Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008D0589-20120810

Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni marbut mal-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2558) (2008/589/KE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/589/2012-08-10

02008D0589 — MT — 10.08.2012 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

▼M2

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Ġunju 2008

li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni marbut mal-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2558)

(2008/589/KE)

▼B

(ĠU L 190 18.7.2008, p. 11)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tat-18 ta' Frar 2011

  L 46

50

19.2.2011

►M2

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI tas-16 ta’ Mejju 2012

  L 130

22

17.5.2012

►M3

Emendata bi: DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI tas-7 ta’ Awwissu 2012

  L 212

19

9.8.2012




▼B

▼M2

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Ġunju 2008

li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni marbut mal-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2558)

(2008/589/KE)



Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni biex tiżgura:

(a) 

l-implimentazzjoni armonizzata tal-pjan multiannwali stabbilit bir-Regolmanet (KE) Nru 1098/2007 għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u

(b) 

il-kontroll u spezzjoni armonizzati tas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tas-salamun fil-Baħar Baltiku.

▼M3

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  

Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jkopri l-kontroll u l-ispezzjoni ta’:

(a) 

attivitajiet ta’ sajd minn bastimenti msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007 u minn bastimenti tas-sajd ta’ kull tip ta’ tul impenjati fil-qbid tas-salamun;

(b) 

l-attivitajiet relatati kollha, inklużi l-iżbark, l-użin, il-kummerċjalizzazzjoni, it-trasport u l-ħżin tal-prodotti tas-sajd u r-reġistrazzjoni tal-ammonti mħatta l-art u mibjugħa.

2.  
Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu japplika għal ħames snin.

▼B

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1098/2007.

Artikolu 4

Spezzjonijiet mill-Kummissjoni

Meta l-Kummissjoni, fuq inizjattiva twettaq spezzjoni, u mingħajr l-għajnuna ta’ l-ispetturi ta’ l-Istat Membru kkonċernat skond it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom, fejn ikun possibbli, jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru bis-sejbiet tagħhom.

Artikolu 5

Spezzjonijiet mill-Istat Membru

1.  

Stat Membru li jkun bi ħsiebu jissorvelja u jispezzjona bastimenti tas-sajd fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, fil-kuntest ta’ Pjan ta’ Eżerċizzju Konġunt (JDP) stabbilit skond l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta’ April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd ( 1 ), għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-punt ta’ kuntatt ta’ l-Istat Membru kostali kkonċernat, innominat skond l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1042/2006 ( 2 ), u lill-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (CFCA). Din in-notifika għandha jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

tip, isem u kodiċi tar-radju tal-bastimenti ta’ spezzjoni u inġenji ta’ l-ajru ta’ spezzjoni skond il-lista stabbilita f’konformità ma’ l-Artikolu 28(4) tar-Regolament (KE) 2371/2002.

(b) 

iż-żona, kif tissemma fl-Artikolu 3(e) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007, fejn ikunu se jseħħu s-sorveljanza u spezzjoni;

(ċ) 

kemm idumu l-attivitajiet ta’ sorveljanza u spezzjoni.

2.  
L-attivitajiet ta’ sorveljanza u spezzjoni għandhom jitwettqu skond l-Anness I.

Artikolu 6

Attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw irwieħhom f’attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza skond il-pjan ta’ attivitajiet konġunti stabbilit mis-CFCA.

Artikolu 7

Informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jagħmlu mezz li sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, tkun disponibbli l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tas-sena kalendarja preċedenti:

(a) 

l-attivitajiet ta’ spezzjoni u kontroll stipulati fl-Anness I;

(b) 

l-infrazzjonijiet kollha, kif imsemmija fl-Anness II, misjuba matul il-perjodu ta’ tnax-il xahar, u għal kull infrazzjoni l-bandiera tal-bastiment, id-data u l-post ta’ l-ispezzjoni u n-natura ta’ l-infrazzjoni; L-Istati Membri għandhom jindikaw in-natura ta’ l-infrazzjoni b’referenzi għall-ittra li taħtha huma elenkati fl-Anness II;

(ċ) 

il-qagħda ta’ l-azzjonijiet ta’ segwitu ta’ l-infrazzjonijiet, kif jissemmew fl-Anness II, kemm jekk instabu matul is-sena kalendarja preċedenti kif ukoll aktar kmieni;

(d) 

kwalunkwe azzjonijiet rilevanti ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

Artikolu 8

Evalwazzjoni

1.  
Kull Stat Membru għandu, sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, iħejji rapport ta’ evalwazzjoni u jibagħtu lill-Kummissjoni u lis-CFCA, rigward l-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni li jkunu twettqu matul is-sena kalendarja ta’ qabel skond il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni stipulat f’din id-Deċiżjoni u l-programmi nazzjonali ta’ azzjoni għall-kontroll imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007.
2.  
Stat Membru jista’ jitlob lis-CFCA biex tgħinu fit-tħejjija tar-rapport.
3.  
Is-CFCA għandha tqis ir-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 meta tkun qed twettaq il-valutazzjoni annwali ta’ l-effikaċja ta’ JDP kif jissemma fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 768/2005.
4.  
Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ il-laqgħa msemmija fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007 f’kollaborazzjoni mas-CFCA. Il-laqgħa għandha tinkludi l-evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 9

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

Il-kompiti ta’ spezzjoni u monitoraġġ

1.   Kompiti ġenerali ta’ spezzjoni

1.1. Għall kull spezzjoni għandu jitħejja rapport ta’ spezzjoni. L-ispetturi għandhom, fi kwalunkwe każ, jivverifikaw u jirreġistraw fir-rapport tagħhom l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

id-dettalji ta’ l-identità tal-persuni responsabbli, kif ukoll dawk tal-bastiment, jew inġenji involuti fl-attivitajiet spezzjonati;

(b) 

l-awtorizzazzjoni: il-liċenzja, il-permess speċjali tas-sajd u d-drittijiet ta’ l-isforzi tas-sajd;

(ċ) 

dokumenti rilevanti tal-bastiment, bħall-ġurnali ta’ abbord, iċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni, il-pjanti ta’ l-istivi tal-bastiment, ir-reġistri tan-notifiki u fejn rilevanti r-reġistri tar-rappurtar manwali VMS;

(d) 

is-sejbiet l-oħra kollha rilevanti mill-ispezzjoni fuq il-baħar, fil-port, jew fi kwalunkwe stadju ieħor tal-proċess tal-kummerċjalizzazzjoni.

1.2. Is-sejbiet imsemmija fil-punt 1.1 għandhom jitqabblu ma’ l-informazzjoni magħmula disponibbli lill-ispetturi minn awtoritajiet kompetenti oħra, inkluża l-informazzjoni VMS, notifiki preċedenti u listi ta’ bastimenti b’permess speċjali biex jistadu għall-merluzz fil-Baħar Baltiku.

2.   Kompiti ta’ spezzjoni fuq il-baħar

L-ispetturi għandhom jivverifikaw:

(a) 

il-kwantitajiet ta’ ħut miżmuma abbord meta mqabbla mal-kwantitajiet irreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord u l-konformità mal-marġni tat-tolleranza kif jissemmew fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

(b) 

il-konformità ta’ l-irkaptu wżat mar-rekwiżiti rilevanti u b’mod partikolari r-regola ta’ xibka waħda u l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħxuna ta’ l-għażel, id-daqsijiet minimi għall-malji u l-ħut, apparat imwaħħal max-xibka u l-immarkar u l-identifikazzjoni ta’ l-irkaptu passiv;

(ċ) 

it-tħaddim korrett ta’ l-apparat VMS;

(d) 

il-konformità mar-rekwiżiti tas-sajd f’żona waħda speċifikati fl-Aritkolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007.

3.   Kompiti ta’ spezzjoni mal-ħatt l-art

L-ispetturi għandhom jivverifikaw:

(a) 

in-notifika minn qabel tal-ħatt l-art u l-bdil ta’ żoni speċifiċi inkluża l-informazzjoni dwar il-qabda abbord;

(b) 

l-ikkompletar tal-ġurnal ta’ abbord u d-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art, inkluż ir-reġistrar ta’ l-isforzi;

(ċ) 

il-kwantitajiet attwali ta’ ħut miżmuma abbord, il-piż tal-merluzz u speċijiet oħra mħatta l-art u l-konformità mal-marġni tat-toleranza kif jissemmew fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

(d) 

l-irkaptu abbord u l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħxuna ta’ l-għażel, id-daqsijiet minimi għall-malji u l-ħut, apparat imwaħħal max-xibka u l-immarkar u l-identifikazzjoni ta’ l-irkaptu passiv;

(e) 

fejn applikabbli, il-konformità mal-proċeduri għat-tifi ta’ l-appart VMS.

4.   Kompiti ta’ spezzjoni marbuta mat-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni

L-ispetturi għandhom jivverifikaw:

(a) 

id-dokumenti rilevanti ta’ akkumpanjament u jqabbluhom mal-kwantitajiet fiżiċi ttrasportati;

(b) 

il-konformità mar-rekwiżiti ta’ gradazzjoni u tikkettjar u r-rekwiżiti ta’ daqs minimu tal-ħut;

(ċ) 

id-dokumentazzjoni (ġurnal ta’ abbord, dikjarazzjoni tal-ħatt l-art u noti tal-bejgħ), tqassim u użin tal-ħut għall-kontroll tad-dispożizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni.

5.   Kompiti għas-sorveljanza mill-ajru

L-ekwipaġġ ta’ sorveljanza għandu:

(a) 

iwettaq kontroverifika ta’ l-avvistamenti u jqabbilhom ma’ l-allokazzjoni ta’ l-isforzi;

(b) 

iwettaq kontroverifika fuq ir-restrizzjonijiet fuq iż-żoni tas-sajd

(ċ) 

jirrapporta dwar id-dejta ta’ sorveljanza għall-finijiet ta’ kontroverifika.




ANNESS II

Lista ta’ infrazzjonijet kif jissemmew fl-Artikolu 7

A. 

Nuqqas mill-kaptan tal-bastiment tas-sajd milli jikkonforma mal-limitazzjonijiet fuq l-isforzi tas-sajd kif stipulati fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007 jew ir-restrizzjonijiet fuq iż-żoni tas-sajd stipulati fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament;

B. 

Nuqqas mill-kaptan jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ta’ bastiment tas-sajd Komunitarju b’tul ta’ tmien metri jew aktar u li jġorr abbord inkella juża kwalunkwe rkaptu għas-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku milli jkollu jew iżomm kopja tal-permess speċjali għas-sajd tal-merluzz kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

C. 

Tbagħbis tas-sistemi ta’ sorveljanza satellitari tal-bastimenti kif stipulat fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2244/2003 tat-18 Diċembru 2003 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar is-sistemi ta’ sorveljanza tal-vapuri bbażata fuq satellita ( 3 );

D. 

Falsifikar inkella nuqqas ta’ reġistrazzjoni tad-dejta fil-ġurnali ta’ abbord, inklużi r-rapporti ta’ l-isforzi, id-dikjarazzjoniet tal-ħatt, u n-noti tal-bejgħ, dikjarazzjonijiet tat-trasferiment u d-dokumenti tat-trasport, inkella nuqqas milli jinżammu jew jitressqu dawk id-dokumenti kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2847/93 u l-Artikoli 11, 13, 15, 19 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

E. 

Nuqqas mill-kaptan ta’ bastiment tas-sajd li għandu permess speċjali biex jistad għall-merluzz milli jikkonforma mal-kundizzjonijiet dwar id-dħul jew il-ħruġ minn żoni speċifiċi stipulati fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

F. 

Nuqqas mill-kaptan ta’ bastiment Komunitarju tas-sajd jew ir-rappreżentant tiegħu, b’aktar minn 300 kg ta’ merluzz abbord milli jikkonforma mar-regoli dwar in-notifikar minn qabel stipulati fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

G. 

Ħatt l-art ta’ aktar minn 750 kg ta’ merluzz minn bastimenti barra mill-portijiet iddeżinjati;

H. 

Nuqqas mill-kaptan ta’ bastiment tas-sajd milli jiżen il-merluzz malli jinħatt kif jesiġi l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

I. 

Nuqqas mill-konformità mar-restrizzjonijiet dwar it-tranżitu u l-projbizzjoni tat-trażbord kif jesiġi l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007.



( 1 ) ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.

( 2 ) ĠU L 187, 8.7.2006, p. 14.

( 3 ) ĠU L 333, 20.12.2003, p. 17.

Top