Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008D0633-20190611

    Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta' Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u ta' l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/633/2019-06-11

    02008D0633 — MT — 11.06.2019 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/633/ĠAI

    tat-23 ta' Ġunju 2008

    li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta' Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u ta' l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra

    (ĠU L 218 13.8.2008, p. 129)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT (UE) 2019/817 TAL-PARLAMENT EWROPEW tal-20 ta' Mejju 2019

      L 135

    27

    22.5.2019




    ▼B

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/633/ĠAI

    tat-23 ta' Ġunju 2008

    li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta' Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u ta' l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra



    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet maħturin ta' l-Istati Membri u l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropew (Europol) jistgħu jiksbu aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1.  Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) “Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)” tfisser is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża kif kienet stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE;

    (b) “Europol” tfisser l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropew kif kien stabbilit mill-Konvenzjoni tas-26 ta' Lulju 1995 dwar it-Twaqqif ta' Uffiċċju tal-Pulizija Ewropew (“il-Konvenzjoni ta' l-Europol”);

    (ċ) “reati terroristiċi” tfisser ir-reati taħt il-liġi nazzjonali li jikkorrispondu jew huma ekwivalenti ma' l-offiżi fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu ( 1 ) 6;

    (d) “reati kriminali serji” tfisser it-tipi ta' kriminalità li jikkorrispondu għal jew huma ekwivalenti għal dawk msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI;

    (e) “awtoritajiet maħturin” tfisser awtoritajiet li huma responsabbli għall-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra u maħtura mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3.

    2.  Id-definizzjonijiet fir-Regolament 767/2008 għandhom japplikaw ukoll.

    Artikolu 3

    Awtoritajiet maħturin u punti ċentrali ta' aċċess

    1.  L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 2(1)(e) li huma awtorizzati biex jaċċessaw direttament id-data VIS skond din id-Deċiżjoni.

    2.  Kull Stat Membru għandu jżomm lista ta' l-awtoritajiet maħturin. Sat-2 ta' Dicembru 2008 , kull Stat Membru għandu jinnotifika f'dikjarazzjoni lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill l-awtoritajiet maħturin tiegħu u jista' fi kwalunkwe ħin jemenda jew jissostitwixxi d-dikjarazzjoni tiegħu b'dikjarazzjoni oħra.

    3.  Kull Stat Membru għandu jaħtar il-punt(i) ċentrali ta' aċċess li permezz tiegħu/tagħhom isir l-aċċess. L-Istati Membri jistgħu jaħtru aktar minn punt ċentrali ta' aċċess wieħed biex jirriflettu l-istruttura organizzazzjonali u amministrattiva tagħhom biex jissodifaw il-ħtiġiet kostituzzjonali jew legali tagħhom. Sa 2 ta' Dicembru 2008 , kull Stat Membru għandu jinnotifika f'dikjarazzjoni lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill il-punt(i) ċentrali ta' aċċess tiegħu u jista' fi kwalunkwe ħin jemenda jew jissostitwixxi d-dikjarazzjoni tiegħu b'dikjarazzjoni oħra.

    4.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dikjarazzjonijiet imsemmijin fil-paragrfi 2 u 3 fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    5.  Fil-livell nazzjonali, kull Stat Membru għandu jżomm lista ta' l-unitajiet operattivi fi ħdan l-awtoritajiet maħturin li huma awtorizzati li jaċċessaw il-VIS permezz tal-punt(i) ċentrali ta' aċċess.

    6.  Huwa l-persunal biss debitament mogħti s-setgħa ta' l-unitajiet operattivi kif ukoll tal-punt(i) ċentrali ta' aċċess li għandu jkun awtorizzat li jaċċessa l-VIS skond l-Artikolu 4a.

    Artikolu 4

    Proċedura għal aċċess għall-VIS

    1.  Fejn il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 huma sodisfatti l-unitajiet operattivi msemmijin fl-Artikolu 3(5) għandhom jippreżentaw talba bil-miktub jew elettronika rraġunata lill-punti ċentrali ta' aċċess imsemmijin fl-Artikolu 3(3) biex jaċċessaw il-VIS. Wara li tkun riċevuta talba għal aċċess l-punt(i) ċentrali ta' aċċess għandhom jivverifikaw jekk il-kondizzjonijiet għall-aċċess imsemmijin fl-Artikoli 5 humiex sodisfatti. Jekk il-kondizzjonijiet kolha għall-aċċess huma sodisfatti, il-persunal debitament awtorizzat tal-punt(i) ċentrali ta' aċċess għandhom jipproċessaw it-talbiet. Id-data tal-VIS aċċessata għandha tkun trasmessa lill-unitajiet operattivi msemmijin fl-Artikolu 3(5) b'tali mod biex ma tkunx kompromessa s-sigurtà tad-data.

    2.  F'każ eċċezzjonali ta' urġenza, il-punt(i) ċentrali ta' aċċess jistgħu jirċievu talbiet bil-miktub, elettroniċi jew orali. F'tali każ, il-punt(i) ċentral ta' aċċess għandhom jipproċessaw it-talba immedjatament u jivverifikaw biss ex-post jekk il-kondizzjonijiet kollha ta' l-Artikolu 5 jintlaħqux, inkluż jekk jeżistix każ eċċezzjonali ta' urġenza. Il-verifika ex-post għandha ssir mingħajr dewmien żejjed wara l-ipproċessar tat-talba.

    Artikolu 5

    Kondizzjonijiet għal aċċess għal data tal-VIS minn awtoritajiet maħturin ta' l-Istati Membri

    1.  Aċċess għall-VIS għal konsultazzjoni minn awtoritajiet maħturin għandu jseħħ fil-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat tagħhom u jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) aċċess għal konsultazzjoni għandu jkun meħtieġ għall-fini tal-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra;

    (b) aċċess għal konsultazzjoni għandu jkun meħtieġ f'każ speċifiku;

    (ċ) ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex jiġi kkunsidrat li l-konsultazzjoni tad-data tal-VIS ser tikkontribwixxi sostanzjalment għall-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta' kwalunkwe mir-reati kriminali in kwistjoni.

    ▼M1

    1a.  Fil-każijiet li fihom il-Europol vara tfittxija fir-repożitorju tal-infrastruttura ċentrali (CIR) f'konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/817 ( 2 ), u meta l-kundizzjonijiet għall-aċċess stabbiliti f'dan l-Artikolu jiġu ssodisfati, huma jistgħu jaċċessaw il-VIS għal konsultazzjoni meta t-tweġiba riċevuta kif imsemmi ffl-Artikolu 22(2) ta' dak ir-Regolament tiddikjara li d-data tkun maħżuna fil-VIS.

    ▼B

    2.  Konsultazzjoni tal-VIS għandha tkun limitata għat-tfittxija bi kwalunkwe data tal-VIS li ġejja fil-fajl ta' applikazzjoni:

    (a) kunjom, kunjom tat-twelid, (kunjom(ijiet) ta' qabel); isem/ismijiet; sess; data, post u pajjiż tat-twelid;

    (b) ċittadinanza attwali u ċittadinanza tat-twelid;

    (ċ) tip u numru tad-dokument ta' l-ivvjaġġar, l-awtorità li ħarġitu u d-data tal-ħruġ u ta' l-għeluq;

    (d) destinazzjoni prinċipali u dewmien tal-waqfa intenzjonata;

    (e) l-għan tal-vjaġġ;

    (f) id-data maħsuba għall-wasla u t-tluq;

    (g) fruntiera maħsuba għall-ewwel daħla jew rotta ta' tranżitu;

    (h) residenza;

    (i) marki tas-swaba';

    (j) tip ta' viża u n-numru ta' l-isticker tal-viża

    (k) dettalji tal-persuna li toħroġ stedina u/jew hija responsabbli biex tħallas l-ispejjeż għall-ħajja ta' l-applikant waqt iż-żjara.

    3.  Konsultazzjoni tal-VIS għandha, fil-każ ta' riżultat pożittiv, tagħti aċċess għad-data kollha li tinsab elenkata fil-paragrafu 2 kif ukoll għal

    (a) kwalunkwe data oħra meħuda mill-formula ta' l-applikazzjoni;

    (b) ritratti;

    (ċ) id-data mdaħħla għal dak li jirrigwarda kwalunkwe viża maħruġa, miċħuda, annullata, revokata jew estiża.

    Artikolu 6

    Kondizzjonijiet għal aċċess għal data tal-VIS minn awtoritajiet maħturin ta' Stat Membru li fir-rigward tiegħu r-Regolament (KE) Nru 767/2008 għadu ma daħalx fis-seħħ

    1.  Aċċess għall-VIS għal konsultazzjoni minn awtoritajiet maħturin ta' Stat Membru li fir-rigward tiegħu r-Regolament (KE) Nru 767/2008 għadu ma daħalx fis-seħħ għandu jseħħ fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat tagħhom u

    (a) soġġett għall-istess kondizzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 5 (1); u

    (b) minn talba bil-miktub jew elettronika motivata debitament lil awtorità maħtura ta' Stat Membru li għalih japplika r-Regolament (KE) Nru 767/2008; dik l-awtorità għandha mbagħad titlob lill-punt(i) ċentrali ta' aċċess nazzjonali biex jikkonsultaw lill-VIS.

    2.  Stat Membru li għalih ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 għadu ma daħalx fis-seħħ għandu jagħmel l-informazzjoni tiegħu dwar il-viża disponibbli għal Stati Membri li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 767*/2008, abbażi ta' talba bil-miktub jew eletronika raġunata debitament, soġġetta għal konformità mal-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 5 (1).

    3.  L-Artikolu 8(1) u (3) sa (6), l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 10(1) u (3), l-Artikolu 12, l-Artikolu 13(1) u (3) għandhom japplikaw f'dan is-sens.

    Artikolu 7

    Kondizzjonijiet għal aċċess għad-data tal-VIS mill-Europol

    1.  Aċċess għall-VIS għal konsultazzjoni mill-Europol għandu jseħħ fil-limiti tal-mandat tiegħu u

    (a) meta hu meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu skond l-Artikolu 3(1), il-punt 2 tal-Konvenzjoni ta' l-Europol u għall-finijiet ta' analiżi speċifika kif inhu msemmi fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta' l-Europol jew

    (b) meta hu meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu skond l-Artikolu 3(1), punt 2 tal-Konvenzjoni ta' l-Europol u għal analiżi ta' natura ġenerali u ta' tip strateġiku, kif imsemmi fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta' l-Europol, sakemm dik id-data tal-VIS tiġi magħmula anonima mill-Europol qabel tali pproċessar u miżmuma f'forma li fiha l-identifikazzjoni tas-soġġetti tad-data m'għadhiex possibbli.

    ▼M1

    1a.  Fil-każijiet li fihom il-Europol vara tfittxija fis-CIR f'konformità mal-[Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/817, u meta l-kundizzjonijiet għall-aċċess stabbiliti f'dan l-Artikolu jiġu ssodisfati, il-Europol tista' taċċessa l-VIS għal konsultazzjoni meta t-tweġiba riċevuta kif imsemmi fl-Artikolu 22(2) ta' dak ir-Regolament tiddikjara li d-data tkun maħżuna fil-VIS.

    ▼B

    2.  L-Artikolu 5(2) u (3) għandu japplika f'dan is-sens.

    3.  L-Europol għandu jaħtar unità speċjalizzata għall-fini ta' din id-Deċiżjoni b'uffiċjali tal-Europol debitament mogħtija s-setgħa biex jaġixxu bħala punt ta' aċċess ċentrali biex jaċċessaw il-VIS għal konsultazzjoni.

    4.  L-ipproċessar ta' informazzjoni miksuba mill-Europol minn aċċess għall-VIS għandu jkun soġġett għall-kunsens ta' l-Istat Membru li daħħal dik id-data fil-VIS. Tali kunsens għandu jinkiseb permezz ta' l-unità nazzjonali ta' l-Europol ta' dak l-Istat Membru.

    Artikolu 8

    Protezzjoni ta' data personali

    1.  L-ipproċessar ta' data personali kkonsultata taħt din id-Deċiżjoni għandha tkun soġġetta għar-regoli li ġejjin u għal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membri li jkun qed jikkonsulta. Fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali kkonsultata taħt din id-Deċiżjoni, kull Stat Membru għandu jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni tad-data fil-liġi nazzjonali tiegħu li almenu jikkorrispondi għal dak li jirriżulta mill-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali u, għal dawk l-Istati Membri li rratifikawh, il-Protokoll Addizzjonali tat-8 ta' Novembru 2001 għal dik il-Konvenzjoni, u għandhom jieħdu kont tar-Rakkomandazzjoni Nru. R (87) 15 tas-17 ta' Settembru 1987 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa li Tirregola l-Użu ta' Data Personali fis-Settur tal-Pulizija.

    2.  L-ipproċessar ta' data personali mill-Europol skond din id-Deċiżjoni għandu jkun skond il-Konvenzjoni ta' l-Europol u r-regoli adottati fl-implimentazzjoni tagħha u ssorveljata mill-korp ta' sorveljanza konġunt indipendenti stabbilit mill-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni.

    3.  Data personali miksuba skond din id-Deċiżjoni mill-VIS għandha tkun ipproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra.

    4.  Data personali miksuba skond din id-Deċiżjoni mill-VIS m'għandhiex tiġi trasferita jew magħmula disponibbli lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali. Madankollu, f'każ eċċezzjonali ta' urġenza, tali data tista' tiġi trasferita jew magħmula disponibbli lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, esklussivament għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-kxif ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħrajn u taħt il-kondizzjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 5(1) ta' din id-Deċiżjoni, soġġett għall-kunsens ta' l-Istat Membru li jkun daħħal id-data fil-VIS u skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li jkun qed jittrasferixxi d-data jew jagħmilha disponibbli. Skond il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinżammu reġistrazzjonijiet ta' tali trasferimenti u li jsiru disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data wara talba. It-trasferiment tad-data mill-Istat Membru li daħħal id-data fil-VIS skond ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 għandu jkun soġġett għal-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru.

    5.  Il-korp jew korpi kompetenti, li skond il-liġi nazzjonali huma responsabbli mis-superviżjoni ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet maħtura taħt din id-Deċiżjoni għandhom jimmonitorjaw il-legalità ta' l-ipproċessar ta' data personali skond din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-korpi għandhom riżorsi suffiċjenti biex jaqdu l-ħidmiet afdati lilhom taħt din id-Deċiżjoni.

    6.  Il-korpi msemmijin fil-paragrafu 5 għandhom jiżguraw li almenu kull erba' snin titwettaq verifika ta' l-ipproċessar ta' data personali skond din id-Deċiżjoni, fejn applikabbli skond standards ta' verifika internazzjonali.

    7.  L-Istati Membri u l-Europol għandhom jippermettu lill-korp jew korpi kompetenti msemmija fil-paragrafi 2 u 5 biex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom skond dan l-artikolu.

    8.  Qabel ma jkun awtorizzat biex jipproċessa data maħżuna fil-VIS, il-persunal ta' l-awtoritajiet bi dritt ta' aċċess għall-VIS għandu jirċievi taħriġ xieraq dwar is-sigurtà tad-data u r-regoli tal-protezzjoni tad-data u għandu jiġi mgħarraf dwar kwalunkwe reat kriminali u penali rilevanti.

    Artikolu 9

    Sigurtà tad-data

    1.  L-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura s-sigurtà tad-data qabel it-trasmissjoni lill- awtoritajiet maħturin u meta jirċevuha.

    2.  Kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri ta' sigurtà meħtieġa rigward data li għandha tinġibed mill-VIS skond din id-Deċiżjoni u li għandha sussegwentement tinħażen, b'mod partikolari sabiex:

    (a) fiżikament jipproteġi d-data inkluż billi jsiru pjanijiet ta' kontinġenza għall-protezzjoni ta' infrastruttura kritika;

    (b) jiċħdu l-aċċess għal persuni mhux awtorizzati għall-installazzjonijiet nazzjonali li fihom l-Istat Membru jaħżen id-data (verifiki fid-dħul għall-installazzjoni)

    (ċ) jimpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzati ta' medja tad-data (kontroll tal-medja tad-data);

    (d) jimpedixxi l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta' data personali maħżuna (kontroll tal-ħażna);

    (e) jipprevjeni l-ipproċessar mhux awtorizzat tad-data mill-VIS (kontroll ta' l-ipproċessar tad-data);

    (f) jiżgura li persuni awtorizzati li jkollhom aċċess għall-VIS ikollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom, permezz ta' identitajiet ta' l-utenti individwali u uniċi u modalitajiet ta' aċċess kunfidenzjali biss (kontroll ta' l-aċċess għad-data);

    (g) jiżgura li l-awtoritajiet kollha bi dritt ta' aċċess għall-VIS joħolqu profili li jiddeskrivu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet ta' persuni li huma awtorizzati li jaċċessaw u jfittxu d-data u jagħmlu dawn il-profili disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali ta' kontroll imsemmijin fl-Artikolu 8(5) mingħajr dewmien fuq talba tagħhom (profili tal-persunal);

    (h) jiżgura li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit lil liema korpi tista' tintbagħat id-data personali bl-użu ta' tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);

    (i) jiżgura li jkun possibbli li tiġi vverifikata u stabbilita liema data nkisbet mill-VIS, meta, minn min u għal-liema fini (kontroll ta' rekordjar tad-data);

    (j) jimpedixxi l-qari u l-ikkupjar ta' data personali waqt it-trasmissjoni tagħha mill-VIS, b'mod partikolari permezz ta' tekniki kriptografiċi adatti (kontroll tat-trasport);

    (k) jimmonitorja l-effettività tal-miżuri ta' sigurtà msemmijin f'dan il-paragrafu u jieħu l-miżuri organizzattivi meħtieġa relatati mal-monitoraġġ intern biex jiżgura l-konformità ma' din id-Deċiżjoni (awto-verifika).

    Artikolu 10

    Responsabbiltà

    1.  Kwalunkwe persuna jew Stat Membru li, sofra danni kkawżati minn operat ta' ipproċessar illegali jew kwalunkwe att li mhux kompatibbli ma' din id-Deċiżjoni, għandu jkun intitolat li jirċievi kumpens mill-Istat Membru li huwa responsabbli għad-dannu mġarrab. Dak l-Istat Membru għandu jkun eżentat minn responsabbilità tiegħu, kollha kemm hi jew parzjalment, jekk jipprova li huwa mhux responsabbli għall-ġrajja li wasslet għad-dannu.

    2.  Jekk kwalunkwe nuqqas min-naħa ta' Stat Membru li jikkonforma ma' l-obbligi tiegħu taħt din id-Deċiżjoni jikkawża danni lill-VIS, dak Stat Membru ieħor għandu jinżamm responsabbli għal tali ħsara, sakemm Stat Membru ieħor ikun naqas milli jieħu miżuri raġonevoli sabiex jipprevjeni li jseħħ id-dannu jew li jnaqqas l-impatt tiegħu.

    3.  Talbiet għal kumpens kontra Stat Membru għad-dannu msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru konvenut.

    Artikolu 11

    Awto-monitoraġġ

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe awtorità intitolata għall-aċċess ta' data tal-VIS għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni u tikkoopera, fejn meħtieġ, mal-korp jew korpi nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 8(5).

    Artikolu 12

    Pieni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li kwalunkwe użu tad-data fil-VIS kuntrarju għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni huwa punibbli permezz ta' pieni, inklużi pieni amministrattivi u/jew kriminali li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Artikolu 13

    Żamma tad-data tal-VIS f'fajls nazzjonali

    1.  Id-data meħuda mill-VIS tista' tinżamm f'fajls nazzjonali biss meta jkun meħtieġ f'każ individwali skond l-finijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni u skond id-dispożizzjonijiet legali rilevanti inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data u mhux għal aktar minn dak li hu meħtieġ fil-każ individwali.

    2.  Il-paragrafu 1 m'għandux jippreġudika d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali ta' Stat Membru rigward id-dħul mill-awtoritajiet maħtura tiegħu fil-fajls nazzjonali tagħhom ta' data li dak l-Istat Membru daħħal fil-VIS skond ir-Regolament (KE) Nru 767/2008.

    3.  Kwalunkwe użu ta' data li ma jikkonformax mal-paragrafi 1 u 2 għandu jitqies bħala użu ħażin taħt il-liġi nazzjonali ta' kull Stat Membru.

    Artikolu 14

    Dritt ta' aċċess, korrezzjoni u tħassir

    1.  Id-dritt tal-persuni li jkollhom aċċess għal data marbuta magħhom miksuba mill-VIS skond din id-Deċiżjoni għandu jiġi eżerċitat skond il-liġi ta' l-Istat Membru li fih huma jinvokaw dak id-dritt.

    2.  Jekk il-liġi nazzjonali tipprevedi hekk, l-awtorità nazzjonali ta' kontroll għandha tiddeċiedi jekk l-informazzjoni għandhiex tiġi kkomunikata u b'liema proċeduri.

    3.  Stat Membru ieħor, minbarra dak li daħħal id-data fil-VIS skond ir-Regolament (KE) Nru 767/2008, jista' jikkomunika informazzjoni dwar tali data biss jekk l-ewwel jagħti opportunità lill-Istat Membru li daħħal id-data li jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu.

    4.  L-informazzjoni m'għandhiex tiġi kkomunikata lis-suġġett tad-data jekk din hija indispensabbli għat-twettiq ta' kompitu legali b'konnessjoni mad-data jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' partijiet terzi.

    5.  Kwalunkwe persuna għandha d-dritt li tiġi korretta data dwarha li fattwalment ma tkunx eżatta jew li titħassar data dwarha li tkun inħażnet illegalment. Jekk l-awtoritajiet maħtura jirċievu tali talba jew jekk għandhom kwalunkwe evidenza oħra li tissuġġerixxi li d-data proċessata fil-VIS m'hijiex preċiża huma għandhom jgħarrfu immedjatament lill-awtorità tal-viża ta' l-Istat Membru li daħħal id-data fil-VIS, li għandu jiċċekkja d-data konċernata u, jekk meħtieġ, jikkoreġiha jew iħassarha immedjatament, skond l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

    6.  L-individwu kkonċernat għandu jiġi mgħarraf kemm jista' jkun malajr u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 60 jum mid-data li fiha japplika għall-aċċess jew aktar malajr jekk hekk tipprevedi l-liġi nazzjonali.

    7.  L-individwu kkonċernat għandu jkun mgħarraf dwar is-segwitu li ngħata għall-eżerċizzju ta' drittijietu ta' korrezzjoni u tħassir malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data li fiha hu japplika għall-korrezzjoni jew it-tħassir jew aktar malajr jekk hekk tipprevedi l-liġi nazzjonali.

    8.  F'kull Stat Membru kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tressaq azzjoni jew ilment quddiem l-awtoritajiet jew il-qrati kompetenti ta' dak l-Istat Membru li rrifjuta d-dritt ta' aċċess għal jew id-dritt ta' korrezzjoni jew tħassir ta' data relatata magħha, previst f'dan l-Artikolu.

    Artikolu 15

    Spejjeż

    Kull Stat Membru u l-Europol għandhom jistabbilixxu u jżommu, bi spiża tagħhom, l-infrastruttura teknika meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u għandhom ikunu responsabbli li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż li jirriżultaw minn aċċess għall-VIS għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 16

    Żamma ta' reġistri

    1.  Kull Stat Membru u l-Europol għandhom jiżguraw li l-operazzjonijiet kollha ta' pproċessar tad-data li jirriżultaw minn aċċess għall-VIS għal konsultazzjoni skond din id-Deċiżjoni huma rreġistrati għall-finijiet ta' verifika jekk it-tfittxija tkunx ammissibbli jew le, għall-fini ta' monitoraġġ tal-leġittimità ta' l-ipproċessar tad-data, għall-awto-monitoraġġ, waqt li jkun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema, l-integrità u s-sigurtà tad-data.

    Dawn ir-reġistri għandhom juru:

    (a) il-fini eżatt għall-aċċess għall-konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 5(1)(a), inkluża l-forma konċernata ta' offiża terroristika jew offiża kriminali serja oħra, u għall-Europol, il-fini eżatt għall-aċċess għall-konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 7(1);

    (b) ir-referenza rispettiva tal-fajl nazzjonali;

    (ċ) id-data u l-ħin eżatt ta' aċċess;

    (d) fejn japplika, li sar użu mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2);

    (e) id-data użata għall-konsultazzjoni;

    (f) it-tip ta' data kkonsultata;

    (g) skond ir-regoli nazzjonali jew ir-regoli tal-Konvenzjoni ta' l-Europol il-marka ta' identifikazzjoni ta' l-uffiċjal li wettaq it-tfittxija u ta' l-uffiċjal li ordna t-tfittxija jew il-forniment.

    2.  Reġistri li fihom data personali għandhom jintużaw biss għall-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-data tal-legalità ta' l-ipproċessar ta' data kif ukoll sabiex jiżguraw is-sigurtà tad-data. Tali reġistri li fihom data ta' natura mhux personali biss jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 17.

    3.  Dawn ir-reġistri għandhom jiġu protetti b'miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u abbuż u jitħassru wara perijodu ta' sena wara li l-perijodu ta' żamma msemmi fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 ikun skada, sakemm m'humiex meħtieġa għall-proċeduri ta' monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li jkunu diġà bdew.

    Artikolu 17

    Monitoraġġ u evalwazzjoni

    1.  L-Awtorità ta' Tmexxija msemmija fir-Regolament (KE) Nru 767*/2008għandha tiżgura li hemm sistemi fis-seħħ sabiex jimmonitorjaw il-funzjonament tal-VIS skond din id-Deċiżjoni kontra objettivi, fit-termini ta' riżultati, kost-effettività, sigurtà u kwalità tas-servizz.

    2.  Għall-fini ta' manutenzjoni teknika, l-Awtorità ta' Tmexxija għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa relatata ma' l-operazzjonijiet ta' proċessar imwettqa fil-VIS.

    3.  Sentejn wara li l-VIS tibda topera u kull sentejn wara dan, l-Awtorità ta' Tmexxija għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tekniku tal-VIS skond din id-Deċiżjoni. Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-VIS skond indikaturi kwantitattivi definiti minn qabel mill-Kummissjoni, u b'mod partikolari dwar il-ħtieġa u l-użu magħmul ta' l-Artikolu 4(2).

    4.  Tliet snin wara li l-VIS tibda topera u kull erba' snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-VIS skond din id-Deċiżjoni. Din l-evalwazzjoni għandha tinkludi eżami tar-riżultati miksuba meta mqabbla ma' l-objettivi u valutazzjoni tal-validità kontinwa tar-raġuni sottostanti għal din id-Deċiżjoni, l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni rigward il-VIS, is-sigurtà tal-VIS u kwalunkwe implikazzjoni għal operazzjonijiet futuri. Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti r-rapport ta' evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.  L-Istat Membri u l-Europol għandhom jipprovdu lill-Awtorità ta' Tmexxija u lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa biex tabbozza r-rapporti msemmijin fil-paragrafu 2 u 3. Din l-informazzjoni ma għandhiex tipperikola l-metodi ta' ħidma u lanqas tinkludi informazzjoni li tiżvela s-sorsi, il-membri tal-persunal jew l-investigazzjonijiet ta' l-awtoritajiet maħturin.

    6.  L-Awtorità ta' Tmexxija għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex tipproduċi l-evalwazzjonijiet ġenerali msemmijin fil-paragrafu 4.

    7.  Matul il-perijodu transitorju qabel ma l-Awtorità ta' Tmexxija tassumi r-responsabbiltajiet tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-produzzjoni u l-preżentazzjoni tar-rapporti msemmijin fil-paragrafu 3.

    Artikolu 18

    Dħul fis-seħħ u data ta' applikazzjoni

    1.  Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    2.  Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett minn data li trid tiġi determinata mill-Kunsill ladarba l-Kummissjoni tkun għarrfet lill-Kunsill li r-Regolament (KE) Nru 767/2008 ikun daħal fis-seħħ u hu applikabbli bis-sħiħ.

    Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jippubblika d-data fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.



    ( ) ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.

    ( 1 ) Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam ta' fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27).

    Top