Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02007R1542-20100711

    Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1542/2007 ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2007 dwar il-proċeduri ta’ ħatt l-art u użin ta’ aringi, kavalli u sawrell

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1542/2010-07-11

    2007R1542 — MT — 11.07.2010 — 001.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1542/2007

    ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

    dwar il-proċeduri ta’ ħatt l-art u użin ta’ aringi, kavalli u sawrell

    (ĠU L 337, 21.12.2007, p.56)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 607/2010 tad-9 ta’ Lulju 2010

      L 175

    27

    10.7.2010




    ▼B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1542/2007

    ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

    dwar il-proċeduri ta’ ħatt l-art u użin ta’ aringi, kavalli u sawrell



    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni għas-Sajd ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 23(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jipprovdi li jistgħu jiġu adottati regoli dettaljati fir-rigward tat-twaqqif ta’ l-istrutturi amministrattivi u tekniċi meħtieġa biex jiġu żgurati kontroll, spezzjoni u infurzar effettivi kif stipulat fl-Artikolu 23(3) tiegħu.

    (2)

    Biex tiġi assigurata l-kompetizzjoni ġusta, huwa xieraq li jiġu introdotti proċeduri armonizzati għall-ħatt l-art u l-użin ta’ aringi, kavalli u sawrell.

    (3)

    Bejn l-2002 u l-2005 ġew żviluppati proċeduri għall-ħatt l-art u l-użin, permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità, in-Norveġja u l-Gżejjer Faroe u dawn iddaħħlu bħala parti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja matul il-fażi ta’ żvilupp bħala miżuri tranżitorji tekniċi u ta’ kontroll fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 41/2007 tal-21 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi għall-2007 l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stokkijiet [ħażniet] ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għal bastimenti Komunitarji, f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid ( 2 ).

    (4)

    Għall-finijiet ta’ kontroll u spezzjoni adegwati tal-qabdiet ta’ aringi, kavalli u sawrell li jinħattu l-art minn bastimenti Komunitarja, dan għandu jsir biss f’portijiet apposta fil-Komunità jew f’pajjiżi terzi li japplikaw sistema simili għas-sistema Komunitarja għall-ħatt l-art u l-użin ta’ dawk l-ispeċijiet.

    (5)

    Biex tittejjeb l-akkuratezza ta’ l-informazzjoni mdaħħla fil-ġurnal ta’ abbord, huwa meħtieġ li jkunu previsti ċerti eċċezzjonijiet għar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta’ Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-qabdiet ta’ ħut ta’ l-Istati Membri ( 3 ). Għal raġunijiet ta’ ċarezza huwa xieraq li jkun speċifikat li ċerti rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament japplikaw flimkien ma’ dawk stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika komuni tas-sajd ( 4 ) [politika tas-sajd komuni].

    (6)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    ▼M1

    Artikolu 1

    Ambitu

    Dan ir-Regolament għandu japplika għal qabdiet li jinħattu l-art fl-UE minn bastimenti tas-sajd tal-UE u ta’ pajjiżi terzi, jew minn bastimenti tas-sajd tal-UE f’pajjiżi terzi, ta’ kwantitajiet, għal kull qabda li tinħatt, li taqbeż l-10 tunnellati ta’ aringi (Clupea harengus), kavalli (Scomber scombrus) u sawrell (Trachurus spp.), jew taħlita tagħhom, maqbuda:

    (a) għall-aringi, fiż-żoni ICES ( 5 ) I, II, IIIa, IV, Vb, VI u VII;

    (b) għall-kavalli fiż-żoni ICES: IIa, IIIa, IV, Vb, VI, VII, VIII, IX, X, XII, XIV u fl-ilmijiet tal-KE tas-CECAF ( 6 );

    (c) għas-sawrell: żoni ICES IIa, IV, Vb, VI, VII, VIII, IX, X, XII, XIV u fl-ibħra KE tas-CECAF.

    ▼B

    Artikolu 2

    Portijiet magħżula

    1.  Għandu jkun ipprojbit li jinħattu l-art qabdiet ta’ aringi, kavalli jew sawrell barra l-portijiet magħżula mill-Istati Membri jew pajjiżi terzi li kkonkludew ftehimiet mal-Komunità rigward il-ħatt l-art ta’ ħut bħal dan.

    2.  Kull Stat Membru kkonċernat għandu jittrażmetti lill-Kummissjoni lista ta’ portijiet magħżula li fihom jistgħu jinħattu l-art qabdiet ta’ aringi, kavalli u sawrell. Għandu ukoll jikkomunika lill-Kummissjoni il-proċeduri ta’ spezzjoni u sorveljanza applikabbli f’dawk il-portijiet, inklużi t-termini u l-kundizzjonijiet għar-reġistrar u r-rappurtar tal-kwantitajiet ta’ kwalunkwe speċijiet bħal dawn f’kull qabda li tinħatt l-art.

    3.  Kull Stat Membru kkonċernat għandu jittrażmetti lill-Kummissjoni, għallinqas 15-il jum qabel ma jidħlu fis-seħħ, kwalunkwe tibdiliet fil-listi ta’ portijiet u għall-proċeduri ta’ spezzjoni u sorveljanza msemmija fil-paragrafu 2.

    4.  Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3, flimkien mal-lista ta’ portijiet magħżula minn pajjiżi terzi, lill-Istati Membri kollha kkonċernati.

    5.  Il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jippubblikaw lista ta’ portijiet magħżula, u tibdiliet li jsirulha, fil-websajts tagħhom.



    KAPITOLU II

    ĦATT L-ART FIL-KOMUNITÀ

    Artikolu 3

    Id-dħul fil-port

    1.  Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd, inkella l-aġent tiegħu, għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn għandha tinħatt il-qabda, mill-inqas erba’ sigħat bil-quddiem bid-dħul fil-port tal-ħatt ta’ l-Istat Membru kkonċernat, dwar dan li ġej:

    (a) il-port li fih biħsiebu jidħol, isem il-bastiment u n-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħu;

    (b) stima tal-ħin tal-wasla f’dak il-port;

    (ċ) il-kwantitajiet f’kilogrammi piż ħaj skond l-ispeċi miżmuma abbord;

    (d) iż-żona li fiha saret il-qabda, kif definit fl-Artikolu 10(d) hawn taħt.

    2.  Stat Membru jista’ jipprevedi perjodu ta’ notifika iqsar minn dak stipulat fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni 15-il jum qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom itellgħu din l-informazzjoni fuq il-websajts rispettivi tagħhom.

    Artikolu 4

    Rilaxx

    L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandhom jesiġu li r-rilaxx ma jibdiex qabel jiġi awtorizzat. Jekk ir-rilaxx jiġi interrott, għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni qabel ikun jista’ jkompli.

    Artikolu 5

    Il-ġurnal ta’ abbord

    1.  Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-punt 4.2 ta’ l-Anness IV għar-Regolament (KEE) Nru 2807/83, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd għandu jissottometti, immedjatament mal-wasla tiegħu fil-port, il-paġna jew paġni rilevanti tal-ġurnal ta’ abbord lill-awtorità kompetenti fil-port tal-ħatt l-art.

    2.  Il-kwantitajiet miżmuma abbord, notifikati qabel il-ħatt l-art kif jissemma fl-Artikolu 3(1)(c), għandhom ikunu ugwali għall-kwantitajiet irreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord wara li dan jimtela.

    3.  Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2807/83 il-marġini permessi tat-tolleranza fl-istimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord għandha tkun 10 %.

    Artikolu 6

    Użin ta’ ħut frisk

    1.  Ix-xerrejja kollha li jixtru ħut frisk għandhom jiżguraw li l-kwantitajiet kollha li jirċievu jintiżnu fuq sistemi approvati mill-awtoritajiet kompetenti. L-użin għandu jsir qabel ma l-ħut jintgħażel, jiġi pproċessat, jinħażen, jiġi ttrasportat mill-port tal-ħatt u jerġa’ jinbiegħ. Iċ-ċifra li tirriżulta mill-użin għandha tintuża biex jimtlew id-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art, noti ta’ bejgħ u dikjarazzjonijiet ta’ konsenja.

    2.  Fid-determinazzjoni tal-piż, kull tnaqqis għall-ilma m’għandux jaqbeż 2 %.

    Artikolu 7

    Użin ta’ ħut frisk wara t-trasport

    1.  B’deroga mill-Artikolu 6(1), l-Istati Membri jistgħu jippermettu li ħut frisk jintiżen wara t-trasport mill-port tal-ħatt l-art sakemm il-ħut ma jkunx intiżen mal-ħatt u jiġi ttrasportat lejn destinazzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru għal mhux aktar minn 100 kilometru mill-port fejn inħatt l-art.

    2.  L-użin tal-ħut frisk wara t-trasport, kif jissemma fil-paragrafu 1, jista’ jkun permess biss jekk:

    (a) it-tanker li fih ikun trasportat il-ħut ikun akkumpanjat minn spettur mill-post tal-ħatt l-art sal-post fejn jintiżen il-ħut, jew

    (b) l-awtoritajiet kompetenti fil-post tal-ħatt l-art jagħtu l-approvazzjoni tagħhom biex il-ħut jiġi ttrasportat.

    3.  L-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(b) għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a) immedjatament qabel ma t-tanker jitlaq mill-port tal-ħatt l-art, ix-xerrej jew l-aġent tiegħu irid jagħti dikjarazzjoni miktuba lill-awtoritajiet kompetenti, li fiha jsemmi l-ispeċi tal-ħut u l-isem tal-bastiment li minnu l-ħut ġie rilaxxat, in-numru uniku ta’ l-identità tat-tanker u dettalji tad-destinazzjoni fejn il-ħut ikun se jintiżen; id-dikjarazzjoni trid tinkludi d-data u l-ħin kif ukoll il-ħin stmat tal-wasla tat-tanker fid-destinazzjoni.

    (b) kopja tad-dikjarazzjoni prevista fil-punt (a) trid tinżamm mis-sewwieq matul it-trasport tal-ħut, u tingħata lir-riċevitur tal-ħut fid-destinazzjoni.

    Artikolu 8

    Faċilitajiet ta’ l-użin tal-ħut frisk imħaddma pubblikament

    Fil-każijiet fejn jintużaw faċilitajiet ta’ użin pubbliċi, il-parti li tiżen il-ħut għandha tipprovdi lix-xerrej nota tal-piż li tindika d-data u l-ħin ta’ l-użin u n-numru ta’ l-identifikazzjoni tat-tanker. Kopja tan-nota tal-piż għandha tinhemeż man-nota tal-bejgħ jew dikjarazzjoni tal-konsenja.

    Artikolu 9

    Faċilitajiet ta’ l-użin tal-ħut frisk imħaddma privatament

    1.  F’każijiet fejn jintużaw faċilitajiet privati ta’ l-użin, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

    2.  Is-sistema ta’ l-użin għandha tkun approvata, ikkalibrata u ssiġillata mill-awtoritajiet kompetenti.

    ▼M1

    3.  Il-parti li tiżen il-ħut għandha żżomm reġistru tal-użin, bil-paġni legati fi ktieb u nnumerati, (reġistru tal-użin). Dan ir-reġistru għandu jimtela immedjatament wara t-tmiem tal-użin ta’ qabda individwali ta’ ħut li tkun inħattet l-art u mhux iktar tard min-23:59 ħin lokali tal-ġurnata tat-tmiem tal-użin. Ir-reġistru tal-użin għandu jindika:

    (a) l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment li minnu nħatt l-art il-ħut;

    (b) in-numru tal-identifikazzjoni tat-tankers għall-każijiet fejn il-ħut ġie ttrasportat mill-port tal-ħatt l-art qabel intiżen skont l-Artikolu 7. Kull tagħbija tat-tanker għandha tintiżen u tiġi rreġistrata separatament. Madanakollu l-piż totali tat-tagħbijiet tat-tankers kollha mill-istess bastiment jista’ jiġi reġistrat bħala ammont wieħed f’każ li dawn it-tagħbijiet tat-tankers ikunu ntiżnu b’mod konsekuttiv u mingħajr interruzzjoni;

    (c) l-ispeċi tal-ħut;

    (d) il-piż ta’ kull ħatt l-art;

    (e) id-data u l-ħin tal-bidu u t-tmiem tal-użin.

    ▼B

    4.  Meta l-użin isir fuq sistema ta’ konvejer belt, din għandha tkun mgħammra b’miter viżibbli li jirreġistra t-total kumulattiv tal-piż. Il-valur muri fuq il-miter mal-bidu ta’ l-użin kif ukoll it-total kumulattiv għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru ta’ l-użin. Kull darba li tintuża s-sistema għandha tiġi rreġistrata fir-reġistru ta’ l-użin.

    Artikolu 10

    It-tikkettjar tal-ħut iffriżat

    Il-bastimenti għandhom jitħallew iħottu biss ħut iffriżat li jkun identifikat permezz ta’ tikketta jew timbru li jinqara b’mod ċar. It-tikketta jew timbru, imqiegħda fuq kull kaxxa jew blokka ta’ ħut iffriżat jindika:

    (a) l-isem jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti li jkun qabad il-ħut;

    (b) speċi;

    (ċ) id-data ta’ produzzjoni;

    (d) iż-żona li fiha saret il-qabda; iż-żona għandha tirreferi għas-sub-żona u taqsima jew sub-taqsima li fihom japplikaw il-limiti tal-qbid skond il-liġi tal-Komunità.

    Artikolu 11

    Użin ta’ ħut iffriżat

    1.  Ix-xerrejja kollha u detenturi ta’ ħut iffriżat għandhom jiżguraw li l-kwantitajiet kollha maħtuta l-art jintiżnu qabel ma l-ħut jiġi pproċessat, jinħażen, jiġi ttrasportat mill-port tal-ħatt l-art jew jinbiegħ. Il-piż tal-ħut iffriżat li jinħatt fil-kaxxi għandu jiġi ddeterminat skond l-ispeċi permezz tal-moltiplikazzjoni ta’ l-għadd totali ta’ kaxxi bil-piż nett medju għal kaxxa, li jiġi kkalkulat skond il-metodoloġija stipulata fl-Anness.

    2.  Il-parti li tiżen il-ħut għandha żżomm reġistru tal-ħatt, li jindika:

    (a) l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment li minnu nħatt l-art il-ħut;

    (b) l-ispeċijiet tal-ħut li nħattu;

    (ċ) id-daqs tal-lott u l-kampjun tal-pallets skond l-ispeċi, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-punt 1 ta’ l-Anness;

    (d) il-piż ta’ kull pallet fil-kampjun u l-piż medju tal-pallets;

    (e) l-għadd ta’ kaxxi fuq kull pallet fil-kampjun;

    (f) il-piż ta’ kull kaxxa vojta, jekk differenti mill-piż tal-kaxxi vojta speċifikat fil-punt 4 ta’ l-Anness;

    (g) il-piż medju ta’ pallet vojt, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-punt 3(b) ta’ l-Anness;

    (h) il-piż medju kull kaxxa, skond l-ispeċi.

    3.  Iċ-ċifra li tirriżulta mill-użin għandha tintuża biex jimtlew id-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art, noti ta’ bejgħ u dikjarazzjonijiet ta’ konsenja.

    Artikolu 12

    Iż-żamma tad-dokumenti ta’ l-użin

    Ir-reġistru ta’ l-użin u r-reġistri msemmija fl-Artikolu 9(3) u 11(2) u l-kopji tad-dikjarazzjonijiet bil-miktub ipprovduti fl-Artikolu 7(3)(b) għandhom jinżammu għal sitt snin.

    Artikolu 13

    Nota tal-bejgħ u dikjarazzjoni ta’ konsenja

    Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 il-proċessur, ir-riċevitur jew ix-xerrej tal-ħut kollu maħtut l-art għandhom jissottomettu kopja tan-nota ta’ bejgħ jew dikjarazzjoni ta’ konsenja lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat malli jintalbu jagħmlu dan imma fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 48 siegħa wara t-tlestija ta’ l-użin.

    Artikolu 14

    Aċċess mill-awtoritajiet kompetenti

    L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom aċċess sħiħ f’kull ħin għas-sistema ta’ l-użin, ir-reġistri ta’ l-użin, id-dikjarazzjonijiet bil-miktub u l-postijiet kollha fejn jiġi pproċessat u jinżamm il-ħut.

    Artikolu 15

    Verifiki

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki amministrattivi fuq il-ħatt l-art kollu dwar il-qbil ta’ dawn li ġejjin:

    (1) kwantitajiet skond l-ispeċi indikati fl-avviż minn qabel tal-ħatt l-art, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(c), u l-kwantitajiet irreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord tal-bastiment,

    (2) il-kwantitajiet skond l-ispeċi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord tal-bastiment mal-kwantitajiet irreġistrati fuq id-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art,

    (3) il-kwantitajiet skond l-ispeċi rreġistrati fid-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art mal-kwantitajiet irreġistrati fid-dikjarazzjoni ta’ konsenja jew nota tal-bejgħ,

    (4) iż-żona fejn seħħ il-qbid, kif reġistrata fil-ġurnal ta’ abbord tal-bastiment u d-data VMS għall-bastiment ikkonċernat.

    Artikolu 16

    Spezzjoni sħiħa

    1.  L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom jiżguraw li minn ta’ l-inqas 15 % tal-kwantitajiet ta’ ħut maħtut l-art u minn ta’ l-inqas 10 % tal-ħatt l-art ta’ ħut ikunu suġġetti għal spezzjonijiet sħaħ. Spezzjonijiet bħal dawn għandhom isiru skond il-paragrafi 2, 3 u 4.

    2.  L-użin tal-qabda mill-bastiment għandu jiġi ssorveljat skond l-ispeċi. Fil-każ ta’ bastimenti li jippumpjaw il-qabda l-art, għandu jiġi ssorveljat l-użin ta’ l-iskarika globali. Fil-każ tal-ħatt l-art ta’ ħut iffriżat, il-kaxxi kollha għandhom jintiżnu u l-metodoloġija għall-ikkalkular tal-piż nett medju tal-kaxxi msemmija fl-Anness għandha tiġi ssorveljata.

    3.  Id-data li ġejja għandha tiġi kontro-verifikata, apparti minn dik imsemmija fl-Artikolu 15:

    (a) il-kwantitajiet skond l-ispeċi rreġistrati fir-reġistru ta’ l-użin mal-kwantitajiet skond l-ispeċi rreġistrati fid-dikjarazzjoni ta’ konsenja jew in-nota tal-bejgħ;

    (b) id-dikjarazzjonijiet bil-miktub irċevuti mill-awtoritajiet kompetenti skond l-Artikolu 7(3)(a) u d-dikjarazzjonijiet bil-miktub miżmuma mid-destinatarju tal-ħut, skond l-Artikolu 7(3)(b);

    (ċ) in-numri ta’ l-identità tat-tankers imdaħħla fir-reġistru ta’ l-użin skond l-Artikolu 9(3)(b) u n-numri li jidhru fid-dikjarazzjonijiet bil-miktub previsti fl-Artikolu 7(3)(a).

    4.  Għandu jiġi vverifikat li l-bastiment m’għandux iżjed ħut abbord, ladarba r-rilaxx ikun intemm.

    Artikolu 17

    Dokumentazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ spezzjoni

    L-attivitajiet kollha ta’ spezzjoni koperti mill-Artikolu 16 għandhom jiġu ddokumentati. Tali dokumentazzjoni għandha tinżamm għal sitt snin.



    KAPITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 18

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.




    ANNESS

    Metodoloġija għall-kalkolu tal-piż medju nett ta’ kaxxi jew blokok ta’ ħut iffriżat

    1. Il-piż medju kull kaxxa għandu jiġi ddeterminat skond l-ispeċi, permezz tal-pjan ta’ kampjunar tat-tabella ta’ hawn taħt. Il-kampjun tal-pallets għandu jiġi magħżul b’mod aleatorju.



    Pjan ta’ teħid ta’ kampjuni

    Daqs tal-lott

    (għadd ta’ kaxxi)

    Daqs tal-kampjun

    (għadd ta’ pallets × 52 kaxxa)

    5 000 jew inqas

    3

    5 001–10 000

    4

    10 001–15 000

    5

    15 001–20 000

    6

    20 001–30 001

    7

    30 001–50 000

    8

    Aktar minn 50 000

    9

    2. Kull pallet ta’ kaxxi fil-kampjun għandu jintiżen. Il-piż gross totali tal-pallets kollha fil-kampjun għandu jiġi diviż bl-għadd totali ta’ pallets fil-kampjun biex wieħed jasal għall-piż gross medju kull pallet ta’ kull speċi.

    3. Biex wieħed jasal għall-piż nett medju kull kaxxa ta’ kull speċi, għandhom jitnaqqsu dawn li ġejjin mill-piż gross medju tal-pallet imsemmi fil-punt 2:

    (a) Il-piż medju ta’ kull kaxxa vojta – ugwali għall-piż tas-silġ, kartun, plastik jew materjal ta’ ppakkjar ieħor u mmoltiplikat bl-għadd ta’ kaxxi fuq il-pallet;

    (b) Il-piż medju ta’ disa’ pallets vojta kif jintużaw fil-ħatt.

    Il-piż nett li jirriżulta għal kull pallet ta’ kull speċi imbagħad għandu jiġi diviż bl-għadd ta’ kaxxi fuq il-pallet.

    4. Il-piż ta’ kull kaxxa vojta msemmi fil-punt 3(a) għandu jkun ta’ 1,5 kg. L-Istati Membri jistgħu jużaw kaxxi b’piż vojt differenti, jekk jissottomettu l-metodoloġija tal-kampjunar tagħhom u kwalunkwe tibdil li jsirilha għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.



    ( 1 ) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).

    ( 2 ) ĠU L 15, 20.1.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 898/2007 (ĠU L 196, 28.7.2007, p. 22).

    ( 3 ) ĠU L 276, 10.10.1983, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1804/2005 (ĠU L 290, 4.11.2005, p. 10).

    ( 4 ) ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

    ( 5 ) Żoni ICES (Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Ibħra), kif definit fir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).

    ( 6 ) Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF) (Eastern Central Atlantic jew żona tas-sajd ewlenija Nru 34 tal-FAO), kif definit fir-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu f’ċerti żoni li m’humiex fl-Atlantiku tat-Tramuntana (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 1).

    Top