Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02005R0111-20180707

    Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat- 22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/111/2018-07-07

    02005R0111 — MT — 07.07.2018 — 003.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    ▼C1

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 111/2005

    tat-22 ta’ Diċembru 2004

    li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn ►M1  l-Unjoni ◄ u pajjiżi terzi

    ▼B

    (ĠU L 022 26.1.2005, p. 1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT (UE) Nru 1259/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Novembru 2013

      L 330

    30

    10.12.2013

    ►M2

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1443 tad-29 ta' Ġunju 2016

      L 235

    6

    1.9.2016

    ►M3

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/729 tas-26 ta' Frar 2018

      L 123

    4

    18.5.2018


    Ikkoreġut bi:

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 051M, 24.2.2009, p.  231 (111/2005)




    ▼B

    ▼C1

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 111/2005

    tat-22 ta’ Diċembru 2004

    li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn ►M1  l-Unjoni ◄ u pajjiżi terzi



    KAPITOLU I

    SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ bejn ►M1  l-Unjoni ◄ u pajjiżi terzi f'ċerti sustanzi li jintużaw spiss għall-manufattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (minn issa 'l quddiem imsejħin “prekursuri ta' drogi”) bil-għan li jipprevjeni d- devjazzjoni ta' tali sustanzi. Huwa japplika għall-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u l-attivitajiet intermedjarji.

    Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli speċjali f'oqsma oħra relatati ma' kummerċ ta' merkanzija bejn ►M1  l-Unjoni ◄ u terzi pajjiżi.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    ▼M1

    (a) “sustanza skedata” tfisser kwalunkwe sustanza elenkata fl-Anness li tista’ tintuża għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, inklużi taħlitiet u prodotti naturali li fihom sustanzi bħal dawn, iżda jeskludu taħlitiet u prodotti naturali li fihom sustanzi skedati u li huma magħmula b’tali mod li s-sustanzi skedati ma jkunux jistgħu jintużaw jew jiġu estratti faċilment permezz ta’ mezzi li huma applikabbli faċilment jew ekonomikament vijabbli, prodotti mediċinali kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) u prodotti mediċinali veterinarji kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), ħlief prodotti mediċinali u prodotti mediċinali veterinarji elenkati fl-Anness;

    ▼C1

    (b) “sustanza mhux klassifikata” tfisser kwalunkwe sustanza li, għalkemm mhux imniżżla fl-Anness, hija identifikata bħala li ġiet użata għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi;

    ▼M1

    (c) “importazzjoni” tfisser kwalunkwe dħul ta’ sustanzi skedati li għandhom l-istatus ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni, inklużi ħażna temporanja, it-tqegħid f’żona ħielsa jew maħżen ħieles, it-tqegħid taħt proċedura ta’ sospensjoni u r-rilaxx għal ċirkulazzjoni ħielsa skont it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 ( 3 );

    ▼C1

    (d) “esportazzjoni” tfisser kwalunkwe ħruġ ta' sustanzi klassifikati mit-territorju doganali ►M1  tal-Unjoni ◄ , inkluż il-ħruġ ta' sustanzi klassifikati li jeħtieġ dikjarazzjoni doganali u l-ħruġ ta' sustanzi klassifikati wara l-ħażna tagħhom f'żona ħielsa taħt kontroll ta' tip I jew maħżen ħieles fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

    (e) “attivitajiet intermedjarji” tfisser kwalunkwe attività bil-għan li jsir xiri u bejgħ jew fornitura ta' sustanzi klassifikati li ssir minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmira li tilħaq ftehim bejn żewġ partijiet jew taġixxi f'isem mill-anqas waħda minn dawn il-partijiet mingħajr ma tieħu pussess ta' dawn is-sustanzi jew mingħajr ma tassumi l-kontroll tat-twettiq ta' tali operazzjoni; din id-definizzjoni għandha wkoll tinkludi kwalunkwe attività li ssir minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilta ►M1  fl-Unjoni ◄ li tinvolvi xiri u bejgħ jew fornitura ta' sustanzi klassifikati mingħajr ma dawn is-sustanzi jiġu introdotti ►M1  fit-territorju doganali tal-Unjoni ◄ ;

    (f) “operatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika involuta f'importazzjoni, esportazzjoni ta' sustanzi klassifikati jew attivitajiet intermedjarji relatati magħhom, inklużi persuni li għandhom il-kompitu li jagħmlu dikjarazzjonijiet doganali għal klijenti fuq bażi ta' self-employed jew bħala attività prinċipali jew bħala attività sekondarja relatata ma' attività oħra;

    (g) “esportatur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli prinċipalment għall-attivitajiet ta' esportazzjoni bis-saħħa tar-relazzjoni ekonomika u legali mas-sustanzi klassifikati u mad-destinatarju li, fejn hu xieraq, jippreżenta d-dikjarazzjoni doganali jew tkun ippreżentata f'ismu;

    (h) “importatur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli prinċipalment għall-attivitajiet ta' importazzjoni bis-saħħa tar-relazzjoni ekonomika u legali mas-sustanzi klassifikati u ma’ minn jikkonsena u li jippreżenta d-dikjarazzjoni doganali jew li f'ismu tkun ippreżentata d-dikjarazzjoni doganali;

    (i) “destinatarju finali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għand min twasslu s-sustanzi klassifikati; din il-persuna tista' tkun differenti mill-utent aħħari;

    ▼M1

    (j) “prodott naturali” tfisser organiżmu jew parti minnu, fi kwalunkwe forma, jew kwalunkwe sustanzi li tinstab fin-natura kif definit fil-punt 39 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

    ▼C1

    (k) “Bord Internazzjonali tal-Kontroll tan-Narkotiċi” tfisser il-Bord stabbilit mill-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi, 1961, kif emedata mill-Protokoll ta' l-1972.



    KAPITOLU II

    MONITORAĠĠ TA' KUMMERĊ



    TAQSIMA 1

    Dokumentazzjoni u tikkettar

    Artikolu 3

    ▼M1

    L-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u l-attivitajiet kollha intermedjarji li jinvolvu sustanzi skedati, bl-eċċezzjoni ta’ sustanzi elenkati fil-Kategorija 4 tal-Anness, għandhom jiġu dokumentati mill-operatur permezz ta’ dokumenti doganali u kummerċjali, bħal dikjarazzjonijiet sommarji, dikjarazzjonijiet doganali, fatturi, manifesti ta’ merkanzija, dokumenti ta’ trasport u dokumenti oħra tal-vjeġġi.

    ▼C1

    Dawk id-dokumenti għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

    (a) l-isem tas-sustanza klassifikata kif imniżżla fl-Anness, jew fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, l-isem u l-isem ta' kwalunkwe sustanza klassifkata, kif imniżżla fl-Anness, li tinsab fit-taħlita jew fil-prodott naturali, segwit bit-terminu “PREKURSURI TAD-DROGI”;

    (b) il-kwantità u l-piż tas-sustanza klassifikata u, fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, il-kwantità, il-piż, u jekk disponibbli, il-perċentwali ta' kwalunkwe sustanza klassifikata li hemm fiha, u

    (ċ) l-ismijiet u l-indirizzi ta' l-esportatur, l-importatur, id-destinatarju finali u, fejn applikabbli, il-persuna involuta fl-attivitajiet intermedjarji.

    Artikolu 4

    Id-dokumentazzjoni mniżżla fl-Artikolu 3 għandha tinżamm mill-operaturi għal perijodu ta' tliet snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha twettqet l-operazzjoni. Id-dokumentazzjoni għandha tkun organizzata b'tali mod, f'forma elettronika jew fuq karta, li tkun immedjatament disponibbli għal spezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fuq talba. Id-dokumentazzjoni tista' tkun fornuta permezz ta' twassil ta' immaġini jew data oħra, sakemm id-data, meta tinqara, taqbel mad-dokumentazzjoni kemm fil-preżentazzjoni kif ukoll fil-kontenut, tkun disponibbli l-ħin kollu, tista' tinqara mingħajr dewmien u tista' tkun analizzata permezz ta' mezzi awtomatizzati.

    ▼M1

    Artikolu 5

    L-operaturi għandhom jiżguraw li tikketti jitwaħħlu fuq kwalunkwe imballaġġ li fih sustanzi skedati, ħlief sustanzi elenkati fil-Kategorija 4 tal-Anness, bl-indikazzjoni ta’ isimhom kif iddikjarati fl-Anness, jew, fil-każ ta’ taħlita jew prodott naturali, isimha u l-isem ta’ kwalunkwe sustanza skedata, ħlief sustanzi elenkati fil-Kategorija 4 tal-Anness, kif iddikjarat fl-Anness, li jinsabu fit-taħlita jew fil-prodott naturali. L-operaturi jistgħu, barra minn hekk, iwaħħlu t-tikketti tradizzjonali tagħhom.

    ▼C1



    TAQSIMA 2

    Liċenzjar u reġistrazzjoni ta' operaturi

    Artikolu 6

    ▼M1

    1.  Sakemm mhux previst mod ieħor, l-operaturi stabbiliti fl-Unjoni, ħlief għal aġenti doganali u trasportaturi meta jaġixxu unikament f’dik il-kapaċità, impenjati f’attivitajiet ta’ importazzjoni, esportazzjoni jew intermedjarji li jinvolvu sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 1 tal-Anness, għandu jkollhom liċenzja. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit l-operatur għandha toħroġ il-liċenzja.

    Meta tikkunsidra jekk tagħtix liċenzja, l-awtorità kompetenti għandha tqis il-kompetenza u l-integrità tal-applikant, b’mod partikolari li ma jkun hemm ebda ksur serju jew ksur ripetut tal-leġislazzjoni fil-qasam tal-prekursuri tad-droga u ebda rekord ta’ kwalunkwe reat kriminali gravi.

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzji u biex tiddetermina ta’ każijiet fejn liċenzja ma tkunx meħtieġa.

    ▼C1

    2.  Il-liċenza tista' tkun sospiża jew rivokata mill-awtoritajiet kompetenti kull meta l-kundizzjonijiet li taħthom inħarġet il-liċenza mhumiex sodisfatti aktar jew fejn hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li hemm riskju ta' devjazzjoni ta' sustanzi klassifikati.

    ▼M1

    3.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mudell għal liċenzji permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).

    ▼M1

    Artikolu 7

    1.  Sakemm mhux previst mod ieħor, operaturi stabbiliti fl-Unjoni, ħlief għal aġenti doganali u trasportaturi meta jaġixxu unikament f’dik il-kapaċità, impenjati f’attivitajiet ta’ importazzjoni, esportazzjoni jew intermedjarji li jinvolvu sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 2 tal-Anness, jew l-esportazzjoni ta’ sustanzi elenkati fil-Kategorija 3 tal-Anness, għandhom ikunu rreġistrati. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit l-operatur għandha toħroġ ir-reġistrazzjoni.

    Meta tikkunsidra jekk tagħtix reġistrazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tqis il-kompetenza u l-integrità tal-applikant, b’mod partikolari li ma jkun hemm ebda ksur serju jew ksur ripetuttal-leġislazzjoni fil-qasam tal-prekursuri tad-droga u ebda rekord ta’ kwalunkwe reat kriminali gravi.

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ reġistrazzjonijiet u biex tiddetermina każijiet fejn reġistrazzjoni ma tkunx meħtieġa.

    2.  L-awtorità kompetenti tista’ tissospendi jew tirrevoka r-reġistrazzjoni meta l-kundizzjonijiet li taħthom tkun inħarġet ir-reġistrazzjoni ma jibqgħux sodisfatti aktar jew fejn hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li hemm riskju ta’ devjazzjoni ta’ sustanzi skedati.

    Artikolu 8

    1.  Meta s-sustanzi skedati jiddaħħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni għall-ħatt jew għat-trasbord, għall-ħażna temporanja, għall-ħażna tagħhom f’żona ħielsa taħt tip ta’ kontroll I jew maħżen ħieles, jew għat-tqegħid tagħhom taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Unjoni, l-għanijiet leċiti għandhom ikunu murija mill-operatur wara talba mill-awtoritajiet kompetenti.

    2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b biex tistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni ta’ kif jistgħu jintwerew l-għanijiet leċiti tat-transazzjoni, sabiex ikun żgurat li l-movimenti kollha ta’ sustanzi skedati fit-territorju doganali tal-Unjoni jistgħu jiġu ssorveljati mill-awtoritajiet kompetenti u r-riskju ta’ devjazzjoni jiġi minimizzat.

    ▼C1



    TAQSIMA 3

    Għoti ta' informazzjoni

    ▼M1

    Artikolu 9

    1.  Operaturi stabbiliti fl-Unjoni għandhom immedjatament jinnotifkaw lill-awtoritajiet kompetenti bi kwalunkwe ċirkostanza, bħal ordnijiet mhux tas-soltu u transazzjonijiet li jinvolvu sustanzi skedati, li tissuġġerixxi li tali sustanzi maħsuba għal importazzjoni, esportazzjoni jew attivitajiet intermedjarji jistgħu jiġu ddevjati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

    Għal dak il-għan, l-operaturi għandhom jipprovdu kull informazzjoni disponibbli, bħal:

    (a) l-isem tas-sustanza skedata;

    (b) il-kwantità u l-piż tas-sustanza skedata;

    (c) l-ismijiet u l-indirizzi tal-esportatur, l-importatur, id-destinatarju finali u, fejn applikabbli, il-persuna involuta fl-attivitajiet intermedjarji.

    Dik l-informazzjoni għandha tinġabar biss għall-għanijiet ta’ prevenzjoni tad-devjazzjoni ta’ sustanzi skedati.

    2.  L-operaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni f’forma sommarja dwar l-attivitajiet ta’ esportazzjoni, importazzjoni jew intrermedjarji tagħhom.

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b biex tiddetermina l-informazzjoni li hija meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jimmonitorjaw dawk l-attivitajiet.

    Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali dwar l-għoti ta’ tali informazzjoni, inkluż, fejn xieraq, fil-forma elettronika lid-Database Ewropea dwar prekursuri tad-droga stabbilita taħt ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) (“id-Database Ewropea”). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).

    ▼C1

    Artikolu 10

    1.  Biex tiffaċilta l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, l-operaturi stabbiliti ►M1  fl-Unjoni ◄ u l-industrija kimika, b'mod partikulari fir-rigward ta' sustanzi mhux klassifikati, il-Kummissjoni għandha, b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, tfassal u taġġorna linji gwida.

    2.  Dawn il-linji gwida għandhom jipprovdu, b'mod partikolari:

    (a) informazzjoni dwar kif jiġu identifikati u notifikati operazzjonijiet suspettużi;

    (b) lista aġġornata regolarment ta' sustanzi mhux klassifikati biex l-industrija tkun tista' tissorvelja fuq bażi volontarja l-kummerċ f'tali sustanzi.

    3.  L-awtoritajiet komptenti għandhom jiżguraw li l-linji gwida jiġu regolarment disseminati b'konformità ma' l-objettivi ta' dawn il-linji gwida.

    ▼M1

    4.  Sabiex jirreaġixxu rapidament għal xejriet ġodda ta’ devjazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jipproponu li tiżdied sustanza mhux skedata mal-lista msemmija fil-paragrafu 2(b) sabiex temporanjament jimmonitorjaw il-kummerċ tagħha. Arranġamenti u kriterji dettaljati għall-inklużjoni jew it-tħassir minn dik il-lista għandhom jiġu speċifikati fil-linji gwida msemmija fil-paragrafu 1.

    5.  Jekk il-monitoraġġ volontarju mill-industrija huwa kkunsidrat insuffiċjenti biex jipprevjeni l-użu ta’ sustanza mhux skedata għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, il-Kummissjoni tista’ żżid is-sustanza mhux skedata fl-Anness permezz ta’ atti ddelegati skont l-Artikolu 30b.

    ▼C1



    TAQSIMA 4

    Notifika ta' qabel l-esportazzjoni

    Artikolu 11

    ▼M1

    1.  L-esportazzjoni kollha ta’ sustanzi skedati elenkati fil-Kategoriji 1 u 4 tal-Anness u l-esportazzjonijiet ta’ sustanzi skedati elenkati fil-Kategoriji 2 u 3 tal-Anness għal ċerti pajjiżi ta’ destinazzjoni għandha tkun preċeduta minn notifika ta’ qabel l-esportazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, skont l-Artikolu 12(10) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b ta’ dan ir-Regolament sabiex tiddetermina l-listi tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni għall-esportazzjoni ta’ sustanzi skedati elenkati fil-Kategoriji 2 u 3 tal-Anness sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ devjazzjoni ta’ sustanzi skedati.

    ▼C1

    Il-pajjiż ta' destinazzjoni għandu jingħata perijodu ta' 15-il jum tax-xogħol biex iwieġeb, li fit-tmiem tiegħu, l-operazzjoni ta' esportazzjoni tista' tiġi awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' esportazzjoni, jekk huma ma jkunux irċevew l-ebda avviż mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' destinazzjoni li jindika li din l-operazzjoni ta' esportazzjoni tista' tkun maħsuba għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

    2.  Fil-każ tas-sustanzi klassifikati li għandhom jiġu nnotifikati b'konformità mal-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat għandhom, qabel l-esportazzjoni ta' tali sustanzi, jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 13(1) lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' destinazzjoni.

    L-awtorità li tissupplixxi tali informazzjoni għandha tesiġi lill-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz li jirċievi l-informazzjoni biex iżżomm kunfidenzjali kwalunkwe sigriet kummerċjali, tan-negozju jew professjonali jew kwalunkwe proċess ta' kummerċ imsemmi fiha.

    ▼M1

    3.  Proċeduri ssimplifikati tan-notifika ta’ qabel l-esportazzjoni jistgħu jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti fejn huma sodisfatti li dan mhu ser jirriżulta f’ebda riskju ta’ devjazzjoni ta’ sustanzi skedati. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b sabiex tiddetermina tali proċeduri u tistabbilixxi l-kriterji komuni li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti.

    ▼C1



    TAQSIMA 5

    Awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni

    Artikolu 12

    1.  Esportazzjonijiet ta' sustanzi klassifikati li jeħtieġu dikjarazzjoni doganali, inklużi esportazzjonijiet ta' sustanzi klassifikati li jitilqu ►M1  mit-territorju doganal tal-Unjoni ◄ wara li jkunu nħażnu f'żona ħielsa taħt kontroll ta' tip I jew maħżen ħieles għal perijodu ta' mill-anqas 10 ijiem, għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni.

    Fejn sustanzi klassifikati jkunu esportati mill-ġdid fi żmien 10 ijiem mid-data tat-tqegħid tagħhom taħt proċedura ta' sospensjoni jew taħt żona ħielsa taħt kontroll ta' tip II, m'għandhiex tkun meħtieġa awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni.

    ▼M1

    Madankollu, l-esportazzjoni ta’ sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 3 tal-Anness għandha tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni biss fejn notifiki ta’ qabel l-esportazzjoni huma meħtieġa.

    ▼C1

    2.  Awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni għandhom jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn l-esportatur huwa stabbilt.

    Artikolu 13

    1.  L-applikazzjoni għal awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 12 għandha jkun fiha mill-anqas dawn li ġejjin:

    (a) l-ismijiet u l-indirizzi ta' l-esportatur, l-importatur fil-pajjiż terz, kwalunkwe operatur ieħor involut fl-operazzjoni ta' esportazzjoni jew spedizzjoni, u d-destinatarju finali;

    (b) l-isem tas-sustanza klassifikata kif imniżżla fl-Anness, jew fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, isimha u l-kodiċi NM bi 8 numri u l-isem ta' kwalunkwe sustanza klassifikata, kif imniżżla fl-Anness, li tinsab fit-taħlita jew fil-prodott naturali;

    (ċ) il-kwantità u l-piż tas-sustanza klassifikata u, fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, il- kwantità, il-piż, u jekk disponibbli, il-perċentwali ta' kwalunkwe sustanza klassifikata li hemm fiha;

    (d) dettalji ta' l-arranġamenti tat-trasport, bħad-data prevista ta' dispaċċ, il-metodu tat- trasport, l-isem ta' l-uffiċċju doganali fejn id-dikjarazzjoni doganali għandha ssir u, fejn disponibbli f'dan l-istadju, l-identifikazzjoni tal-mezzi ta' trasport, itenerarju, punt ta' ħruġ previst ►M1  mit-territorju doganali tal-Unjoni ◄ u l-punt ta' dħul fil-pajjiż ta' importazzjoni;

    (e) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17, kopja ta' l-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni maħruġa mill-pajjiż ta' destinazzjoni; u

    (f) in-numru tal-liċenza jew reġistrazzjoni msemmi fl-Artikoli 6 u 7.

    ▼M1

    Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni ta’ sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 4 tal-Anness għandu jkun fiha l-informazzjoni li tinsab fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu.

    ▼C1

    2.  Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni għandha tittieħed fi żmien perijodu ta' 15-il jum ta' xogħol mid-data li fiha l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-fajl huwa komplet.

    Dak il-perijodu għandu jiġi estiż jekk, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati li jagħmlu aktar stħarriġ skond it-tieni subparagrafu ta' dak l-Artikolu.

    Artikolu 14

    1.  Jekk id-dettalji dwar l-itenerarju u l-mezzi ta' trasport mhumiex provduti fl-applikazzjoni, l-awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni għandha tiddikjara li l-operatur għandu jforni dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali ta' ħruġ jew awtoritajiet kompetenti oħrajn fil-punt ta' ħruġ ►M1  mit-territorju doganali tal-Unjoni ◄ qabel it-tluq fiżiku tal-konsenja. F'tali każijiet l-awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni għandha tkun annotata kif meħtieġ fil-ħin tal-ħruġ.

    Fejn l-awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni hija ppreżentata lil uffiċċju doganali fi Stat Membru li mhux l-istess wieħed ta' l-awtorità ta' ħruġ, l-esportatur għandu, fuq talba, jagħmel disponibbli kwalunkwe traduzzjoni ċċertifikata ta' partijiet mill-informazzjoni jew ta' l-informazzjoni kollha fl-awtorizzazzjoni.

    2.  L-awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-uffiċċju doganali meta ssir d-dikjarazzjoni doganali, jew fin-nuqqas ta' dikjarazzjoni doganali, fl-uffiċċju doganli ta' ħruġ jew awtoritajiet kompetenti oħrajn fil-punt ta' ħruġ ►M1  mit-territorju doganali tal-Unjoni ◄ . L-awtorizzazzjoni għandha takkumpanja l-konsenja lill-pajjiż terz ta' destinazzjoni.

    L-uffiċċju doganali ta' ħruġ jew awtoritajiet kompetenti oħrajn fil-punt ta' ħruġ ►M1  mit-territorju doganali tal-Unjoni ◄ għandhom idaħħlu d-dettalji meħtieġa msemmija fl-Artikolu 13(1)(d) fl-awtorizzazzjoni u jagħmlu t-timbru tagħhom fuqha.

    Artikolu 15

    Mingħajr preġudizzju għal miżuri adottati b'konformità ma' l-Artikolu 26(3), l-għoti ta' awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni għandu jiġi miċħud jekk:

    (a) dettalji fornuti b'konformità ma' l-Artikolu 13(1) mhumiex kompluti;

    (b) hemm raġunijiet tajba biex jiġi suspettat li d-dettalji fornuti b'konformità ma' l-Artikolu 13(1) huma foloz jew mhux korretti;

    (ċ) fil-każijiet msemmijin fl-Artikolu 17, huwa stabbilit li l-importazzjoni tas-sustanzi klassifikati ma ġietx awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' destinazzjoni, jew

    (d) hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li s-sustanzi in kwistjoni huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

    Artikolu 16

    L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissospendu jew jirrevokaw awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni kull meta jkun hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li s-sustanzi huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

    Artikolu 17

    Kull meta, skond ftehim bejn ►M1  l-Unjoni ◄ u pajjiż terz, esportazzjonijiet m'għandhomx ikunu awtorizzati sakemm ma tkunx inħarġet awtorizzazzjoni ta' importazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak il-pajjiż terz għas-sustanzi in kwistjoni, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-isem u l-indirizz ta' l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, flimkien ma' kwalunkwe informazzjoni operattiva miksuba minnu.

    L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jaċċertaw li tali awtorizzazzjoni ta' importazzjoni hija awtentika, jekk meħtieġ billi jitolbu konferma mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz.

    Artikolu 18

    Il-perijodu ta' validità ta' l-awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni li fih il-merkanzija kellha tiltaq ►M1  mit-territorju Doganali tal-Unjoni ◄ m'għandux jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-perijodu ta' validità jista' jiġi estiż, fuq talba.

    ▼M1

    Artikolu 19

    Proċeduri ssimplifikati biex tingħata awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni jistgħu jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti fejn huma jkunu sodisfatti li dan mhux ser jirriżulta f’xi riskju ta’ devjazzjoni ta’ sustanzi skedati. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b biex tiddetermina tali proċeduri u tistabbilixxi l-kriterji komuni li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti.

    ▼C1



    TAQSIMA 6

    Awtorizzazzjoni ta' importazzjoni

    Artikolu 20

    Importazzjonijiet ta' sustanzi klassifikati elenkati fil-Kategorija 1 ta' l-Anness għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni ta' importazzjoni. Awtorizzazzjoni ta' importazzjoni tista' tingħata biss lil operatur stabbilit ►M1  fl-Unjoni ◄ . L-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni għandha toħroġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn l-esportatur huwa stabbilit.

    ▼M1

    Madankollu, fejn is-sustanzi msemmija fl-ewwel paragrafu 1 jinħattu jew jiġu trasbordati, f’ħażna temporanja, jinħażnu f’żona ħielsa tat-tip ta’ kontroll I jew f’maħżen ħieles, jew mqiegħda taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Unjoni, tali awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni ma tkunx meħtieġa.

    ▼C1

    Artikolu 21

    1.  L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjonijiet ta' importazzjoni msemmija fl-Artikolu 20 għandha jkun fiha mill-anqas dawn li ġejjin:

    (a) l-ismijiet u l-indirizzi ta' l-importatur, l-esportatur fil-pajjiż terz, kwalunkwe operatur ieħor involut u d-destinatarju finali;

    (b) l-isem tas-sustanza klassifikata kif imniżżla fl-Anness, jew fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, isimha u l-kodiċi NM bi 8 numri u l-isem tas-sustanza klassifikata, kif imniżżla fl- Anness, fit-taħlita jew fil-prodott naturali;

    (ċ) il-kwantità u l-piż tas-sustanza klassifikata u, fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, il-kwantità, il-piż, u jekk disponibbli, il-perċentwali ta' kwalunkwe sustanza klassifikata li hemm fiha;

    (d) jekk disponibbli, dettalji ta' l-arranġamenti ta' trasport, bħal metodi u mezzi ta' trasport, u data u post ta' attivitajiet previsti ta' importazzjoni, u

    (e) in-numru tal-liċenza jew reġistrazzjoni msemmi fl-Artikoli 6 u 7.

    2.  Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' importazzjoni għandha tittieħed fi żmien perijodu ta' 15-il jum ta' xogħol mid-data li fiha l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l- fajl huwa komplet.

    Artikolu 22

    L-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni għandha takkumpanja l-konsenja mill-punt ta' dħul ►M1  fit-territorju doganali tal-Unjoni ◄ sa l-uffiċċji ta' l-importatur jew destinatarju finali.

    L-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-uffiċċju doganali meta s-sustanzi klassifikati huma dikjarati għal proċedura doganali.

    Fejn l-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni hija ppreżentata lil uffiċċju doganali fi Stat Membru li mhux l-istess wieħed ta' l-awtorità ta' ħruġ, l-importatur għandu, fuq talba, jagħmel disponibbli kwalunkwe traduzzjoni ċċertifikata ta' partijiet mill-informazzjoni jew l-informazzjoni kollha fl-awtorizzazzjoni.

    Artikolu 23

    Mingħajr preġudizzju għal miżuri adottati b'konformità ma' l-Artikolu 26(3), l-għoti ta' awtorizzazzjoni ta' importazzjoni għandu jiġi miċħud jekk:

    (a) dettalji fornuti b'konformità ma' l-Artikolu 21(1) mhumiex kompluti;

    (b) hemm raġunijiet tajba biex jiġi suspettat li d-dettalji fornuti b'konformità ma' l-Artikolu 21(1) fl-applikazzjoni huma foloz jew mhux korretti, jew

    (ċ) hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li s-sustanzi klassifikati huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

    Artikolu 24

    L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissospendu jew jirrevokaw l-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni kull meta jkun hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li s-sustanzi huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

    Artikolu 25

    Il-perijodu ta' validità ta' l-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni li fih is-sustanzi klassifikati ddaħħlu fit-territorju doganali ►M1  tal-Unjoni ◄ m'għandux jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-perijodu ta' validità jista' jiġi estiż, fuq talba.



    KAPITOLU III

    SETGĦAT TA' L-AWTORITAJIET KOMPETENTI

    Artikolu 26

    ▼M1

    1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 11 sa 25 u għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom jipprojbixxu d-dħul ta’ sustanzi skedati fit-territorju doganali tal-Unjoni jew it-tluq tagħhom minnu, meta hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li dawn is-sustanzi huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

    ▼C1

    2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu jew jissospendu r-rilaxx tas-sustanzi klassifikati għaż-żmien li huwa meħtieġ biex tiġi vverifikata l-identifikazzjoni tas-sustanzi klassifikati jew il-konformità mar-regoli ta' dan ir-Regolament.

    3.  Kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti biex, b'mod partikolari:

    (a) jiksbu informazzjoni dwar kwalunkwe ordni għal jew operazzjonijiet li jinvolvu sustanzi klassifikati;

    (b) jidħlu fl-uffiċċji tan-negozju ta' l-operaturi sabiex tinkiseb evidenza dwar irregolaritajiet;

    (ċ) jistabbilixxu li twettqet devjazzjoni jew twettaq tentattiv ta' devjazzjoni ta' sustanzi klassifikati.

    ▼M1

    3a.  L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandu jipprojbixxi d-dħul ta’ kunsinni ta’ sustanzi mhux skedati fit-territorju doganali tal-Unjoni jew it-tluq tagħhom minnu fejn ikun hemm evidenza biżżejjed li dawk is-sustanzi huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

    L-awtorità kompetenti għandha immedjatament tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni dwar dan, billi tuża l-proċedura msemmija fl-Artikolu 27.

    Dawk is-sustanzi għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma proposti biex jiżdiedu mal-lista ta’ sustanzi mhux skedati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 10(2).

    3b.  Kull Stat Membru jista’ jadotta l-miżuri meħtieġa biex l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu f’pożizzjoni li jikkontrollaw u jimmonitorjaw transazzjonijiet suspettużi li jinvolvu sustanzi mhux skedati, b’mod partikolari:

    (a) biex jakkwistaw informazzjoni rigward kwalunkwe ordnijiet għal sustanzi mhux skedati jew operazzjonijiet li jinvolvuhom;

    (b) li jidħlu fil-bini tan-negozju sabiex jiksbu evidenza ta’ transazzjonijiet suspettużi li jinvolvu sustanzi mhux skedati.

    ▼C1

    4.  Għall-għan li jipprevjenu riskji speċifiċi ta' devjazzjoni f'żoni ħielsa kif ukoll f'żoni sensittivi oħrajn bħal imħażen doganali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu applikati kontrolli effettivi għal operazzjonijiet li jitwettqu f'dawn iż-żoni f'kull stadju ta' dawn l-operazzjonijiet, u li l-kontrolli mhumiex inqas iebsin minn dawk applikati f'partijiet oħrajn tat-territorju doganali.

    5.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeħtieġu lill-operaturi biex iħallsu għall-ħruġ ta' liċenzi, reġistrazzjonijiet u awtorizazzjonijiet. Tali ħlasijiet għandhom isiru b'mod mhux diskriminatorju u m'għandhomx jaqbżu l-ispiża approssimattiva ta' l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni.



    KAPITOLU IV

    KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

    Artikolu 27

    Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 515/97 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-isem ta' l-awtoritajiet kompetenti maħtura biex jaġixxu bħala korrispondenti b'konformità ma' l-Artikolu 2(2) ta' dak ir-Regolament.



    KAPITOLU V

    ▼M1

    ATTI DDELEGATI U TA’ IMPLIMENTAZZJONI

    ▼M1

    Artikolu 28

    B’żieda mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 26, il-Kummmissjoni għandha tingħata s-setgħa li tistabbilixxi, fejn meħtieġ, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, miżuri biex tiżgura l-monitoraġġ effettiv ta’ kummerċ tal-prekursuri tad-droga bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tad-disinn u l-użu ta’ formoli għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni u l-importazzjoni, għall-għan tal-prevenzjoni tad-devjazzjoni tal-prekursuri tad-droga. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).

    ▼M1 —————

    ▼M1

    Artikolu 30

    1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Prekursuri tad-Drogi’. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ).

    2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    ▼M1

    Artikolu 30a

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b ta’ dan ir-Regolament sabiex tadatta l-Anness tiegħu għal xejriet ġodda fid-devjazzjoni tal-prekursuri tad-drogi, b’mod partikolari sustanzi li jistgħu faċilment jiġu ttrasformati f’sustanzi skedati, u biex issegwi kwalunkwe emenda għat-tabelli fl-Anness għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

    Artikolu 30b

    1.  Is-setgħa li tadotta atti delegati hija kkonferita fuq il-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.  Is-setgħa li tadotta atti ddelegati msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 11(1) u (3), l-Artikoli 19 u 30a u l-Artikolu 32(2) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-30 ta’ Diċembru 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi bl-istess tul ta’ żmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

    3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 11(1) u (3), l-Artikoli 19 u 30a u l-Artikolu 32(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ atti ddelegati diġà fis-seħħ.

    4.  Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.  Att iddelegat adottat skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 11(1) u (3), l-Artikoli 19 u 30a u l-Artikolu 32(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni għalih mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn minn meta dak l-att ikun ġie nnotifikat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jitwal b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    ▼C1



    KAPITOLU VI

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 31

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur tad- dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li huma jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    ▼M1

    Artikolu 32

    1.  L-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru għandhom jikkomunikaw fil-ħin lill-Kummissjoni f’forma elettronika permezz tad-Database Ewropea l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ monitoraġġ stabbiliti f’dan ir-Regolament, partikolarment rigward sustanzi użati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi u metodi ta’ devjazzjoni u manifattura illeċita, u l-kummerċ leċitu tagħhom.

    2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b sabiex tispeċifika l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti rigward l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3.  Abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, tevalwa l-effettività ta’ dan ir-Regolament u, skont l-Artikolu 12 (12) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, tfassal rapport annwali li għandu jiġi ppreżentat lill-Bord Internazzjonali tal-Kontroll tan-Narkotiċi.

    4.  Il-Kummissjoni għandha tissottometti sal-31 ta’ Diċembru 2019 rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari dwar il-possibilità tal-ħtieġa ta’ attività addizzjonali biex jiġu immonitorjati u kkontrollati transazzjonijiet suspettużi b’sustanzi mhux skedati

    ▼M1

    Artikolu 32a

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jużaw id-database Ewropea skont il-kundizzjonijiet għall-użu tagħha għall-funzjonijiet li ġejjin:

    (a) l-iffaċilitar tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 32(1), kif ukoll ir-rappurtaġġ lill-Bord Internazzjonali ta’ Kontroll tan-Narkotiċi skont Artikolu 32(2);

    (b) il-ġestjoni tar-reġistru Ewropew tal-operaturi, li ngħataw liċenzja jew reġistrazzjoni;

    (c) biex l-operaturi ikunu jistgħu jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni dwar l-esportazzjoni, l-importazzjoni jew attivitajiet intermedjarji tagħhom skont l-Artikolu 9(2), f’forma elettronika.

    ▼M1

    Artikolu 33

    1.  L-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandu jsir skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ) u taħt is-superviżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat Membru msemmija fl-Artikolu 28 ta’ dik id-Direttiva.

    2.  L-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, inkluż għall-fini tad-database Ewropea, għandu jitwettaq skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ) u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

    3.  L-ebda kategorija speċjali ta’ data fit-tifsira tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46/KE m’għandha tiġi pproċessata għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

    4.  Id-data personali miġbura għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament m’għandhiex tkun ipproċessata ulterjorment b’mod inkonsistenti mad-Direttiva 95/46/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u m’għandhiex tinżamm aktar milli meħtieġ għall-għanijiet li għalihom kienet miġbura.

    5.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni ma għandhomx jipproċessaw data personali b’mod li ma jkunx kompatibbli mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a.

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE, id-data personali li tinkiseb jew tiġi pproċessata skont dan ir-Regolament għandha tintuża għall-fini tal-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta’ sustanzi skedati.

    ▼C1

    Artikolu 34

    Ir-Regolament (KEE) Nru 3677/90 huwa rrevokat b’effett mit-18 ta’ Awwissu 2005.

    Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 35

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mit-18 ta’ Awwissu 2005. Madankollu, l-Artikoli 6(1), 7(2), 8(2), 9(2), 11(1) u (3), 12(1), 19, 28 u 30 għandhom japplikaw sa mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament sabiex jippermettu l-adozzjoni tal-miżuri previsti f'dawk l-Artikoli. Tali miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ l-aktar kmieni fit-18 ta’ Awwissu 2005.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha




    ANNESS



    ▼M1

    Lista ta’ sustanzi skedati

    ▼M1

    Kategorija 1

    ▼C1

    Sustanza

    Denominazzjoni NM

    (jekk differenti)

    Kodiċi NM (1)

    Nru SAK (2)

    1-Fenil-2-propanon

    Fenilaċeton

    2914 31 00

    103-79-7

    Aċidu N-aċetilantraniku

    Aċidu 2-Aċetamidobenżojku

    2924 23 00

    89-52-1

    Isosafrol (cis + trans)

     

    2932 91 00

    120-58-1

    3,4-Metilendiossifenilpropan-2-on

    1-(1,3-Benżodiossol-5-yl)propan-2-on

    2932 92 00

    4676-39-5

    Piperonal

     

    2932 93 00

    120-57-0

    Safrol

     

    2932 94 00

    94-59-7

    ▼M3

    4-anilino-N-fenetilpiperidina (ANPP)

     

    2933 39 99

    21409-26-7

    N-fenetil-4-piperidon (NPP)

     

    2933 39 99

    39742-60-4

    ▼C1

    Efedrin

     

    2939 41 00

    299-42-3

    Pseudofedrin

     

    2939 42 00

    90-82-4

    Norefedrin

     

    ►M1  2939 44 00  ◄

    14838-15-4

    Ergometrin

     

    2939 61 00

    60-79-7

    Ergotamin

     

    2939 62 00

    113-15-5

    Aċidu liserġiku

     

    2939 63 00

    82-58-6

    ▼M1

    Alpha-phenylacetoacetonitrile

     

    2926 90 95

    4468-48-8

    ▼M2

    (1R,2S)-(-)-kloroefedrina

     

    2939 99 00

    110925-64-9

    (1S,2R)-(+)-kloroefedrina

     

    2939 99 00

    1384199-95-4

    (1S,2S)-(+)-kloropsewdoefedrina

     

    2939 99 00

    73393-61-0

    (1R,2R)-(-)-kloropsewdoefedrina

     

    2939 99 00

    771434-80-1

    ▼C1

    Il-forom stereoiżomeriċi tas-sustanzi mniżżla f'din il-Kategorija li mhumiex katina (3) kull meta l-preżenza ta' tali forom hija possibbli.

    L-imluħa tas-sustanzi mniżżla f'din il-Kategorija kull meta l-preżenza ta' tali mluħa hija possibbli u li mhumiex l-imluħa ta' katina.

    (1)   ĠU L 290, 28.10.2002, p. 1.

    (2)   In-Nru SAK “Chemical Abstracts Service Registry Number” huwa numru ta' identifikazzjoni uniku speċifiku għal kwalunkwe sustanza u għall-istruttura tagħha. In-Nru KAS huwa speċifiku għal kwalunkwe iżomeru u għal kwalunkwe melħ ta' kwalunkwe iżomeru. Għandu jiġi mifhum li n-Nri KAS għall-imluħa tas-sustanzi mniżżlin hawn fuq ser ikunu differenti minn dawk mogħtija.

    (3)   Imsejħa wkoll (+)-norpseudoefedrin, Kodiċi NM 2939 43 00 , Nru SAK 492-39-7.



    Kategorija 2

    Sustanza

    Denominazzjoni NM

    (jekk differenti)

    Kodiċi NM (1)

    Nru SAK (2)

    Anidride Aċetiku

     

    2915 24 00

    108-24-7

    Aċidu fenilaċetiku

     

    2916 34 00

    103-82-2

    Aċidu antraniliku

     

    2922 43 00

    118-92-3

    Piperidin

     

    2933 32 00

    110-89-4

    Permanganat tal-potassju

     

    2841 61 00

    7722-64-7

    L-imluħa tas-sustanzi mniżżla f'din il-Kategorija kull meta l-preżenza ta' tali mluħa hija possibbli.

    (1)   ĠU L 290, 28.10.2002, p. 1.

    (2)   In-Nru SAK “Numru tar-Reġistru tas-Servizz Astratt Kimiku” huwa numru ta' identifikazzjoni uniku speċifiku għal kull sustanza u għall-istruttura tagħha. In-Nru SAK huwa speċifiku għal kull iżomeru u għal kull melħ ta' kull iżomeru. Għandu jiġi mifhum li n-Nri SAK għall-imluħa tas-sustanzi mniżżlin hawn fuq ser ikunu differenti minn dawk mogħtija.



    Kategorija 3

    Sustanza

    Denominazzjoni NM

    (jekk differenti)

    Kodiċi NM (1)

    Nru SAK (2)

    Aċidu idrokloriku

    Klorur ta’ l-idroġenu

    2806 10 00

    7647-01-0

    Aċidu sulforiku

     

    2807 00 10

    7664-93-9

    Toluwen

     

    2902 30 00

    108-88-3

    Etere etiliku

    Etere dietiliku

    2909 11 00

    60-29-7

    Aċetun

     

    2914 11 00

    67-64-1

    Metiletilketon

    Butanon

    2914 12 00

    78-93-3

    L-imluħa tas-sustanzi mniżżla f'din il-Kategorija kull meta l-preżenza ta' tali mluħa hija possibbli u li mhumiex l-imluħa ta' aċidu idrokloriku u aċidu sulforiku.

    (1)   ĠU L 290, 28.10.2002, p. 1.

    (2)   In-Nru SAK “Chemical Abstracts Service Registry Number” huwa numru ta' identifikazzjoni uniku speċifiku għal kwalunkwe sustanza u għall-istruttura tagħha. In-Nru KAS huwa speċifiku għal kwalunkwe iżomeru u għal kwalunkwe melħ ta' kwalunkwe iżomeru. Għandu jiġi mifhum li n-Nri KAS għall-imluħa tas-sustanzi mniżżlin hawn fuq ser ikunu differenti minn dawk mogħtija.

    ▼M1



    Kategorija 4

    Sustanza

    Desinjazzjoni NM (jekk hi differenti)

    Kodiċi NM

    Prodotti mediċinali u prodotti mediċinali veterinarji li fihom l-efedrina jew l-imluħ tagħha

    Fihom l-efedrina jew l-imluħ tagħha

    3003 40 20

    3004 40 20

    Prodotti mediċinali u prodotti mediċinali veterinarji li fihom il-psewdoefedrina jew l-imluħ tagħha

    Fihom il-psewdoefedrina (INN) jew l-imluħ tagħha

    3003 40 30

    3004 40 30



    ( 1 ) Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67).

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/82/KE tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).

    ( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

    ( 4 ) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

    ( 5 ) Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1).

    ( 6 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    ( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

    ( 8 ) Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    Top