Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02007R0520-20171203

    Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 tas- 7 ta’ Mejju 2007 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ ċerti ħażniet ta’ speċi li jpassu ħafna u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 973/2001

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/520/2017-12-03

    02007R0520 — MT — 03.12.2017 — 002.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 520/2007

    tas-7 ta’ Mejju 2007

    li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ ċerti ħażniet ta’ speċi li jpassu ħafna u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 973/2001

    (ĠU L 123 12.5.2007, p. 3)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1559/2007 tas-17 ta’ Diċembru 2007

      L 340

    8

    22.12.2007

    ►M2

    REGOLAMENT (UE) 2017/2107 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Novembru 2017

      L 315

    1

    30.11.2017




    ▼B

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 520/2007

    tas-7 ta’ Mejju 2007

    li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ ċerti ħażniet ta’ speċi li jpassu ħafna u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 973/2001



    TITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni applikabbli għall-qabda u għall-ħatt ta’ ċerti ħażniet ta’ speċi li jpassu ħafna kif imsemmija fl-Anness I, kif ukoll għall-qabdiet sekondarji.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9, dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ l-Istati Membri u huma reġistrati fil-Komunità, (minn hawn ‘il quddiem “bastimenti tas-sajd Komunitarji”).

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    1. “Speċi li jpassu ħafna” tfisser l-ispeċi elenkati fl-Anness I;

    2. “Tonn u speċi relatati koperti mill-ICCAT” tfisser l-ispeċi elenkati fl-Anness II;

    3. “Limitu tal-mortalità tad-dniefel” tfisser il-limitu definit fl-Artikolu V tal-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel ( 1 ).

    4. “Sajd waqt il-ħin liberu” tfisser l-attivitajiet tas-sajd li jisfruttaw riżorsi akkwatiċi ħajjin għar-rikreazzjoni jew għall-isport.

    5. “Xbieki tat-tidwir” tfisser xbieki li jaqbdu l-ħut billi jdawruhom miż-żewġ naħat u minn taħt; huma jistgħu jkunu mgħammra b’purse line jew le.

    6. “Tartarun tal-borża (purse seines)” tfisser kwalunkwe xibka tat-tidwir li t-tarf ta’ isfel tagħha huwa miġbur permezz ta’ lenza tat-tartarun li tgħaddi minn serje ta’ ħoloq ma’ tul il-ħabel fil-qiegħ u li tippermetti li x-xibka tinġabar flimkien u tingħalaq. It-tartaruni tal-borża jistgħu jintużaw biex jinqabdu speċi pelaġiċi żgħar, speċi pelaġiċi kbar u speċi tal-qiegħ.

    7. “Konzijiet” tfisser tagħmir tas-sajd li jinkludi lenza prinċipali b’ħafna snanar fuq lenez iqsar imdendlin minnha (brazzoli) ta’ tul u spazjar varjabbli skond l-ispeċi immirati. Jista’ jintuża vertikalment jew orizzontalment ma’ wiċċ il-baħar; jista’ jintrama mal-qiegħ jew viċin il-qiegħ (konzijiet tal-qiegħ) jew jinġarr mal-kurrent f’nofs ta’ l-ilma jew viċin wiċċ l-ilma (konzijiet tal-wiċċ);

    8. “Snanar” tfisser virga mgħawġa ta’ l-azzar u ttemprata normalment b’ponta mgħawġa lura. Il-ponta ta’ sunnara tista’ tkun kemm dritta jew anke maqluba u mgħawġa. Il-parti dritta tagħha għandha tkun ta’ tul u forma varjabbli u l-profil trasversali tagħha jista’ jkun tond (regolari) jew ċatta (mikwija fil-forġa). It-tul totali ta’ sunnara għandu jkun imkejjel bħala t-tul massimu globali tas-sieq tagħha mit-tarf tas-sunnara, li jservi biex miegħu tintrabat il-lenza u normalment jkollu l-forma ta’ għajn, sat-tarf tal-liwja. Il-wisa’ ta’ sunnara għandha titkejjel bħala l-akbar distanza orizzontali min-naħa esterna tal-parti d-dritta san-naħa esterna tal-ponta.

    9. “Tagħmir biex jinġabar il-ħut (FADs)” tfisser kwalunkwe tagħmir li jkun f’wiċċ il-baħar u bil-għan li jattira l-ħut.

    10. “Bastiment tat-tonn bil-qasab u x-xlief” tfisser bastimenti mgħammra għal qbid tat-tonn bil-qasab u x-xlief.

    Artikolu 4

    Żoni

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament dawn id-definizzjonijiet li ġejjin ta’ l-ilmijiet marittimi għandhom japplikaw:

    ▼M2 —————

    ▼B

    2. Żona 2

    L-ilmijiet kollha ta’ l-Oċean Indjan koperti mill-Ftehim għall-istabbiliment ta’ l-IOTC kif definit fl-Artikolu 2 tiegħu.

    3. Żona 3

    L-ilmijiet kollha ta’ l-Oċean Paċifiku tal-Lvant kif definit fl-Artikolu 3 tal-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel.

    4. Żona 4

    L-ilmijiet kollha ta’ l-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent kif definit fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tad-WCPFC.



    ▼M2 —————

    ▼B



    KAPITOLU 1

    Restrizzjonijiet fl-użu ta’ ċerti tipi ta’ bastimenti u tagħmir

    Artikolu 5

    Protezzjoni tat-tonn bigeye f’ċerti ilmijiet tropikali

    1.  Is-sajd bit-tartaruni tal-borża jew b’bastimenti tat-tonn bil-qasab u x-xlief għandu jkun ipprojbit matul il-perijodu mill-1 sat-30 ta’ Novembru fiż-żoni li ġejjin:

     il-limitu fin-Nofsinhar: 0° tal-latitudni fin-Nofsinhar,

     il-limitu fit-Tramuntana: 5° tal-latitudni fit-Tramuntana

     il-limitu fil-Punent: 20° tal-lonġitudni tal-Punent

     il-limitu fil-Lvant: 10° tal-lonġitudni tal-Punent.

    2.  Mhux aktar tard mill-15 ta’ Awwissu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura, inkluża, fejn applikabbli, lista tal-vjolazzjonijiet imwettqin mill-bastimenti tas-sajd Komunitarji li jtajru l-bandiera tagħhom u segwiti mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

    ▼M1 —————

    ▼B

    Artikolu 7

    Sajd għat-tonn skipjack, it-tonn bigeye u t-tonn tal-pinen sofor f'’ċerti ilmijiet Portugiżi

    Għandu jkun ipprojbit li tinżamm abbord kwalunkwe kwantità ta’ tonn skipjack, ta’ tonn bigeye u ta’ tonn tal-pinen sofor maqbudin permezz ta’ xbieki tas-sajd fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Portugall fis-sottożona X ta’ l-ICES (il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar) fit-Tramuntana tal-parallel 36°30′ jew fiż-żoni COPACE (Kumitat tas-Sajd ta’ l-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant) fit-Tramuntana tal-parallel 31° tat-Tramuntana u fil-Lvant tal-meridjan 17°30′ tal-Punent jew li wieħed jistad għal dawn l-ispeċi fiż-żoni msemmijin bit-tagħmir imsemmi.



    KAPITOLU 2

    Daqs Minimu

    Artikolu 8

    Daqsijiet

    1.  Speċi għandha tkun ikkunsidrata bħala ta’ daqs inferjuri jekk id-dimensjonijiet tagħha jkunu iżgħar mid-dimensjonijiet minimi speċifikati fl-Anness IV għall-ispeċi rilevanti.

    2.  Id-dimensjonijiet imniżżla fl-Anness IV jistgħu jiġu mmodifikati skond ir-rakkomandazzjonijiet ta’ l-ICCAT li saru obbligatorji għall-Komunità skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30.

    Artikolu 9

    Projbizzjonijiet

    1.  Ħut ta’ daqs inferjuri ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV li jinqabdu fiż-Żona 1 m’għandhomx jinżammu abbord jew jiġu trasbordati, maħtutin, trasportati, maħżunin, esposti jew offerti għall-bejgħ, mibjugħa jew ikkummerċjalizzati. Dawn l-ispeċi għandhom jerġgħu jinxteħtu fil-baħar immedjatament.

    2.  Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa jew il-kummerċalizzazzjoni fil-Komunità ta’ ħut ta’ daqs inferjuri ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV li joriġinaw f’pajjiżi terzi u li jinqabdu fiż-Zona 1 għandu jkun ipprojbit.

    Artikolu 10

    Tkejjil tad-daqs

    1.  L-ispeċi kollha, ħlief l-istiophorides, għandhom ikunu mkejlin mit-tul furketta, jiġifieri, id-distanza vertikali bejn l-estremità tax-xedaq ta’ fuq u dik ta’ l-iqsar xewka tad-denb li tifred l-ġewnaħ.

    2.  Id-daqs ta’ l-istiophorides għandu jitkejjel mill-punt tax-xedaq ta’ taħt sal-furketta tax-xedaq tan-naħa ta’ wara.

    ▼M1 —————

    ▼B



    KAPITOLU 3

    Restrizzjonijiet fuq in-numru ta’ bastimenti

    Artikolu 12

    Tonn bigeye u alonga ta’ l-Atlantiku tat-Tramuntana

    1.  Il-Kunsill, b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KEE) Nru 2371/2002, għandu jiddetermina n-numru u l-kapaċità totali f’tunnellaġġ gross (GT) tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji aktar minn 24 metru fit-tul li jistadu għat-tonn bigeye bħala speċi mmirata fiż-Żona 1. Dawn għandhom jkunu determinati:

    (a) bħala n-numru medju u tal-kapaċità fil-GT tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji li kienu jistadu fiż-Zona 1 għat-tonn bigeye bħala speċi mmirata matul il-perijodu 1991/1992, u

    (b) abbażi tar-restrizzjoni fuq in-numru ta’ bastimenti Komunitarji li kienu jistadu għat-tonn bigeye fl-2005 notifikat lill-ICCAT fit-30 ta’ Ġunju 2005.

    2.  Il-Kunsill, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KEE) Nru 2371/2002, għandu jiddetermina n-numru ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji li jistadu għall-alongi tat-Tramuntana ta’ l-Atlantiku bħala speċi mmirati. In-numru tal-bastimenti għandu jiġi ffissat bħala n-numru medju ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji li kienu jistadu għall-alongi tat-Tramuntana ta’ l-Atlantiku bħala speċi mmirata matul il-perijodi 1993-1995.

    3.  Il-Kunsill, b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għandu jqassam fost l-Istati Membri:

    (a) in-numru u l-kapaċità fil-GT determinati skond il-paragrafu 1;

    (b) in-numru tal-bastimenti ddeterminat skond il-paragrafu 2.

    4.  Qabel il-15 ta’ Mejju ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni bil-mezzi tas-soltu tat-trasmissjoni tad-data:

    (a) il-lista tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li huma aktar minn 24 metru fit-tul li jistadu għat-tonn bigeye;

    (b) il-lista tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li qed jieħdu sehem f’sajda b’mira għall-alongi tat-Tramuntana ta’ l-Atlantiku.

    Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-segretarjat ta’ l-ICCAT qabel il-31 ta’ Mejju ta’ kull sena.

    5.  Il-listi imsemmija fil-paragrafu 4 għandhom jagħtu n-numru intern ta’ reġistrazzjoni tal-flotta tas-sajd assenjat lill-bastiment, skond l-Anness 1 għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 tat-30 ta’ Diċembru 2003 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd Komunitarja ( 2 ) kif ukoll it-tip ta’ tagħmir użat.



    KAPITOLU 4

    Speċi li mhumiex fil-mira u sajd sportiv u ta’ rikreazzjoni

    Artikolu 13

    Marlin

    L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu ta’ konzijiet monofilament streamer bl-iswivels sabiex il-marlin blu u marlin abjad ħaj ikun jista’ jinħeles aktar faċilment.

    Artikolu 14

    Klieb il-baħar

    1.  L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-ħelsien tal-klieb il-baħar ħajjin maqbudin aċċidentalment, b’mod partikolari dawk żgħar.

    2.  L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu tnaqqis fir-rimi tal-klieb il-baħar billi jtejbu s-selettività tat-tagħmir tas-sajd.

    Artikolu 15

    Fkieren tal-baħar

    L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-ħelsien tal-fkieren tal-baħar ħajjin maqbudin aċċidentalment.

    Artikolu 16

    Sajd sportiv u ta’ rikreazzjoni fil-Mediterran

    1.  Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxi fil-Mediterran, fil-qasam ta’ l-attivitajiet tas-sajd sportiv u tal-ħin liberu, l-użu ta’ xbieki tat-tkarkir, xbieki tat-tidwir, xbieki tas-sajd, gangmi, pariti xkitti, pariti, konzijiet għas-sajd tat-tonn u speċi relatati fil-Mediterran.

    2.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li t-tonn u l-ispeċi relatati maqbudin fil-Mediterran matul is-sajd sportiv u ta’ rikreazzjoni, ma jkunux kummerċjalizzati.

    Artikolu 17

    Rapport

    Mhux aktar tard mill-15 ta’ Awwissu ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu.



    TITOLU III

    MIŻURI TEKNIĊI APPLIKABBLI FIŻ-ŻONA 2



    KAPITOLU 1

    Restrizzjonijiet fuq in-numru ta’ bastimenti

    Artikolu 18

    Numru ta’ bastimenti awtorizzati

    1.  Il-Kunsill, b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għandu jiddetermina n-numru ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji li huma aktar minn 24 metru fit-tul globalment awtorizzati li jistadu fiż-Żona 2. In-numru ta’ bastimenti hu stabbilit fin-numru ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji reġistrati fir-reġistru tal-bastimenti ta’ l-IOTC fl-2003. Ir-restrizzjonijiet fuq in-numru għandu jikkorrispondi mat-tunnellaġġ gross (GT) globali. Fejn il-bastimenti jiġu sostitwiti t-tunnellaġġ globali m’għandux jiġi maqbuż.

    2.  Il-Kunsill, b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għandu jqassam fost l-Istati Membri, in-numru ta’ bastimenti ddeterminat skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.



    KAPITOLU 2

    Speċi li mhumiex immirati

    Artikolu 19

    Klieb il-baħar

    1.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jinkoraġġixxu l-ħelsien tal-klieb il-baħar ħajjin maqbudin aċċidentalment, b’mod partikolari dawk żgħar.

    2.  L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu tnaqqis fit-tfigħ lura tal-klieb il-baħar.

    Artikolu 20

    Fkieren

    1.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex inaqqsu l-impatt tas-sajd fuq il-fkieren tal-baħar, b’mod partikolari billi japplikaw il-miżuri previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

    2.  L-użu ta’ kwalunkwe tagħmir tas-sajd huwa soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) trattament xieraq, inkluż l-irkupru jew il-ħelsien, tal-fkieren tal-baħar ħajjin magbudin aċċidentalment (sunnara jew xbieki) jew bħala qabda sekondarja.

    (b) preżenza abbord ta’ tagħmir meħtieġ għall-ħelsien tal-fkieren tal-baħar magbudin aċċidentalment jew bħala qabda sekondarja.

    3.  L-użu tat-tartaruni għandu jkun soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) jiġi evitat l-obbligu, fejn possibbli, li l-fkieren tal-baħar jiġu mdawwra bix-xbieki.

    (b) l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet ta’ tagħmir xieraq sabiex il-qbid tal-fkieren tal-baħar b’mod sekondarju jiġi minimizzat.

    (ċ) adozzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa għar-rilaxx tal-fkieren tal-baħar mdawra jew maqbudin.

    (d) l-adozzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa għall-monitoraġġ tat-tagħmir biex jinġema’ l-ħut li fihom jista’ jinqabdu fkieren tal-baħar, għar-rilaxx ta’ dawk maqbudin u għall-irkupru ta’ l-FADs li ma jintużawx.

    4.  L-użu ta’ konzijiet għandu jkun soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) l-iżvilupp u l-attwazzjoni ta’ kombinazzjonijiet ta’ snanar tat-tip tal-lixkiet tal-fond u ta’ disinjar ta’ xbieki kif ukoll ta’ prassi tas-sajd sabiex jitnaqqsu l-qabdiet aċċidentali jew bħala qabda sekondarja u l-mortalità tal-fkieren tal-baħar.

    (b) il-preżenza abbord ta’ tagħmir meħtieġ għall-ħelsien tal-fkieren tal-baħar maqbudin aċċidentalment jew bħala qabda sekondarja, inklużi l-għodod biex jitneħħew mis-snanar jew biex jinqatgħu il-lenez kif ukoll ix-xbieki għall–ħut l-oħxon.



    TITOLU IV

    MIŻURI TEKNIĊI APPLIKABBLI FIŻ-ŻONA 3

    Artikolu 21

    Trasbordi

    1.  Għandu jiġi pprojibit l-użu ta’ bastimenti awżiljarji li jappoġġaw il-bastimenti li jistadu bl-għajnuna ta’ tagħmir sabiex jinġema’ l-ħut.

    2.  Għandhom jiġu pprojibiti t-trasbordi fuq il-baħar minn bastimenti bit-tartaruni.

    Artikolu 22

    Restrizzjonijiet fuq in-numru ta’ bastimenti

    1.  Il-Kunsill, b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għandu jiddetermina n-numru ta’ bastimenti bit-tartaruni Komunitarji awtorizzati biex jistadu fiż-Żona 3. In-numru ta’ bastimenti għandhu jiġi stabbilit fin-numru ta’ bastimenti bit-tartaruni Komunitarji reġistrati fir-reġistru ta’ l-IATTC fit-28 ta’ Ġunju 2002.

    2.  L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni qabel l-10 ta’ Diċembru ta’ kull sena, lista ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u bl-intenzjoni li jistadu għat-tonn fiż-Żona 3. Il-bastimenti li mhumiex inklużi f’dik il-lista għandhom jitqiesu mhux attivi u m’għandhomx ikunu awtorizzati li jistadu matul is-sena attwali.

    3.  Il-listi għandhom isemmu n-numru intern ta’ reġistrazzjoni tal-flotta tas-sajd assenjat lill-bastiment, skond l-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 26/2004 kif ukoll it-tip ta’ tagħmir użat.

    Artikolu 23

    Protezzjoni tad-dniefel

    Il-bastimenti tas-sajd Komunitarji biss li joperaw taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel u li ngħataw Limitu ta’ Mortalità tad-Dniefel (DML) huma awtorizzati jiċċirkondaw ġlejjeb jew grupp ta’ dniefel bi xbieki tas-sajd waqt is-sajd għat-tonn tal-pinen sofor fiż-Żona 3.

    Artikolu 24

    Talbiet għal DMLs

    L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni qabel il-15 ta’ Settembru ta’ kull sena:

    (a) lista tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li għandhom kapaċità ta’ aktar minn 363 tunnellata metrika (400 tunnellata netta) u li applikaw għal DML għas-sena ta’ wara kollha.

    (b) lista tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li għandhom kapaċità ta’ aktar minn 363 tunnellata metrika (400 tunnellata netta) u li applikaw għal DML għall-ewwel u t-tieni nofs tas-sena ta’ wara.

    (ċ) għal kull bastiment li jitlob DML, ċertifikat li jiddikjara li l-bastiment għandu t-tagħmir u l-apparati kollha għall-protezzjoni tad-dniefel u li l-kaptan tiegħu segwa taħriġ approvat dwar is-salvataġġ u r-rilaxx tad-dniefel.

    (d) lista tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u li probabilment joperaw fiż-żona matul is-sena ta’ wara.

    Artikolu 25

    Allokazzjonijiet ta’ DMLs

    1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet għal DMLs huma konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dniefel u mal-miżuri ta’ konservazzjoni adottati mill-IATTC.

    2.  Il-Kummissjoni għandha teżamina l-listi u tiżgura l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dniefel u mal-miżuri ta’ konservazzjoni adottati mill-IATTC, u għandha tibgħathom lid-Direttur ta’ l-IATTC. Fejn dan l-eżami juri li l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kondizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma lill-Istat Membru kkonċernat li hi ma tistax tibgħat l-applikazzjoni, jew parti minnha, lid-Direttur ta’ l-IATTC filwaqt li tiddikjara r-raġunijiet tagħha.

    3.  Il-Kummissjoni għandha tibgħat lil kull Stat Membru id-DMLs globali li jridu jitqassmu fost il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

    4.  Mal-15 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, it-tqassim ta’ DMLs fost il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

    5.  Sa l-1 ta’ Frar ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lid-Direttur ta’ l-IATTC, il-lista u t-tqassim ta’ DMLs bejn l-bastimenti tas-sajd Komunitarji

    Artikolu 26

    Protezzjoni ta’ speċi oħra li mhumiex immirati

    1.  Il-bastimenti tat-tartaruni għandhom jeħilsu fil-pront, mingħajr ma jagħmlulhom ħsara, sa fejn jista’ jkun, il-fkieren kollha tal-baħar, il-klieb il-baħar, il-palamit, ħut bil-munqar twil, ir-rajja, lampuki u speċi oħrajn li mhumiex immirati.

    2.  Is-sajjieda għandhom ikunu inkoraġġuti biex jiżviluppaw u jużaw teknika u tagħmir li jiffaċilitaw ir-rilaxx żgur u ta’ malajr ta’ kwalunkwe tali annimal.

    Artikolu 27

    Fkieren

    1.  Kull meta fekruna tal-baħar tidher f’xibka, għandhom isiru l-isforzi kollha raġjonevoli għas-salvataġġ tal-fekruna qabel ma titħabbel fix-xibka, inkluż, jekk meħtieġ, l-iskjeriment ta’ speedboat.

    2.  Jekk fekruna titħabbel f’xibka, it-tkebbib tax-xibka għandu jieqaf hekk kif l-fekruna tinħareġ mill-ilma u m’għandux jerġa’ jibda qabel tiġi meħlusa u rilaxxata.

    3.  Jekk fekruna tittella’ abbord bastiment, għandhom jitwettqu l-metodi kollha xierqa biex jgħinu l-irkupru tal-fekruna qabel ma terġa’ titniżżel il-baħar.

    4.  Il-bastimenti kollha tas-sajd tat-tonn għandhom ikunu pprojbiti milli jarmu boroż tal-melħ jew kull tip ta’ skart tal-plastik fil-baħar.

    5.  Fejn possibbli, il-fkieren tal-baħar maqbudin f’tagħmir sabiex jinġema’ l-ħut u tagħmir oħra tas-sajd għandhom jiġu rilaxxati.

    6.  It-tagħmir sabiex jinġema’ l-ħut li ma jintużax fil-qasam tas-sajd għandu jiġi rkuprat.



    TITOLU V

    MIŻURI TEKNIĊI APPLIKABBLI FIŻ-ŻONA 4

    Artikolu 28

    Tnaqqis ta’ l-iskart

    L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jitnaqqas l-iskart, ir-rimi, il-qbid b’tagħmir mitluf jew abbandunat, it-tniġġis mill-bastimenti tas-sajd, il-qbid ta’ ħut u ta’ migranti ta’ speċi li mhumiex immirati, kif ukoll ir-riperkussjonijiet għall-ispeċi relatati jew dipendenti, b’mod partikolari l-ispeċi mhedda bl-estinzjoni.



    TITOLU VI

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 29

    Mammiferi tal-baħar

    1.  Għandu jiġi pprojbit li ġlejjeb jew gruppi ta’ mammiferi tal-baħar jiġu mdawra bi xbieki tartaruni.

    2.  Il-paragrafu 1 għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd Komunitarji kollha ħlief għall-bastimenti msemmijin fl-Artikolu 23.



    TITOLU VII

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 30

    Komitoloġija

    Il-miżuri li għandhom jittieħdu skond l-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 8(2) għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(3) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

    Artikolu 31

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 973/2001 huwa b’dan imħassar.

    Artikolu 32

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li jiġi pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




    ANNESS I

    Lista ta’ l-ispeċi li jpassu ħafna

     Tonn abjad alonga: Thunnus alalunga

     Tonn aħmar: Thunnus thynnus

      Bigeye tuna b’għajnejn kbar: Thunnus obesus

     Tonn skipjack: Katsuwonus pelamis

     Plamtu bid-dahar irrigat: Sarda sarda

     Tonn tal-ġewnaħ isfar: Thunnus albacares

     Tonn iswed: Thunnus atlanticus

     Tonn żgħir: Euthynnus spp.

     Tonn tal-pinen koħol tan-nofsinhar; Thunnus maccoyii

     Tumbrell: Auxis spp.

     Abramida tal-baħar (pixxi kastanja); Bramidae

     Marlini: Tetrapturus spp.; Makaira spp.

      Sailfish: Istiophorus spp.

     Pixxispad: Xiphias gladius

      Sauries: Scomberesoxspp.; Cololabis spp.

     Lampuka, lampuka kbira: Coryphaena hippurus; Coryphaena equiliselis

     Klieb il-baħar: Hexanchus griseus; Cetorhinus maximus; Alopiidae Rhincodon typus; Carcharhinide; Sphyrnidae; Isuridae; Lamnidae

     Ċetaċew (balieni u foċeni): Physeteridae; Balenidae; Eschrichtiidae; Monodontidae; Ziphiidae; Delphinidae.

    ▼M2 —————



    ( 1 ) ĠU L 348, 30.12.2005, p. 28.

    ( 2 ) ĠU L 5, 9.1.2004, p. 25. Ir-Regolament hekk kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1799/2006 (ĠU L 341, 7.12.2006, p. 26).

    Top