This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02004R2006-20111007
Regulation (EC) No 2006/2004 of the European Parliament and of the Council of 27 October 2004 on cooperation between national authorities responsible for the enforcement of consumer protection laws (the Regulation on consumer protection cooperation) (Text with EEA relevance)
Consolidated text: Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi ( ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi ) (test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi ( ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi ) (test b’rilevanza għaż-ŻEE)
2004R2006 — MT — 07.10.2011 — 004.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2006/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) (ĠU L 364, 9.12.2004, p.1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
L 149 |
22 |
11.6.2005 |
||
L 332 |
27 |
18.12.2007 |
||
L 337 |
11 |
18.12.2009 |
||
REGOLAMENT (UE) Nru 954/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta’ Settembru 2011 |
L 259 |
1 |
4.10.2011 |
Ikkoreġut b'
IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2006/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-27 ta’ Ottubru 2004
dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”)
(test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 1 ),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 2 ),
Billi:
(1) |
Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 1996 dwar il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet għall-infurzar ta’ leġislazzjoni dwar is-suq intern ( 3 ) irrikonoxxiet li hu meħtieġ sforz kontinwu biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet u stiednet lill-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jeżaminaw bi prijorità l-possibiltà li jsaħħu l-kooperazzjoni amministrattiva fl-infurzar tal-leġislazzjoni. |
(2) |
L-arranġamenti nazzjonali attwali għall-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi m’humiex addattati għall-isfidi ta’ infurzar fis-suq intern għaldaqstant kooperazzjoni effettiva u effiċjenti fl-infurzar f’dawn il-każijiet bħalissa mhix possibbli. Dawn id-diffikultajiet joħolqu xkiel għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi ta’ l-infurzar biex jaqbdu, jinvestigaw u jwaqqfu jew jipprojbixxu l-ksur intra-Komunitarju tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. In-nuqqas ta’ infurzar effettiv li jirriżulta f’każijiet trans-konfinali jgħin lill-bejjiegħa u l-fornituri biex jevadu tentattivi ta’ infurzar billi jmorru f’xi post ieħor fil-Komunità. Dan joħnoq il-kompetizzjoni għall-bejjiegħa u l-fornituri li jirrispettaw il-liġi u li joperaw fil-lokal jew b’mod trans-konfinali. Id-diffikultajiet fl-infurzar ta’ każijiet trans-konfinali idgħajjfu wkoll il-fiduċja tal-konsumaturi milli jaċċettaw offerti trans-konfinali u b’hekk ukoll il-fiduċja tagħhom fis-suq intern. |
(3) |
Għalhekk jeħtieġ li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi meta jittrattaw ksur intra-Komunitarju tkun eħfef, u jiġi megħjun it-tħaddim bla ntoppi tas-suq intern, il-kwalità u l-konsistenza ta’ l-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi u l-monitoraġġ tal-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. |
(4) |
Ir-rettikolati għall-kooperazzjoni msaħħa jeżistu fil-leġislazzjoni Komunitarja sabiex jipproteġu lill-konsumaturi f’iżjed u lil hinn mill-interessi ekonomiċi tagħhom, mhux l-inqas fejn hija involuta s-saħħa. L-aħjar prattiċi għandhom ikunu bejn ir-rettikolati stabbiliti b’dan ir-Regolament. |
(5) |
Il-kamp ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar assistenza reċiproka f’dan ir-Regolament għandha tkun limitata għal ksur intra-Komunitarju tal-leġislazzjoni li tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi. L-effettività li biha jiġi segwit il-ksur fuq livell nazzjonali għandha tiżgura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn transazzjonijiet nazzjonali u dawk intra-komunitarji. Dan ir-Regolament ma jaffettwax ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ksur tal-liġi tal-Komunità mill-Istati Membri u lanqas ma jagħti lill-Kummissjoni s-setgħat biex twaqqaf il-ksur intra-Komunitarju mfisser f’dan ir-Regolament. |
(6) |
Il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-ksur intra-Komunitarju jeħtieġ l-istabbiliment ta’ rettikolat ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ infurzar fil-Komunità kollha u dawn jeħtieġu minimu ta’ setgħat ta’ investigazzjoni u infurzar komuni biex japplikaw dan ir-Regolament b’mod effettiv u jżommu lill-bejjiegħa u lill-fornituri milli jikkommettu ksur intra-Komunitarju. |
(7) |
Il-kapaċità ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw liberament fuq bażi reċiproka fl-iskambju ta’ informazzjoni, il-qbid u l-investigazzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju u t-teħid ta’ azzjoni biex iwaqqfu jew jipprojbixxu dan, hija essenzjali biex it-tħaddim bla intoppi tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumaturi jkunu garantiti. |
(8) |
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw ukoll is-setgħat jew miżuri oħra mogħtija lilhom fuq livell nazzjonali, inkluż is-setgħa li jirreferu kawżi għall-prosekuzzjoni kriminali biex jaslu għall-waqfien jew għall-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju mingħajr dewmien fuq talba għall-assistenza reċiproka, fejn dan hu xieraq. |
(9) |
L-informazzjoni skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti għandha tkun suġġetta għal garanziji mill-aktar stretti ta’ konfidenzjalità u segretezza professjonali sabiex ikun żgurat li l-investigazzjonijiet ma jiġux kompromessi, jew ir-reputazzjoni tal-bejjiegħa jew tal-fornituri ma ssofrix ħsara inġusta. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 4 ) u r-Regolament (KE) Nru. 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 5 ) għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament. |
(10) |
L-isfidi ta’ infurzar li jeżistu jmorru lil hinn mill-fruntieri ta’ l-Unjoni Ewropea, u l-interessi tal-konsumaturi Ewropej jeħtieġu li jiġu protetti min-negozjanti diżonestibbażati f’pajjiżi terzi. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu negozjati numru ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi dwar l-assistenza reċiproka fl-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Dawn il-ftehimiet internazzjonali għandhom jiġunnegozjati fil-livell tal-Komunità fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament biex tiġi żgurata l-aqwa protezzjoni tal-konsumaturi Komunitarji u t-tħaddim bla intoppi tal-kooperazzjoni dwar l-infurzar ma’ pajjiżi terzi. |
(11) |
Jixraq li l-attivitajiet ta’ infurzar ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ksur intra-Komunitarju jiġu koordinati fil-livell tal-Komunità sabiex titjieb l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jsir kontribut biex jogħlew il-livelli u l-konsistenza ta’ l-infurzar. |
(12) |
Jixraq li l-attivitajiet tal-kooperazzjoni amministrattiva ta’ l-Istati Membri, fir-rigward tad-dimensjoni intrakomunitarja tagħhom, jiġu koordinati fil-livell tal-Komunità sabiex titjieb l-applikazzjoni tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Dan l-irwol intwera digà fl-istabbiliment tar-rettikolat ekstra-ġudizzjarju Ewropew. |
(13) |
Fejn il-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri taħt dan ir-Regolament iġib miegħu għajnuna finanzjarja mill-Komunità, id-deċiżjoni biex tingħata tali għajnuna għandha tittieħed skond il-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru. 20/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-iffinanzjar ta’ azzjonijiet tal-Komunità li jsostnu l-politika tal-konsumatur għas-snin 2004-2007 ( 6 ), b’mod partikolari l-Azzjonijiet 5 u 10 stabbiliti fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni u Deċiżjonijiet fil-ġejjieni. |
(14) |
L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi għandhomrwol importanti fir-rigward ta’ l-informazzjoni, l-edukazzjoni, fil-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi, inkluż ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim u għandhom jiġu mħeġġa biex jikkooperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti sabiex tittejjeb l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
(15) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni ( 7 ). |
(16) |
Il-monitoraġġ effettiv ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-effikaċja tal-protezzjoni tal-konsumaturi jeħtieġu rapporti regolari mill-Istati Membri. |
(17) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea ( 8 ). Għalhekk dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett għal dawk id-drittijiet u prinċipji. |
(18) |
Peress li l-għanijiet ta’ l-azzjoni, jiġifieri l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġi għall-protezzjoni tal-konsumaturi, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għax ma jistgħux jiżguraw kooperazzjoni u koordinazzjoni meta jaġixxu waħedhom, u li għaldaqstant jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell ta’ Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jeċċedix dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI
Artikolu 1
L-Għan
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri nominati bħala responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw konformità ma’ dawk il-liġijiet, u t-tħaddim bla intoppi tas-suq intern u biex isaħħu l-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.
Artikolu 2
Il-Firxa
1. Id-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza reċiproka stabbilita fil-Kapitoli II u III għandhom ikopru ksur intra-Komunitarju.
2. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għar-regoli tal-Komunità dwar il-liġi privata internazzjonali, b’mod partikolari għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti u l-liġi applikabbli.
3. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għall-applikazzjoni fl-Istati Membri ta’ miżuri dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u ċivili, b’mod partikolari l-operat tar-Rettikolat Ġudizzjarju Ewropew.
4. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għat-twettiq mill-Istati Membri ta’ kwalunkwe obbligi addizzjonali fir-rigward ta’ assistenza reċiproka fil-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi kollettivi tal-konsumaturi, inkluż f’materji kriminali, li joħorġu minn atti legali oħra, inklużi ftehim bilaterali jew multilaterali.
5. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għad-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi ( 9 ).
6. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għal-liġi tal-Komunità dwar is-suq intern, b’mod partikolari dawk id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi.
7. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għal-liġi tal-Komunità dwar iservizzi tax-xandir bit-televiżjoni.
Artikolu 3
Id-Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
(a) “liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi” tfisser id-Direttivi kif trasposti fl-ordni legali intern ta’ l-Istati Membri u r-Regolamenti elenkati fl-Anness;
(b) “ksur intra-Komunitarju” tfisser kwalunkwe att jew omissjoni kontra l-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, kif imfisser f’(a), u li jagħmel, jew jista’ jagħmel ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi li jirrisjedu fi Stat Membru jew Stati Membri barra mill-Istat Membru fejn ikun oriġina jew sar l-att jew l-omissjoni; jew fejn ikun stabbilit il-bejjiegħ jew il-fornitur responsabbli; jew fejn jinsabu l-provi jew l-assi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-att jew l-omissjoni;
(ċ) “awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika stabbilita fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali b’responsabbiltajiet speċifiċi sabiex tinforza l-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;
(d) “uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni” tfisser l-awtorità pubblika f’kull Stat Membru maħtura biex tkun responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’dak l-Istat Membru;
(e) “uffiċjal kompetenti” tfisser uffiċjal wieħed ta’ awtorità kompetenti maħtura bħala responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
(f) “awtorità applikanti” tfisser l-awtorità kompetenti li tagħmel talba għall-assistenza reċiproka;
(g) “awtorità mitluba” tfisser l-awtorità kompetenti li tirċievi talba għall-assistenza reċiproka;
(h) “bejjiegħ jew fornitur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, fir-rigward tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, taġixxi għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha;
(i) “attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq” tfisser l-azzjonijiet ta’ awtorità kompetenti intiżi biex jiskopru jekk ikunx sar ksur intra-Komunitarju fit-territorju tagħha;
(j) “ilment ta’ konsumatur” tfisser dikjarazzjoni sostnuta minn provi raġonevoli, li bejjiegħ jew fornitur ikkommetta, jew x’aktarx se jikkommetti, ksur tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;
(k) “interessi kollettivi tal-konsumaturi” tfisser l-interessi ta’ għadd ta’ konsumaturi li sofrew ħsara jew li jistgħu jsofru ħsara minn ksur ta’ Regolament.
Artikolu 4
L-Awtoritajiet kompetenti
1. Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtoritajiet kompetenti u uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2. Kull Stat Membru jista’, fejn meħtieġ biex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt dan ir-Regolament, jinnomina awtoritajiet pubbliċi oħra. Jista’ jinnomina wkoll korpi li jkollhom interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju skond l-Artikolu 8(3).
3. L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, bla preġudizzju għall-paragrafu 4, is-setgħat ta’ investigazzjoni u infurzar meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jeżerċitawhom skond il-liġi nazzjonali.
4. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 3 skond il-liġi nazzjonali jew:
(a) b’mod dirett taħt l-awtorità tagħhom jew taħt is-sorveljanza ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji; jew
(b) b’applikazzjoni lill-qrati kompetenti biex jagħtu d-deċiżjoni meħtieġa, inkluż, fejn xieraq, b’appell jekk l-applikazzjoni biex tingħata d-deċiżjoni meħtieġa ma tirnexxix.
5. Meta l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’applikazzjoni lill-qrati skond il-paragrafu 4(b), dawk il-qrati għandhom ikunu kompetenti biex jagħtu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
6. Is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu eżerċitati biss fejn hemm suspett raġonevoli ta’ ksur intra-Komunitarju u għandhom jinkludu, għall-inqas, id-dritt:
(a) li jkollhom aċċess għal kwalunkwe dokument rilevanti fi kwalunkwe forma li għandu x’jaqsam mal-ksur intra-Komunitarju;
(b) jingħataw minn kwalunkwe persuna l-informazzjoni rilevanti li għandha x’taqsam mal-ksur intra-Komunitarju;
(ċ) li jagħmlu spezzjonijiet meħtieġa fuq il-post;
(d) li jitolbu bil-miktub li l-bejjiegħ jew il-fornitur konċernat iwaqqaf il-ksur intra-Komunitarju;
(e) li jiksbu migħand il-bejjiegħ jew il-fornitur responsabbli minn ksur intra-Komunitarju impenn biex iwaqqaf il-ksur intra-Komunitarju; u, fejn xieraq, li jippubblikaw l-impenn li jirriżulta;
(f) li jesiġu li jieqaf jew jitrażżan kwalunkwe ksur intra-Komunitarju u, fejn xieraq, jippubblikaw id-deċiżjonijiet li jirriżultaw;
(g) li jeħtieġu li l-konvenut tellief jagħmel ħlasijiet favur fondi pubbliċi jew kwalunkwe benefiċjarju nominat fi jew taħt il-liġi nazzjonali, jekk dan ma jikkonformax mad-deċiżjoni.
7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ir-riżorsi xierqa meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-uffiċjali kompetenti għandhom josservaw standards professjonali u jkunu suġġetti għal proċeduri interni jew regoli ta’mġieba xierqa li jiżguraw, b’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali, imparzjalità proċedurali u l-osservanza tajba tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali stabbiliti fl-Artikolu 13.
8. Kull awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-pubbliku ġenerali bid-drittijiet u r-responsabbiltajiet li tkun ingħatat taħt dan ir-Regolament u għandha tinnomina uffiċjali kompetenti.
Artikolu 5
Il-Listi
1. Kull Stat membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-identitajiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet pubbliċi oħra u korpi li jkollhom interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju u ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna l-lista ta’ l-uffiċċji ewlenija ta’ kooperazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
KAPITOLU II
L-ASSISTENZA REĊIPROKA
Artikolu 6
L-Iskambju ta’ informazzjoni fuq talba
1. Fuq talba minn awtorità applikanti, awtorità mitluba għandha, skond l-Artikolu 4, tagħti, bla dewmien, kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk ikunx sar ksur intra-Komunitarju jew jekk hemmx suspett raġonevoli li dan jista’ jsir.
2. L-Awtorità mitluba għandha tagħmel, jekk meħtieġ bl-għajnuna ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, l-investigazzjonijiet xierqa jew tieħu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa jew xierqa skond l-Artikolu 4, biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa.
3. Fuq talba ta’ l-awtorità applikanti, l-Awtorità mitluba tista’ tippermetti lil xi uffiċjal kompetenti ta’ l-awtorità applikanti li jakkumpanja l-uffiċjali ta’ l-Awtorità mitluba waqt l-investigazzjonijiet tagħhom.
4. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 7
L-Iskambju ta’ informazzjoni mingħajr talba
1. Meta awtorità kompetenti ssir taf dwar ksur intra-Komunitarju, jew ikollha suspett raġonevoli li tali ksur jista’ jseħħ, għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra rilevanti u lill-Kummissjoni, u tagħti l-informazzjoni kollha meħtieġa, bla dewmien.
2. Meta awtorità kompetenti tieħu miżuri oħra ta’ infurzar jew tirċievi talbiet għall-assistenza reċiproka fir-rigward ta’ ksur intra-Komunitarju, għandha tgħarraf l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.
3. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19 (2).
Artikolu 8
It-Talbiet għal miżuri ta’ infurzar
1. Awtorità mitluba għandha, fuq talba minn awtorità applikanti, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex twaqqaf jew tipprojbixxi l-ksur intra-Komunitarju bla dewmien.
2. Biex twettaq l-obbligi tagħha skond il-paragrafu 1, l-Awtorità mitluba għandha teżerċita s-setgħat stabbiliti skond l-Artikolu 4 (6) u kwalunkwe setgħat addizzjonali mogħtija lilha skond il-liġi nazzjonali. L-Awtorità mitluba għandha tiddetermina, jekk meħtieġ bl-għajnuna ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, il-miżuri li għandhom jittieħdu biex iseħħ il-waqfien jew il-projbizzjoni tal-ksur intra-Komunitarju b’mod proporzjonat, effiċjenti u effettiv.
3. L-Awtorità mitluba tista’ twettaq ukol l-obbligi tagħha taħt il-paragrafi 1 u 2 billi tordna lil korp nominat skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4 (2) bħala li għandu interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju biex jieħu l-miżuri meħtieġa kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu taħt il-liġi nazzjonali biex iwaqqaf jew jipprojbixxi l-ksur intra-Komunitarju għan-nom ta’ l-Awtorità mitluba. Jekk il-korp ma jirnexxilux iwaqqaf jew jipprojbixxi l-ksur intra-Komunitarju bla dewmien, l-obbligi ta’ l-Awtorità mitluba taħt il-paragrafi 1 u 2 għandhom jibqgħu.
4. L-Awtorità mitluba tista’ tieħu biss il-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 3 jekk, wara li tikkonsulta l-awtorità applikanti dwar l-użu ta’ dawn il-miżuri, kemm l-applikant u kemm l-Awtorità mitluba jaqblu li:
— l-użu tal-miżuri f’paragrafu 3 x’aktarx iwassal għall-waqfien jew il-projbizzjoni tal-ksur intra-Komunitarju b’mod effiċjenti u effettiv għall-inqas daqs azzjoni mill-Awtorità mitluba;
— u
— l-ordni lill-korp deskritt taħt il-liġi nazzjonali ma tikkawża ebda kxif lil dak il-korp ta’ informazzjoni protetta taħt l-Artikolu 13.
5. Jekk l-awtorità applikanti hija ta’ l-opinjoni li l-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-paragrafu 4 mhumiex imwettqa, għandha tgħarraf bil-miktub lill-Awtorità mitluba, u tagħti r-raġunijiet għall-opinjoni tagħha. Jekk l-awtorità applikanti u l-Awtorità mitluba ma jaqblux, l-Awtorità mitluba tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni, li għandha tagħti opinjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
6. L-Awtorità mitluba tista’ tikkonsulta ma’ l-awtorità applikanti waqt it-teħid ta’ miżuri ta’ infurzar imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. L-Awtorità mitluba għandha tgħarraf bla dewmien lill-awtorità applikanti, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda u l-effetti tagħhom fuq il-ksur intra-Komunitarju, inkluż jekk dan ikunx waqaf.
7. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 9
Il-Koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ l-infurzar
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ l-infurzar. Għandhom ipartu kull informazzjoni meħtieġa biex jintlaħaq dan il-għan.
2. Meta awtoritajiet kompetenti jsiru jafu li xi ksur intra-Komunitarju jagħmel ħsara lill-konsumaturi f’iżjed minn żewġ Stati Membri, l-awtoritajiet kompetenti konċernati għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ l-infurzar u t-talbiet għall-assistenza reċiproka tagħhom permezz ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni. B’mod partikolari għandhom ifittxu li jwettqu investigazzjonijiet u jieħdu miżuri ta’ infurzar simultanji.
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-quddiem dwar din il-koordinazzjoni u jistgħu jistiednu lill-uffiċċjali u lil persuni oħra li jakkumpanjawhom u li jkunu awtorizzati mill-Kummissjoni biex jieħdu sehem.
4. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 10
Id-Database
1. Il-Kummissjoni għandha żżomm database elettronika li fiha għandha taħżen u tipproċessa l-informazzjoni li tirċievi skond l-Artikoli 7, 8 u 9. Id-database għandha tkun disponibbli għal konsultazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biss. Fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom biex jgħarrfu informazzjoni sabiex tinħażen fid-database u l-ipproċessar ta’ data personali involuta f’dan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitqiesu bħala kontrolluri skond l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE. Fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħha taħt dan l-Artikolu u l-ipproċessar ta’ data personali involut fih, il-Kummissjoni għandha tkun meqjusa bħala kontrollur skond l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru. 45/2001.
2. Meta awtorità kompetenti tistabbilixxi li notifika ta’ ksur intra-Komunitarju li hi għamlet skond l-Artikolu 7 kienet sussegwentement ippruvata li kienet bla bażi, għandha tirtira n-notifika u l-Kummissjoni għandha bla dewmien tneħħi l-informazzjoni minn fuq id-database. Meta Awtorità mitluba tgħarraf lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(6) li ksur intra-Komunitarju jkun waqaf, id-data miżmuma dwar il-ksur intra-Komunitarju għandha titħassar ħames snin wara n-notifika.
3. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
KAPITOLU III
IL-KONDIZZJONIJIET ĠENERALI LI JIRREGOLAW L-ASSISTENZA REĊIPROKA
Artikolu 11
Ir-Responsabbiltajiet ġenerali
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament bħallikieku qed jaġixxu għan-nom tal-konsumaturi f’pajjiżhom u għan-nom tagħhom stess jew fuq talba ta’ awtorità kompetenti oħra f’pajjiżhom stess.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-koordinazzjoni effettiva ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet pubbliċi oħra, korpi li jkollhom interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju maħtura minnhom, u l-qrati kompetenti, permezz ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe korp ieħor li jkollu interess leġittimu taħt il-liġi nazzjonali fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju biex ikun żgurat li ksur intra-Komunitarju potenzjali jiġi notifikat lill-awtoritajiet kompetenti bla dewmien.
Artikolu 12
Il-Proċeduri ta’ talba għall-assistenza reċiproka u ta’ skambju ta’ informazzjoni
1. L-awtorità applikanti għandha tiżgura li t-talbiet kollha għall-assistenza reċiproka jkun fihom biżżejjed informazzjoni biex jgħinu lill-Awtorità mitluba biex twettaq it-talba, inkluż kull prova meħtieġa li tista’ tinkiseb biss fit-territorju ta’ l-awtorità applikanti.
2. Talbiet għandhom jintbagħtu mill-awtorità applikanti lill-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni ta’ l-Awtorità mitluba, permezz ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni ta’ l-awtorità applikanti. It-talbiet għandhom jintbagħtu mill-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni ta’ l-Awtorità mitluba lill-awtorità kompetenti xierqa bla dewmien.
3. Talbiet għall-assistenza u l-komunikazzjoni kollha ta’ informazzjoni għandhom isiru bil-miktub, bl-użu ta’ formola standard u jiġu komunikati b’mezz elettroniku permezz tad-database stabbilit fl-Artikolu 10.
4. Il-lingwi użati għat-talbiet u għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni għandhom jiġu miftehma mill-awtoritajiet kompetenti in kwistjoni qabel ma jsiru t-talbiet. Jekk ma jista’ jintlaħaq ebda ftehim, it-talbiet għandhom jiġu komunikati fil-lingwa(i) uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-awtorità applikanti u risposti fil-lingwa(i) uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba.
5. Informazzjoni komunikata wara talba għandha tiġi komunikata direttament lill-awtorità applikanti u lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni ta’ l-awtorità applikanti u dik mitluba fl-istess ħin.
6. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 13
L-Użu ta’ informazzjoni u protezzjoni ta’ data personali, is-segretezza professjonali u kummerċjali
1. Informazzjoni mogħtija tista’ tintuża biss biex il-konformità mal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi tkun żgurata.
2. Awtoritajiet kompetenti jistgħu jinvokaw bħala prova kwalunkwe informazzjoni, dokumenti, sejbiet, stqarrijiet, kopji veri, awtentikati jew informazzjoni sigrieta komunikata, fuq l-istess bażi bħal ngħidu aħna dokumenti simili miksuba f’pajjiżhom stess.
3. Informazzjoni komunikata fi kwalunkwe forma lil persuni li jaħdmu għall-awtoritajiet kompetenti, il-qrati, awtoritajiet pubbliċi oħra u l-Kummissjoni, inkluża informazzjoni notifikata lill-Kummissjoni u maħżuna fuq id-database imsemmi fl-Artikolu 10a, li jekk tiġi żvelata timmina:
— il-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ data personali;
— l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluża l-proprjetà intellettwali;
— proċedimenti fil-qorti u pariri legali;
— jew
— l-għan ta’ l-ispezzjonijiet jew l-investigazzjonijiet,
għandha tkun konfidenzjali u koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali, ħlief jekk l-iżvelar tagħha jkun meħtieġ biex iwaqqaf jew jipprojbixxi ksur intra-Komunitarju u l-awtorità li tikkomunika l-informazzjoni taqbel li jiġi żvelat.
4. Għall-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri leġislattivi meħtieġa biex jirrestrinġu d-drittijiet u l-obbligi taħt l-Artikoli 10, 11 u 12 tad-Direttiva 95/46/KE kif meħtieġ biex jipproteġu l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(d) u (f) ta’ dik id-Direttiva. Il-Kummissjoni tista’ tirrestringi d-drittijiet u l-obbligi taħt l-Artikoli 4(1), 11, 12(1), 13 sa 17 u 37(1) tar-Regolament (KE) Nru. 45/2001 fejn tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa biex tipproteġi l-interessi msemmija fl-Artikolu 20(1)(a) u (e) ta’ dak ir-Regolament.
5. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 14
L-Iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi
1. Meta awtorità kompetenti tirċievi informazzjoni minn awtorità ta’ pajjiż terz, għandha tagħti l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta’ Stati Membri oħra, sakemm dan hu permess minn ftehim ta’ assistenza bilaterali mal-pajjiż terz u skond il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali.
2. Informazzjoni komunikata taħt dan ir-Regolament tista’ tkun komunikata wkoll lil awtorità ta’ pajjiż terz minn awtorità kompetenti taħt ftehim ta’ assistenza bilaterali mal-pajjiż terz, kemm-il darba jkun inkiseb il-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti li kienet oriġinarjament forniet l-informazzjoni u skond il-leġislazzjoni tal-Komunità fir-rigward tal-protezzjoni ta’ individwi dwar l-ipproċessar ta’ data personali.
Artikolu 15
Il-Kondizzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw għal kull talba għar-rimborż ta’ spejjeż minfuqa fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, l-Istat Membru ta’ l-awtorità applikanti għandu jibqa’ responsabbli lejn l-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba għal kwalunkwe spejjeż u kwalunkwe telf li jsofri minħabba miżuri li jinstab li kienu bla bażi minn qorti f’dak li għandu x’jaqsam mas-sostanza tal-ksur intra-Komunitarju.
2. L-Awtorità mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għal miżuri ta’ infurzar taħt l-Artikolu 8, wara konsultazzjoni ma’ l-awtorità applikanti, jekk:
(a) proċeduri ġudizzjarji jkunu diġà nbdew jew is-sentenza finali tkun diġà ngħatat dwar l-istess ksur intra-Komunitarju u kontra l-istess bejjiegħa jew fornituri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba jew dik applikanti;
(b) fl-opinjoni tagħha wara investigazzjoni xierqa mill-Awtorità mitluba, ma jkun sar ebda ksur intra-Komunitarju;
jew
(ċ) fl-opinjoni tagħha l-awtorità applikanti ma tatx biżżejjed informazzjoni skond l-Artikolu 12(1) ħlief meta l-Awtorità mitluba tkun digà rrifjutat li tikkonforma ma’ talba taħt il-paragrafu (3)(ċ) fir-rigward ta’ l-istess ksur intra-Komunitarju.
3. L-Awtorità mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 6 jekk:
(a) fl-opinjoni tagħha, wara konsultazzjoni ma’ l-awtorità applikanti, l-informazzjoni mitluba mhix meħtieġa mill-Awtorità applikanti biex ikun stabbilit jekk kienx hemm ksur intra-Komunitarju jew biex ikun stabbilit jekk hemmx suspett raġjonevoli li dan jista’ jiġri; jew
(b) l-awtorità applikanti ma taqbilx li l-informazzjoni hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali stabbiliti fl-Artikolu 13(3);
jew
(ċ) investigazzjonijiet kriminali jew proċeduri ġudizzjarji jkunu diġà nbdew jew is-sentenza finali tkun diġà ngħatat dwar l-istess ksur intra-Komunitarju u kontra l-istess bejjiegħa jew fornituri quddiem awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba jew applikanti.
4. Awtorità mitluba tista’ tiddeċiedi li ma tikkonformax ma’ l-obbligi msemmija fl-Artikolu 7 jekk investigazzjonijiet kriminali jew proċeduri ġudizzjarji jkunu diġà nbdew jew is-sentenza finali tkun diġà ngħatat dwar l-istess ksur intra-Komunitarju u kontra l-istess bejjiegħa jew fornituri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba jew applikanti.
5. L-Awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti u lill-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom tkun qed tirrifjuta talba għall-assistenza. L-awtorità applikanti tista’ tirreferi l-każ lill-Kummissjoni li għandha tagħti opinjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
6. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
KAPITOLU IV
L-ATTIVITAJIET TAL-KOMUNITÀ
Artikolu 16
Il-Koordinazzjoni ta’ l-infurzar
1. Safejn meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta’ interess għall-Komunità f’oqsma bħal:
(a) it-taħriġ ta’ l-uffiċjali tagħhom għall-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi taħriġ fil-lingwa u l-organizzazzjoni ta’ seminars ta’ taħriġ;
(b) il-ġbir u klassifikazzjoni ta’ ilmenti tal-konsumaturi:
(ċ) l-iżvilupp ta’ rettikolati skond is-settur ta’ uffiċjali kompetenti;
(d) l-iżvilupp ta’ mezzi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni;
(e) l-iżvilupp ta’ standards, metodoloġiji u linji gwida għall-uffiċjali għall-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumaturi;
(f) l-iskambju ta’ l-uffiċjali tagħhom.
L-Istati Membri jistgħu, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jwettqu attivitajiet komuni fl-oqsma msemmija minn (a) sa (f). L-Istati Membri għandhom, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppaw qafas komuni għall-klassifikazzjoni ta’ l-ilmenti minn konsumaturi.
2. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiskambjaw uffiċjali kompetenti biex itejbu l-kooperazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jgħinu lill-uffiċjali kompetenti li jkunu ġew skambjati biex jieħdu sehem attiv fl-attivitajiet ta’ l-awtorità kompetenti. Għal dan il-għan tali uffiċjali kompetenti għandhom jiġu awtorizzati biex iwettqu d-doveri li jkunu ngħataw mill-awtorità kompetenti li tkun stednithom skond il-liġijiet ta’ l-Istat Membru tagħha.
3. Waqt l-iskambju r-responsabbiltà ċivili u kriminali ta’ l-uffiċjal kompetenti għandha tiġi trattata bl-istess mod bħal dik ta’ l-uffiċjali ta’ l-awtorità kompetenti li tkun stednithom. L-uffiċjali kompetenti skambjati għandhom josservaw standards professjonali u jkunu suġġetti għar-regoli interni xierqa ta’ mġieba ta’ l-awtorità kompetenti li tkun stednithom, li jiżguraw, b’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali, l-imparzjalità fil-proċedura u l-osservanza xierqa tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 13.
4. Il-miżuri tal-Komunità meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet komuni, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 17
Il-Kooperazzjoni amministrattiva
1. Safejn meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta’ interess għall-Komunità f’oqsma bħal:
(a) l-informazzjoni lill-konsumaturi u pariri lilhom;
(b) l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ rappreżentanti tal-konsumaturi;
(ċ) l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ korpi responsabbli għal ftehim ekstra-ġudizzjarju ta’ tilwim li jinvolvi konsumaturi;
(d) l-appoġġ għall-aċċess għall-ġustizzja mill-konsumaturi; u
(e) l-ġbir ta’ stastistika, r-riżultati ta’ riċerka u informazzjoni oħra dwar l-imġieba, l-attitudni u r-riżultati tal-konsumaturi.
L-Istati Membri jistgħu, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jwettqu attivitajiet komuni fl-oqsma msemmija minn (a) sa (e). L-Istati Membri għandhom ukoll, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppaw qafas komuni għall-attivitajiet imsemmija f’(e).
2. Il-miżuri tal-Komunità meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet komuni, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).
Artikolu 18
Il-Ftehim internazzjonali
Il-Komunità għandha tikkopera ma’ pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament sabiex ittejjeb il-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. L-arranġamenti għall-kooperazzjoni, inklużi arranġamenti għall-istabbiliment ta’ assistenza reċiproka, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim bejn il-Komunità u l-partijiet terzi kkonċernati.
KAPITOLU V
ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 19
Il-Proċedura tal-Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn Kumitat.
2. Fejn hemm referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.
3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.
Artikolu 20
Id-Dmirijiet tal-Kumitat
1. Il-Kumitat jista’ jeżamina l-materji kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imqajjma mill-president tiegħu, fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.
2. B’mod partikolari, għandu jeżamina u jevalwa kif qed jaħdmu l-arranġamenti għall-kooperazzjoni previsti f’dan ir-Regolament.
Artikolu 21
Ir-Rapporti
1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li jadottaw, jew ta’ ftehim, ħlief biex jittrattaw każijiet individwali, li huma jikkonkludu dwar materji koperti minn dan ir-Regolament.
2. Kull sentejn mid-data meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawn ir-rapporti disponibbli għall-pubbliku.
3. Ir-rapporti nazzjonali għandhom jindirizzaw:
(a) kwalunkwe informazzjoni ġdida dwar l-organizzazzjoni, s-setgħat, ir-riżorsi jew ir-responsabbiltajiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti;
(b) kwalunkwe informazzjoni dwar xejriet, mezzi jew metodi ta’ ksur intra-Komunitarju, b’mod partikolari dawk li jkunu wrew nuqqasijiet jew lacunae f’dan ir-Regolament jew fil-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;
(ċ) kwalunkwe informazzjoni dwar tekniċi ta’ infurzar li wrew li kienu effettivi;
(d) statistiċi fil-qosor dwar attivitajiet ta’ awtoritajiet kompetenti, bħal azzjonijiet taħt dan ir-Regolament, ilmenti li jkunu rċevew, azzjonijiet ta’ infurzar u sentenzi;
(e) taqsiriet ta’ sentenzi interpretattivi nazzjonali sinifikanti fil-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi; u
(f) kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
4. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fuq il-bażi tar-rapporti ta’ l-Istati Membri.
Artikolu 21a
Reviżjoni
Sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li għandu jivvaluta l-effikaċja u l-mekkaniżmi operattivi ta’ dar-Regolament u jeżamina b’mod komprensiv il-possibbiltà li jiġu inklużi fl-Anness liġijiet addizzjonali li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni esterna u fuq konsultazzjoni estiża tal-partijiet interessati relevanti kollha, u miegħu għandha ssir proposta leġiżlattiva, jekk ikun hemm lokha.
Artikolu 22
Id-Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mit-29 ta’ Diċembru 2005.
Id-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza reċiproka stabbiliti fil-Kapitoli II u III għandhom japplikaw mit-29 ta’ Diċembru 2006.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
Direttivi u regolamenti koperti bl-artikolu 3(a) ( 10 )
1) Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21): L-Artikolu 1, l-Artikolu 2 (c) u l-Artikoli 4 sa 8.
2) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 biex tipproteġi lill-konsumatur rigward kuntratti innegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU L 372, tal-31.12.1985, p. 31).
3) Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).
4) Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1): l-Artikoli 9, 10, 11 u mill-Artikoli 19 sa 26.
5) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox inkluż (package travel), il-vaganzi inklużi u t-tours kollox inklużi (ĠU L 158, tat-23. 6.1990, p. 59).
6) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).
7) Id-Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perjodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (ĠU L 33, 3.2.2009, p. 10).
8) Id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod(ĠU L 144, ta’ l-4.6.1997, p. 19). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/65/KE (ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16).
▼M4 —————
10) Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80 tat-18.3.1998, p. 27).
11) Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom(ĠU L 171, tas-7.7.1999, p. 12).
12) Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar certi aspetti legali tas-servizzi minn socjetà ta’ l-informatika, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, tas-17.7.2000 p. 1).
13) Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li ghandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem: l-Artikoli 86 sa 100 (ĠU L 311, tat-28.11.2001 p. 67). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/27/KE (ĠU L 136, tat-30.4.2004 p. 34).
14) Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq mill-bogħod ta’ servizzi finanzjarji lill-konsumaturi.
15) Ir-Regolament (KE) Nru. 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar kumpens u assistenza lill-passiġġieri ta’ l-ajru meta jitħallew l-art jew f’każ ta’ tħassir jew dewmien twil ta’ titjiriet (ĠU L 46, tas-17.2.2004, p. 1).
16) Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 000, 00.6.2005, p. 00).
17) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika): Artikolu 13 (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
( 1 ) ĠU Ċ 108, tat-30.4.2004, p. 86.
( 2 ) opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta’ April 2004 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru 2004.
( 3 ) ĠU Ċ 224, ta’ l-01.08.1996, p. 3
( 4 ) ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).
( 5 ) ĠU L 8, tat-12.1.2001, p. 1.
( 6 ) ĠU L tal-5.1.2004, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE (ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 7).
( 7 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.
( 8 ) ĠU C 364, tat-18.2.2000, p. 1.
( 9 ) ĠU L 166, tal-11.6.1998, p. 51. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/65/KE (ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16).
( 10 ) ►M4 Id-Direttivi Nru 6, 8 u 13 fihom dispożizzjonijiet speċifiċi. ◄