This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02006L0021-20090807
Directive 2006/21/EC of the European Parliament and of the Council of 15 March 2006 on the management of waste from extractive industries and amending Directive 2004/35/EC
Consolidated text: Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE
Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE
2006L0021 — MT — 07.08.2009 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
DIRETTIVA 2006/21/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU L 102, 11.4.2006, p.15) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
REGOLAMENT (KE) Nru 596/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-18 ta’ Ġunju 2009 |
L 188 |
14 |
18.7.2009 |
DIRETTIVA 2006/21/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta' Marzu 2006
dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 2 ),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-8 ta' Diċembru 2005.
Billi:
(1) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Operazzjoni sigura ta' attivitajiet fil-minjieri: segwitu għal inċidenti reċenti fil-minjieri” tistabbilixxi bħala waħda mill-azzjonijiet ta' prijorità tagħha inizzjattiva biex jiġi regolat l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni. Din l-azzjoni hi maħsuba biex tikkumplimenta inizzjattivi bis-saħħa tad-Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE dwar il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi ( 4 ) kif ukoll il-produzzjoni ta' dokument ta' l-aħjar teknika disponibbli li jkopri l-immaniġġar ta' skart tal-ġebel u tailings minn attivitajiet ta' tħaffir fil-minjieri taħt l-awspiċi tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 li tikkonċerna l-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis ( 5 ). |
(2) |
Fir-riżoluzzjoni ( 6 ) tiegħu tal-5 ta' Lulju 2001 dwar dik il-Komunikazzjoni, il-Parlament Ewropew ta appoġġ qawwi lill-bżonn għal Direttiva dwar skart mill-industriji ta’ estrazzjoni. |
(3) |
Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni Komunitarju dwar l-Ambjent ( 7 ) tistabbilixxi bħala l-għan għal skartijiet li għadhom ikunu ġenerati li l-livell ta' perikolu tagħhom għandu jitnaqqas u li għandhom jippreżentaw l-inqas riskju possibbli, li preferenza għandha tingħata lill-irkuprar u b'mod speċjali lir-riċiklaġġ, li l-kwantità ta' skart għar-rimi għandha tkun minimizzata u tintrema b'mod sigur, u li l-iskart intiż għar-rimi għandu jiġi trattat kemm jista' jkun qrib il-post fejn ikun iġġenerat sakemm dan ma jwassalx għal tnaqqis fl-effikaċja ta' operazzjonijiet ta' trattament ta' l-iskart. Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tippreskrivi wkoll bħala azzjoni ta' prijorità, b'referenza għal inċidenti u diżastri, l-iżvilupp ta' miżuri li jgħinu jipprevjenu perikli ta' inċidenti kbar, b'rigward speċjali għal dawk li jirriżultaw mit-tħaffir fil-minjieri, u l-iżvilupp ta' miżuri dwar l-iskart mit-tħaffir fil-minjieri. Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tistabbilixxi wkoll bħala azzjoni ta' prijorità l-promozzjoni ta' mmaniġġar sostenibbli ta' industriji ta' estrazzjoni bil-ħsieb li jitnaqqas l-impatt ambjentali tagħhom. |
(4) |
Skond l-għanijiet tal-politika Komunitarja dwar l-ambjent, jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi sabiex jiġi prevenut jew imnaqqas kemm jista' jkun kwalunkwe effett negattiv fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem li jseħħ b' riżultat ta' l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni, bħal tailings (jiġifieri l-iskart solidu jew f'tajn li jibqa' wara t-trattament ta' minerali b'numru ta' tekniki), skart tal-ġebel u piż żejjed (jiġifieri l-materjal li operazzjonijiet ta' estrazzjoni jċaqalqu matul il-proċess ta' aċċess għal blat jew korp minerali, inkluż matul l-istadju ta' żvilupp tal-pre-produzzjoni), u ħamrija ta' fuq (i.e. il-livell ta' fuq ta' l-art) sakemm dan ikun skart skond id-definizzjoni rilevanti fid-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart ( 8 ). |
(5) |
Skond il-paragrafu 24 tal-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Johannesburg dwar l-Iżvilupp Sostenibbli adottata fil- qafas tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Laqgħa Għolja Dinjija dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-2002 jeħtieġ li tiġi protetta l-bażi ta' riżorsi naturali ta' l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u titreġġa' lura x-xejra attwali fid-degradazzjoni ta' riżorsi naturali billi l-bażi ta' riżorsi naturali tiġi mmaniġġata b'mod sostenibbli u integrat. |
(6) |
Għaldaqstant, din id-Direttiva għandha tkopri l-immaniġġar ta’ skart minn industriji ta’ estrazzjoni bbażati fuq l-art, jiġifieri l-iskart li jirriżulta mit-tiftix, l-estrazzjoni (inkluż fl-istadju ta' żvilupp tal-pre-produzzjoni), it-trattament u l-ħażna ta’ riżorsi minerali u mit-tħaddim tal-barrieri. Iżda, tali maniġġar għandu jirrifletti l-prinċipji u l-prijoritajiet identifikati fid-Direttiva 75/442/KEE li, skond l-Artikolu 2 (1) (b) (ii) tagħha, tkompli tapplika għal kwalunkwe aspett ta' l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' l-estrazzjoni li mhuwiex kopert minn din id-Direttiva. |
(7) |
Sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni u rekwiżiti amministrattivi sproporzjonati, il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandu jiġi limitat għal dawk l-operazzjonijiet partikolari kkunsidrati li huma prijorità għall-finijiet li jintlaħqu l-għanijiet tagħha. |
(8) |
Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva m'għandhomx japplikaw għal dawk il-forom differenti ta' skart li, għalkemm iġġenerati fil-kors ta' estrazzjoni ta' minerali jew operazzjonijiet ta' trattament, mhumiex marbutin b'mod dirett mal-proċess ta' l-estrazzjoni u t-trattament, eż. skart mill-ikel, żejt użat, vetturi li waslu fit-tmiem tagħhom, batteriji u akkumulaturi użati. L-immaniġġar ta' tali skart għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/442/KEE jew tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar l-irdim ta' l-iskart ( 9 ) jew kwalunkwe leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti oħra, bħal fil-każ ta' skart ġenerat f'sit ta' tiftix, estrazzjoni jew trattament u trasportat għal post li mhux faċilità ta' l-iskart skond din id-Direttiva. |
(9) |
Lanqas m'għandha din id-Direttiva tapplika għal skart li jirriżulta minn tiftix, estrazzjoni u trattament ta' riżorsi naturali 'l barra mix-xtut jew għall-injezzjoni ta' l-ilma u l-injezzjoni mill-ġdid ta' ilma ta' l-art ippumpjat, filwaqt li skart inerti, skart minn tiftix mhux perikoluż, ħamrija mhix imniġġsa u skart li jirriżulta mill-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta' pit għandu jiġi kopert biss minn sett limitat ta' rekwiżiti minħabba r-riskji ambjentali iktar baxxi tagħhom. Għal skart mhux perikoluż u li mhux inert, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew jeżentaw minn ċerti rekwiżiti. Iżda dawn l-eżenzjonijiet m'għandhomx japplikaw għal faċilitajiet ta' l-iskart ta' Kategorija A. |
(10) |
Barra minn dan, filwaqt li tkopri l-immaniġġar ta' skart minn industriji ta' estrazzjoni li jista' jkun radjuattiv, din id-Direttiva m'għandiex tkopri tali aspetti li huma speċifiċi għal radjuattività, li huma kwistjoni trattata taħt it-trattat tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (Euratom). |
(11) |
Sabiex jinżammu l-prinċipji u prijoritajiet identifikati fid-Direttiva 75/442/KEE u, b'mod partikolari, fl-Artikoli 3 u 4 tagħha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi li jaħdmu fl-industrija ta' l-estrazzjoni jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenu jew inaqqsu safejn hu possibbli kwalunkwe effett negattiv, attwali jew potenzjali, fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem li jseħħ bħala riżultat ta' l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni. |
(12) |
Dawn il-miżuri għandhom ikunu bbażati, inter alia, fuq il-kunċett ta' l-aħjar tekniki disponibbli, kif definit fid-Direttiva 96/61/KE u, meta jiġu applikati tali tekniki, huma l-Istati Membri li jiddeterminaw kif il-karatteristiċi tekniċi tal-faċilità ta' l-iskart, il-lokazzjoni ġeografika u l-kondizzjonijiet ambjentali lokali tagħha jistgħu, fejn xieraq, jittieħdu fil-kunsiderazzjoni. |
(13) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ta' l-industrija ta' l-estrazzjoni ifasslu pjanijiet ta’ mmaniġġar ta’ skart xierqa għall-prevenzjoni jew il-minimizzazzjoni, it-trattament, l-irkupru u r-rimi ta' skart ta' l-estrazzjoni. Tali pjanijiet għandhom jiġu strutturati b'tali mod li jiżguraw pjanar xieraq ta' għażliet ta' mmaniġġar ta' skart bil-ħsieb li tiġi minimizzata l-ġenerazzjoni ta' skart u l-ħsara li tikkaġuna, u jiġi nkuraġġit l-irkuprar ta' l-iskart. Barra minn hekk, skart minn industriji ta' l-estrazzjoni għandu jiġi karatterizzat fir-rigward tal-kompożizzjoni tiegħu sabiex ikun żgurat li, safejn possibbli, tali skart jirreaġixxi biss b'modi li jistgħu jiġu previsti. |
(14) |
Sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' inċidenti u jiġi garantit livell għoli ta' protezzjoni għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur ta' faċilità ta' l-iskart tal-Kategorija A jadotta u japplika politika ta' prevenzjoni ta' inċidenti kbar għall-iskart. F'termini ta' miżuri preventivi, dan għandu jinvolvi l-provvediment ta' sistema ta' mmaniġġar tas-sigurtà, pjanijiet ta' emerġenza li għandhom jintużaw fil-każ ta' inċidenti u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni dwar is-sigurtà lil persuni li aktarx ikunu affetwati minn inċident kbir. Fil-każ ta' inċident, operaturi għandhom ikunu meħtieġa jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex tiġi mitigata l-ħsara ambjentali attwali jew potenzjali. Dawn il-ħtiġiet partikolari m'għandhomx japplikaw għal dawk il-faċilitajiet ta' l-iskart mill-industriji estrattivi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 96/82/KE. |
(15) |
Faċilità ta' l-iskart m'għandiex tiġi klassifikata fil-Kategorija A biss abbażi tar-riskji għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji ta' estrazzjoni koperti minn leġiżlazzjoni Komunitarja oħra, b'mod partikolari d-Direttivi 92/91/KEE ( 10 ) u 92/104/KEE ( 11 ). |
(16) |
Minħabba n-natura speċjali ta' l-immaniġġar ta' skart minn industriji ta' estrazzjoni, jeħtieġ li jiġu introdotti proċeduri speċifiċi ta' applikazzjonijiet u ta' permessi fir-rigward ta' faċilitajiet ta' l-iskart użati biex jirċievu tali skart. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti perjodikament jikkunsidraw mill-ġdid u, fejn meħtieġ, jaġġornaw il-kondizzjonijiet għall-permess. |
(17) |
L-Istati Membri għandhom jiġu meħtieġa jiżguraw li, b'konformità mal-Konvenzjoni UNECE dwar l-Aċċess għal Informazzjoni, Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal-25 ta' Ġunju 1998 (Konvenzjoni ta' Aarhus) il-pubbliku jkun infurmat dwar l-applikazzjoni għal permess ta' mmaniġġar ta' skart u l-pubbliku konċernat ikun ikkonsultat qabel ma jingħata permess ta' mmaniġġar ta' skart. |
(18) |
Jeħtieġ li jiġu indikati b'mod ċar ir-rekwiżiti li bihom faċilitajiet ta' l-iskart li jagħtu servizz lill-industriji ta' estrazzjoni għandhom jikkonformaw fir-rigward ta' lok, maniġġar, kontroll, għeluq u miżuri preventivi u protettivi li għandhom jittieħdu kontra kwalunkwe theddida lill-ambjent f'perspettiva ta' perjodu qasir jew ta' perjodu twil, u b'mod iktar speċjali kontra t-tniġġis ta' l-ilma ta' l-art minn infiltrazzjoni leachate fil-ħamrija. |
(19) |
Jeħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar il-faċilitajiet ta' l-iskart tal-Kategorija A użati biex jittrattaw l-iskart mill-industriji ta' estrazzjoni, filwaqt li jittieħed kont ta' l-effetti probabbli ta' kwalunkwe tniġġis li jirriżulta minn operazzjoni ta' tali faċilità jew minn inċident li fih l-iskart joħroġ minn tali faċilità. |
(20) |
Skart li jitpoġġa lura fl-spazji vojta ta' l-iskavar jew għar-riabilitazzjoni tiegħu jew għall-finijiet ta' bini relatat mal-proċess ta' estrazzjoni ta' minerali, bħall-bini jew iż-żamma fi spazji vojta ta' mezzi ta' aċċess għal makkinarju, rampi għat-trasport ta' oġġetti, paratijiet, barrikati jew berms ta' sigurtà, jeħtieġ ukoll li jkun soġġett għal ċerti rekwiżiti sabiex jiġi protett l-ilma tal-wiċċ u ta' l-art, tiġi assigurata l-istabbilità ta' tali skart, u jiġi żgurat il-monitoraġġ xieraq meta jieqfu tali attivitajiet. Għaldaqstant, tali skart m'għandux ikun soġġett għar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li jirrelataw b'mod esklussiv ma' “faċilitajiet ta' l-iskart”, ħlief għar-rekwiżiti msemmija fid-dispożizzjoni speċifika dwar spazji vojta ta' l-iskavar. |
(21) |
Sabiex jiġi żgurat il-bini u ż-żamma kif jixraq ta' faċilitajiet ta' l-iskart li jittrattaw l-iskart mill-industriji ta' l-estrazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li d-disinn, il-lok u l-immaniġġar ta' tali faċilitajiet huma mwettqa minn persuni teknikament kompetenti. Jeħtieġ li jiġi żgurat li t-taħriġ u l-għarfien miksuba minn operaturi u persunal jagħtuhom il-kompetenzi meħtieġa. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jissodisfaw ruħhom li l-operaturi jiżguraw arranġamenti xierqa fir-rigward tal-kostruzzjoni u ż-żamma ta' faċilità ta' l-iskart ġdida jew għal kwalunkwe estensjoni jew modifika ta' faċilità eżistenti, inkluża l-fażi ta' wara l-għeluq. |
(22) |
Jeħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri ta' monitoraġġ tul l-operazzjoni u wara l-għeluq tal-faċilitajiet ta' l-iskart. Għandu jiġi stabbilit perjodu ta' wara l-għeluq għall-monitoraġġ u l-kontoll ta' faċilitajiet ta' skart tal- Kategorija A li jkun proporzjonat għar-riskju magħluq mill-faċilità ta' skart individwali, b'mod simili għal dak li hu meħtieġ mid-Direttiva 1999/31/KE. |
(23) |
Jeħtieġ li jiġi definit meta u kif faċilità ta' l-iskart li tagħti servizz lill-industriji ta' estrazzjoni għandha tingħalaq u li jiġu stabbiliti l-obbligi u r-responsabbilitajiet li għandhom ikunu sodisfatti mill-operatur tul il-perjodu ta' wara l-għeluq. |
(24) |
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li operaturi ta' l-industriji ta' l-estrazzjoni japplikaw kontrolli ta' monitoraġġ u maniġġar sabiex jiġi prevenut it-tniġġis ta' l-ilma u l-ħamrija u li jiġi identifikat kwalunkwe effett negattiv li l-faċilitajiet ta' l-iskart tagħhom jista' jkollhom fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem. Barra minn hekk, għall-finijiet li jiġi minimizzat it-tniġġis ta' l-ilma, ir-rilaxx ta' skart fi kwalunkwe korp ta' l-ilma ta' l-ilqugħ għandu jikkonforma mad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma ( 12 ). Barra minn hekk, konċentrazzjonijiet f'għadajjar ta' tailings ta' ċjanur u komposti ta' ċjanur minn ċerti industriji ta' l-estrazzjoni għandhom, minħabba l-effetti dannużi u tossiċi tagħhom, jitnaqqsu għal-livelli l-iktar baxxi possibbli, bl-użu ta' l-aħjar tekniki disponibbli. Livelli massimi ta' konċentrazzjoni għandhom jiġu stabbiliti għaldaqstant u, fi kwalunkwe każ, skond il-ħtiġiet speċifiċi ta' din id-Direttiva biex jipprevjenu tali effetti. |
(25) |
L-operatur ta' faċilità ta' l-iskart li tagħti servizz lill-industriji ta' estrazzjoni għandu jkun meħtieġ li jagħti garanzija finanzjarja jew l-ekwivalenti skond proċeduri li għandhom jiġu deċiżi mill-Istati Membri biex ikun żgurat li l-obbligi kollha li joħorġu mill-permess jiġu sodisfatti, inklużi dawk relatati ma' l-għeluq u wara l-għeluq tal-faċilità ta' l-iskart. Il-garanzija finanzjarja għandha tkun biżżejjed biex tkopri l-prezz ta' riabilitazzjoni ta' l-art affettwata mill-faċilità ta' l-iskart, li tinkludi l-faċilità ta' l-iskart innifisha, kif deskritta fil-pjan ta' mmaniġġar ta' l-iskart ippreparat skond l-Artikolu 5 u meħtieġ mill-permess skond l-Artikolu 7, minn parti terza kwalifikata kif jixraq u indipendenti. Jeħtieġ ukoll li tali garanzija tiġi provduta qabel il-bidu ta' l-operazzjonijiet ta' depożitu fil-faċilità ta' l-iskart u li tkun aġġustata perjodikament. Barra minn hekk, skond il-prinċipju li min iniġġes iħallas u skond id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar responsabbilità ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedju ta' ħsara ambjentali ( 13 ), hu importanti li jiġi ċċarat li operatur ta' faċilità ta’ l-iskart li tagħti servizz lill-industriji ta' estrazzjoni huwa soġġett għal responsabbilità adegwata fir-rigward ta' ħsara ambjentali kkawżata mill-operazzjonijiet tiegħu jew it-theddida imminenti ta' tali ħsara. |
(26) |
Fil-każ ta' l-operazzjoni ta' faċilitajiet ta' l-iskart li jagħtu servizz lill-industriji ta' l-estrazzjoni li aktarx li jkollhom effetti transkonfini negattivi sinifikanti fuq l-ambjent u kwalunkwe riskji għas-saħħa tal-bniedem b'riżultat ta' dan, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, għandu jkun hemm proċedura komuni stabbilita biex tiffaċilita konsultazzjoni fost pajjiżi ġirien. Dan għandu jsir bil-ħsieb li jiġi żgurat li jkun hemm skambju xieraq ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet u li l-pubbliku jkun debitament infurmat dwar tali faċilitajiet ta' l-iskart li jista' jkollhom konsegwenzi negattivi għall-ambjent ta' dak l-Istat Membru l-ieħor. |
(27) |
Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jorganizzaw sistema effettiva ta' spezzjonijiet jew miżuri ta' kontroll ekwivalenti fir-rigward ta' faċilitajiet ta' l-iskart li jagħtu servizz lill-industriji ta' l-estrazzjoni. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-operatur taħt il-permess, qabel il-bidu ta' l-operazzjonijiet ta' depożitu għandu jkun hemm spezzjoni biex jiġi kkontrollat li jkun hemm konformità mal-kondizzjonijiet ta' permess. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li operaturi u s-suċċessuri tagħhom iżommu reġistri aġġornati relatati ma' tali faċilitajiet ta' l-iskart u li operaturi jittrasferixxu lis-suċċessuri tagħhom informazzjoni dwar l-istat tal-faċilità ta' l-iskart u l-operazzjonijiet tagħha. |
(28) |
L-Istati Membri għandhom jibgħatu rapporti regolari lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluża informazzjoni dwar inċidenti u kważi-inċidenti. Abbażi ta' dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(29) |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni għall-infrazzjoni ta' din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi. |
(30) |
Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jsir inventarju tal-faċilitajiet ta' l-iskart magħluqa inklużi dawk abbandunati, li jinsabu fit-territorju tagħhom sabiex jiġu identifikati dawk li jikkawżaw impatti negattivi ambjentali serji jew li għandhom il-potenzjal li fil-perjodu medju jew qasir ikunu ta' theddida serja għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-ambjent. Dawn l-inventarji għandhom jinfurmaw programm xieraq ta' miżuri. |
(31) |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura skambju xieraq ta' informazzjoni xjentifika u teknika dwar kif jitwettaq inventarju ta' faċilitajiet ta' l-iskart magħluqa fil-livell ta' l-Istati Membri dwar l-iżvilupp ta' metodoloġiji li jassistu lill-Istati Membri biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva meta jirriabilitaw faċilitajiet ta' skart magħluqa. Barra minn hekk, skambju ta' informazzjoni għandu jiġu assigurat fi u bejn l-Istati Membri dwar l-aħjar tekniki disponibbli. |
(32) |
Biex l-Artikolu 6 tat-Trattat ikun applikat b'mod konsistenti, il-ħtiġijiet għall-ħarsien ta' l-ambjent għandhom jiġu integrati fl-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet Komunitarji bl-iskop li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli. |
(33) |
Din id-Direttiva tista' tkun strument utli li għandu jittieħed kont tiegħu waqt il-verifika li proġetti li jirċievu fondi Komunitarji fil-kuntest ta' għajnuna għall-iżvilupp jinkludu l-miżuri meħtieġa biex jiġu prevenuti jew mnaqqsa safejn possibbli l-effetti negattivi fuq l-ambjent. Tali approċċ hu konsistenti ma' l-Artikolu 6 tat-Trattat, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-ħtiġiet ta' protezzjoni ambjentali fil-politika Komunitarja fl-isfera tal-koperazzjoni fl-iżvilupp. |
(34) |
L-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri, it-titjib ta' l-immaniġġar ta' l-iskart mill-industriji ta' estrazzjoni, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu waħedhom minħabba li l-immaniġġar ħażin ta' tali skart jista' jikkawża tniġġis ta' natura transkonfini. Taħt il-prinċipju li min iniġġes iħallas jeħtieġ, inter alia, li jittieħed kont ta' kwalunkwe ħsara lill-ambjent ikkawżata minn skart minn industriji ta' l-estrazzjoni, u applikazzjonijiet nazzjonali differenti ta' dak il-prinċipju jistgħu jwasslu għal disparitajiet sostanzjali fil-piż finanzjarju fuq operaturi ekonomiċi. Barra minn hekk, l-eżistenza ta' linji politiċi differenti nazzjonali dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni jfixkel l-għan li jiġi żgurat livell minimu ta' mmaniġġar sigur u responsabbli ta' tali skart u l-massimizzazzjoni ta' l-irkuprar tiegħu mal-Komunità kollha. Għalhekk, billi minħabba l-iskala u l-effetti ta' din id-Direttiva, l-għan tagħha jista' jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzonalitá, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan. |
(35) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni ( 14 ). |
(36) |
L-operazzjoni ta' faċilitajiet ta' mmaniġġar ta' skart li jeżistu fil-mument ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva għandha tiġi regolata sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa, f'perjodu ta' żmien speċifikat, għall-adattament tagħhom għar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. |
(37) |
Skond il-paragrafu 34 tal-ftehim Interistituzzjonali dwar leġiżlazzjoni aħjar ( 15 ), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tipprevedi miżuri, proċeduri u gwida għall-prevenzjoni u t-tnaqqis sa fejn hu possibli ta' kwalunkwe effett negattiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq l-ilma, l-arja, il-ħamrija, il-fawna, il-flora u l-pajsaġġ, u kwalunkwe riskji għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw, ikkawżati b'riżultat ta' l-immaniġġar ta’ l-iskart mill-industriji ta’ estrazzjoni.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Bla ħsara għal paragrafi 2 u 3, din id-Direttiva tkopri l-immaniġġar ta’ skart li jirriżulta mit-tfittix, l-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta’ riżorsi minerali u l-qtugħ tal-barrieri, minn issa ‘l quddiem “skart ta’ estrazzjoni”.
2. Dan li ġej ser jiġi eskluż għall-finijiet ta' din id-Direttiva:
a) skart li hu ġġenerat mit-tfittix, l-estrazzjoni u t-trattament ta’ riżorsi minerali u l-qtugħ tal-barrieri, iżda li ma jirriżultax direttament minn dawk l-operazzjonijiet;
b) skart li jirriżulta mit-tfittix, l-estrazzjoni u t-trattament ta’ riżorsi minerali ‘l barra mix-xtut;
ċ) injezzjoni ta’ ilma jew injezzjoni mill-ġdid ta’ ilma ta’ taħt l-art ippumpjat kif definit fl-ewwel u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 11(3)(j) tad-Direttiva 2000/60/KE, safejn awtorizzat minn dak l-Artikolu.
3. Skart inerti u ħamrija mhix imniġġsa li jirriżultaw mit-tfittix, l-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta’ riżorsi minerali u l-qtugh ta' barrieri u skart li jirriżulta mill-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta’ pit m'għandhomx ikunu soġġetti għall-Artikoli 7, 8, 11(1) u (3), 12, 13(6), 14 u 16, ħlief jekk ikunu depożitati f’faċilità ta’ l-iskart ta’ Kategorija A.
L-awtorità kompetenti tista’ tnaqqas jew tirrinunzja għar-rekwiżiti għad-depożitu ta’ skart mhux perikoluż iġġenerat mit-tfittix ta’ riżorsi minerali, ħlief iż-żejt u evaporiti minbarra l-ġibs u l-anidrid, kif ukoll għad-depożitu ta’ ħamrija mhux imniġġsa u ta’ skart li jirriżulta mill-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta’ pit dment li jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 4.
L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew jirrinunzjaw għar-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 11(3), 12(5) u (6), 13(6), 14 u 16 għal skart mhux perikoluż u mhux inerti, ħlief jekk ikun depożitat f’faċilità ta’ l-iskart ta’ Kategorija A.
4. Mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni Komunitarja oħra, l-iskart li jaqa’ taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva m' għandux ikun soġġett għad-Direttiva 1999/31/KE.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:
1) “skart” huwa kif definit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442/KEE;
2) “skart perikoluż”huwa kif definit fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar skart perikoluż ( 16 );
3) “skart inerti” tfisser skart li ma jkunx soġġett għal xi trasformazzjoni fiżika, kimika jew bijoloġika sinifikanti. Skart inerti ma jdubx, ma jinħaraqx jew inkella ma jirreaġixxix fiżikament jew kimikament, ma jkunx bijodegradabbli jew ma jaffetwax ħażin materjal ieħor li jiġi f’kuntatt miegħu b’mod li x'aktarx joħloq tniġġiż lill-ambjent jew jagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem. Il-kapaċità li jerħi u l-kontenut ta’ tniġġiż totali ta’ l-iskart u l-ekotossiċià tal-lissija għandhom ikunu insinifikanti, u partikolarment ma joħolqux periklu għall-kwalità ta’ l-ilma tal-wiċċ u/jew ta’ l-ilma ta' taħt l-art;
4) “ħamrija mhux imniġġsa” tfisser ħamrija li titneħħa mis-saff ta’ fuq ta’ l-art waqt attivitajiet ta’ estrazzjoni u li mhix meqjusa bħala mniġġsa skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru fejn jinsab is-sit jew skond il-liġi Komunitarja;
5) “riżorsa minerali” jew “minerali” tfisser depożitu li jinsab b’mod naturali fil-qoxra tad-dinja ta’ sustanza organika jew inorganika, bħal per eżempju karburanti għall-enerġija, metalli mhux maħdumin, minerali industrijali u minerali ta’ kostruzzjoni, iżda eskluż l-ilma;
6) “industriji ta’ l-estrazzjoni” tfisser l-istabbilimenti u l-impriżi kollha involuti fl-estrazzjoni, mill-wiċċ jew minn taħt l-art, ta’ riżorsi minerali għal finijiet kummerċjali, inkluża l-estrazzjoni permezz ta’ titqib ta’ spieri, jew it-trattament tal-materjal estratt;
7) “barra mix-xtut” tfisser iż-żona tal-baħar u qiegħ il-baħar li testendi mill-marka ta’ l-ilma baxxa tal-marea ordinarja jew medja ‘l barra;
8) “trattament” tfisser il-proċess mekkaniku, fiżiku, bijoloġiku, termali jew kimiku jew kombinazzjoni ta’ proċessi mwettqa fuq riżorsi minerali, inkluż mill-qtugħ ta' barrieri bil-ħsieb li jiġi estratt il-mineral, inklużi t-tibdil fid-daqs, il-klassifikazzjoni, is-separazzjoni u l-lissija, u l-ipproċessar mill-ġdid ta’ skart li ġie mormi preċedentement, iżda esklużi t-tidwib, il-proċessi ta’ manifatturar termali (ħlief il-ħruq tal-ġebla tal-franka) u proċessi metallurġiċi;
9) “tailings” tfisser l-iskart solidu jew taħlita ta’ materjal ta’ skart insolubbli li jibqa’ wara t-trattament ta’ minerali mill-proċessi ta’ separazzjoni (eż. tfarrik, tħin, għażla skond id-daqs, flotation u tekniki fiżiko-kemikali oħra) sabiex jitneħħew minerali ta’ valur minn blat ta’ valur minuri;
10) “borġ” tfisser faċilità mgħammra għad-depożitu ta’ skart solidu fil-wiċċ;
11) “diga” tfisser struttura mgħammra maħsuba għaż-żamma jew l-għeluq ta’ ilma u jew skart ġewwa għadira;
12) “għadira” tfisser faċilità naturali jew mgħammra għall-eliminazzjoni ta’ skart fin, normalment tailings, flimkien ma’ ammonti varjabbli ta’ ilma ħieles, li jirriżulta mit-trattament ta’ riżorsi minerali u mid-depurazzjoni u r-reċiklaġġ ta’ ilma ta’ proċess;
13) “ċjanur dissoċjabbli b’aċtu dgħajjef” tfisser ċjanur u komponenti taċ-ċjanur li huma dissoċjati b’aċtu dgħajjef f’pH definit;
14) “lissija” tfisser kull likwidu li jiġi filtrat minn ġo skart depositat u li joħroġ minn jew jinżamm f’faċilità ta’ l-iskart, inkluż dranaġġ imniġġeż, li jista’ jeffettwa l-ambjent b’mod negattiv jekk mhux trattat b’mod adegwat;
15) “faċilità ta’ l-iskart” tfisser kwalunkwe żona maħsuba għall-ġbir jew id-depożitu ta’ skart ta’ l-estrazzjoni, kemm jekk fi stat solidu jew likwidu jew f’soluzzjoni jew f’sospensjoni, għall-perjodi ta’ żmien li ġejjin:
— l-ebda perjodu ta’ żmien għal faċilitajiet ta’ l-iskart ta' Kategorija A u faċilitajiet għal skart meqjus perikoluż fil-pjan ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart;
— perjodu ta’ iżjed minn sitt xhur għal faċilitajiet għal iskart perikoluż iġġenerat b’mod mhux mistenni;
— perjodu ta’ iżjed minn sena għal faċilitajiet għal iskart mhux perikoluż u mhux inerti;
— perjodu ta’ iżjed minn tliet snin għal faċilitajiet għal ħamrija mhux imniġġsa, l-iskart mhux perikoluż mit-tiftix, l-iskart li jirriżulta mill-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta’ pit u skart inerti.
Tali faċilitajiet huma meqjusa li jinkludu kwalunkwe diga jew struttura oħra li sservi sabiex tikkontjeni, iżżomm, tikkonfina jew b'xi mod ieħor ssostni tali faċilità, u wkoll li jinkludu, iżda ma tkunx limitata għal borġijiet u għadajjar, iżda jeskludu spazji vojta ta' skavar li fihom l-iskart huwa sostitwit, wara l-estrazzjoni tal-minerali, għall-fini ta’ riabilitazzjoni u bini;
16) “inċident maġġuri” tfisser ġrajja fis-sit waqt operazzjoni li tinvolvi l-immaniġġar ta’ skart ta' estrazzjoni fi kwalunkwe stabbiliment kopert min din id-Direttiva, li twassal għal periklu serju għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent, kemm jekk minnufih jew fuq tul ta’ żmien, fis-sit jew barra mis-sit;
17) “sustanza perikoluża” tfisser sustanza, taħlita jew preparat li hija perikoluża skond it-tifsira fid-Direttiva 67/548/KEE ( 17 ) jew fid-Direttiva 1999/45/KE ( 18 );
18) “l-aqwa tekniki disponibbli” huwa kif definit fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 96/61/KE;
19) “korp ta’ l-ilma li jirċievi” tfisser ilmijiet tal-wiċċ, ilma ta’ taħt l-art, ilmijiet transizzjonali, u ilma tal-kosta kif definiti fl-Artikolu 2(1), (2), (6) u (7) tad-Direttiva 2000/60/KE, rispettivament;
20) “riabilitazzjoni” tfisser it-trattament ta’ l-art affettwata minn faċilità ta’ l-iskart b’tali mod li l-art tinġieb lura fi stat sodisfaċenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità tal-ħamrija, s-selvaġġina, l-ambjenti naturali, is-sistemi ta’ l-ilma ħelu, il-pajsaġġ u użi ta' benefiċċju xierqa;
21) “tfittix” tfisser it-tfittxija għal depożiti minerali ta' valur ekonomiku inkluż it-teħid ta’ kampjuni, it-teħid ta’ kampjuni bil-kwantità, it-titqib u t-tħaffir ta’ trinek, iżda eskluż kwalunkwe xogħol meħtieġ għall-iżvilupp ta’ tali depożiti, u kwalunkwe attività marbuta ma’ operazzjoni eżistenti ta’ estrazzjoni;
22) “il-pubbliku” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew aktar minn waħda u, skond il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;
23) “il-pubbliku konċernat” tfisser il-pubbliku affettwat jew li probabbilment ikun effettwat minn, jew li għandu interess fi, t-teħid ta’ deċiżjoni ambjentali skond l-Artikoli 6 u 7 ta' din id-Direttiva attwali; għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, l-organizzazzjonijiet non-governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent u li jissodisfaw kwalunkwe ħtieġa skond il-liġi nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom tali interess;
24) “operatur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-immaniġġar ta’ skart ta’ estrazzjoni, f’konformità mal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru fejn iseħħ l-immaniġġar ta’ l-iskart, inkluż fir-rigward tal-ħażna temporanja ta’ l-iskart ta’ l-estrazzjoni kif ukoll il-fażijiet operazzjonali u dawk ta’ wara l-għeluq;
25) “detentur ta’ l-iskart” tfisser il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun fil-pussess tiegħu;
26) “persuna kompetenti” tfisser persuna fiżika li għandha t-tagħrif tekniku u l-esperjenza, kif definit mil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna topera, sabiex twettaq id-doveri li jirriżultaw minn din id-Direttiva;
27) “awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità jew l-awtoritajiet li Stat Membru jinnomina bħala responsabbli biex iwettqu d-doveri li jirriżultaw minn din id-Direttiva;
28) “sit” tfisser l-art kollha li tinsab f’żona ġeografika preċiża taħt il-kontroll amministrattiv ta’ operatur;
29) “bidla sostanzjali” tfisser bidla fl-istruttura jew l-operazzjoni ta’ faċilità ta’ l-iskart li, skond il-fehma ta’ l-awtorità kompetenti, jista’ ikollha effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent.
Artikolu 4
Rekwiżiti ġenerali
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-iskart ta’ estrazzjoni jiġi mmaniġġat mingħajr ma titqiegħed fil-periklu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-fawna u l-flora, mingħajr ma jinħoloq fastidju permezz ta’ ħsejjes jew irwejjaħ u mingħajr effetti negattivi fuq il-pajsaġġ jew postijiet ta’ interess speċjali. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, ir-rimi jew id-depositu mhux ikkontrollat ta’ skart ta’ estrazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jipprevjeni u jnaqqas kemm jista’ ikun kwalunkwe effett negattiv fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem ikkawżati b'riżultat ta' l-immaniġġar ta’ skart ta’ estrazzjoni. Dan jinkludi l-immaniġġar ta’ kwalunkwe faċilità ta’ l-iskart, ukoll wara l-għeluq tagħha, u l-prevenzjoni ta’ inċidenti maġġuri li jinvolvu dik il-faċilità u r-restrizzjoni tal-konsegwenzi tagħhom għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.
3. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu bbażati, inter alia, fuq l-aħjar tekniki disponibbli, mingħajr ma jiġi preskritt l-użu ta’ kwalunkwe teknika jew teknoloġija speċifika, iżda b’kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi tekniċi tal-faċilità ta’ l-iskart, il-lok ġeografiku u l-kondizzjonijiet ambjentali lokali.
Artikolu 5
Pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur ifassal pjan ta’ mmaniġġar ta’ l-iskart għall-minimizzazzjoni, it-trattament, l-irkupru u r-rimi ta' l-iskart ta’ l-estrazzjoni, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli.
2. L-għanijiet tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ l-iskart għandhom ikunu:
a) il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-produzzjoni ta’ l-iskart u l-ħsara tiegħu, b’mod partikolari billi jiġi kkunsidrat:
i) l-immaniġġar ta’ l-iskart fil-fażi ta’ ippjanar u fl-għażla tal-metodu użat għall-estrazzjoni u t-trattament tal-minerali;
ii) it-tibdiliet li l-iskart ta’ l-estrazzjoni jista’ ikun soġġett għalihom in konnessjoni ma’ żieda fil-firxa ta’ l-art u fl-espożizzjoni għall-kondizzjonijiet fuq l-art;
iii) it-tqegħid ta’ skart ta’ estrazzjoni lura fl-ispazji li huma imħaffra wara l-estrazzjoni tal-minerali, safejn hu teknikament u ekonomikament possibbli u ambjentalment sigur skond l-istandards ambjentali eżistenti fuq livell Komunitarju u, fejn rilevanti, skond ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva;
iv) it-tqegħid tal-ħamrija tal-wiċċ lura f’postha wara l-għeluq tal-faċilità ta’ l-iskart jew, jekk dan mhux possibbli b’mod prattiku, l-użu mill-ġdid tal-ħamrija tal-wiċċ x’imkien ieħor;
v) l-użu ta’ sustanzi inqas perikolużi għat-trattament tar-riżorsi minerali;
b) it-tħeġġiġ ta’ l-irkupru ta’ skart ta’ estrazzjoni permezz tar-reċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew l-irkupru ta’ tali skart, fejn dan hu ambjentalment sigur skond l-istandards ambjentali eżistenti fuq livell Komunitarju u skond ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva;
ċ) l-iżgurar ta' rimi mhux perikoluż ta’ l-iskart ta’ estrazzjoni għal perjodu qasir u fit-tul, b’mod partikolari billi jitqies, waqt il-fażi ta' pjanar, l-immaniġġar waqt l-operazzjoni u wara l-għeluq ta’ faċilità ta’ l-iskart u billi jintgħażel disinn li:
i) jeħtieġ ammont minimu u, jekk hu possibbli, fl-aħħar mill-aħħar, ebda monitoraġġ, kontroll u mmaniġġar tal-faċilità magħluqa;
ii) jippreveni jew għallinqas jimminimizza kwalunkwe effett negattiv fuq perjodu ta' żmien twil, per eżempju li jista' jiġi attribwit għall-migrazzjoni ta' inkwinanti fl-arja jew fl-ilma mill-faċilità ta' l-iskart; u
iii) tiġi żgurata l-istabbiltà ġeoteknika fuq żmien twil ta' kwalunkwe diga jew munzelli aktar għoljin mill-wiċċ ta' l-art diġà eżistenti;
3. Il-pjan ta’ mmaniġġar ta’ l-iskart għandu jkun fih mill-inqas l-elementi li ġejjin:
a) fejn applikabbli, il-klassifikazzjoni proposta għall-faċilità ta’ l-iskart skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III:
— Dokument li juri li, skond l-Artikolu 6(3), jitpoġġew fis-seħħ politika ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti maġġuri, sistema ta’ amministrazzjoni ta’ sigurtà għall-implimentazzjoni tagħha u pjan intern ta’ emerġenza, fil-każ li hi meħtieġa faċilità ta' skart tal-Kategorija A;
— Meta l-operatur iqis li faċilità ta’ l-iskart tal-Kategorija A mhix meħtieġa, biżżejjed informazzjoni li tiġġustifika dan, inkluża identifikazzjoni ta’ perikli possibbli ta’ inċident;
b) karatterizzazzjoni ta’ l-iskart skond l-Anness II u dikjarazjoni ta' l-istima tal-kwantitajiet totali ta’ skart ta’ estrazzjoni li għandhom jiġu prodotti waqt il-fażi operazzjonali;
ċ) deskrizzjoni ta’ l-operazzjoni li tiġġenera tali skart u ta’ kwalunkwe trattament sussegwenti li hu suġġett għalih;
d) deskrizzjoni ta’ kif l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv mid-depożitu ta’ tali skart u l-miżuri preventivi li għandhom jittieħdu sabiex jiġi minimizzat l-impatt ambjentali waqt l-operazzjoni u wara l-għeluq, inklużi l-aspetti msemmija fl-Artikolu 11 (2) (a), (b), (d) u (e);
e) il-proċeduri ta’ kontroll u monitoraġġ proposti skond l-Artikoli 10 (meta applikabbli), u 11 (2) (ċ);
f) il-pjan propost għall-għeluq, inkluża ir-riabilitazzjoni, il-proċeduri ta’ wara l-għeluq u l-monitoraġġ kif previst fl-Artikolu 12;
g) miżuri għall-prevenzjoni skond id-Direttiva 2000/60/KE u għall-prevenzjoni jew il-minimizzazzjoni tat-tniġġis ta' l-arja u tal-ħamrija jew il-minimizzazzjoni, tat-tniġġis ta' l-arja u tal-ħamrija skond l-Artikolu 13;
(h) stħarriġ dwar il-kundizzjoni ta' l-art li se tkun affettwata mill-faċilità ta' skart.
Il-pjan ta’ mmaniġġar ta’ l-iskart għandu jipprovdi biżżejjed informazzjoni sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tivvaluta l-kapaċità ta’ l-operatur li jilħaq l-għanijiet tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ l-iskart kif stabbiliti fil-paragrafu 2 u l-obbligi tiegħu skond din id-Direttiva. B'mod partikulari, il-pjan għandu jispjega kif l-għażla u l-metodu magħżula kif imsemmi fil-paragrafu 2(a)(i) se jilħqu l-objettivi tal-pjan għall-immaniġġar ta' l-iskart kif stipulat fil-paragrafu 2(a).
4. Il-pjan ta’ mmaniġġar ta’ l-iskart għandu jiġi rivedut kull ħames snin u/jew emendat, kif xieraq, fil-każ ta’ tibdiliet sostanzjali fl-operazzjoni tal-faċilità ta’ l-iskart jew fl-iskart depożitat. Kwalunkwe emendi għandhom jiġu notifikati lill-awtorità kompetenti.
5. Pjanijiet prodotti skond liġijiet nazzjonali jew Komunitarji oħrajn u li fihom l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 3 jistgħu jintużaw fejn dan jevita d-duplikazzjoni mhux meħtieġa ta’ informazzjoni u r-ripetizzjoni tax-xogħol mill-operatur, bil-kondizzjoni li r-rekwiżiti kollha skond il-paragrafi 1 sa 4 jiġu milħuqa.
6. L-awtorità kompetenti għandha tapprova l-pjan ta’ mmaniġġar ta’ l-iskart abbażi tal-proċeduri li għandhom jiġu deċiżi mill-Istati Membri u għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tiegħu.
Artikolu 6
Prevenzjoni ta’ inċidenti maġġuri u informazzjoni
1. Dan l-Artikolu għandu japplika għal faċilitajiet ta’ l-iskart tal-Kategorija A, ħlief għal dawk il-faċilitajiet ta’ l-iskart li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 96/82/KE.
2. Mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni Komunitarja oħra, u b’mod partikolari d-Direttivi 92/91/KEE u 92/104/KEE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perikolu ta’ inċidenti maġġuri jiġi identifikat u li l-karatteristiċi meħtieġa jiġu inkorporati fl-ippjanar, il-kostruzzjoni, l-operazzjoni u l-manutenzjoni, l-għeluq u l-fażi ta’ wara l-għeluq tal-faċilità ta’ l-iskart sabiex jiġu evitati tali inċidenti u jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi tagħhom għas-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent, inkluż kwalunkwe impatt transkonfinali.
3. Għall-finijiet tar-rekwiżiti taħt il-paragrafu 2, kull operatur għandu, qabel il-bidu ta’ l-operazzjonijiet, ifassal politika ta’ prevenzjoni ta’ l-inċidenti maġġuri għall-immaniġġar ta’ skart ta’ estrazzjoni u jpoġġi fis-seħħ sistema ta' amministrazzjoni tas-sigurtà li jimplimetaha, skond l-elementi stabbiliti f' Taqsima 1 ta’ l-Anness I, u għandu wkoll ipoġġi fis-seħħ pjan ta’ emerġenza intern li jispeċifika l-miżuri li għandhom jittieħdu fis-sit fil-każ ta’ inċident.
Bħala parti minn dik il-politika, l-operatur għandu jaħtar direttur tas-sigurtà responsabbli għall-implimentazzjoni u s-superviżjoni perjodika tal-politika ta' prevenzjoni ta' inċidenti maġġuri.
L-awtorità kompetenti għandha tfassal pjan ta' emerġenza estern li jispeċifika l-miżuri li għandhom jittieħdu barra mis-sit fil-każ ta’ inċident. Bħala parti mill-applikazzjoni għal permess, l-operatur għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni meħtieġa sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tfassal dak il-pjan.
4. Il-pjanijiet ta’ emerġenza msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikollhom l-għanijiet li ġejjin:
a) sabiex jiġu kontenuti u kkontrollati l-inċidenti maġġuri u inċidenti oħra biex b’hekk jiġu minimizzati l-effetti tagħhom, u b’mod partikolari biex tiġi limitata l-ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent;
b) sabiex jiġu implimentati l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent mill-effetti ta’ inċidenti maġġuri u inċidenti oħra;
ċ) sabiex l-informazzjoni meħtieġa tiġi komunikata lill-pubbliku u lis-servizzi jew l-awtoritajiet relevanti fl-inħawi;
d) sabiex jaħsbu għar-riabilitazzjoni, r-restawr u t-tindif ta’ l-ambjent wara inċident maġġuri.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'każ ta' inċident maġġuri, l-operatur jipprovdi minnufih lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex tgħin sabiex jiġu minimizzati l-konsegwenzi tiegħu għas-saħħa tal-bniedem u sabiex jiġi valutat u minimizzat il-grad tal-ħsara, attwali jew potenzjali, għall-ambjent.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku konċernat jingħata opportunitajiet bikrija u effettivi sabiex jipparteċipa fit-tħejjija jew ir-reviżjoni tal-pjan ta' emerġenza estern li għandu jiġi mfassal skond il-paragrafu 3. Għal dak il-għan, il-pubbliku konċernat għandu jiġi infurmat dwar kwalunkwe tali proposta u l-informazzjoni rilevanti għandha ssir disponibbli, inkluż inter alia informazzjoni dwar id-dritt għall-parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u dwar l-awtorità kompetenti li lilha jistgħu jiġu ppreżentati kummenti u mistoqsijiet.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku konċernat ikollu d-dritt jesprimi kummenti f’termini ta’ żmien raġonevoli u li, fid-deċiżjoni dwar il-pjan ta' emerġenza estern, jittieħed kont dovut ta’ dawn il-kummenti.
6. L-Istati Membru għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-miżuri ta’ sigurtà u dwar l-azzjoni meħtieġa fil-każ ta’ inċident, li fiha mill-inqas l-elementi mniżżla f' taqsima 2 ta’ l-Anness I tiġi pprovduta, mingħajr ħlas u awtomatikament, lill-pubbliku konċernat.
Dik l-informazzjoni għandha tiġi riveduta kull tliet snin u, fejn meħtieġ, aġġornata.
Artikolu 7
Applikazzjoni u permess
1. L-ebda faċilità ta’ l-iskart m'għandha titħalla topera mingħajr permess mogħti mill-awtorità kompetenti. Il-permess għandu jkun fih l-elementi speċifikati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u għandu jindika b’mod ċar il-kategorija tal-faċilità ta' l-iskart skond il-kriterji msemmija fl-Artikolu 9.
Bla ħsara għal konformità mar-rekwiżiti kollha skond dan l-Artikolu, kwalunkwe permess prodott skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew Komunitarja jista’ jiġi mgħaqqad sabiex jifforma permess wieħed, fejn tali format jevita d-duplikazzjoni mhux meħtieġa ta’ informazzjoni u r-ripetizzjoni ta' xogħol mill-operatur jew l-awtorità kompetenti. Id-dettalji speċifikati fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu koperti minn permess uniku jew bosta permessi, sakemm ikun hemm konformità mar-rekwiżiti kollha taħt dan l-Artikolu.
2. L-applikazzjoni għal permess għandu jkun fiha mill-inqas id-dettalji li ġejjin:
a) l-identità ta’ l-operatur;
b) il-lok propost tal-faċilità ta’ l-iskart, inkluż kwalunkwe sit alternattiv possibbli;
ċ) il-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart skond l-Artikolu 5;
d) arranġamenti xierqa għal garanzija finanzjarja jew l-ekwivalenti, kif meħtieġ mill-Artikolu 14;
e) l-informazzjoni provduta mill-operatur skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/337/KEE ( 19 ) jekk hi meħtieġa valutazzjoni ta’ l-impatt ambjentali skond dik id-Direttiva.
3. L-awtorità kompetenti għandha tagħti permess biss jekk hi sodisfatta li:
a) l-operatur jikkonforma mal-ħtiġiet rilevanti skond din id-Direttiva;
b) l-immaniġġar ta’ l-iskart ma jkunx f’kunflitt dirett jew b'xi mod ieħor ifixkel l-implimentazzjoni tal-pjan jew pjanijiet ta’ mmaniġġar ta’ l-iskart rilevanti msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 75/442/KEE.
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti perjodikament jikkunsidraw mill-ġdid u, fejn meħtieġ, jaġġornaw il-kondizzjonijiet tal-permess:
— fejn ikun hemm tibdiliet sostanzjali fl-operazzjoni tal-faċilità ta' l-iskart jew fl-iskart depożitat;
— abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ irrapurtat mill-operatur skond l-Artikolu 11(3) jew spezzjonijiet imwettqa skond l-Artikolu 17;
— fid-dawl ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni dwar tibdiliet sostanzjali fl-aqwa tekniki disponibbli skond l-Artikolu 21(3).
5. L-informazzjoni f’permess mogħti skond dan l-Artikolu għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet ta’ l-istatistika kompetenti kemm nazzjonali kif ukoll Komunitarji fejn mitluba għal finijiet ta’ statistika. Informazzjoni sensittiva ta’ natura purament kummerċjali, bħal informazzjoni dwar relazzjonijiet kummerċjali u komponenti ta' spiża u l-volum ta’ riżervi minerali ekonomiċi, ma għandhiex issir pubblika.
Artikolu 8
Parteċipazzjoni tal-pubbliku
1. Il-pubbliku għandu jkun infurmat, permezz ta’ avviżi pubbliċi jew mezzi xierqa oħra, bħal medja elettronika fejn disponibbli, dwar il-kwistjonijiet li ġejjin, kmieni fil-proċedura għall-għoti ta’ permess jew, l-aktar tard, hekk kif l-informazzjoni tista’ b’mod raġonevoli tiġi provduta:
a) l-applikazzjoni għal permess;
b) fejn applikabbli, il-fatt li deċiżjoni dwar applikazzjoni għal permess hija soġġetta għal konsultazzjoni bejn l-Istati Membri skond l-Artikolu 16;
ċ) id-dettalji ta’ l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jieħdu d-deċiżjoni, dawk li mingħandhom tista’ tinkiseb l-informazzjoni rilevanti, dawk li lilhom jistgħu jiġu sottomessi kummenti jew mistoqsijiet, u d-dettalji ta’ l-iskeda tal-ħin biex jiġu trasmessi kummenti jew mistoqsijiet;
d) in-natura tad-deċiżjonijiet possibbli;
e) fejn applikabbli, id-dettalji dwar proposta għall-aġġornament ta’ permess jew tal-kondizzjonijiet għal permess;
f) indikazzjoni tal-ħinijiet u l-postijiet fejn, jew il-mezzi li bihom, l-informazzjoni rilevanti ssir disponibbli;
g) id-dettalji ta’ l-arranġamenti għall-perteċipazzjoni u l-konsultazzjoni pubblika magħmula skond il-paragrafu 7.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’termini ta’ żmien adegwati, dan li ġej isir disponibbli għall-pubbliku konċernat:
a) skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rapporti u l-pariri ewlenija mgħoddija lill-awtorità kompetenti fiż-żmien meta l-pubbliku ġie infurmat skond il-paragrafu 1;
b) skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess għall-pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent ( 20 ), kwalunkwe informazzjoni oħra barra dik imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li hi rilevanti għad-deċiżjoni skond l-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva li ssir disponibbli biss wara ż-żmien li l-pubbliku jkun ġie infurmat skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li l-pubbliku jiġi infurmat, skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dwar aġġornament tal-kondizzjonijiet għall-permess skond l-Artikolu 7 (4).
4. Il-pubbliku konċernat għandu jkollu d-dritt jesprimi kummenti u opinjonijiet lill-awtorità kompetenti qabel ma tittieħed deċiżjoni.
5. Għandu jittieħed kont xieraq tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet miżmuma skond dan l-Artikolu fit-teħid ta’ deċiżjoni.
6. Meta tittieħed deċiżjoni, l-awtorità kompetenti għandha, skond il-proċeduri xierqa, tinforma lill-pubbliku konċernat u tqiegħed l-informazzjoni li ġejja għad-dispożizzjoni tal-pubbliku konċernat:
a) il-kontenut tad-deċiżjoni, inkluża kopja tal-permess;
b) ir-raġunijiet u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom hi bbażata d-deċiżjoni.
7. L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku skond dan l-Artikolu għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri sabiex il-pubbliku konċernat ikun jista’ jipprepara u jipparteċipa b’mod effettiv.
Artikolu 9
Sistema ta’ klassifikazzjoni għal faċilitajiet ta’ l-iskart
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikklassifikaw faċilità ta' l-iskart bħala Kategorija A skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III.
Artikolu 10
Spazji imħaffra
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-operatur ikun qed jitfa' l-iskart ta' l-estrazzjoni lura fl-ispazji imħaffra għal skopijiet ta' riabilitazzjoni u kostruzzjoni, kemm jekk saru permezz ta' estrazzjoni minn fuq wiċċ l-art kif ukoll minn taħt l-art, dan għandu jieħu miżuri xierqa sabiex:
1) jiżgura l-istabbiltà ta' l-iskart ta' estrazzjoni skond, mutatis mutandis, l-Artikolu 11(2);
2) jevita t-tniġġis tal-ħamrija, ta' l-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art skond, mutatis mutandis, l-Artikolu 13(1), (3) u (5);
3) jiżgura l-monitoraġġ ta' l-iskart ta' estrazzjoni u ta' l-ispazju mħaffer skond, mutatis mutandis, l-Artikolu 12(4) u (5).
2. Id-Direttiva 1999/31/KE għandha tibqa' tapplika għall-iskart barra minn skart ta' estrazzjoni użat għall-mili ta' spazji imħaffra kif xieraq.
Artikolu 11
Kostruzzjoni u amministrazzjoni tal-faċilitajiet ta' l-iskart
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw li l-amministrazzjoni ta' faċilità ta' l-iskart tkun f'idejn persuna kompetenti u li jiġu provduti żvilupp tekniku u taħriġ tal-persunal.
2. L-awtorità kompetenti għandha tissodisfa lilha nfisha li, meta tkun qed tinbena faċilità ta' l-iskart ġdida jew tkun qed tiġi modifikata faċilità eżistenti ta' l-iskart, l-operatur jiżgura li:
a) il-faċilità ta' l-iskart tinsab f'post adegwat, filwaqt li jittieħed kont b'mod partikulari ta' l-obbligi Komunitarji u nazzjonali relatati ma' nħawi protetti, u ta' fatturi ġeoloġiċi, idroloġiċi, idroġeoloġiċi, sismiċi u ġeotekniċi, u tkun ippjanata b'mod li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex, fil-perspettivi għall-perjodu qasir u għall-perjodu fit-tul, jiġi evitat t-tniġġis tal-ħamrija, ta' l-arja, ta' l-ilma tal-wiċċ jew ta' taħt l-art, u filwaqt li jittieħed kont b'mod speċjali tad-Direttivi 76/464/KEE ( 21 ), 80/68/KEE ( 22 ) u 2000/60/KE, u filwaqt li jiġi żgurat il-ġbir effiċjenti ta' l-ilma kontaminat u ta' l-lissija kif u meta meħtieġ skond il-permess, u t-tnaqqis ta' l-erożjoni kaġunata mill-ilma jew mir-riħ sakemm ikun teknikament possibbli u ekonomikament vijabbli;
b) il-faċilità ta' l-iskart tkun mibnija, immexxija u miżmuma b'mod xieraq sabiex tkun żgurata l-istabbiltà fiżika tagħha u sabiex ikun evitat it-tniġġis jew kontaminazzjoni tal-ħamrija, ta' l-arja, ta' l-ilma tal-wiċċ jew ta' taħt l-art fil-perspettivi għall-perjodu qasir u għall-perjodu fit-tul kif ukoll tiġi minimizzata sa fejn possibbli l-ħsara lill-pajsaġġ;
ċ) ikun hemm pjanijiet u arranġamenti xierqa għall-monitoraġġ u l-ispezzjoni regolari tal-faċilità ta' l-iskart minn persuni kompetenti u sabiex tittieħed azzjoni fil-każ li r-riżultati jindikaw instabbiltà jew tniġġis ta' l-ilma jew tal-ħamrija;
d) isiru arranġamenti xierqa għar-riabilitazzjoni ta' l-art u għall-għeluq tal-faċilità ta' l-iskart;
e) isiru arranġamenti xierqa għall-fażi ta' wara l-għeluq tal-faċilità ta' l-iskart.
Għandhom jinżammu reġistri tal-monitoraġġ u l-ispezzonijiet imsemmija fil-punt ċ), flimkien mad-dokumentazzjoni dwar il-permess sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni tingħadda b'mod xieraq, partikolarment fil-każ ta' bdil ta' l-operatur.
3. L-operatur għandu, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 48 siegħa wara, jinnotifika lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe avveniment li x'aktarx ikun jaffettwa l-istabbiltà tal-faċilita' ta' l-iskart u b'kull effett ambjentali negattiv sinifikanti żvelat mill-proċeduri ta' kontroll u monitoraġġ tal-faċilità ta' l-iskart. L-operatur għandu jimplimenta l-pjan ta' emerġenza intern, fejn applikabbli, u jsegwi kwalunkwe istruzzjoni oħra mill-awtorità kompetenti fir-rigward tal-miżuri korrettivi li jridu jittieħdu.
L-operatur għandu jkopri l-ispejjeż tal-miżuri li jridu jittieħdu.
Bi' frekwenza li trid tiġi ddeterminata mill-awtorità kompetenti, u fi'kwalunkwe każ mill-inqas darba fis-sena, l-operatur għandu jirrapporta, abbażi tad-data aggregata, ir-riżultati kollha ta' monitoraġġ lill-awtoritajiet kompetenti bil-għan li tintwera l-konformità mal-kondizzjonijiet tal-permess u sabiex jiżdied it-tagħrif dwar l-imġieba ta' l-iskart u tal-faċilità ta' l-iskart. Abbażi ta' dan ir-rapport l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li hi meħtieġa validazzjoni minn espert indipendenti.
Artikolu 12
Proċeduri ta' għeluq u ta' wara l-għeluq għall-faċilitajiet ta' l-iskart
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw konformità mal-paragrafi 2 sa 5.
2. Faċilità ta' l-iskart għandha tibda proċedura ta' għeluq biss jekk tiġi sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
a) ikunu ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti msemmija fil-permess;
b) tingħata l-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti, fuq talba ta' l-operatur;
ċ) l-awtorità kompetenti toħroġ deċiżjoni raġunata għal dak l-iskop.
3. Faċilità ta' l-iskart tista' biss tiġi kkunsidrata li tkun definittivament magħluqa wara li l-awtorità kompetenti tkun, mingħajr dewmien żejjed, wettqet spezzjoni finali fuq il-post, assessjat ir-rapporti kollha sottomessi mill-operatur, iċċertifikat li l-art affettwata mill-faċilità ta' l-iskart ġiet rriabilitata u kkomunikat lill-operatur l-approvazzjoni tagħha għall-għeluq.
Dik l-approvazzjoni ma tnaqqas b'ebda mod l-obbligi ta' l-operatur taħt il-kondizzjonijiet tal-permess jew mod ieħor skond il-liġi.
4. L-operatur għandu jkun responsabbli għall-manutenzjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u l-miżuri korrettivifil-fażi ta' wara l-għeluq sakemm ikun meħtieġ mill-awtorità kompetenti, b'kont meħud tan-natura u tad-dewmien tal-periklu, ħlief fejn l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tassumi dawn id-doveri ta' l-operatur wara li faċilità ta' l-iskart tkun definittivament ingħalqet u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali jew Komunitarja li tirregola r-responsabbiltajiet tad-detentur ta' l-iskart.
5. Meta, wara l-għeluq ta' faċilità ta' l-iskart, ikun ikkunsidrat meħtieġ mill-awtorità kompetenti biex jintlaħqu l-istandards ambjentali tal-Komunità, b'mod partikulari dawk fid-Direttivi 76/464/KEE, 80/68/KEE u 2000/60/KE, l-operatur għandu, inter alia, jikkontrolla l-istabbiltà fiżika u kimika tal-faċilità u jimminimizza kwalunkwe effett ambjentali negattiv, partikolarment fir-rigward ta' l-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art, billi jiżgura li:
a) l-istrutturi kollha li għandhom x'jaqsmu mal-faċilità huma sorveljati u kkonservati, b'apparat ta' kontroll u ta' kejl dejjem lest għall-użu;
b) fejn applikabbli, il-kanali u l-passaġġi ta' tifwir għandhom jinżammu nodfa u liberi.
6. Wara l-għeluq ta' faċilità ta' skart, l-operatur għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-awtorita' kompetenti bi kwalunkwe ġrajjiet jew żviluppi li x'aktarx jaffettwaw l-istabbiltà tal-faċilità ta' l-iskart u kwalunkwe effett ambjentali negattiv sinifikanti żvelat mill-proċeduri rilevanti ta' kontroll u monitoraġġ. L-operatur għandu jimplimenta l-pjan ta' emerġenza intern, fejn applikabbli, u jsegwi kwalunkwe istruzzjoni oħra mill-awtorità kompetenti fir-rigward tal-miżuri korrettivi li jridu jittieħdu.
L-operatur għandu jkopri l-ispejjeż tal-miżuri li jridu jittieħdu.
F'każijiet u bi frekwenza li trid tiġi ddeterminata mill-awtorità kompetenti, l-operatur għandu jirrapporta, abbażi tad-data aggregata, ir-riżultati kollha ta' monitoraġġ lill-awtoritajiet kompetenti bil-għan li tintwera l-konformità mal-kondizzjonijiet tal-permess u sabiex jiżdied it-tagħrif dwar l-imġiba ta' l-iskart u tal-faċilità ta' l-iskart.
Artikolu 13
Prevenzjoni tad-deterjorament ta' l-istatus ta' l-ilma, tat-tniġġis ta' l-arja u tal-ħamrija
1. L-awtorità kompetenti għandha tissodisfa lilha nfisha li l-operatur ikun ħa l-miżuri meħtieġa sabiex jilħaq l-istandards ambjentali tal-Komunità, b'mod partikulari, biex jipprevjeni, skond id-Direttiva 2000/60/KE, id-deterjorament ta' l-istat attwali ta' l-ilma, inter alia billi:
a) jivvaluta l-potenzjal ta' ġenerazzjoni tal-lissija, inkluż il-kontenut kontaminanti tal-lissija, ta' l-iskart depożitat matul il-fasi kemm operazzjonali kif ukoll ta' wara l-għeluq tal-faċilità ta' l-iskart u jiddetermina l-bilanċ ta' l-ilma tal-faċilità ta' l-iskart;
b) jevita jew jimminimizza l-ġenerazzjoni tal-lissija u li l-ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ u l-ħamrija jiġu kkontaminati mill-iskart;
ċ) jiġbor u jittratta l-ilma kkontaminat u l-lissija miġbura mill-faċilità ta' l-iskart sabiex jilħqu l-istandard xieraq meħtieġ għall-iskarikar tagħhom.
2. L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-operatur ikun ħa miżuri xierqa sabiex jevita jew inaqqas l-emissjonijiet ta' trab u ta' gass.
3. Fejn, abbażi ta' valutazzjoni tar-riskji ambjentali, filwaqt li jittieħed kont, partikolarment, tad-Direttivi 76/464/KEE, 80/68/KEE jew 2000/60/KE, kif applikabbli, l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet li l-ġbir u t-trattament tal-lissija mhux meħtieġa jew ikun ġie stabbilit li l-faċilità ta' l-iskart ma toħloq ebda perikli potenzjali għall-ħamrija, l-ilma ta' taħt l-art jew tal-wiċċ, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti b) u ċ) tal-paragrafu 1 jistgħu jitnaqqsu jew jitneħħew skond dan.
4. L-Istati Membri għandhom iħallu li jsir rimi ta' skart ta' estrazzjoni, kemm f'forma solida, likwida jew tajn fi kwalunkwe korp ta' ilma li jirċievi barra minn wieħed mibni għall-iskop li jintrema skart ta' estrazzjoni bil-kondizzjoni li l-operatur jikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti tad-Direttiva 76/464/KEE, 80/68/KEE u 2000/60/KE.
5. Meta skart ta' estrazzjoni jitpoġġa lura fi spazji mħaffra, sew jekk hemm jekk saru permezz ta' estrazzjoni minn fuq wiċċ l-art kif ukoll minn taħt l-art, li jkunu se jitħallew jegħrqu wara l-għeluq, l-operatur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjeni jew jimminimizza d-deterjorazzjoni ta' l-istatus ta' l-ilma u t-tniġġis tal-ħamrija skond, mutatis mutandis, il-paragrafu (1) u (3). L-operatur għandu jipprovdi lill-Awtorità Kompetenti bl-informazzjoni neċessarju biex tiżgura li jiġu eżegwiti l-obbligazzjonijiet tal-Komunità b'mod partikolari dawk imsemmija fid-Direttiva 2000/60/KE.
6. Fil-każ ta' għadira li tkun tinvolvi l-preżenza taċ-ċjanur, l-operatur għandu jiżgura li l-konċentrazzjoni taċ-ċjanur dissoċjabbli b'aċtu dgħajjef fl-għadira titnaqqas għall-inqas livell possibbli billi jintużaw l-aħjar tekniki disponibbli u li, fi kwalunkwe każ, f'faċilitajiet li jkunu ngħataw permess qabel jew li kienu diġà joperaw fl-1 ta' Mejju 2008 li l-konċentrazzjoni ta' ċjanur dissoċjabbli b'aċtu dgħajjef fil-ħin ta' l-iskarigu tat-tailings mill-impjant ta' pproċessar għal ġewwa l-għadira ma jaqbiżx il-50 ppm mill-1 ta' Mejju 2008, il-25 ppm mill-1 ta' Mejju 2013, l-10 ppm mill-1 ta' Mejju 2018 u l-10 ppm f'faċilitajiet li jingħataw permess wara l-1 ta' Mejju 2008.
Jekk jiġi mitlub jagħmel hekk mill-awtorità kompetenti, l-operatur għandu juri, permezz ta' valutazzjoni tar-riskju li tieħu kont tal-kondizzjonijiet speċifiċi tas-sit, li ma hemmx bżonn li dawk il-limiti ta' konċentrazzjonijiet jitnaqqsu aktar.
Artikolu 14
Garanzija finanzjarja
1. L-awtorità kompetenti għandha, qabel ma jinbdew kwalunkwe operazzjonijiet li jinvolvu l-akkumulu jew id-depożitu ta' skart ta' l-estrazzjoni ġo faċilità ta' l-iskart, titlob garanzija finanzjarja (p.e. f'forma ta' depożitu finanzjarju, inklużi fondi ta' garanzija reċiproka sponserjati mill-industrija) jew l-ekwivalenti, skond proċeduri li jridu jiġu deċiżi mill-Istati Membri, sabiex:
a) l-obbligi kollha taħt il-permess li jinħareġ skond din id-Direttiva, inklużi d-dispożizzjonijiet ta' wara l-għeluq, jiġu sodisfatti;
b) ikun hemm fondi faċilment disponibbli fi kwalunkwe ħin għar-riabilitazzjoni ta' l-art affettwata mill-faċilità ta' l-iskart, kif deskritta fil-pjan ta' mmanniġġar ta' skart ppreparat skond l-Artikolu 5 u meħtieġ mill-permess skond l-Artikolu 7.
2. Il-kalkolu tal-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 għandu jsir abbażi ta':
a) l-impatt ambjentali probabbli tal-faċilità ta' skart, filwaqt li jittieħed kont partikolarment tal-kategorija tal-faċilità ta' skart, tal-karatteristiċi ta' l-iskart u ta' l-użu futur ta' l-art riabilitata;
b) il-presunzjoni li terzi partijiet indipendenti u kwalifikati kif xieraq jivvalutaw u jwettqu kwalunkwe xogħol ta' riabilitazzjoni meħtieġ.
3. L-ammont tal-garanzija għandu jiġi aġġustat perjodikament skond kwalunkwe xogħol ta' riabilitazzjoni li jeħtieġ li jitwettaq fil-faċilità ta' l-iskart, kif deskritta fil-pjan ta' mmanniġġar ta' skart ippreparat skond l-Artikolu 5 u meħtieġ mill-permess skond l-Artikolu 7.
4. Fejn l-awtorità kompetenti tapprova l-għeluq skond l-Artikolu 12(3), għandha tipprovdi lill-operatur b'dikjarazzjoni bil-miktub li teħilsu mill-obbligu ta' garanzija msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu bl-eċċezzjoni ta' l-obbligi ta' wara l-għeluq kif imsemmi fl-Artikolu 12(4).
Artikolu 15
Responsabbiltà ambjentali
Il-punt li ġej għandu jiżdied ma' l-Anness III tad-Direttiva 2004/35/KE kif ġej:
“13. L-immaniġġar ta' l-iskart ta' estrazzjoni skond id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart minn industriji ta' estrazzjoni ( 23 ).
Artikolu 16
Effetti transkonfinali
1. Meta Stat Membru li fih tinsab faċilità ta' skart jkun konxju li l-operazzjoni ta' faċilità ta' l-iskart ta' Kategorija A x'aktarx ikollha effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent ta', u kwalunkwe riskji li jirriżultaw għas-saħħa tal-bniedem fi, Stat Membru ieħor, jew meta Stat Membru li x'aktarx li jiġi effettwat b'dan il-mod jitlob hekk, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ġiet ppreżentata l-applikazzjoni għal permess skond l-Artikolu 7 għandu jibgħat l-informazzjoni provduta skond dak l-Artikolu lill-Istat Membru l-ieħor fl-istess waqt li fih jagħmilha disponibbli liċ-ċittadini tiegħu stess.
Tali informazzjoni għandha sservi ta' bażi għal kwalunkwe konsultazzjoni meħtieġa fil-kuntest ta' relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ Stati Membri fuq bażi reċiproka u ekwivalenti.
2. Fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 l-applikazzjonijiet huma wkoll disponibbli għal perjodu xieraq ta' żmien lill-pubbliku kkonċernat ta' l-Istat Membru li x'aktarx ikun ser jiġi affettwat sabiex ikollu d-dritt jikkummenta dwarhom qabel ma l-awtorità kompetenti tieħu d-deċiżjoni tagħha.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'każ ta' inċident li jkun jinvolvi faċilità ta' l-iskart kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-informazzjoni pprovduta mill-operatur lill-awtorità kompetenti skond l-Artikolu 6(4) ta' dan l-Artikolu tgħaddi immedjatament lill-Istat Membru l-ieħor sabiex tgħin biex jiġu minimizzati l-konsegwenzi ta' l-inċident għas-saħħa tal-bniedem u sabiex jiġi valutat u minimizzat il-grad tal-ħsara attwali jew potenzjali għall-ambjent.
Artikolu 17
Spezzjonijiet mill-awtorità kompetenti
1. Qabel ma jibdew l-operazzjonijiet ta' depożitu u, wara dan, f'intervalli regolari, inkluża l-fażi ta' wara l-għeluq, li jiġu deċiżi mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtorità kompetenti għandha tispezzjona kwalunkwe faċilità ta' l-iskart koperta bl-Artikolu 7 sabiex tiżgura li tikkonforma mal-kondizzjonijiet rilevanti tal-permess. Riżultat affermattiv ma għandu b'ebda mod inaqqas mir-responsabbiltà ta' l-operatur taħt il-kondizzjonijiet tal-permess.
2. L-Istati Membri għandhom jitolbu li l-operatur iżomm reġistri aġġornati ta' l-operazzjonijiet kollha dwar l-amministrazzjoni ta' l-iskart u jagħmilhom disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtorità kompetenti u biex jiżgura li, f'każ ta' bidla ta' l-operatur matul l-amministrazzjoni ta' faċilità ta' l-iskart, ikun hemm trasferiment xieraq ta' l-informazzjoni u r-reġistri aġġornati rilevanti li għandhom x'jaqsmu mal-faċilità ta' skart.
Artikolu 18
Obbligu ta' rappurtar
1. L-Istati Membri għandhom, f'intervalli ta' tliet snin, jittrasmettu lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jitfassal abbażi ta' kwestjonarju jew prospett li jiġi adottat mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(2). Ir-rapport għandu jiġi trasmess lill-Kummissjoni fi żmien disa' xhur mill-għeluq tal-perjodu tat-tliet snin li jkopri.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fi żmien disa' xhur minn meta tirċievi r-rapporti mill-Istati Membri.
2. Kull sena l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar avvenimenti nnotifikati mill-operaturi skond l-Artikoli 11(3) u 12(6). Il-Kummissjoni għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta' l-Istati Membri fuq talba tagħhom. Mingħajr ħsara għal-liġi Komunitarja dwar l-aċċess mill-pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent, l-Istati Membri għandhom min-naħa tagħhom iqiegħdu l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-membri tal-pubbliku konċernati fuq talba tagħhom.
Artikolu 19
Pieni
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Artikolu 20
Inventarju ta' faċilitajiet ta' l-iskart magħluqa
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir inventarju li perjodikament jiġi aġġornat tal-faċilitajiet ta' l-iskart magħluqa, inklużi faċilitajiet ta' l-iskart abbandunati, li jinsabu fit-territorju tagħhom li jikkaġunaw impatti negattivi ambjentali serji jew li għandhom il-potenzjal li fil-perjodu medju jew qasir ikunu ta' theddid serju għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Tali inventarju, li għandu jkun disponibbli lill-pubbliku, għandu jitwettaq sa l-1 ta' Mejju 2012, filwaqt li jittieħed kont tal-metodoloġiji kif imsemmi fl-Artikolu 21, jekk disponibbli.
Artikolu 21
Skambju ta' informazzjoni
1. Il-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23, għandha tiżgura li hemm skambju xieraq ta' informazzjoni teknika u xjentifika bejn l-Istati Membri, bl-iskop li jiġu żviluppati metodoloġiji dwar:
a) l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 20;
b) ir-riabilitazzjoni ta' dawk il-faċilitajiet ta' l-iskart magħluqin identifikati taħt l-Artikolu 20 sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva. Tali metodoloġiji għandhom jippermettu l-istabbiliment tal-proċeduri ta' valutazzjoni ta' riskju u l-azzjonijiet korrettivi l-aktar xierqa filwaqt li jittieħed kont tal-varjazzjoni tal-karatteristiċi ġeoloġiċi, idroġeoloġiċi u klimatoloġiċi madwar l-Ewropa.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti ssegwi l-iżviluppi fl-aqwa tekniki disponibbli jew tiġi infurmata dwarhom.
3. Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati dwar l-aqwa tekniki disponibbli, il-monitoraġġ assoċjat u l-iżviluppi fihom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati dwar l-iskambju ta' informazzjoni.
Artikolu 22
1. Il-Kummissjoni għandha, f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2), tadotta dan li ġej:
(a) id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-armonizzazzjoni u t-trażmissjoni regolari tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(5) u fl-Artikolu 12(6);
(b) linji gwida tekniċi għall-istabbiliment tal-garanzija finanzjarja skont ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 14(2);
(ċ) linji gwida tekniċi għall-ispezzjonijiet skont l-Artikolu 17.
2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għal dan li ġej, waqt li l-punti (b), (c) u (d) jieħdu prijorità:
(a) l-implimentazzjoni tal-Artikolu 13(6), inklużi r-rekwiżiti tekniċi fir-rigward tad-definizzjoni taċ-ċjanur dissoċjabbli b’aċtu dgħajjef u l-metodu ta’ kejl tiegħu;
(b) l-ikkompletar tar-rekwiżiti tekniċi għall-karatterizzazzjoni tal-iskart li jinsabu fl-Anness II;
(ċ) l-interpretazzjoni tad-definizzjoni li tinsab f’punt 3 tal-Artikolu 3;
(d) id-definizzjoni tal-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-faċilitajiet tal-iskart skont l-Anness III;
(e) id-determinazzjoni ta’ kwalunkwe standards armonizzati għall-metodi ta’ ġbir ta’ kampjuni u analiżi meħtieġa għall-implimentazzjoni teknika ta’ din id-Direttiva.
Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia, billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(3).
3. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-emendi meħtieġa għall-Annessi għall-fini li tadattahom għall-progress xjentifiku u tekniku. Dawk l-emendi għandhom isiru bil-għan li jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien ambjentali.
Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(3).
Artikolu 23
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 75/442/KEE, minn issa 'l quddiem “il-Kumitat”.
2. Fejn hemm riferiment għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.
Artikolu 24
Dispożizzjoni transitorja
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe faċilità ta' l-iskart li tkun ingħatat permess jew li diġà tkun qed topera fl-1 ta' Mejju 2008 tkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva sa l-1 ta' Mejju 2012, ħlief għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 14(1) li għalihom il-konformità trid tiġi żgurata sa l-1 ta' Mejju 2014 u għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 13(6) li għalihom il-konformità trid tiġi żgurata skond il-programm ta' żmien stabbilit hemmhekk.
2. Il-paragrafu 1 ma japplikax għal faċilitajiet ta' skart li jkunu magħluqa sa l-1 ta' Mejju 2008.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li mill-1 ta' Mejju 2006 u minkejja kull għeluq ta' faċilità ta' l-iskart imsemmija wara dik id-data u qabel l-1 ta' Mejju 2008, l-iskart ta' estrazzjoni jiġi mmaniġġat b'mod li ma jippreġudikax it-twettiq ta' l-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva, u rekwiżiti ambjentali applikabbli oħra msemmija fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità li tinkludi d-Direttiva 2000/60/KE.
4. L-Artikoli 5, 6(3) sa (5), 7, 8, 12(1) u (2) u 14(1) sa (3) ta' din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal dawk il-faċilitajiet ta' skart li:
— waqfu milli jaċċettaw skart qabel l-1 ta' Mejju 2006,
— qed ilestu l-proċeduri ta' għeluq skond il-liġi Komunitarja jew nazzjonali applikabbli jew il-programmi approvati mill-awtorità kompetenti u
— sejrin ikunu effettivament magħluqa sal-31 ta' Diċembru 2010.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'tali każijiet sa l-1 ta' Awwissu 2008, u jiżguraw li dawn il-faċilitajiet jiġu amministrati b'mod li ma jippreġudikax il-kisba tal-miri ta' din id-Direttiva b'mod partikolari l-għanijiet ta' l- Artikolu 4(1) u dawk ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni Komunitarja oħra, inkluża d-Direttiva 2000/60/KE.
Artikolu 25
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Mejju 2008. Għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni b'dan.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew tali riferenza għandha takkumpanjahom meta jkunu ppubblikati uffiċjalment. Il-mod kif issir tali riferenza għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 26
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 27
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS I
Politika ta' prevenzjoni ta' inċidenti maġġuri u informazzjoni li trid tiġi kkomunikata lill-pubbliku konċernat
1. Politika ta' prevenzjoni ta' inċidenti maġġuri
Il-politika ta' prevenzjoni ta' inċidenti maġġuri u s-sistema ta' amministrazzjoni tas-sigurtà ta' l-operatur għandhom ikunu proporzjonati għall-perikli ta' inċidenti maġġuri li toħloq il-faċilità ta' l-iskart. Għall-iskop li jiġu implimentati, għandu jittieħed kont ta' l-elementi li ġejjin:
1) il-politika ta' prevenzjoni ta' inċidenti maġġuri għandha tinkludi l-għanijiet ġenerali u l-prinċipji ta' azzjoni ta' l-operatur fir-rigward tal-kontroll ta' perikli ta' inċidenti maġġuri;
2) is-sistema ta' amministrazzjoni tas-sigurtà għandha tinkludi l-parti tas-sistema ta' amministrazzjoni ġenerali li tinkludi l-istruttura ta' organizzazzjoni, ir-responsabbiltajiet, il-prattiċi, il-proċeduri, il-proċessi u r-riżorsi sabiex tiġi determinata u implimentata l-politika ta' prevenzjoni ta' inċidenti maġġuri;
3) il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jiġu indirizzati mis-sistema ta' amministrazzjoni tas-sigurtà:
a) l-organizzazzjoni u l-persunal – ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-persunal involut fl-amministrazzjoni ta' perikli prinċipali fil-livelli kollha fl-organizzazzjoni; l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' taħriġ ta' tali persunal u l-forniment tat-taħriġ identifikat b'dan il-mod; u l-involviment ta' l-impjegati u, fejn xieraq, tas-sotto-kuntratturi;
b) l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni ta' perikli prinċipali – l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' proċeduri sabiex jiġu identifikati b'mod sistematiku l-perikli prinċipali li jinħolqu minn operazjonijiet normali u mhux normali u l-valutazzjoni tal-probabbiltà u tas-severità tagħhom;
ċ) kontroll operazzjonali – l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-proċeduri u l-istruzzjonijiet għall-operazzjoni sigura, inklużi l-manutenzjoni ta' l-impjant, tal-proċessi, tat-tagħmir u l-waqfien temporanji;
d) l-amministrazzjoni ta' bidliet – l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' proċeduri għall-ippjanar ta' modifiki f'faċilitajiet ta' l-iskart ġodda jew għad-disinn tagħhom;
e) l-ippjanar għal każijiet ta' emerġenza – l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' proċeduri sabiex jiġu identifikati emerġenzi previdibbli b'analiżi sistematika u sabiex jiġu ppreparati, ittestjati u riveduti pjanijiet ta' emerġenza biex iwieġbu għal tali emerġenzi;
f) il-monitoraġġ tal-funzjonament – l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' proċeduri għall-valutazzjoni kontinwa tal-konformità ma' l-għanijiet stabbiliti mill-politika ta' prevenzjoni ta' inċidenti maġġuri u s-sistema ta' amministrazzjoni tas-sigurtà ta' l-operatur, u l-mekkaniżmi għall-investigazzjoni u għall-azzjoni korrettiva fil-każ ta' non-konformità. Il-proċeduri għandhom ikopru s-sistema ta' l-operatur li tirrapporta inċidenti maġġuri jew li kważi seħħew, partikolarment dawk li jinvolvu l-falliment ta' miżuri protettivi, u l-investigazzjoni u monitoraġġ tagħhom abbażi tal-lezzjonijiet meħuda;
g) il-verifika u r-reviżjoni – l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' proċeduri għall-valutazzjoni sistematika u perjodika tal-politika ta' prevenzjoni ta' inċidenti maġġuri u l-effikaċja u l-adegwatezza tas-sistema ta' amministrazzjoni tas-sigurtà; ir-reviżjoni dokumentata tal-funzjonament tal-politika u s-sistema ta' amministrazzjoni tas-sigurtà u l-aġġornament tagħha mill-persunal amministrattiv għoli.
2. Informazzjoni li trid tiġi komunikata lill-pubbliku konċernat
1) Isem ta' l-operatur u l-indirizz tal-faċilità ta' l-iskart.
2) Identifikazzjoni, skond il-pożizzjoni okkupata, tal-persuna li tipprovdi l-informazzjoni.
3) Il-konferma li l-faċilità ta' l-iskart hi soġġetta għar-regolamenti u/jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jimplimentaw din id-Direttiva u, meta applikabbli, li l-informazzjoni rilevanti għall-elementi msemmija fl-Artikolu 6(2) ġiet ippreżentata lill-awtorità kompetenti.
4) Spjegazzjoni bi kliem ċar u sempliċi ta' l-attività jew attivitajiet li ssir/jsiru fuq is-sit.
5) L-ismijiet komuni jew l-ismijiet ġeneriċi jew il-klassifikazzjoni ta' periklu ġenerali tas-sustanzi u tal-preparati involuti fil-faċilità ta' l-iskart kif ukoll ta' l-iskart li jista' jagħti lok għal inċidenti maġġuri, b'indikazzjoni tal-karatteristiċi perikolużi prinċipali tagħhom.
6) L-informazzjoni Ġenerali dwar in-natura tal-perikli ta' inċidenti maġġuri, inkluż l-effetti potenzjali tagħhom fuq il-popolazzjoni u l-ambjent tal-viċinanzi.
7) Informazzjoni adegwata dwar kif il-popolazzjoni konċernata tal-viċinanzi għandha tiġi avżata u tinżamm infurmata f'każ ta' inċident maġġuri.
8) Informazzjoni adegwata dwar l-azzjonijiet li l-popolazzjoni konċernata għandha tieħu, u dwar l-imġieba li għandha tadotta f'każ ta' inċident maġġuri.
9) Konferma li l-operatur hu meħtieġ jagħmel arranġamenti xierqa fuq is-sit, partikolarment flimkien mas-servizzi ta' emerġenza, sabiex ikun jista' jiffaċċja inċidenti maġġuri u jimminimizza l-effett tagħhom.
10) Riferenza għall-pjan ta' emerġenza estern imfassal sabiex ilaħħaq ma' kwalunkwe effetti barra mis-sit minn inċident. Dan għandu jinkludi parir sabiex ikun hemm koperazzjoni ma' kwalunkwe istruzzjonijiet jew talbiet mis-servizzi ta' emerġenza fil-ħin ta' inċident.
11) Dettalji ta' fejn tista' tinkiseb aktar informazzjoni rilevanti, bla ħsara għall-ħtiġiet ta' kunfidenzjalità stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
ANNESS II
Karatterizzazzjoni ta' l-iskart
L-iskart li għandu jiġi depożitat f'faċilità għandu jkun karatterizzat b'tali mod li tkun garantita għall-perjodu fit-tul l-istabbiltà fiżika u kimika ta' l-istruttura tal-faċilità u li jiġu evitati inċidenti maġġuri. Il-karatterizzazzjoni ta' l-iskart għandha tinkludi, fejn xieraq u skond il-kategorija tal-faċilità ta' skart, l-aspetti li ġejjin:
1) Deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi mistennija ta' l-iskart li ser ikun depożitat fil-perjodu qasir u fil-perjodu fit-tul, b'riferenza partikolari għall-istabbiltà tiegħu taħt il-kondizzjonijiet atmosferiċi/meteoroloġiċi fil-wiċċ, filwaqt li jittieħħed kont tat-tip ta' mineral jew minerali li jridu jiġu estratti u n-natura ta' kwalunkwe minerali fis-saff ta' kopertura u/jew ta' kwalunkwe minerali superfluwi li se jinqalgħu waqt il-ħidmiet ta' estrazzjoni;
2) Klassifikazzjoni ta' l-iskart skond l-annotazzjoni rilevanti fid-Deċiżjoni 2000/532/KE ( 24 ), b'konsiderazzjoni partikolari għall-karatteristiċi perikolużi tiegħu;
3) Deskrizzjoni tas-sustanzi kimiċi li jridu jintużaw waqt it-trattament tar-riżorsa minerali u l-istabbiltà tagħhom;
4) Deskrizzjoni tal-metodu ta' depożitu;
5) is-sistema ta' trasport ta' l-iskart li trid tintuża.
ANNESS III
Kriterji sabiex tiġi determinata l-klassifikazzjoni tal-faċilitajiet ta' l-iskart
Faċilità ta' l-iskart għandha tiġi klassifikata fil-kategorija A jekk:
— ħsara jew operazzjoni ħażina, per eżempju l-kollass ta' borġ jew iċ-ċediment ta' diga, tista' tikkaġuna inċident maġġuri, abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju filwaqt li jittieħed kont tal-fatturi bħad-daqs preżenti jew futur, il-lok u l-impatt ambjentali tal-faċilità ta' l-iskart; jew
— ikollha skart li jkun klassifikat bħala perikoluż taħt id-Direttiva 91/689/KEE 'l fuq minn ċertu limitu, jew
— ikollha sustanzi jew preparati li jkunu klassifikati bħala perikolużi taħt id-Direttivi 67/548/KEE jew 1999/45/KE 'l fuq minn ċertu limitu.
DIKJARAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jilqgħu id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Bulgarija u r-Rumanija dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, dwar l-immaniġġar ta' skart mill-Industrija ta' Estrazzjoni.
( 1 ) ĠU C 80, 30.3.2004, p. 35.
( 2 ) ĠU C 109, 30.4.2004, p. 3.
( 3 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Marzu 2004 (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 451), PożizzPożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2005 (ĠU C 172 E, 12.7.2005, p. 1) u PożizzPożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Settembru 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni leġiżleġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2006 u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Jannar 2006.
( 4 ) ĠU L 345, 31.12.2003, p. 97.
( 5 ) ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar minn Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 3, 9.2.2006, p. 1).
( 6 ) ĠU C 65 E, 14.3.2002, p. 382.
( 7 ) ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.
( 8 ) ĠU L 194, 25.7.1975, p. 39. Direttiva kif emendata l-aħħar minn Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Par; ament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
( 9 ) ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.
( 10 ) Direttiva tal-Kunsill 92/91/KEE tat-3 ta’ Novembru 1992 li tikkonċerna l-ħtiġiet minimi għat-titjib tal-ħarsien tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji ta’ l-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir (il-ħdax-il-Direttiva individwali fil-qofol tat-tifsir ta’ l-Artikolu 16 (1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 9).
( 11 ) Direttiva tal-Kunsill 92/104/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1992 dwar il-ħtiġijiet minimi biex tittejjeb is-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa ta’ ħaddiema ta’ l-industriji għall-estrazzjoni tal-minerali kemm fuq kif ukoll taħt l-art (it-tnax-il-Direttiva individwali fis-sens ta' l-Artikolu 16 (1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 404, 31.12.1992, p. 10).
( 12 ) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).
( 13 ) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
( 14 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
( 15 ) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
( 16 ) ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 166/2006.
( 17 ) Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE (ĠU L 152, 30.4.2004, p. 1).
( 18 ) Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettar ta' preparazzjonjijiet perikolużi (ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/8/KE (ĠU L 19, 24.1.2006, p. 12).
( 19 ) Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).
( 20 ) ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.
( 21 ) Direttiva tal-Kunsill 76/464/KEE ta’ l-4 ta’ Mejju 1976 dwar it-tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità (ĠU L 129, 18.5.1976, p. 23). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2000/60/KE.
( 22 ) Direttiva tal-Kunsill 80/68/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1979 dwar il-ħarsien ta’ ilma ta’ taħt l-art kontra tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi (ĠU L 20, 26.1.1980, p. 43). Direttiva kif emendata mid-Direttiva 91/692/KEE (ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48).
( 23 ) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15”
( 24 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta’ Mejju 2000 li tibdel id-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skond l-Artikolu 1(a) tad- Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabilixxi lista ta’ skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3). Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/573/KE (ĠU L 203, 28.7.2001, p. 18).