dettalji tal-bastimenti li qed joperaw taħt il-kondizzjonijiet speċjali msemmijin fil-punti (a), (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2, l-isforz tas-sajd għal kull grupp ta' sforz li l-Istat Membru jistenna li jitwettaq minn dawk il-bastimenti matul dik is-sena, u l-kondizzjonijiet li taħthom qed ikun immonitorjat l-isforz tal-bastimenti, inklużi l-arranġamenti ta' kontroll.

    6.  L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull sena sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu dwar l-ammonti ta' sforz użati fl-azzjonijiet matul is-sena preċedenti.

    7.  Il-Kummissjoni għandha titlob lill-STECF sabiex kull sena jqabbel it-tnaqqis fil-mortalità tal-merluzz li tkun tirriżulta mill-applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2 mat-tnaqqis li jkun mistenni li jseħħ bħala riżultat tal-aġġustament tal-isforz imsemmi fl-Artikolu 12(4). Fid-dawl ta' dan il-parir, il-Kummissjoni tista' tipproponi aġġustamenti fl-isforz li jistgħu jiġu applikati għall-gruppi rilevanti ta' rkaptu s-sena ta' wara.

    Artikolu 14

    Obbligi ta' Stat Membru

    1.  Għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, kull Stat Membru għandu jiddeċiedi dwar metodu ta' allokazzjoni ta' sforz tas-sajd massimu permissibbli lill-bastimenti individwali jew grupp ta' bastimenti, fid-dawl ta' għadd ta' kriterji, inkluż, pereżempju:

    (a) promozzjoni ta' prattiki tajbin tas-sajd, inkluż it-titjib tal-ġbir ta' data, tnaqqis ta' rimi u minimizzazzjoni tal-impatt fuq ħut li għadu qed jikber;

    (b) parteċipazzjoni fi programmi ta' kooperazzjoni sabiex ikun evitat qbid każwali mhux meħtieġ ta' merluzz;

    (c) impatt baxx fuq l-ambjent, inkluż il-konsum ta' fjuwil u emissjonijiet ta' gassijiet serra;

    (d) proporzjonalità fir-rigward ta' allokazzjoni ta' opportunitajiet fis-sajd f'termini ta' kwota ta' sajd.

    2.  Għal kull żona stabbilita fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu joħroġ permessi speċjali tas-sajd konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94 tas-27 ta’ Ġunju 1994 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet rigward permessi speċjali tas-sajd ( 9 ) għal bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu li jwettqu attivitajiet ta' sajd f'dik iż-żona u li jużaw irkaptu li jaqa' f'wieħed mill-gruppi ta' rkaptu stabbiliti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

    3.  Għal kull żona stabbilita fl-Anness I, il-kapaċità totali espressa f'kW tal-bastimenti li jkollhom permessi speċjali tas-sajd maħruġin taħt il-paragrafu 2, m'għandhiex tkun akbar mill-kapaċità massima tal-bastimenti li kienu attivi fl-2006 jew l-2007 li jużaw irkaptu regolat u li jistadu fiż-żona ġeografika kkonċernata.

    4.  Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm lista ta' bastimenti li jkollhom il-permess speċjali msemmi fil-paragrafu 2 u jagħmluha disponibbli fuq is-sit webb uffiċjali tiegħu lill-Kummissjoni u Stati Membri oħrajn.

    Artikolu 15

    Regolazzjoni tal-isforz tas-sajd

    L-Istati Membri għandhom jissorveljaw il-kapaċità u l-attività tal-flotta tagħhom għal kull grupp ta' sforz u għandhom jieħdu azzjoni adatta jekk l-isforz tas-sajd massimu permissibbli stabbilit taħt l-Artikolu 12 ikun wasal sabiex jintlaħaq, sabiex jiżguraw li l-isforz ma jaqbiżx il-limiti stabbiliti.

    Artikolu 16

    Skambju ta' sforz tas-sajd massimu permissibbli bejn Stati Membri u r-rikostituzzjoni tal-isforz

    1.  L-isforz tas-sajd massimu permissibbli stabbilit taħt l-Artikolu 11 jista' jkun adattat mill-Istati Membri kkonċernati fid-dawl ta':

    (a) l-iskambju ta' kwoti mwettqin taħt l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002; u

    (b) riallokazzjonijiet u/jew tnaqqis magħmulin taħt l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u l-Artikoli 21(4), 23(1) u 32(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93.

    2.  L-isforz tas-sajd massimu permissibbli stabbilit taħt l-Artikolu 12 jista' jiġi adattat minn Stat Membru li ma jkomplix l-iskambju tal-kwoti fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3, sal-punt li dan l-Istat Membru kien jeżegwixxi dawn l-iskambji matul il-perijodu ta' riferiment għall-istabbiliment tal-valuri ta' riferiment kif speċifikat fl-Artikolu 12(2), u jeħtieġ li jeżerċita sforz addizzjonali fi kwalunkwe wieħed mill-gruppi ta' sforz ikkonċernati sabiex juża l-kwota rkuprata. Din ir-rikostituzzjoni tal-isforz għandha tkun akkumpanjata minn tnaqqis tal-isforz totali permissibbli tas-sajd mill-Istat Membru li jkun irritorna l-kwota lill-Istat Membru li jirkupra l-kwota, korrispondenti għat-tnaqqis tal-kwoti disponibbli għas-sajd li jaffettwa l-grupp ta' sforz tiegħu, dment li l-Istat Membru li jirritorna l-kwota ma użax l-isforz korrispondenti għall-istabbiliment tal-valuri ta' riferiment imsemmija hawn fuq.

    3.  Minkejja l-Artikolu 17(2), fl-2009, l-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw l-allokazzjonijiet tal-isforz tagħhom billi jittrasferixxu l-isforz u l-kapaċità għas-sajd bejn iż-żoni ġeografiċi msemmija fl-Artikolu 3, dment li dan it-trasferiment jinvolvi attivitajiet ta' sajd imsemmija fl-Artikolu 13(2)(a) u (b). Tali trasferimenti għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni. L-isforz tas-sajd massimu permissibbli msemmi fl-Artikolu 12(2)(a) għandu jiġi mmodifikat kif meħtieġ.

    Artikolu 17

    Skambju tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli bejn gruppi ta' sforz

    1.  Stat Membru jista' jemenda l-allokazzjonijiet ta' sforz tiegħu billi jittrasferixxi l-kapaċità ta' sajd bejn gruppi ta' sforz, taħt il-kondizzjoni stabbilita fil-paragrafi 2 sa 5.

    2.  It-trasferiment hu awtorizzat bejn gruppi ta' rkaptu, iżda mhux bejn żoni ġeografiċi, dment li l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar il-qabda għal kull unità ta' sforz (catch per unit effort, CPUE) tal-gruppi ta' rkaptu tiegħu donatur u riċeventi, f'valuri mejdi matul l-aħħar tliet snin.

    3.  Fejn il-CPUE tal-grupp ta' rkaptu donatur huwa akbar mill-CPUE tal-grupp ta' rkaptu riċeventi, it-trasferiment għandu jsir, b'mod ġenerali, abbażi ta' 1 kW/jum għal 1 kW/jum.

    4.  Fejn il-CPUE tal-grupp ta' rkaptu donatur huwa anqas mill-CPUE tal-grupp ta' rkaptu riċeventi, l-Istat Membru għandu japplika fattur ta' korrezzjoni għall-ammont tal-isforz fil-grupp ta' rkaptu riċeventi sabiex jiġi kkumpensat il-CPUE ogħla ta' dan tal-aħħar.

    5.  Il-Kummissjoni għandha titlob lill-STECF li jiżviluppa fatturi ta' korrezzjoni standard li jistgħu jintużaw sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-isforz bejn il-gruppi ta' rkaptu bi CPUE differenti.



    KAPITOLU IV

    MONITORAĠĠ, ISPEZZJONI U SORVELJANZA

    ▼M1 —————

    ▼B

    Artikolu 25

    Portijiet speċifikati

    1.  Fejn aktar minn żewġ tunnellati metriċi ta' merluzz ikunu ser jiġu żbarkati fil-Komunità minn bastiment tas-sajd Komunitarju, il-kaptan tal-bastiment għandu jiżgura li dan l-iżbark isir biss f'portijiet speċifikati.

    2.  Kull Stati Membru għandu jispeċifika dawk il-portijiet li fihom ikunu ser jiġu żbarkati aktar minn żewġ tunnellati metriċi ta' merluzz.

    3.  Kull Stat Membru għandu jagħmel disponibbli fuq is-sit web pubbliku tiegħu l-lista ta' portijiet speċifiċi, u l-proċeduri ta' ispezzjoni u sorveljanza assoċjati għal dawk il-portijet, inklużi t-termini u l-kondizzjonijiet tar-reġistrazzjoni u rapportaġġ tal-kwantitajiet ta' merluzz f'kull żbark.

    Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lill-Istati Membri kollha.

    ▼M1 —————

    ▼B



    KAPITOLU V

    TEĦID TA' DEĊIŻJONIJIET U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 30

    Proċedura deċiżjonali

    Fejn dan ir-Regolament jipprevedi t-teħid ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

    Artikolu 31

    Emendament tal-Anness I

    Abbażi tal-parir tal-STECF, il-Kummissjoni tista' temenda l-Anness I ma' dan ir-Regolament konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u abbażi tal-prinċipji li ġejjin:

    (a) il-gruppi ta' sforz għandhom ikunu stabbiliti b'mod omoġenju kemm jista' jkun fir-rigward tal-istokkijiet bijoloġiċi maqbudin, tad-daqs tal-ħut maqbud għax immirat jew b'mod inċidentali u tal-effetti fuq l-ambjent tal-attivitajiet tas-sajd assoċjati mal-gruppi ta' sforz.

    (b) l-għadd u d-daqs tal-gruppi ta' sforz għandhom ikunu effikaċi għall-ispiża involuta f'termini ta' piż amministrattiv relattiv għall-ħtiġijiet ta' konservazzjoni.

    Artikolu 32

    Regoli dettaljati

    Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 11(3), 14, 16 u 17 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu adottati konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

    Artikolu 33

    Assistenza taħt il-Fond Ewropew għas-Sajd

    1.  Għal kull wieħed mill-erba' stokkijiet ta' merluzz imsemmija fl-Artikolu 1, għal dawk is-snin fejn l-istokk jinstab taħt il-livell rilevanti prekawzjonarju tal-bijomassa riproduttiva stabbilit fl-Artikolu 6, il-pjan għal perijodu fit-tul għandu jitqies li jkun pjan ta' rkupru fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u għall-finijiet tal-Artikolu 21(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

    2.  Għal kull wieħed mill-erba' stokkijiet ta' merluzz imsemmija fl-Artikolu 1, għal dawk is-snin li mhumiex dawk imsemmija fil-paragrafu 1, il-pjan għal perijodu fit-tul għandu jitqies li jkun pjan ta' ġestjoni fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u għall-finijiet tal-Artikolu 21(a)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

    Artikolu 34

    Reviżjoni

    Il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' parir mill-STECF u wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv Reġjonali rilevanti, tevalwa l-impatt tal-miżuri ta' ġestjoni fuq l-istokkijiet ta' merluzz ikkonċernati u fuq is-sajd għal dawk l-istokkijiet, mhux aktar tard mit-tielet sena ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u mbagħad kull tielet sena suċċessiva ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u, fejn adatt, tipproponi l-miżuri rilevanti sabiex dan jiġi emendat.

    Artikolu 35

    Tħassir

    ▼C1

    Ir-Regolament (KE) Nru 423/2004 huwa b'dan imħassar. Referenzi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 423/2004 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

    ▼B

    Artikolu 36

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




    ANNESS I

    Il-gruppi ta’ sforz huma definiti permezz ta’ wieħed mill-gruppi ta’ rkaptu previsti fil-punt 1 u waħda miż-żoni ġeografiċi previsti fil-punt 2.

    1.   Gruppi ta’ rkaptu

    (a) Tartaruni tal-qiegħ u tartaruni (OTB, OTT, PTB, SDN, SSC, SPR) b’malji:

    TR1 daqs jew akbar minn 100 mm

    TR2 daqs jew akbar minn 7 0mm u anqas minn 100 mm

    TR3 daqs jew akbar minn 16 mm u anqas minn 32 mm

    (b) Xbieki tat-tkarkir bil-lasta (TBB) b’malji:

    BT1daqs jew akbar minn 120 mm

    BT2 daqs jew akbar minn 80 mm u anqas minn 120 mm

    (ċ) Xbieki tal-garġi, xbieki tat-tħabbil (GN)

    (d) Pariti (GT)

    (e) Konzijiet (LL)

    2.   Gruppi ta’ żoni ġeografiċi:

    Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, għandhom japplikaw il-gruppi ġeografiċi li ġejjin:

    (a) Kattegat;

    (b)

     

    (i) Skagerrak;

    (ii) dik il-parti taż-żona IIIa tal-ICES li mhix koperta mis-agerrak u l-ttegat;

    iż-żona IV tal-ICES u l-ilmijiet tal-KE fiż-żona IIa tal-ICES;

    (iii) Iż-żona VIId tal-ICES;

    (ċ) Iż-żona VIIa tal-ICES;

    ▼C1

    (d) Iż-żona VIa tal-ICES u l-ilmijiet tal-KE taż-żona Vb tal-ICES.

    ▼M3

    3. B'deroga mill-punt 1, għall-ġestjoni tal-gruppi tal-isforz tas-sajd fiż-żona msemmija fil-punt 2(b), ir-raggruppamenti tal-irkapti TR2 u TR1 se jitqiesu bħala raggruppament wieħed b'malja ta' daqs ta' 70 mm jew ikbar. L-Istati Membri għandhom jibqgħu jirrappurtaw l-użu tal-gruppi tal-isforz b'mod separat għar-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2 kif meħtieġ mill-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 ( 10 ).

    ▼M4

    4. B'deroga mill-punt 1, għall-ġestjoni tal-gruppi tal-isforz tas-sajd fiż-żona msemmija fil-punt 2(b), ir-raggruppamenti tal-irkapti BT1 u BT2 għandhom jitqiesu bħala raggruppament wieħed b'malja ta' daqs ta' 80 mm jew ikbar. L-Istati Membri għandhom jibqgħu jirrappurtaw l-użu tal-isforz b'mod separat għar-raggruppamenti tal-irkapti BT1 u BT2 kif meħtieġ mill-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

    ▼B




    ANNESS II

    PUNTI TA’ REFERENZA SPEĊIFIĊI TA’ ISPEZZJONI

    Objettiv

    1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi punti ta’ referenza speċifiċi għall-ispezzjoni konformement ma’ dan l-Anness.

    Strateġija

    2. L-ispezzjoni u s-sorveljanza ta’ attivitajiet ta’ sajd għandhom jikkonċentraw fuq bastimenti li aktarx jaqbdu l-merluzz. L-ispezzjonijiet każwali tat-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni tal-merluzz għandhom jintużaw bħala mekkaniżmu komplementari ta’ kontroverifika għall-ittestjar tal-effikaċja tal-ispezzjoni u s-sorveljanza.

    Prijoritajiet

    3. Tipi differenti ta’ rkaptu għandhom ikunu suġġetti għal livelli differenti ta’ prijoritizzazzjoni, abbażi tal-punt sa fejn il-flotot ikunu affettwati mil-limiti fuq l-opportunitajiet tas-sajd. Minħabba f’hekk, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi prijoritajiet speċifiċi.

    Punti ta’ referenza fil-mira

    4. Mhux aktar tard minn xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-iskedi ta’ ispezzjoni tagħhom b’kont meħud tal-miri stabbiliti hawn taħt.

    L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw u jiddeskrivu liema strateġija ta’ teħid ta’ kampjuni ser tiġi applikata.

    Fuq talba, il-Kummissjoni jista’ jkollha aċċess għall-pjan ta’ teħid ta’ kampjuni użat mill-Istat Membru.

    (a) Livell ta’ ispezzjoni fil-portijiet

    Bħala regola ġenerali, il-preċiżjoni li għandha tinkiseb għandha tkun mill-anqas ekwivalenti għal dak li għandu jinkiseb b’metodu sempliċi u każwali ta’ teħid ta’ kampjuni, fejn l-ispezzjonijiet għandhom ikopru 20 % fin-numru tal-iżbark kollu ta’ merluzz fi Stat Membru.

    (b) Livell ta’ ispezzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni

    Spezzjoni ta’ 5 % tal-kwantitajiet ta’ merluzz offruti għall-bejgħ bl-irkant.

    (ċ) Livell ta’ ispezzjoni fuq il-baħar

    Punt ta’ referenza flessibbli: għandu jiġi stabbilit wara analiżi dettaljata tal-attività tas-sajd f’kull żona. Il-punti ta’ referenza fuq il-baħar għandhom jirriferu għall-għadd ta’ jiem ta’ pattuljament fuq il-baħar fiż-żoni tal-ġestjoni tal-merluzz, possibbilment b’punt ta’ referenza separat għall-jiem tal-pattuljament ta’ żoni speċifiċi.

    (d) Livell ta’ sorveljanza mill-ajru

    Punt ta’ referenza flessibbli: li għandu jkun stabbilit wara analiżi dettaljata tal-attività tas-sajd magħmula f’kull żona u wara li jkunu tqiesu r-riżorsi li jkun hemm għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru.




    ANNESS III

    IL-KONTENUT TAL-PROGRAMMI TA’ AZZJONI NAZZJONALI TA’ KONTROLL

    Il-programmi ta’ azzjoni nazzjonali ta’ kontroll għandhom ikollhom l-għan, fost oħrajn, li jispeċifikaw dan li ġej:

    1.   MEZZI TA’ KONTROLL

    Riżorsi umani

    (a) In-numru ta’ spetturi fuq l-art u fuq il-baħar u l-perijodi u ż-żoni fejn dawn ser jiġu mobilizzati.

    Riżorsi tekniċi

    (b) In-numru ta’ bastimenti u inġenji tal-ajru ta' pattuljament u l-perijodi u ż-żoni fejn dawn ser jiġu mobilizzati.

    Riżorsi finanzjarji

    (ċ) L-allokazzjoni tal-baġit għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi umani, il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru ta’ pattuljament.

    2.   REĠISTRAZZJONI U RAPPORTAR ELETTRONIKU TA’ INFORMAZZJONI RELATATA MA’ ATTIVITAJIET TA’ SAJD

    Deskrizzjoni tas-sistemi implimentati sabiex tkun żgurata l-konformità mal-Artikoli 20, 24, 25 u 26.

    3.   PORTIJIET SPEĊIFIKATI

    Fejn ikun rilevanti, għandu jkun hemm lista ta’ portijiet speċifiċi għall-iżbark tal-merluzz konformement mal-Artikolu 26.

    4.   NOTIFIKA QABEL L-IŻBARK

    Deskrizzjoni tas-sistemi implimentati sabiex jiżguraw konformità mal-Artikolu 25.

    5.   KONTROLL TAL-IŻBARK

    Deskrizzjoni ta’ kull faċilità u/jew sistema implimentati sabiex tkun żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 20, 21, 22 u 29.

    6.   PROĊEDURI TA’ ISPEZZJONI

    Il-programmi ta’ azzjoni nazzjonali ta’ kontroll għandhom jispeċifikaw il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti:

    (a) waqt li jsiru ispezzjonijiet fuq il-baħar u fuq l-art;

    (b) għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti magħżulin minn Stati Membri oħra bħala responsabbli għall-programm ta’ azzjoni nazzjonali ta’ kontroll tal-merluzz;

    (ċ) għas-sorveljanza konġunta u l-iskambju ta’ spetturi, inkluża l-ispeċifikazzjoni tas-setgħat u tal-awtorità tal-ispetturi li jkunu qed joperaw fl-ibħra ta’ Stati Membri oħrajn.




    ANNESS IV

    Linja msemmija fl-Artikolu 13(2)(d)

    Il-linja msemmija fl-Artikolu 13(2)(d) hija definita billi jingħaqdu sekwenzjalment, permezz ta' linji ta’ rombu, il-pożizzjonijiet li ġejjin taħt is-sistema ta' koordinati WGS84:

    54 °30′N, 10 °35′W

    55 °20′N, 9 °50′W

    55 °30′N, 9 °20′W

    56 °40′N, 8 °55′W

    57 °0′N, 9 °0′W

    57 °20′N, 9 °20′W

    57 °50′N, 9 °20′W

    58 °10′N, 9 °0′W

    58 °40′N, 7 °40′W

    59 °0′N, 7 °30′W

    59 °20′N, 6 °30′W

    59 °40′N, 6 °5′W

    59 °40′N, 5 °30′W

    60 °0′N, 4 °50′W

    60 °15′N, 4 °0′W.



    ( 1 ) L-Opinjoni tal-21 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    ( 2 ) ĠU L 70, 9.3.2004, p. 8.

    ( 3 ) ĠU L 226, 29.8.1980, p. 48.

    ( 4 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    ( 5 ) ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1.

    ( 6 ) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

    ( 7 ) ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

    ( 8 ) ĠU L 60, 5.2.2008, p. 1.

    ( 9 ) ĠU L 171, 6.7.1994, p. 7.

    ( 10 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

    Top