This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02008F0909-20090328
Council Framework Decision 2008/909/JHA of 27 November 2008 on the application of the principle of mutual recognition to judgments in criminal matters imposing custodial sentences or measures involving deprivation of liberty for the purpose of their enforcement in the European Union
Consolidated text: Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas- 27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea
Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas- 27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2008/909/2009-03-28
Dan it-test ikkonsolidat jista’ ma jinkludix l-emendi li ġejjin:
Att li jemenda | Tip ta’ emenda | Is-subdiviżjoni kkonċernata | Data tal-effett |
---|---|---|---|
32023L2843 | Emendata minn | artikolu 5 paragrafu 1 | 16/01/2024 |
32023L2843 | Emendata minn | artikolu 22a | 16/01/2024 |
32023L2843 | Emendata minn | artikolu 21 Test | 16/01/2024 |
32023L2843 | Emendata minn | artikolu 16 paragrafu 1 | 16/01/2024 |
2008F0909 — MT — 28.03.2009 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2008/909/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 (ĠU L 327 5.12.2008, p. 27) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 |
L 81 |
24 |
27.3.2009 |
DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2008/909/ĠAI
tas-27 ta' Novembru 2008
dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31(1)(a) u 34 (2)(b) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Isvezja,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999 endorsja l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandu jsir il-pedament ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kemm ċivili kif ukoll kriminali fl-UE. |
(2) |
Fid-29 ta’ Novembru 2000 il-Kunsill, b’mod konformi mal-konklużjonijiet ta’ Tampere, adotta programm ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali ( 1 ), li fih talab għal valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ mekkaniżmi moderni għar-rikonoxximent reċiproku ta’ pieni definittivi li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà (Miżura 14) u għall-estensjoni ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trasferiment ta’ persuni sentenzjati biex ikopri persuni residenti fi Stat Membru (Miżura 16). |
(3) |
Il-Programm ta’ l-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea ( 2 ) jeħtieġ li l-Istati Membri jikkompletaw il-programm ta’ miżuri, b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-infurzar ta’ pieni ta’ kustodja definittivi. |
(4) |
L-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tal-21 ta’ Marzu 1983 dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Sentenzjati. Taħt dik il-Konvenzjoni, persuni sentenzjati jistgħu jiġu trasferiti biex jiskontaw il-bqija tal-piena tagħhom lejn l-Istat taċ-ċittadinanza tagħhom biss u bil-kunsens tagħhom u dak ta’ l-Istati involuti biss. Il-Protokoll Addizzjonali għal dik il-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997, li jippermetti trasferiment mingħajr il-kunsens tal-persuna, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet, ma ġiex ratifikat mill-Istati Membri kollha. L-ebda strument ma jimponi xi dmir bażiku li jiġu aċċettati persuni sentenzjati għall-infurzar ta’ piena jew ordni. |
(5) |
Drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali huma element kruċjali biex tiġi żgurata kunfidenza reċiproka fost l-Istati Membri f’kooperazzjoni ġudizzjarja. Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, li huma karatterizzati minn fiduċja reċiproka speċjali fis-sistemi legali ta’ Stati Membri oħrajn, jippermettu r-rikonoxximent mill-Istat ta’ esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet ta’ l-Istat emittenti. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat żvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni previst fl-istrumenti tal-Kunsill ta’ l-Ewropa li jikkonċernaw l-infurzar ta’ sentenzi kriminali, b’mod partikolari fejn ċittadini ta’ l-Unjoni kienu s-suġġett ta’ sentenza kriminali u kienu sentenzjati għal piena ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà fi Stat Membru ieħor. Minkejja l-ħtieġa li l-persuna sentenzjata tkun provduta b’salvagwardji xierqa, l-involviment tagħha fil-proċedimenti m’għandhux jibqa’ dominanti billi jkun jeħtieġ fil-każijiet kollha l-kunsens tagħha biex sentenza tiġi trasmessa lil Stat Membru ieħor bil-għan tar-rikonoxximent tagħha u l-infurzar tal-piena imposta. |
(6) |
Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tkun implimentata u applikata b’mod li tippermetti li l-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza, ekwità u raġonevolezza jiġu rrispettati. |
(7) |
L-Artikolu 4(1)(c) fih dispożizzjoni diskrezzjonali li tippermetti li s-sentenza u ċ-ċertifikat jiġu trasmessi, per eżempju, lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna sentenzjata, f’każijiet barra minn dawk previsti fil-paragrafi 1 a) u b), jew lill-Istat Membru fejn il-persuna sentenzjata tgħix u kienet kontinwament residenti legalment għal mill-anqas ħames snin u ser iżżomm dritt permanenti ta’ residenza hemm. |
(8) |
Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(c) it-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat lill-Istat ta’ esekuzzjoni huwa soġġett għall-konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati emittenti u ta’ esekuzzjoni, u l-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont ta’ elementi bħal, per eżempju, id-dewmien tar-residenza jew rabtiet oħra ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. F’każijiet fejn il-persuna sentenzjata tista’ tiġi trasferita lejn Stat Membru jew lejn pajjiż terz skond il-liġi nazzjonali jew strumenti internazzjonali, l-awtorità ta’ l-Istati emittenti u ta’ esekuzzjoni għandha, b’konsultazzjoni, tikkonsidra jekk l-infurzar fl-Istat ta’ esekuzzjoni jsaħħaħx l-għan tar-riabilitazzjoni soċjali aħjar milli l-infurzar fil-pajjiż terz. |
(9) |
L-infurzar tal-piena fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jsaħħaħ il-possibbiltà ta’ riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata. Fil-kuntest li jkun sodisfatt li l-infurzar tal-piena mill-Istat ta’ esekuzzjoni jaqdi l-iskop li tiffaċilita r-riabilitazjzoni soċjali tal-persuna sentenzjata, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tieħu kont ta’ elementi bħal, per eżempju, r-rabta tal-persuna ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, jekk hi tikkonsidrahx bħala l-post b’rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi u rabtiet oħrajn ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. |
(10) |
L-opinjoni tal-persuna sentenzjata msemmija fl-Artikolu 6(3) tista’ tkun utli l-aktar fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4 (4). Il-kliem “partikolarment” huma maħsuba biex jiġu koperti wkoll każijiet fejn l-opinjoni tal-persuna sentenzjata tkun tinkludi informazzjoni li tista’ tkun ta’ rilevanza fir-rigward tar-raġunijet ghal non-rikonoxximent jew non-infurzar. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4(4) u 6(3) ma jikkostitwixxux raġuni għar-rifjut relatat mar-riabilitazzjoni soċjali. |
(11) |
Il-Kunsill jirrikonoxxi li l-Polonja għandha bżonn iktar żmien mill-Istati Membri l-oħra biex tiffaċċa l-konsegwenzi prattiċi u materjali tat-trasferiment ta’ ċittadini Polakki sentenzjati fi Stati Membri oħra, speċjalment fid-dawl ta’ mobbiltà akbar ta’ ċittadini Polakki fi ħdan l-Unjoni. Għal dik ir-raġuni, għandha tiġi prevista deroga temporanja b’ kamp ta’ applikazzjoni limitat għal perijodu massimu ta’ ħames snin. |
(12) |
Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika wkoll, mutatis mutandis, għall-infurzar ta’ pieni fil-każijiet taħt l-Artikoli 4(6) u 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ( 3 ). Dan ifisser inter alia illi, mingħajr preġudizzju għal dik id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni jista’ jivverifika l-eżistenza ta’ raġunijiet ghal non-rikonoxximent jew non-infurzar kif previst fl-Artikolu 9 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, inkluż l-iċċekkjar ta’ kriminalità doppja sal-punt li l-Istat ta’ esekuzzjoni jagħmel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 7(4) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, bħala kondizzjoni biex jirrikonoxxi u jinforza s-sentenza bil-ħsieb li jikkonsidra jekk jikkonsenjax il-persuna jew jinfurzax il-piena f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI. |
(13) |
Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Kapitolu VI tagħha. Xejn f’din id-Deċiżjoni Qafas m’għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi rifjut għal esekuzzjoni ta’ deċiżjoni fejn ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li l-piena ġiet imposta bil-għan li tikkastiga persuna minħabba s-sess, ir-razza, ir-reliġjon, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, il-lingwa, l-opinjonijiet politiċi jew l-orjentazzjoni sesswali tagħha, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi preġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet. |
(14) |
Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex twaqqaf lil ebda Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu dwar proċess ġust, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni f’media oħra. |
(15) |
Din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu applikati konformement mad-dritt taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jiċċirkolaw u jirresjedu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri mogħti permezz ta’ l-Artikolu 18 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. |
(16) |
Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi applikati konformement mal-liġi Komunitarja applikabbli, inkluż b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE ( 4 ), id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE ( 5 ) u id-Direttiva 2004/38/KE ( 6 ). |
(17) |
Meta f’din id-Deċiżjoni Qafas ssir referenza għall-Istat fejn il-persuna sentenzjata “tgħix”, dan jindika l-post li miegħu l-persuna hija marbuta abbażi ta’ residenza abitwali u elementi bħal irbit familjari, soċjali u professjonali. |
(18) |
Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1), għandu jkun possibbli li sentenza jew kopja ċertifikata tagħha u ċertifikat jiġu trasmessi lill-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub, per eżempju posta elettronika u fax, taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jistabbilixxi l-awtentiċità. |
(19) |
F’każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1)(k), l-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jikkunsidra l-possibbiltà li l-piena tiġi addattata skond din id-Deċiżjoni Qafas qabel ma jirrifjuta li jirrikonoxxi u jesegwixxi l-piena li tinvolvi miżura oħra minbarra piena ta’ kustodja. |
(20) |
Ir-raġuni għar-rifjut prevista fl-Artikolu 9(1)(k) tista’ tiġi applikata wkoll f’każijiet fejn il-persuna ma nstabitx ħatja ta’ reat kriminali għalkemm l-awtorità kompetenti applikat il-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà li mhix sentenza ta’ kustodja bħala konsegwenza ta’ reat kriminali. |
(21) |
Ir-raġuni għal rifjut fir-rigward tat-territorjalità għandha tiġi applikata biss f’każijiet eċċezzjonali u bil-ħsieb tal-kooperazzjoni sa l-akbar punt possibbli taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, b’kont meħud ta’ l-għan tagħha. Kwalunkwe deċiżjoni sabiex tiġi applikata din ir-raġuni għal rifjut, għandha tkun ibbażata fuq analiżi ta’ każ b’każ u konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati emittenti u ta’ esekuzzjoni. |
(22) |
Il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 12(2) għandu jiġi implimentat mill-Istati Membri b’mod li bħala regola ġenerali, id-deċiżjoni finali, inkluż proċedura ta’ appell tkun tlestiet fi żmien perijodu ta’ 90 jum. |
(23) |
L-Artikolu 18(1) jgħid li, soġġett għall-eċċezzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2, ir-regola ta’ speċjalità tapplika biss fejn il-persuna ġiet ittrasferita lejn l-Istat ta’ esekuzzjoni. Għalhekk m’għandhiex tkun applikabbli fejn il-persuna ma ġietx ittrasferita lejn l-Istat ta’ esekuzzjoni, per eżempju fejn il-persuna ħarbet lejn l-Istat ta’ esekuzzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:
(a) “sentenza” għandha tfisser deċiżjoni finali jew ordni tal-qorti ta’ l-Istat emittenti li timponi piena fuq persuna fiżika;
(b) “piena” għandha tfisser kwalunkwe piena ta’ kustodja jew kwalunkwe miżura li tinvolvi ċaħda tal-libertà imposta għal perijodu ta’ żmien limitat jew mhux limitat minħabba reat kriminali abbażi ta’ proċedimenti kriminali;
(c) “Stat emittenti” għandha tfisser l-Istat Membru li fih tkun ingħatat sentenza;
(d) “Stat ta’ esekuzzjoni” għandha tfisser l-Istat Membru li tiġi trasmessa lilu sentenza għall-fini tar-rikonoxximent u l-infurzar tagħha.
Artikolu 2
Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti
1. Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill liema awtorità jew awtoritajiet, taħt il-liġi nazzjonali tiegħu, huma kompetenti skond din id-Deċiżjoni Qafas, meta dak l-Istat Membru jkun l-Istat emittenti jew l-Istat ta’ esekuzzjoni.
2. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħmel l-informazzjoni li jirċievi disponibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni.
Artikolu 3
Għan u Ambitu
1. L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena.
2. Din id-Deċiżjoni Qafas hija applikabbli fejn il-persuna sentenzjata tinsab fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni.
3. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika biss għar-rikonoxximent ta’ sentenzi u l-infurzar ta’ pieni fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. Il-fatt li, flimkien mal-piena, tiġi imposta multa u/jew ordni ta’ konfiska, li ma tkunx għadha tħallset, ġiet irkuprata jew infurzata, m’għandux iwaqqaf sentenza milli tiġi trasmessa. Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ tali multi u ordnijiet ta’ konfiska fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu bbażati fuq l-istrumenti applikabbli bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI ta’ l-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji ( 7 ) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska ( 8 ).
4. Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta’ rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif affermati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
KAPITOLU II
RIKONOXXIMENT TA’ SENTENZI U INFURZAR TA’ PIENI
Artikolu 4
Kriterji għat-trasmissjoni ta’ sentenzau ċertifikat lil Stat Membru ieħor
1. Dment li l-persuna sentenzjata fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni, u dment li l-persuna tat il-kunsens tagħha fejn meħtieġ taħt l-Artikolu 6, sentenza, flimkien ma’ ċertifikat li tieghu tingħata l-formula standard fl-Anness I, jista’ jintbagħat lil wieħed mill-Istati Membri li ġejjin:
(a) l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna sentenzjata fejn hija j/tgħix; jew
(b) l-Istat Membru taċ-ċittadinanza, li għalih, filwaqt li m’huwiex l-Istat Membru fejn hi tgħix, il-persuna sentenzjata ser tkun deportata, ladarba hija tkun rilaxxata mill-infurzar tal-piena abbażi ta’ ordni ta’ espulsjoni jew deportazzjoni inkluża fis-sentenza jew f’deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva jew kwalunkwe miżura oħra li tirriżulta mis-sentenza; jew
(c) kwalunkwe Stat Membru li m’huwiex l-Istat Membru imsemmi f’ a) jew b), li l-awtorità kompetenti tiegħu tagħti kunsens biex is-sentenza u ċ-ċertifikat jiġu trasmessi lil dak l-Istat Membru.
2. It-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat tista’ ssir meta l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, fejn xieraq, wara konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti u ta’ dak ta’ esekuzzjoni, ikunu sodisfatti li l-infurzar tal-piena mill-Istat ta’ esekuzzjoni jkun jaqdi l-għan li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata.
3. Qabel it-trasmissjoni tas-sentenza u ċ-ċertifikat, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti tista’ tikkonsulta, bi kwalunkwe mezz xieraq, ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Il-konsultazzjoni għandha tkun obbligatorja fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1(c). F’tali każijiet l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinforma minnufih lill-Istat emittenti bid-deċiżjoni tagħha jekk tagħtix kunsens jew le għat-trasmissjoni tas-sentenza.
4. Waqt tali konsultazzjoni l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tippreżenta lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti opinjoni raġunata li l-infurzar tal-piena fl-Istat ta’ esekuzzjoni ma jaqdix l-għan li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali u r-reintegrazzjoni fis-soċjetà b’suċċess tal-persuna sentenzjata.
Fejn ma kienx hemm konsultazzjoni, tali opinjoni tista’ tiġi ppreżentata mingħajr dewmien wara t-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tikkonsidra tali opinjoni u tiddeċiedi jekk tirtirax iċ-ċertifikat jew le.
5. L-Istat ta’ esekuzzjoni jista’, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jitlob lill-Istat emittenti biex jittrasmetti s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat. Il-persuna sentenzjata tista’ wkoll titlob lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti jew ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni sabiex tinbeda proċedura għat-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat taħt din id-Deċiżjoni Qafas. Talbiet magħmula taħt dan il-paragrafu m’għandhomx joħolqu obbligu ta’ l-Istat emittenti biex jittrasmetti s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat.
6. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li b’mod partikolari jieħdu kont ta’ l-għan li tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata u li għandhom jikkostitwixxu l-bażi għall-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jiddeċiedu jekk jagħtux kunsens jew le għat-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat f’każijiet skond il-paragrafu(1)(c).
7. Kwalunkwe Stat Membru jista’, jew fl-addozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew aktar tard, jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijet tiegħu ma’ l-Istati Membri l-oħra li jkunu taw l-istess ġustifikazzjoni, il-kunsens tiegħu minn qabel taħt il-paragrafu 1 (c) mhuwiex meħtieġ għat-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat:
(a) jekk il-persuna sentenzjata tgħix u kienet kontinwament tirresjedi legalment għal mill-inqas ħames snin fl-Istat ta’ esekuzzjoni u ser iżżomm dritt permanenti ta’ residenza f’dak l-Istat, u/jew
(b) jekk il-persuna sentenzjata hija ċittadin ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’każijiet barra dawk previsti mill-paragrafu 1 a) u b).
Fil-każijiet imsemmijin f’punt (a), id-dritt permanenti ta’ residenza għandu jfisser li l-persuna kkonċernata:
— għandha d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru rispettiv skond il-liġi nazzjonali li timplimenta l-leġislazzjoni Komunitarja adottata abbażi ta’ l-Artikoli 18, 40, 44 u 52 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jew
— tippossjedi permess ta’ residenza validu, bħala resident permanenti jew fit-tul, għall-Istat Membru rispettiv, skond il-liġi nazzjonali li timplimenta l-leġislazzjoni Komunitarja adottata abbażi ta’ l-Artikolu 63 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fir-rigward ta’ l-Istati Membri li għalihom hija applikabbli tali leġislazzjoni Komunitarja, jew skond il-liġi nazzjonali, fir-rigward ta’ l-Istati Membri li għalihom mhix applikabbli.
Artikolu 5
Trasmissjoni tas-sentenza u ċ-ċertifikat
1. Is-sentenza jew kopja ċċertifikata tiegħu, flimkien maċ-ċertifikat, għandhom jintbagħtu, mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti direttament lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni permezz ta’ kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jistabbilixxi l-awtentiċità tiegħu. L-oriġinal tas-sentenza, jew kopja ċċertifikata tiegħu, u l-oriġinal taċ-ċertifikat, għandhom jintbagħtu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jekk dan jitlob hekk. Il-komunikazzjonijiet uffiċjali kollha għandhom isiru wkoll direttament bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmija.
2. Iċ-ċertifikat għandu jiġi ffirmat, u l-kontenut tiegħu ċċertifikat bħala preċiż, mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti.
3. L-Istat emittenti għandu jibgħat is-sentenza flimkien maċ-ċertifikat lil Stat ta’ esekuzzjoni wieħed biss fi kwalunkwe mument determinat.
4. Jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni m’hijiex magħrufa lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, din ta’ l-aħħar għandha tagħmel l-aċċertamenti kollha meħtieġa, inkluż permezz tal-punti ta’ Kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew stabbilit mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/428/ĠAI ( 9 ), sabiex tikseb l-informazzjoni mill-Istat ta’ esekuzzjoni.
5. Meta awtorità ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni li tirċievi sentenza flimkien ma’ ċertifikat ma jkollhiex il-kompetenza li tirrikonoxxieha u tieħu l-miżuri meħtieġa għall-infurzar tiegħu, hija għandha, ex officio, tibgħat is-sentenza flimkien maċ-ċertifikat lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni u tinforma lill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti kif meħtieġ.
Artikolu 6
Opinjoni u notifika tal-persuna sentenzjata
1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, sentenza flimkien ma’ ċertifikat tista’ tintbagħat biss lill-Istat ta’ esekuzzjoni għall-fini tar-rikonoxximent tagħha u l-infurzar tal-piena bil-kunsens tal-persuna sentenzjata skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti.
2. Il-kunsens tal-persuna sentenzjata m’għandux jenħtieġ meta tiġi trasferita s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat:
(a) lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza fejn tgħix il-persuna sentenzjata;
(b) lill-Istat Membru fejn il-persuna sentenzjata se tkun deportata ladarba huwa jew hija j/tkun rilaxxata mill-infurzar tal-piena abbażi ta’ ordni ta’ espulsjoni jew deportazzjoni inkluża fis-sentenza jew f’deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva jew kwalunkwe miżura oħra li tirriżulta mis-sentenza;
(c) lill-Istat Membru fejn il-persuna ħarbet jew marret lura b’xi mod ieħor minħabba l-proċedimenti kriminali pendenti kontriha fl-Istat emittenti jew wara kundanna f’dak l-Istat emittenti.
3. Fil-każijiet kollha fejn il-persuna tkun għadha fl-Istat emittenti, il-persuna għandha tingħata opportunità li tiddikjara l-opinjoni tiegħu jew tagħha oralment jew bil-miktub. Meta l-Istat emittenti jikkunsidra li dan huwa meħtieġ fid-dawl ta’ l-età tal-persuna sentenzjata jew il-kondizzjoni fiżika jew mentali tagħha, dik l-opportunità għandha tingħata lir-rappreżentant legali tagħha.
Għandu jittieħed kont ta’ l-opinjoni tal-persuna sentenzjata meta tkun qed tiġi deċiża l-kwistjoni tat-trasferiment tas-sentenza flimkien maċ-ċertifikat. Fejn il-persuna tkun għamlet użu mill-opportunità provduta f’dan il-paragrafu, l-opinjoni tal-persuna sentenzjata għandha tiġi trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni, partikolarment bil-ħsieb ta’ l-Artikolu 4(4). Jekk il-persuna tkun iddikjarat l-opinjoni tagħha orlament, l-Istat emittenti għandu jiżgura li r-rekord bil-miktub ta’ tali dikjarazzjoni hija disponibbli fl-Istat ta’ esekuzzjoni.
4. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tinforma lill-persuna sentenzjata, f’lingwa li hija tifhem, li hi ddeċidiet li s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat ikunu trasmessi bl-użu tal-formola standard ta’ notifikazzjoni elenkata fl-Anness II. Meta l-persuna sentenzjata tkun fl-Istat ta’ esekuzzjoni fil-ħin ta’ dik id-deċiżjoni, dik il-formola għandha tiġi trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni li għandu jinforma lill-persuna kif meħtieġ.
5. Il-paragrafu 2(a) m’għandux japplika għall-Polonja bħala Stat emittenti u bħala Stat ta’ esekuzzjoni fejn is-sentenza tkun ħarġet qabel ma jkunu għaddew ħames snin mill-5 ta' Diċembru 2011. Il-Polonja tista’ fi kwalunkwe ħin tinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li m’hijiex ser tagħmel użu aktar minn din id-deroga.
Artikolu 7
Kriminalità doppja
1. Ir-reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat emittenti b’piena ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċaħda tal-libertà għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin, u skond kif inhuma definiti bil-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, taħt it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja ta’ l-att, iwasslu għal rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena imposta:
— parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,
— terroriżmu,
— traffikar ta’ bnedmin,
— sfruttament sesswali ta’ tfal u l-pornografija bi tfal,
— traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi,
— traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjonijiet u splussivi,
— korruzzjoni,
— frodi, inkluża dik li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej skond it-tifsira tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ( 10 ),
— laundering tar-rikavati minn kriminalità,
— falsifikazzjoni ta’ muniti, inkluż l-ewro,
— reati konnessi ma’ l-informatika,
— reati ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu ta’ speċi ta’ annimali fil-periklu li jinqerdu u ta’ speċi ta’ pjanti u varjetajiet fil-perikolu li jinqerdu,
— faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati,
— omiċidju, offiża gravi fuq persuna,
— kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti umani,
— ħtif ta’ persuni, żamma illegali ta’ persuni u t-teħid ta’ ostaġġi,
— razziżmu u ksenofobija,
— serq organizzat jew bl-użu ta’ armi,
— it-traffikar illeċitu f’beni kulturali, inklużi antikitajiet u opri ta’ l-arti,
— imbrolji,
— racketeering u estorsjoni,
— falsifikazzjoni u l-piraterija ta’ prodotti,
— falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u t-traffikar tagħhom,
— falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament,
— traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u promoturi tat-tkabbir (growth promoters) oħrajn,
— traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjuattivi,
— traffikar ta’ vetturi misruqin,
— stupru,
— inċendju volontarju,
— reati li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,
— ħtif illegali ta’ inġenji ta’ l-ajru/ta’ bastimenti,
— sabotaġġ.
2. Il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi unanimament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiddeċiedi fi kwalunkwe waqt li jżid kategoriji oħrajn ta’ reati mal-lista elenkata fil-paragrafu 1. Il-Kunsill għandu jeżamina, fid-dawl tar-rapport sottomess lilu skond l-Artikolu 29(5) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jekk il-lista għandhiex tiġi estiża jew emendata.
3. Għal reati oħra barra dawk koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena għall-kondizzjoni li huwa jirrelata ma’ atti li wkoll jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostituttivi tieġhu jew mid-deskrizzjoni tiegħu.
4. Kull Stat Membru jista’, fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew wara, b’dikjarazzjoni nnotifikata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jiddikjara li m’huwiex ser japplika l-paragrafu 1. Tali dikjarazzjoni tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin. Tali dikjarazzjonijiet jew irtirar ta’ dikjarazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 8
Rikonoxximent tas-sentenza u infurzar tal-piena.
1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trasmessa skond l-Artikolu 3a u waqt li tiġi segwita l-proċedura taħt l-Artikolu 5, u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-infurzar tal-piena, sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar previsti fl-Artikolu 9.
2. Fejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni fir-rigward tat-tul tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li tadatta l-piena biss fejn dik il-piena taqbeż il-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. Il-piena adattata m’għandhiex tkun anqas mill-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.
3. Fejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’termini tan-natura tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tadattaha għall-piena jew għall-miżura prevista taħt il-liġi tagħha stess għal reati simili. Tali piena jew miżura għandha tikkorrispondi kemm jista’ jkun possibbli mal-piena imposta fl-Istat emittenti u għalhekk l-piena m’għandhiex tiġi konvertita f’piena pekunjarja.
4. Il-piena adattata m’għandhiex taggrava l-piena li ngħatat fl-Istat emittenti fin-natura jew id-dewmien tagħha.
Artikolu 9
Raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar
1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li tinforza l-piena, jekk:
(a) iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 mhux komplet jew b’mod ċar ma jaqbilx mas-sentenza u ma kienx kompletat jew ikkorreġut f’terminu perentorju raġonevoli stabbilit mill-awtorità ta’ esekuzzjoni;
(b) il-kriterji li hemm fl-Artikolu 4(1) ma jintlaħqux;
(c) infurzar tal-piena jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ ne bis in idem;
(d) f’każ imsemmi fl-Artikolu 7(3) u, fejn l-Istat ta’ esekuzzjoni jkun għamel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 7(4), fil-każ imsemmi fl-Artikolu 7(1), is-sentenza hija relatata ma’ atti li ma jkunux jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Madankollu, fir-rigward ta’ taxxi jew dazji, dwana u kambju, l-esekuzzjoni ta’ sentenza m’għandhiexs tiġi rifjutataminħabba li l-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta’ taxxa jew dazju jew ma fihiex l-istess tip ta’ regoli fir-rigward ta’ regolamenti dwar taxxi, dazji u dwana u kambju bħal-liġi ta’ l-Istat emittenti;
(e) l-infurzar tal-piena jiġi preskritt taħt ir-regoli tal-preskrizzjoni skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni;
(f) hemm immunità taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, li tagħmel l-infurzar tal-piena impossibbli;
(g) il-piena ġiet imposta fuq persuna li, taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, ma setgħetx, minħabba l-età tiegħu jew tagħha, tinżamm kriminalment responsabbli ta’ l-atti li fuqhom inħareġ is-sentenza;
(h) fil-mument li l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni rċeviet is-sentenza, inqas minn sitt xhur tas-sentenza jkunu għadhom iridu jiġu skontati;
(i) skond iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4, il-persuna ma dehritx personalment fil-kawża li tirriżulta fid-deċiżjoni, sakemm iċ-ċertifikat ma jiddikjarax li l-persuna, skond aktar ħtiġiet proċedurali definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti:
(i) fi żmien debitu
— jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;
— u
— kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;
jew
(ii) konxja mill-kawża skedata kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;
jew
(iii) wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament bid-dritt għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:
— iddikjarat espressament li hija ma tikkontestax id-deċiżjoni;
— jew
— ma talbitx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;
(j) l-Istat ta’ esekuzzjoni, qabel ma tittieħed deċiżjoni skond l-Artikolu 12(1), jagħmel talba, skond l-Artikolu 18(3), u l-Istat emittenti ma jagħtix kunsens, skond l-Artikolu 18(2)(g), lill-persuna konċernata li qed tiġi akkużata, sentenzjata jew b’xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà tagħha fl-Istat ta’ esekuzzjoni għal reat li twettaq qabel it-trasferiment minbarra dak li għalih il-persuna ġiet trasferita;
(k) il-piena imposta tinkludi miżura ta’ kura psikjatrika jew tas-saħħa jew miżura oħra li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, li, minkejja l-Artikolu 8(3), ma jistgħux jiġu esegwiti mill-Istat ta’ esekuzzjoni skond is-sistemi legali jew tal-kura tas-saħħa tiegħu;
(l) is-sentenza tirrelata ma’ reati kriminali li taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni huma meqjusa bħala li twettqu kollha kemm huma jew f’parti maġġuri jew essenzjali fit-territorju tiegħu, jew f’post ekwivalenti għat-territorju tiegħu.
2. Kwalunkwe deċiżjoni taħt il-paragrafu 1(l) fir-rigward ta’ reati mwettqin parzjalment fit-territorju ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, jew f’post ekwivalenti għat-territorju tiegħu, għandha tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’każijiet eċċezzjonali u fuq bażi ta’ każ b’każ, b’konsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u partikolarment għal jekk parti ewlenija jew essenzjali ta’ l-imġiba in kwistjoni seħħetx fl-Istat emittenti.
3. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b), (c), (i) (k) u (l), qabel ma jiġi deċiż li ma tiġix rikonoxxuta s-sentenza u infurzata l-piena, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezz xieraq, u għandha, fejn ikun il-każ, titlobha tipprovdi mingħajr dewmien mhux meħtieġ kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa.
Artikolu 10
Rikonoxximent u infurzar parzjali
1. Jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tikkonsidra r-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena in parti, hija tista’, qabel tiddeċiedi li tirrifjuta r-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena sħiħa, tikkonsulta lill-aworità kompetenti ta’ l-Istat emittenti bil-ħsieb li jinstab ftehim, kif previst fil-paragrafu 2.
2. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat emittenti u f’dak ta’ esekuzzjoni jistgħu jaqblu, każ b’każ, li jkun hemm rikonoxximent u infurzar parzjali ta’ piena skond il-kondizzjonijiet stabbiliti minnhom, dment li tali rikonoxximent u infurzar ma jirriżultaxf’aggravazzjoni tad-dewmien tal-piena. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, iċ-ċertifikat għandu jiġi rtirat.
Artikolu 11
Posponiment tar-rikonoxximent tas-sentenza
Ir-rikonoxximent tas-sentenza jista’ jkun pospost fl-Istat ta’ esekuzzjoni fejn iċ-ċertifikat imsemmifl-Artikolu 5 hu inkomplet jew b’mod ċar ma jaqbilx mas-sentenza, sakemm tali skadenza raġonevoli stabbilita mill-Istat ta’ esekuzzjoni għaċ-ċertifikat ikun kompletat jew ikkoreġut.
Artikolu 12
Deċiżjoni dwar l-infurzar tal-piena u l-limiti ta’ żmien
1. L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi malajr kemm jista’ jkun jekk tirrikonoxxix is-sentenza u tinforzax il-piena u għandha tinforma lill-Istat emittenti għaldaqstant, inkluż dwar kwalunkwe deċiżjoni li tadatta l-piena skond l-Artikolu 8(2) u (3).
2. Sakemm ma teżistix raġuni għal posponiment taħt l-Artikolu 11 jew Artikolu 23(3) d-deċiżjoni finali dwar ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena għandha tittieħed f’perijodu ta’ 90 jum mir-riċeviment tas-sentenza u ċ-ċertifikat.
3. Meta f’każijiet eċċezzjonali ma jkunx prattikabbli għall-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni li taderixxi mal-perijodu previst fil-paragrafu 2, għandha mingħajr dewmien tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti bi kwalunkwe mezz, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien u stima tal-ħin meħtieġ għat-teħid tad-deċiżjoni finali.
Artikolu 13
Irtirar taċ-ċertifikat
Sakemm l-infurzar tal-piena fl-Istat ta’ esekuzzjoni ma jkunx beda, l-Istat emittenti jista’ jirtira ċ-ċertifikat minn dak l-Istat, billi jagħti r-raġunijiet għal dan. Malli ċ-ċertifikat jiġi rtirat, l-Istat ta’ esekuzzjoni m’għandux jibqa’ jinforza l-piena.
Artikolu 14
Arrest proviżorju
Fejn il-persuna sentenzjata tinsab fl-Istat ta’ esekuzzjoni l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’, fuq talba ta’ l-Istat emittenti, qabel il-wasla tas-sentenza u taċ-ċertifikat, jew qabel id-deċiżjoni biex tiġi rikonoxxuta s-sentenza u biex tiġi infurzata l-piena, jarresta lill-persuna sentenzjata, jew jieħu kwalunkwe miżura oħra biex jiżgura li l-persuna sentenzjata tibqa’ fit-territorju tiegħu, sakemm tittieħed deċiżjoni biex is-sentenza tiġi rikonoxxuta u l-piena tiġi infurzata. Id-dewmien tal-piena m’għandiex tkun aggravata bħala riżultat ta’ kwalunkwe perijodu mqatta f’kustodja bħala raġuni ta’ din id-dispożizzjoni.
Artikolu 15
Trasferiment ta’ persuni sentenzjati
1. Jekk il-persuna sentenzjata tinsab fl-Istat emittenti, huwa jew hija għandha tiġi trasferita għall-Istat ta’ esekuzzjoni fi żmien miftiehem bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti u dak ta’ esekuzzjoni, u mhux aktar tard minn 30 jum wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni finali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni dwar ir-rikonoxximent tas-sentenzau l-infurzar tal-piena.
2. Jekk it-trasferiment tal-persuna sentenzjata fil-perijodu stabbilit fil-paragrafu 1 huwa impedit minn ċirkostanzi imprevedibbli, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti u ta’ dak ta’ esekuzzjoni għandhom jikkuntattjaw lil xulxin minnufih. It-trasferiment għandu jseħħ hekk kif dawn iċ-ċirkostanzi ma jibqgħux jeżistu. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni u taqbel dwar data ġdida ta’ trasferiment. F’dak il-każ, it-trasferiment għandu jseħħ fi żmien 10 ijiem mid-data ġdida hekk miftiehma.
Artikolu 16
Transitu
1. Kull Stat Membru għandu, skond il-liġi tiegħu, jippermetti t-transitu mit-territorju tiegħu ta’ persuna sentenzjata li tkun qed tiġi trasferita għall-Istat ta’ esekuzzjoni, dment li kopja taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 ingħatatlu mill-Istat emittenti flimkien mat-talba ta’ transitu. It-talba ta’ transitu u ċ-ċertifikat jistgħu jiġu trasmessi bi kwalunkwe mezz kapaċi li jipproduċi rekord bil-miktub. Fuq talba ta’ l-Istat Membru biex jippermetti t-transitu, l-Istat emittenti għandu jipprovdi traduzzjoni taċ-ċertifikat f’waħda mil-lingwi, li għandha tiġi indikata fit-talba, li l-Istat Membru li jkun intalab jippermetti t-transitu jaċċetta.
2. Meta jirċievi talba biex jippermetti transitu, l-Istat Membru mitlub biex jippermetti t-transitu għandu jinforma lill-Istat emittenti jekk ma jistax jiggarantixxi li mhux ser issir prosekuzzjoni kontra l-persuna sentenzjata, jew, ħlief kif previst fil-paragrafu 1, miżmuma jew soġġetta b’xi mod ieħor għal kwalunkwe restrizzjoni tal-libertà tagħha fit-territorju ta’ tiegħu għal kwalunkwe reat imwettaq jew piena imposta qabel it-tluq tagħha mit-territorju ta’ l-Istat emittenti. F’tali każ l-Istat emittenti jista’ jirtira t-talba tiegħu.
3. L-Istat Membru mitlub biex jippermetti t-transitu għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu, li għandha tittieħed abbażi ta’ prijorità u mhux aktar tard minn ġimgħa wara li jkun irċieva t-talba, bl-istess proċedura. Tali deċiżjoni tista’ tiġi posposta sakemm tiġi trasmessa t-traduzzjoni lill-Istat Membru mitlub biex jippermetti t-transitu, fejn tali traduzzjoni hi meħtieġa taħt il-paragrafu 1.
4. L-Istat Membru mitlub jippermetti t-transitu jista’ jżomm lill-persuna sentenzjata f’kustodja biss għaż-żmien meħtieġ għat-transitu mit-territorju tiegħu.
5. M’għandhiex tkun meħtieġa talba ta’ transitu fil-każ ta’ trasport bl-ajru mingħajr waqfa skedata. Madankollu, fil-każ ta’ nżul mhux skedat, l-Istat emittenti għandu jipprovdi l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1 fi żmien 72 siegħa.
Artikolu 17
Liġi li tirregola l-infurzar
1. L-infurzar ta’ piena għandu jkun irregolat bil-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. L-awtoritajiet ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni waħedhom għandhom, soġġett għall-paragrafi 2, u 3, jkunu kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għall-infurzar u biex jiddeterminaw il-miżuri kollha relatati miegħu, inklużi r-raġunijiet għal liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata.
2. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tnaqqas il-perijodu kollu ta’ ċaħda tal-libertà diġà skontata b’konnessjoni mal-piena li fir-rigward tagħha nħarġet is-sentenza mit-tul ta’ żmien totali taċ-ċaħda tal-libertà li għandu jiġi skontat.
3. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha, fuq talba, tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti dwar id-dispożizzjonijiet applikabbli għal liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata. L-Istat emittenti jista’ jaqbel ma’ l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet jew jista’ jirtira ċ-ċertifikat.
4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li kwalunkwe deċiżjoni dwar liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata tista’ tieħu kont ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali indikati mill-Istat emittenti, li taħthom il-persuna għandha d-dritt għal liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata f’mument speċifiku.
Artikolu 18
Speċjalità
1. Persuna trasferita lejn l-Istat ta’ esekuzzjoni skond din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex tkun soġġett għall-paragrafu 2, tgħaddi minn prosekuzzjoni, tiġi sentenzjata jew miċħuda mil-libertà tagħha b’xi mod ieħor għal reat li wettqet qabel it-trasferiment tagħha li mhux dak li għalih ġiet trasferita.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-każijiet li ġejjin:
(a) meta l-persuna minkejja li kellha l-opportunità tħalli t-territorju ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni ma għamlitx dan fi żmien 45 jum mil-liberazzjoni finali tagħha, jew marret lura f’dak it-territorju wara li telqitu;
(b) meta r-reat m’huwiex punibbli b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni;
(c) meta l-proċedimenti kriminali ma jagħtux lok għall-applikazzjoni ta’ miżura ta’ restrizzjoni tal-libertà personali;
(d) meta l-persuna tista’ tkun suxxettibbli li teħel piena jew miżura li ma tinvolvix ċaħda tal-libertà, b’mod partikolari piena finanzjarja jew miżura minflok din, anki jekk il-piena jew il-miżura in lieu tista’ toħloq restrizzjoni tal-libertà personali tagħha;
(e) meta l-persuna tat il-kunsens tagħha għat-trasferiment;
(f) meta l-persuna, wara t-trasferiment tagħha, irrinunzjat espressament għall-benefiċċju tar-regola ta’ speċjalità fir-rigward ta’ reati speċifiċi li seħħew qabel it-trasferiment tagħha. Ir-rinunzja għandha tingħata quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni u għandha tiġi rreġistrata skond il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat. Ir-rinunzja għandha tiġi mfassla b’tali mod li jkun ċar li l-persuna għamlitha volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna għandha jkollha d-dritt għal parir legali;
(g) għal każijiet minbarra dawk imsemmija taħt il-punti (a) sa (f), fejn l-Istat emittenti jagħti l-kunsens tiegħu b’konformità mal-paragrafu 3.
3. It-talba għall-kunsens għandha tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, akkumpanjata bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI u bi traduzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 8(2) tagħha. Il-kunsens għandu jingħata fejn hemm obbligu għal ċediment tal-persuna taħt dik id-Deċiżjoni Qafas. Id-deċiżjoni għandha tittieħed mhux aktar tard minn 30 jum wara li tiġi rċevuta t-talba. Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, l-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jagħti l-garanziji previsti fih.
Artikolu 19
Amnestija, maħfra, reviżjoni tas-sentenza
1. Amnestija jew maħfra jistgħu jingħataw mill-Istat emittenti kif ukoll mill-Istat ta’ esekuzzjoni.
2. L-Istat emittenti biss jista’ jiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal reviżjoni tas-sentenza li timponi l-piena li trid tiġi infurzata taħt din id-Deċiżjoni Qafas.
Artikolu 20
Informazzjoni mill-Istat emittenti
1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni jew miżura li bħala riżultat tagħha l-piena tieqaf, milli tibqa’ infurzabbli minnufih jew f’perijodu ta’ żmien determinat.
2. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha ttemm l-infurzar tal-piena hekk kif tiġi infurmata mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti dwar id-deċiżjoni jew miżura imsemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 21
Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istat ta’ esekuzzjoni
L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti permezz ta’ kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub:
(a) dwar it-trasmissjoni tas-sentenza u ċ-ċertifikat lill-awtorità kompetenti responsabbli mill-esekuzzjoni tiegħu skond l-Artikolu 5(5);
(b) dwar il-fatt li fil-prattika hu impossibbli li tiġi infurzata l-piena wara t-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat lill-Istat ta’ esekuzzjoni, il-persuna sentenzjata ma tistax tinstab fit-territorju ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, f’liema każ ma għandu jkun hemm l-ebda obbligu ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni biex jinforza l-piena;
(c) dwar id-deċiżjoni finali biex tiġi rikonoxxuta s-sentenza u tiġi infurzata l-piena inkluża flimkien mad-data tad-deċiżjoni;
(d) dwar kwalunkwe deċiżjoni li ma tiġix rikonoxxuta s-sentenza u ma tkunx infurzata l-piena skond l-Artikolu 9, flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni;
(e) dwar kwalunkwe deċiżjoni għall-adattament tal-piena skond l-Artikolu 8(2) jew (3), flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni;
(f) dwar kwalunkwe deċiżjoni biex ma tiġix infurzata s-sentenza għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 19(1) flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni;
(g) dwar il-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ liberazzjoni kondizzjonata, meta dan hu indikat fiċ-ċertifikat mill-Istat emittenti;
(h) dwar il-ħarba tal-persuna sentenzjata mill-kustodja;
(i) dwar l-infurzar tal-piena hekk kif tiġi kompletata.
Artikolu 22
Konsegwenzi tat-trasferiment tal-persuna sentenzjata
1. Soġġett għall-paragrafu 2, l-Istat emittenti ma jkompli bl-infurzar tal-piena ladarba l-infurzar tagħha fl-Istat ta’ esekuzzjoni jkun beda.
2. Id-dritt li tiġi infurzata l-piena għandu jerġa’ jsir ta’ l-Istat emittenti hekk kif jiġi infurmat mill-Istat ta’ esekuzzjoni dwar in-nuqqas ta’ infurzar parzjali tal-piena skond l-Artikolu 21(h).
Artikolu 23
Lingwi
1. Iċ-ċertifikat għandu jiġi tradott għal-lingwa uffiċjali jew għal waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Kwalunkwe Stat Membru jista’ fl-addozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew aktar tard, jistqarr permezz ta’ dikjarazzjoni depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li huwa ser jaċċetta traduzzjoni f’waħda jew iżjed mil-lingwi uffiċjali l-oħrajn ta’ l-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.
2. Soġġett għall-paragrafu 3, m’għandha tkun meħtieġa l-ebda traduzzjoni tas-sentenza.
3. Kwalunkwe Stat Membru jista’, fl-addozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew aktar tard, f’dikjarazzjoni depositata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jiddikjara, li hu, bħala l-Istat ta’ esekuzzjoni, jista’ mingħajr dewmien wara li jirċievi s-sentenza u ċ-ċertifikat, jitlob, fil-każ li jsib il-kontenut taċ-ċertifikat insuffiċjenti jiddeċiedi dwar l-infurzar tal-piena, li s-sentenza jew parti essenzjali minnha tkun akkupanjata minn traduzzjoni għal-lingwa uffiċjali jew għal waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni jew għal waħda jew aktar lingwi uffiċjali oħra ta’ l-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni EwropeaE. Tali talba għandha ssir, wara konsultazzjoni, fejn meħtieġ, biex jiġu indikati l-partijiet essenzjali tas-sentenzi li jridu jiġu tradotti, bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru emittenti u dak ta’ esekuzzjoni.
Id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena tista’ tiġi posposta sakemm ma tiġi trasmessa t-traduzzjoni mill-Istat emittenti lill-Istat ta’ esekuzzjoni jew, fejn l-Istat ta’ esekuzzjoni jiddeċiedi li jittraduċi s-sentenza spejjeż tiegħu, sakemm ma tinkiseb it-traduzzjoni.
Artikolu 24
Spejjeż
L-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jitħallsu mill-Istat ta’ esekuzzjoni, ħlief għall-ispejjeż tat-trasferiment tal-persuna sentenzjata lejn l-Istat ta’ esekuzzjoni u dawk li jirriżultaw esklussivament fit-territorju sovran ta’ l-Istat emittenti.
Artikolu 25
Infurzar ta’ sentenzi wara mandat ta’ arrest Ewropew
Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 26
Relazzjoni ma’ ftehim u arranġamenti oħrajn
1. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom bejn L-Istati Membri u Stati terzi u l-applikazzjoni transitorja tagħhom skond l-Artikolu 28, din id-Deċiżjoni Qafas għandha, mill-5 ta' Diċembru 2011 tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li ġejjin korrispondenti tal-konvenzjonijiet applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:
— Il-Konvenzjoni Ewropea dwar, it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati tal-21 ta’ Marzu 1983 u l-Protokoll Addizjonali tagħha tat-18 ta’ Diċembru 1997;
— Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Validità Internazzjonali ta’ Ġudizzji Kriminali tat-28 ta’ Mejju 1970;
— It-Titolu III, Kapitolu 5 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Konvenzjoni ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni;
— il-Konvenzjoni bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-Infurzar tas-Sentenzi Kriminali Barranin tat-13 ta’ Novembru 1991.
2. L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali li jkunu fis-seħħ wara is-27 ta' Novembru 2008, sakemm dawn jippermettu li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jiġu estiżi jew imwessa’ u jgħinu sabiex jiġu simplifikati jew aġevolati iktar il-proċeduri għall-infuzar tal-pieni.
3. L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara il-5 ta' Diċembru 2008 sakemm tali ftehim jew arranġamenti jippermettu li d-dispożizzjonijet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jiġu estiżi jew imkabbra u jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għall-infurzar ta’ pieni.
4. L-Istati Membri għandhom, sal-5 ta' Marzu 2009 jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bi ftehim u arranġamenti eżistenti msemmija fil-paragrafu 2 li huma jixtiequ jkomplu japplikaw. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kunsill u l-Kummissjoni bi kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid kif imsemmi fil-paragrafu 3, fi żmien tliet xhur minn meta jiġi ffirmat.
Artikolu 27
Applikazzjoni territorjali
Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-Ġibilta’.
Artikolu 28
Dispożizzjoni transitorja
1. Talbiet riċevuti qabel il-5 ta' Diċembru 2011 għandhom jibqgħu jiġu rregolati skond l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati. Talbiet li jaslu wara dik id-data għandhom jiġu rregolati minn regoli adottati mill-Istati Membri skond din id-Deċiżjoni Qafas.
2. Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista’, fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jagħmel dikjarazzjoni fejn jindika li, f’każijiet fejn is-sentenza finali tkun ġiet mogħtija qabel id-data li tispeċifika, bħala Stat emittenti u ta’ esekuzzjoni, hu jkompli japplika l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati applikabbli qabel il-5 ta' Diċembru 2011. Jekk issir tali dikjarazzjoni, dawk l-istrumenti għandhom japplikaw f’tali każijiet fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-oħra kollha irrispettivament minn jekk ikunux għamlu l-istess dikjarazzjoni jew le. Id-data in kwistjoni ma tistax tkun aktar tard mill-5 ta' Diċembru 2011. Id-dikjarazzjoni msemmija għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin.
Artikolu 29
Implimentazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas sal-5 ta' Diċembru 2011.
2. L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Qafas. Abbażi ta’ rapport imfassal bl-użu ta’ din l-informazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, mhux aktar tard mill-5 ta' Diċembru 2012, jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri jkunu konformi mad-dispożizzjonijet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.
3. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni bin-notifiki jew bid-dikjarazzjonijiet magħmula skond l-Artikolu 4(7) u l-Artikolu 23(1) jew (3).
4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Stat Membru li jkun esperjenza diffikultajiet ripetuti fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 25 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, li ma jkunux ġew solvuti permezz ta’ konsultazzjonijiet bilaterali, għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet tiegħu. Il-Kummissjoni għandha, abbażi ta’ din l-informazzjoni u ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli għaliha, tistabbilixxi rapport, akkumpanjat minn kwalunkwe inizjattiva li tista’ tqis adatta, bil-ħsieb li jiġu solvuti dawn id-diffikultajiet.
5. Sal-5 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport abbażi ta’ l-informazzjoni riċevuta, akkumpanjat minn kwalunkwe inizjattivi li tista’ tikkunsidra xierqa. Il-Kunsill għandu abbażi ta’ kwalunkwe rapport mill-Kummissjoni u kwalunkwe inizjattiva, jirrevedi, b’mod partikolari l-Artikolu 25, bil-ħsieb tal-konsiderazzjoni jekk dan għandux jiġi sostitwit b’dispożizzjonijiet aktar speċifiċi.
Artikolu 30
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
ANNESS I
ANNESS II
NOTIFIKA TAL-PERSUNA SENTENZJATA
Inti b’dan notifikat bid-deċiżjoni ta’ … (awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti) li tittrasmetti s-sentenza ta’ … (qorti kompetenti ta’ l-Istat emittenti) bid-data … (data tas-sentenza) … (numru ta’ referenza; jekk disponibbli) lil … (Stat ta’ esekuzzjoni) bil-għan tar-rikonoxximent u l-infurzar tiegħu tal-piena imponuta fiha skond il-liġi nazzjonali li timplimenta d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li dawn jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea,
L-infurzar tas-sentenza ser ikun irregolat mil-liġi ta’ … (Stat ta’ esekuzzjoni). L-awtoritajiet ta’ dak l-Istat ser ikunu kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għall-infurzar u biex jiddeterminaw l-miżuri kollha relatati magħhom, inkluż ir-raġunijiet għal rilaxx kmieni jew kondizzjonali.
L-awtorità kompetenti ta’ … (Stat ta’ esekuzzjoni) għandha tnaqqas il-perijodu sħiħ ta’ ċaħda tal-libertà diġà skontat b’konnessjoni mal-piena mit-tul totali taċ-ċaħda tal-libertà li għandu jiġi skontat. Adattament tal-piena mill-awtorità kompetenti ta’ … (Stat ta’ esekuzzjoni) jista’ jseħħ biss jekk dan ikun kompatibbli mal-liġi ta’ dak l-Istat f’termini tat-tul jew in-natura tiegħu. Il-piena adattata m’għandhiex taggrava l-piena mogħtija fi … (Stat emittenti) bin-natura jew it-tul tagħha.
( 1 ) ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.
( 2 ) ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.
( 3 ) ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.
( 4 ) ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12.
( 5 ) ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.
( 6 ) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
( 7 ) ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16
( 8 ) ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59
( 9 ) ĠU L 191, 7.7.1998, p. 4.
( 10 ) ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.