Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008L0119-20191214

Consolidated text: Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġiela (Verżjoni kodifikata)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/119/2019-12-14

02008L0119 — MT — 14.12.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/119/KE

tat-18 ta’ Diċembru 2008

li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġiela

(Verżjoni kodifikata)

(ĠU L 010 15.1.2009, p. 7)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2017/625 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Marzu 2017

  L 95

1

7.4.2017


Ikkoreġuta bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 137, 24.5.2017, p.  40 (2017/625)




▼B

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/119/KE

tat-18 ta’ Diċembru 2008

li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġiela

(Verżjoni kodifikata)



Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġiela miżmuma għat-trobbija u għas-simna.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “għoġol” ifisser annimal ta’ l-ispeċi bovin li għandu sa sitt xhur;

▼M1

(2) “awtoritajiet kompetenti” tfisser awtoritajiet kompetenti kif definiti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament ►C1  (UE) 2017/625 ◄ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).

▼B

Artikolu 3

1.  Mill-1 ta' Jannar 1998, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-azjendi mibnijin ġodda jew mibnijin mill-ġdid u għall-dawk li jibdew jitħaddmu wara l-1 ta’ Jannar 1998:

(a) l-ebda għoġol m’għandu jinżamm f’maqjel għalih waħdu wara l-età ta’ tmien ġimgħat, sakemm il-veterinarju ma jkunx iċċertifika li s-saħħa jew l-imġiba tiegħu tkun tirrikjedi li jiġi iżolat biex jingħata l-kura. Kull maqjel individwali għal għoġol għandu jkun wiesa’ ta’ l-anqas daqs l-għoli ta’ l-għoġol sal-ħotba tas-sinsla, meta mkejjel bil-wieqfa, u għandu jkun twil ta’ l-anqas daqs it-tul tal-ġisem ta’ l-għoġol, imkejjel mit-tarf ta’ mnieħru sat-tarf tad-denb tat-tuber ischii (il-pin bone), immultiplikat b’1,1.

Imqajel individwali għall-għoġiela (ħlief għal dawk fejn jiġu iżolati annimali morda) m’għandux ikollhom ħitan solidi, iżda ħitan imtaqqba li jkunu jippermettu lill-għoġiela li jkollhom kuntatt dirett bil-vista u bil-mess;

(b) fil-każ ta’ l-għoġiela li jinżammu fi gruppi, l-ispazju mingħajr tfixkil li għandu jkollu kull għoġol għandu jkun ta’ l-anqas ekwivalenti għal 1,5 m2 għal kull għoġol b’piż ħaj ta’ anqas minn 150 kilogramm, ta’ l-anqas ekwivalenti għal 1,7 m2 għal kull għoġol b’piż ħaj ta’ 150 kilogramm jew aktar iżda anqas minn 220 kilogramm, u ta’ l-anqas ekwivalenti għal 1,8 m2 għal kull għoġol b’piż ħaj ta’ 220 kilogramm jew aktar.

Iżda d-disposizzjonijiet ta’ l-ewwel subparagrafu m’għandhomx japplikaw għal:

(a) azjendi b’anqas minn sitt għoġiela;

(b) għoġiela miżmuma ma’ ommhom biex jerdgħu.

2.  Mill-31 ta’ Diċembru 2006, id-disposizzjonijiet previsti f’paragrafu 1 għandhom japplikaw għall-azjendi kollha.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet għat-trobbija ta’ l-għoġiela jimxu mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’Anness I.

Artikolu 5

Id-dispożizzjonijiet f’Anness I jistgħu jkunu emendati skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 10(2) sabiex jittiħed kont tal-progress xjentifiku.

Artikolu 6

Sa l-1 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill rapport, imħejji fuq il-bażi ta’ l-opinjoni mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza ta’ l-Ikel, dwar is-sistema(i) tal-biedja intensiva li jimxu mar-rekwiżiti għall-benessere ta’ l-għoġġiela mil-lat patoloġiku, żootekniku, fiżjoloġiku u ta’ l-imġiba, kif ukoll l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi tas-sistemi differenti, flimkien mal-proposti rilevanti tal-konklużjonijiet tar-rapport.

Il-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq dawn il-proposti mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jintbagħtu.

Artikolu 7

▼M1 —————

▼M1

3.  L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta' Awwissu ta' kull sena, rapport annwali għas-sena ta' qabel, dwar l-ispezzjonijiet li jkunu saru mill-awtoritajiet kompetenti biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. Mar-rapport għandu jkun hemm analiżi tal-aktar sejbiet serji ta' nonkonformità u pjan ta' azzjoni nazzjonali biex jipprevjeni jew inaqqas l-okkorrenza tagħhom għas-snin ta' wara. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta sommarji ta' dawk ir-rapporti lill-Istati Membri.

▼B

Artikolu 8

Sabiex ikunu importati fil-Komunità, l-annimali li ġejjin minn pajjiż terz jridu jkunu akkumpanjati minn ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti, li jiċċertifika li rċevew trattament mill-inqas ekwivalenti għal dak mogħti lill-annimali li ġejjin mill-Komunità kif previst f’din id-Direttiva.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 10

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti tal-Katina ta l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali stabbilit skond l-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel ( 2 ).

2.  Meta jsir riferiment għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

Artikolu 11

L-Istati Membri jistgħu, konformement mar-regoli ġenerali tat-Trattat, iżommu jew japplikaw ġewwa t-territorji tagħhom dispożizzjonijiet aktar stretti għall-protezzjoni ta’ l-għoġiela minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Huma għandhom javżaw lill-Kummissjoni b’tali miżuri.

Artikolu 12

Id-Direttiva 91/629/KEE, kif emendata mill-Atti elenkati fl-Anness II, Parti A, hi mħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 13

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

1. Il-materjal użat għall-bini ta’ l-akkomodazzjoni ta’ l-għoġiela u partikolarment il-kaxxi u t-tagħmir li miegħu jistgħu jkollhom kuntatt l-għoġiela m’għandux jagħmel ħsara lill-għoġiela u għandu jkun kapaċi jitnaddaf u jiġi disinfettat.

2. Sakemm jiġu stabbiliti regoli tal-Komunità fuq din il-kwistjoni, iċ-ċirkwiti elettriċi u t-tagħmir għandu ikun istallat skond ir-regoli nazzjonali viġenti biex jiġu evitati xokkijiet elettriċi.

3. Insulazzjoni, tisħin u ventilazzjoni tal-bini għandhom jiżguraw li ċ-ċirkolazzjoni ta’ l-arja, il-livell tat-trab, it-temperatura, l-umdita’ relattiva ta’ l-arja u l-konċentrazzjonijiet tal-gass jinżammu fil-limiti li ma jagħmlux ħsara lill-għoġiela.

4. It-tagħmir kollu awtomatiku jew mekkaniku li hu meħtieġ għas-saħħa ta’ l-għoġiela għandu jkun spezzjonat mill-inqas darba kuljum. Fejn jinstabu difetti, dawn għandhom jiġu rranġati minnufih jew, jekk dan ma jkunx possibbli, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi mħarsa s-saħħa ta’ l-għoġiela sakemm id-difett jiġi irranġat, l-aktar bl-użu ta’ metodi alternattivi ta’ għalf u li jinżamm ambjent sodisfaċenti.

Fejn sistema artifiċjali ta’ ventilazzjoni hija użata, għandha tiġi provduta sistema supplimentari adegwata sabiex tiggarantixxi li l-arja tinbidel biżżejjed biex tippriserva s-saħħa u l-benessere ta’ l-għoġiela fil-każ li ma taħdimx is-sistema prinċipali u għandha tiġi provduta sistema ta’ alarm biex tavża lil dak li jżomm l-għoġiela bil-ħsara. Is-sistema ta’ l-alarm trid tkun eżaminata regolarment.

5. L-għoġiela ma għandhomx jinżammu fid-dlam b'mod permanenti. Biex jitħarsu l-bżonnijiet ta’ l-imġiba u fisjoloġika tagħhom, trid issir dispożizzjoni li tippermetti għall-kondizzjonijiet differenti ta’ klima fl-Istati Membri, għal dawl xieraq naturali jew artifiċjali; fil-każ ta' dan ta’ l-aħħar, irid jaħdem għal perjodu ta’ mill-inqas għall-perijodu tad-dawl naturali normalment disponibbli bejn id-9 a.m. u l-5 p.m. Barra minn hekk, irid ikun disponibbli dawl xieraq (imwaħħal jew jista’ jinġarr) b’saħħtu biżżejjed biex jippermetti li l-għoġiela jkunu spezzjonati f’kull ħin.

6. L-għoġiela li jinżammu ġewwa għandhom jiġu spezzjonati mis-sid jew mill-persuna responsabbli għall-annimali ta’ l-anqas darbtejn kull jum u l-għoġiela li jinżammu barra ta’ l-anqas darba kull jum; Kull għoġol li jkun jidher marid jew korrut għandu jiġi kurat kif imiss mingħajr dewmien u għandu jinkiseb il-parir veterinarju kemm jista’ jkun malajr għal kull għoġol li ma jkunx jirrispondi għall-kura ta’ dak li jkun irabbih. Fejn meħtieġ, l-għoġiela morda jew korruti għandhom jiġu iżolati f’akkommodazzjoni adegwata b’post fejn jimteddu li jkun niexef u komdu.

7. L-akkommodazzjoni għall-għoġġiela għandha tkun mibnija b’tali mod li tkun tippermetti li kull għoġol ikun jista’ jimtedd, jistrieħ, iqum bil-wieqfa u jnaddaf lilu nnifsu mingħajr diffikultà.

8. L-għoġiela m’għandhomx jintrabtu bl-eċċezzjoni ta’ l-għoġġiela li jinżammu fi gruppi li jistgħu jintrabtu għal perjodi ta’ mhux aktar minn siegħa waqt li jinsqew il-ħalib jew is-sostitut tal-ħalib. Meta jintuża l-irbit, dan m’għandux ikorri lill-għoġiela u għandu jiġi spezzjonat regolarment u aġġustat skond kif meħtieġ biex jiġi żgurat li ma jkunx issikkat. Kull irbit għandu jkun magħmul biex jevita r-riskju ta’ strangolazzjoni jew korriment u jkun jippermetti li l-għoġol jiċċaqlaq skond il-punt 7.

9. Akkomodazzjoni, maqjel, tagħmir u għodda użati għall-għoġiela jridu jitnaddfu u jkunu disinfettati sew biex ikunu evitati infezzjonijiet minn wieħed għall-ieħor u ż-żieda ta’ l-organiżmi li jġorru l-mard. Ħmieġ, urina u ikel mhux mittiekel jew maqlub irid jitneħħa kull meta hemm bżonn biex titnaqqas ir-riħa u jkun evitat li jiġbdu l-attenzjoni tad-dubbien u l-gerriema.

10. L-art trid tkun lixxa imma mhux tiżloq biex ikun evitat l-korriment ta’ l-għoġiela u ddisinjata biex ma tkorrix jew tikkawża sofferenza lill-għoġġiela weqfin jew li jimteddu fuqha. Għandha tkun adattata għad-daqs u t-toqol ta’ l-għoġiela u tifforma wiċċ riġidu, indaqs u stabbli. In-naħa fejn jimteddu trid tkun komda, nadifa, u jitneħħa l-ilma b’mod adegwat u ma tridx taffettwa ħażin lill-għoġiela. Sodod xierqa jridu jkunu provduti għall-għoġiela kollha li għandhom inqas minn ħmistax.

11. L-għoġiela kollha għandhom jiġu provduti b’dieta tajba li tkun addattata għall-età, il-piż u l-ħtiġiet tagħhom f’dak li huwa komportament u fiżjoloġija, biex jikbru b’saħħithom u kkurati kif imiss. Għal dan il-għan, l-ikel tagħhom għandu jkun fih ħadid biżżejjed biex jiġi żgurat li l-livell medju ta’ l-emoglobina fid-demm ikun ta’ l-anqas ta’ 4,5 mmol/litru u r-razzjon minimu ta’ l-ikel fibruż ta’ kull jum għandu jiġi provdut għal kull għoġol li jkollu aktar minn ġimgħatejn, filwaqt li l-kwantità tiegħu tiżdied minn 50 g għall-250 g kull jum fil-każ ta’ l-għoġġiela ta’ minn tmienja sa 20 ġimgħa. L-għoġiela m’għandux ikollhom sarima.

12. L-għoġiela kollha jridu jitgħallfu għall-inqas darbtejn kuljum. Fejn l-għoġiela jinżammu fi gruppi u mhux mgħalfa ad libitum, jew b’sistema awtomatika ta’ għalf, kull għoġol irid ikollu aċċess għall-ikel fl-istess ħin bħall-oħrajn tal-grupp.

13. L-għoġiela kollha li għandhom iktar minn ħmistax irid ikollhom aċċess għal kwantità suffiċjenti ta’ ilma frisk jew ikunu jistgħu jaqtgħu l-għatx tagħhom billi jixorbu likwidu oħra. Iżda, f’kondizzjonijiet ta’ temp sħun jew fil-każ ta’ l-għoġiela li jkunu morda, l-ilma tax-xorb għandu jkun disponibbli l-ħin kollu.

14. It-tagħmir ta’ l-għalf u ta’ l-ilma jrid ikun iddisinjat, mibni, impoġġi u miżmum sabiex il-kontaminazzjoni ta’ l-għalf u l-ilma ta’ l-għoġiela jitnaqqas kemm jista’.

15. Kull għoġol għandu jirċievi kolostrum bovin kemm jista’ jkun malajr malli jitwieled u f’kull każ fl-ewwel sitt sigħat tal-ħajja.




ANNESS II

PARTI A



Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendamenti suċċessivi tagħha

(imsemmi fl-Artikolu 12)

Direttiva tal-Kunsill 91/629/KEE

(ĠU L 340, 11.12.1991, p. 28)

 

Direttiva tal-Kunsill 97/2/KE

(ĠU L 25, 28.1.1997, p. 24)

 

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/182/KE

(ĠU L 76, 18.3.1997, p. 30)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003

(ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1)

Anness III, punt 25 biss

PARTI B



Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmi fl-Artikolu 12)

Direttivi

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

91/629/KEE

1 ta’ Jannar 1994

97/2/KE

31 ta’ Diċembru 1997




ANNESS III



TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 91/629/KEE

Din id-Direttiva

Artikoli 1 u 2

Artikoli 1 u 2

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, kliem introduttorju

Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu, kliem introduttorju

Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu, punt (a)

Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu, punt (b)

Artikolu 3(3), it-tielet subparagrafu

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(4)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4

Artikoli 5 sa 10

Artikoli 5 sa 10

Artikolu 11(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 12

Artikolu 14

Anness

Anness I

Anness II

Anness III



( 1 ) Regolament ►C1  (UE) 2017/625 ◄ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) ( ►C1  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1 ◄ ).

( 2 ) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

Top