Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02001R1338-20090123

    Consolidated text: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar ta' l-euro

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1338/2009-01-23

    2001R1338 — MT — 23.01.2009 — 001.003


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1338/2001

    tat-28 ta' Ġunju 2001

    li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar ta' l-euro

    (ĠU L 181, 4.7.2001, p.152)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 44/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008

      L 17

    1

    22.1.2009


    Ikkoreġut b'

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 104, 23.4.2015, p. 52 (44/2009)




    ▼B

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1338/2001

    tat-28 ta' Ġunju 2001

    li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar ta' l-euro



    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari t-tielet sentenza ta' l-Artikolu 123(4) miġjub fih,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni ( 1 ),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 );

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ( 3 ),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar id-dħul ta' l-euro ( 4 ), jagħmel provvediment biex il-karti ta' l-euro jitpoġġew fiċ-ċirkolazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew(ECB) u mill-banek ċentrali nazzjonali (NCB) ta' l-Istati Membri parteċipanti u biex il-muniti euro jitpoġġew fiċ-ċirkolazzjoni mill-Istati Membri parteċipanti mill-1 ta' Jannar 2002; għandha għalhekk tiġi adottata malajr sistema li tipproteġi l-euro mill-iffalsifikar sabiex tkun tista' tibda taħdem qabel ma l-karti u l-muniti euro jitpoġġew fiċ-ċirkolazzjoni.

    (2)

    L-arranġamenti stabbiliti mill-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 li jifforma l-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropew (Konvenzjoni ta' l-Europol) ( 5 ) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' April 1999 li testendi l-mandat ta' l-Europol biex jieħdu ħsieb l-iffalsifikar tal-flus u mezzi ta' ħlas ( 6 ) huma maħsuba biex jiġġieldu l-iffalsifikar b'mod ġenerali.

    (3)

    Fid-Deċiżjoni kwadru tad-29 ta' Mejju 2000 wara żieda ta' protezzjoni permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar b'konnessjoni ma' l-introduzzjoni ta' l-euro ( 7 ), il-Kunsill adotta disposizzjonijiet sabiex jassigura ruħu li l-euro tkun imħarsa b'mod xieraq permezz ta' miżuri effettivi taħt il-liġi kriminali.

    (4)

    Miżuri biex jipproteġu l-euro mill-iffalsifikar huma ta' interess għall-Komunità bħala parti mir-responsabbiltà li għandha fejn tidħol il-munita waħdanija; il-protezzjoni legali ta' l-euro ma tistax tiġi assigurata b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri waħedhom, peress illi l-karti u l-muniti euro se jiċċirkolaw ‘l hinn mit-territorji ta' l-Istati Membri parteċipanti. Jeħtieġ għalhekk li jiġu adottati liġijiet tal-Komunità li juru b'mod ċar il-miżuri meħtieġa biex il-karti u l-muniti euro jiċċirkolaw f'kundizzjonijiet xierqa biex tiġi assigurata protezzjoni b'effett u konsistenza totali ta' l-euro kontra attivitajiet li x'aktarx jagħmlu ħsara lill-kredibilità tagħha, u għalhekk jiġu adottati miżuri xierqa sabiex kollox ikun lest f'ħin tajjeb qabel l-1 ta' Jannar 2002.

    (5)

    Biex jiġi applikat dan ir-Regolament jeħtieġ li ssir definizzjoni jew li jinżammu ċertu definizzjonijiet ta' ċertu kunċetti bħal dawk ta' l-iffalsifikar ta' l-euro, data teknika jew ta' statistika u l-awtoritajiet nazzjonali li huma kompetenti għal riċerka inter alia bi skop li tinġabar u tiġi annalizzata d-data dwar l-iffalsifikar tal-flus, inklużi l-uffiċċji ċentrali imsemmija fl-Artikolu 12 fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra.

    (6)

    Għandu jiġi assigurat li d-data teknika u l-istatistika miġbura mill-awtorita' nazzjonali kompetenti dwar l-iffalsifikar tal-karti u muniti euro u kemm jista' jkun possibbli karti tal-flus mhux awtorizzati jkunu mgħoddija lill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, skond ir-responsabbiltà tagħha, il-Kummissjoni jkollhom aċċess għal din id-data. Huwa previst ukoll li l-Europol se jkollha aċċess għal din id-data minħabba fil-ftehim li sar bejnha u bejn il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB).

    (7)

    Iċ-Ċentru għall-Analiżi ta' l-Iffalsifikar (CAC) stabbilit u immexxi taħt il-patroċinju tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB), skond il-linja ta' gwida ( 8 ), jiċċentralizza il-klassifika u l-analiżi tad-data teknika dwar karti tal-flus ffalsifikati.

    (8)

    L-iskema teknika għat-trattament tal-muniti euro ffalsifikati li l-Kunsill aċċetta fit-28 ta' Frar 2000 tirreferi għall-ġbir sistematiku tad-data teknika dwar l-iffalsifikar ta' l-euro mill-Bank Ċentrali ewropew (ECB), l-istabbiliment fuq livell Ewropew ta' Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) għall-analiżi teknika u klassifkazzjoni ta' muniti euro ffalsifikati u fuq livell nazzjonali ta' ċentri nazzjonali għall-analiżi tal-munita (CNAC).

    (9)

    Sar provvediment biex iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) jkun stabbilit fuq bażi temporanja bħala entità amministrattiva distinta u indipendenti fi ħdan iz-Zekka ta' Pariġi fuq bażi ta' Skambju ta' Ittri bejn il-President tal-Kunsill u l-Ministru tal-Finanzi Franċiż tat-28 ta' Frar u 9 ta' Ġunju 2000; il-kompitu tiegħu għandu jiġi definit f'dan ir-Regolament; l-istat futur u l-kwartieri permanenti taċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) se jiġi deċiż mill-Kunsill fiż-żmien dovut.

    (10)

    Jeħtieġ li jsir provvediment biex karti euro iffalsifikati jingħataw liċ-ċentri nazzjonali għall-analiżi - NAC; muniti ffalsifikati għandhom jiġu mgħoddija liċ-Ċentru Nazzjonali għall-Analiżi tal-Munita (CNAC).

    (11)

    Jeħtieġ li jiġi provdut li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u kwalunkwe stabbilimenti oħra involuti fit-tqassim u distribuzzjoni lill-pubbliku tal-karti tal-flus u muniti bħala attivita' professjonali, inklużi dawk li għandhom bħala attività skambju ta' karti tal-flus u tal-muniti, bħal bureaux de change, għandhom ikunu obbligati li jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti u l-muniti euro li jafu jew għandhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li huma ffalsifikati u għandhom jgħadduhom lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll li jsir provvediment għall-Istati Membri biex jieħdu passi sabiex sanzjonijiet li huma jikkunsidraw xierqa jkunu imponuti f'każ ta' nuqqas ta' konformità mill-imsemmija stabbilimenti ma' l-obbligazzjonijiet tagħhom.

    (12)

    Għandha tkun organizzata koperazzjoni fil-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) biex tiġi assigurata protezzjoni ta' l-euro b'mod effettiv u konsistenti, b'mod partikolari rigward l-iskambju ta' data ħlief għal infomazzjoni personali, koperazzjoni u assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Komunita' u dawk nazzjonali, appoġġ xjentifiku, u stħarriġ professjonali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tkompli, bla preġudizzju għar-rwol mogħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) biex tipproteġi l-euro mill-iffalsifikar, fuq bażi regolari, f'kumitat konsultattiv approprjat, mal-mexxejja ewlenin f'din il-ġlieda kontra l-iffalsifikar ta' l-euro (inklużi l-Bank Ċentrali Ewropew (ECB), iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC), il-Europol u l-Interpol), il-konsultazzjonijiet biex jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-protezzjoni sħiħa ta' l-euro bbażata fuq inizzjattivi leġislattivi biex isaħħu il-prevenzjoni u jiġġieldu l-iffalsifikar tal-flus.

    (13)

    Biex jiġi assigurat l-iskambju ta' data sħiħa, aġġornata u komparabbli, għandu jsir provvediment għaċ-ċentralizzazzjoni nazzjonali ta' l-informazzjoni strateġika u operazzjonali u għall-obbligu li d-data tkun rapportata. Għal dan il-għan, għandu jsir provvediment għall-Istati Membri biex jagħmlu l-passi meħtieġa sabiex l-uffiċċji ċentrali jissodisfaw il-missjoni tagħhom skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra sabiex jiġi assigurat l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom u unitajiet nazzjonali tal-Europol.

    (14)

    In-natura komplimentarja tal-kompiti tad-diversi msieħba tal-Komunità, bl-għajnuna li l-Europol tista' tipprovdi skond id-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' April 1999, għandha tiġbor flimkien l-għodda kollha li hemm bżonn biex l-euro tiġi protetta mill-konsegwenzi li jagħmlu l-ħsara minħabba attivitajiet illegali ta' l-iffalsifikar tal-flus. L-Europol twettaq l-funzjonijiet tagħha mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Komunità Ewropea; B'kunsiderazzjoni bir-reqqa għall-kompetenzi rispettivi tagħhom, Europol u l-Komunita' Ewropea għandhom jistabbilixxu forom ta' koperazzjoni li jħalluhom iwettqu l-funzjonijiet rispettivi tagħhom bl-iktar mod effettiv possibbli; għal dan il-għan, prijorità għandha tingħata lill-organizzazzjoni ta' koperazzjoni viċina u regolari fuq bażi ta' ftehim xieraq li għandu jiġi konkluż bejn l-Europol u l-Bank Ċentrali Ewropew (ECB), fuq in-naħa l-waħda, u bejn l-Europol u l-Kummissjoni fuq in-naħa l-oħra skond id-disposizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta' l-Europol.

    (15)

    Peress illi l-euro se tkun użata minn pajjiżi li mhumiex membri bħala munita għal transizzjonijiet internazzjonali, għandu jsir provvediment għal koperazzjoni strutturata li tinvolvi l-mexxejja ewlenin f'każ ta' iffalsifikar ta' flus f'pajjiżi li mhumiex membri.

    (16)

    Il-miżuri provduti minn dan ir-Regolament ma jaffetwawx il-poter ta' l-Istati Membri biex japplikaw il-liġi kriminali nazzjonali bl-iskop li jipproteġu l-euro mill-iffalsifikar.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



    KAPITOLU 1

    GĦAN U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Għan

    1.  L-iskop ta' dan ir-Regolament hu li jistabbilixxi miżuri meħtieġa sabiex il-karti u l-muniti euro jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni b'mod li jkunu protetti kontra l-iffalsifikar.

    2.  Biex jiġi applikat dan ir-Regolament, “falsifikar” ifisser l-attivitajiet li ġejjin:

    (a) kull tip ta' fabbrikazzjoni jew alterazzjoni b'qerq ta' karti jew muniti ta' l-euro, b'kull mezz użat;

    (b) id-diffużjoni b'qerq ta' karti jew muniti ffalsifikati;

    (ċ) l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasport, l-ilqugħ jew il-ksib tal-karti jew muniti euro ffalsifikati bl-iskop li jdaħħluhom fiċ-ċirkolazzjoni u bl-għarfien li huma ffalsifikati;

    (d) il-fabbrikazzjoni, ir-riċeviment, il-kisba jew il-pussess qarrieqi ta':

     strumenti, oġġetti, programmi tal-kompjuter u kull mezz ieħor partikolarment addattat għall-fabbrikazzjoni jew bdil b'qerq tal-karti u l-muniti ta' l-euro,

     jew

     ologrammi jew komponenti oħra li jservu biex jipproteġu l-karti u l-muniti ta' l-euro mill-fabbrikazzjoni jew bdil b'qerq.

    3.  Dan ir-Regolament għandu japplika, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali nazzjonali, għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar.

    Artikolu 2

    Tifsiriet

    Fis-sens ta' dan ir-Regolament:

    (a) “karti ffalsifikati” u “muniti ffalsifikati” ifissru karti u muniti denominati f'euro jew li għandhom id-dehra ta' karti u muniti euro u li kienu magħmulin jew mibdula b'mod qarrieqi;

    (b) “awtoritajiet nazzjonali kompetenti” tfisser l-awtoritajiet nominati mill-Istati Membri għal:

     l-identifikazzjoni ta' karti u muniti ffalsifikati;

     ġabra u analiżi teknika u ta' statistika dwar il-karti ffalsifikati, b'mod partikolari banek ċentrali nazzjonali jew korpi oħra awtorizzati;

     ġabra u analiżi teknika u ta' statistika dwar muniti ffalsifikati, b'mod partikolari zekki nazzjonali, banek ċentrali nazzjonali u korpi oħra awtorizzati;

     ġabra ta' data dwar l-iffalsifikar ta' l-euro u jgħadduhom għall-analiżi, b'mod partikolari l-uffiċċji ċentrali nazzjonali li għalihom imsemmija fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra;

    ▼M1

    (ċ) “istituzzjonijiet ta’ kreditu” għandhom ifissru l-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-punt 1(a) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Europew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-eżerċizzju tagħhom ( 9 );

    ▼B

    (d) data teknika u ta' l-istatistika” tfisser data li permezz tagħha jistgħu jiġu identifikati karti u muniti ffalsifikati (deskrizzjoni teknika tat-tip ta' l-iffalsifikar) u data fuq in-numru ta' karti u muniti ffalsifikati skond l-oriġini, b'mod partikolari ġeografiċi;

    (e) “Il-Konvenzjoni ta' Ġinevra” għandha tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta' l-Iffalsifikar tal-Munita, iffirmata f'Ġinevra fl-20 ta' April 1929 ( 10 );

    (f) “Il-Konvenzjoni tal-Europol” għandha tfisser il-Konvenzjoni tas-26 ta' Lulju 1995 dwar l-Istabbiliment tal-Europol ( 11 );

    ▼M1

    (g) “fornituri ta’ servizzi ta’ pagament”, għandhom ifissru l-fornituri ta’ sevizzi ta’ pagament msemmija fl-Artikolu 1(1), tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Europew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern ( 12 ).

    ▼B



    KAPITOLU 2

    DATA TEKNIKA U TA' STATISTIKA

    Artikolu 3

    Ġabra u aċċess

    1.  Data teknika u statistika dwar karti u muniti ffalsifikati misjuba fl-Istati Membri għandhom jinġabru u jingħataw indiċi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi mgħarraf b'din id-data għal ħażna u proċessar.

    2.  Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġbor u jaħżen data teknika u ta' statistika dwar karti u muniti ffalsifikati misjuba f'pajjiżi li mhumiex membri.

    3.  L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, skond l-oqsma ta' responsabbilità tagħha, il-Kummissjoni, għandhom jkollhom aċċess għad-data teknika u statistika miżmuma mill-Bank Ċentrali Ewropew. L-Europol għandha jkollha aċċess għal din id-data skond ftehim bejnha u bejn il-Bank Ċentrali Ewropew skond id-disposizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta' l-Europol u d-disposizzjonijiet adottati abbażi ta' din ta' l-aħħar.

    Artikolu 4

    ►M1  Obbligu tat-trasmissjoni ta’ karti ta’ flus iffalsifikati ◄

    1.  Bi ftehim mal-Bank Ċentrali Ewropew, l-Istati Membri għandhom jinnominaw jew jistabbilixxu Ċentru għall-Analiżi Nazzjonali (NAC) skond il-liġi nazzzjonali u l-prattika tagħhom.

    2.  L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jippermettu li jsir eżami miċ-Ċentru għall-Analiżi Nazzjonali (NAC) fuq karti tal-flus fejn hemm suspett ta' ffalsifikar u mingħajr dewmien għandhom jagħtuh l-eżempji neċessarju ta' kull tip ta' karti tal-flus li fuqhom hemm suspett ta' ffalsifikar li huma mitluba miċ-Ċentru għall-Analiżi Nazzjonali għall-analiżi u identifikazzjoni u data teknika u statistika li għandhom fil-pussess tagħhom. Iċ-Ċentru għall-Analiżi Nazzjonali (NAC) għandu jibgħat lill-Bank Ċentrali Ewropew kull tip ġdid ta' karti tal-flus li fuqhom hemm suspett ta' ffalsifikar li taqbel mall-kriterji adottati mill-Bank Ċentrali Ewropew. ►M1   Biex tkun iffaċilitata l-verifika tal-awtentiċità tal-karti ta’ flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, għandhom ikunu permessi t-trasferimenti ta’ karti ta’ flus foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni Europea. Matul it-trasport, il-karti ta’ flus foloz għandhom ikunu akkumpanjati f’kull ħin minn ordnijiet ta’ trasport li għal dan il-għan jaslu minn awtoritajiet, istituzzjonijiet u korpi msemmijin hawn fuq. ◄

    3.  It-tieni paragrafu għandu jiġi applikat b'tali mod li ma jżommx karti tal-flus ffalsifikati milli jiġu użati jew miżmuma bħala prova fi proċeduri kriminali. ►M1  Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jittrasmettu lis-CAN, u, jekk ikun il-każ, lill-BĊE, biex jeżaminaw jew jivverifikaw, parti minn lott ta’ dawn il-karti ta’ flus. ◄

    4.  Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jgħaddi r-riżultati finali ta' l-analiżi tiegħu li huma rilevanti u, bil-klassifikazzjoni ta' kull tip ġdid ta' karti tal-flus ffalsifikati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, skond l-oqsma ta' responsabbilità tagħha, lill-Kummisssjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jgħaddi r-riżultati lill-Europol, skond il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3).

    Artikolu 5

    ►M1  Obbligu tat-trasmissjoni ta’ muniti ffalsifikati ◄

    1.  L-Istati Membri għandhom jinnominaw jew jistabbilixxu Ċentru għall-Analiżi tal-Munita Nazzjonali (CNAC) skond il-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom.

    2.  L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jippermettu li jsir eżami miċ-Ċentru għall-Analiżi tal-Munita Nazzjonali (CNAC) ta' muniti fejn hemm suspett ta' falsifikar u mingħajr dewmien għandhom jipprovdu l-eżempji neċessarji mitluba miċ-Ċentru għall-Analiżi tal-Munita Nazzjonali (CNAC) ta' kull tip ta' munita b'suspett ta' falsifikar għall-analiżi u identifikazzjoni u data teknika u ta' statistika li huma għandhom fil-pussess tagħhom. Iċ-Ċentru għall-Analiżi tal-Munita Nazzjonali (CNAC) għandu jibgħat liċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) kull tip ġdid ta' munita dwar liema hemm suspett ta' falsifikar li taqbel mal-kriterji adottati miċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC); għal dan il-għan il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jipprovdi liċ-Ċentru għall-Analiżi tal-Munita Nazzjonali (CNAC) b'din id-data teknika u ta' statistika dwar muniti euro ffalsifikati li huma fil-pussess tiegħu. ►M1   ►C1  Sabiex tiġi ffaċilitata l-verifika tal-awtentiċità tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, huma awtorizzati t-trasferimenti ta' muniti foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea. Matul it-trasport, il-muniti foloz għandhom ikunu akkumpanjati f'kull ħin minn ordnijiet ta' trasport li għal dan il-għan jaslu minn awtoritajiet, istituzzjonijiet u korpi msemmijin hawn fuq. ◄  ◄

    3.  It-tieni paragrafu għandu jiġi applikat b'tali mod li ma jżommx muniti ffalsifikati milli jintużaw jew milli jinżammu bħala prova fi proċeduri kriminali. ►M1   Madankollu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jittrasmettu lis-CNAP, u, jekk ikun il-każ, lis-CTSE, parti minn lott ta’ dawn il-muniti biex jeżaminawh jew jittestjawh. ◄

    ▼M1

    4.  Is-CTSE għandu janalizza u jikklassifika kull tip ġdid ta’ munita euro ffalsifikata. Għal dan il-għan, is-CTSE għandu jkollu aċċess għad-data teknika u ta’ statistika miżmuma fil-BĊE dwar muniti tal-euro ffalsifikati. Is-CTSE għandu jgħaddi r-riżultati finali rilevanti tal-analiżi tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, skont l-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi, lill-BĊE. Il-BĊE għandu jgħaddi dan ir-riżultat lill-Europol, f’konformità mal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3, il-paragrafu 3.

    ▼B



    KAPITOLU 3

    DMIRIJIET U SANZJONIJIET

    Artikolu 6

    ►M1  Obbligi relattivi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jieħdu sehem fit-trattament u l-kunsinna lill-pubbliku ta’ karti ta’ flus u muniti ◄

    ▼M1

    1.  L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, fil-limitu tal-attività ta’ pagament tagħhom, il-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ pagament, kif ukoll l-aġenti ekonomiċi l-oħra kollha li jieħdu sehem fit-trattament u l-kunsinna lill-pubbliku ta’ karti ta’ flus u muniti, li jinkludu:

     l-istituzzjonijiet li l-attivitajiet tagħhom jikkonsistu fl-iskambju ta’ karti ta’ flus u muniti ta’ kambji differenti, bħal uffiċji tal-kambju,

     it-trasportaturi ta’ fondi,

     l-aġenti ekonomiċi l-oħra, bħan-negozjanti u l-każinò, involuti b’mod sekondarju fit-trattament u l-kunsinna lill-pubbliku ta’ karti ta’ flus permezz ta’ magni bankarji awtomatiċi (magni għad-distribuzzjoni ta’ flus kontanti), fil-limitu ta’ dawn l-attivitajiet sekondarji.

    għandu jkollhom l-obbligu li jiżguraw l-awtentiċità tal-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro li jirċievu u jkun bi ħsiebhom li jqiegħdu mill-ġdid fiċ-ċirkolazzjoni u li joqogħdu attenti biex jinstabu flus foloz.

    Għall-karti ta’ flus tal-euro, dan il-kontroll għandu jsir f’konformità mal-proċeduri ddefiniti mill-BĊE ►C1   ( 13 ). ◄

    L-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom l-obbligu li jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro kollha li jkunu rċevew li jkunu jafu, jew li għandhom biżżejjed raġunijiet għalfejn jaħsbu li huma foloz. Huma għandhom jgħadduhom immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    ▼M1

    1a.  B’deroga mid-dispożizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, fl-Istati Membri li m’għandhomx l-euro bħala l-munita unika tagħhom, il-kontroll tal-awtentiċità tal-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro għandu jsir:

     jew minn persunal imħarreġ;

     jew minn magna għat-trattament ta’ karti ta’ flus u muniti li tidher fil-lista ppubblikata mill-BĊE ►C1   ( 14 ) ◄ għall-karti ta’ flus jew mill-Kummissjoni għall-muniti ( 15 ).

    ▼B

    2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-istituzzjonijiet li jidhru fl-ewwel paragrafu li jonqsu milli iwettqu dmirijiethom skond l-imsemmi paragrafu huma suġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u deterrenti.

    ▼M1

    3.  Mingħajr preġudizzju għad-dati stabbiliti mill-BĊE għall-applikazzjoni tal-proċeduri definiti minnu, l-Istati Membri għandhom jadottaw, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011, id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari u amministrattivi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-BĊE b’dan minnufih.

    ▼B



    KAPITOLU 4

    KOPERAZZJONI U ASSISTENZA REĊIPROKA

    Artikolu 7

    Koperazzjoni sabiex l-euro tiġi protetta mill-iffalsifikar.

    1.  Bil-għan li jkun hemm protezzjoni effettiva tal-euro mill-iffalsifikar, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jikkoperaw, min-naħa l-waħda, bejniethom, u, min-naħa l-oħra ma' l-Europol skond il-Konvenzjoni ta' l-Europol u d-disposizzjonijiet adottati fuq il-bażi ta' din ta' l-aħħar. Għal dan il-għan il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jinnegozzjaw bi skop li jiġi konkluż fi żmien dovut ftehim ma' l-Europol.

    2.  B'mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew, fit-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom, għandhom jikkoperaw billi:

     jsir skambju ta' informazzjoni fuq iż-żamma mill-iffalsifikar u l-ġlieda kontra ċ-ċirkolazzjoni ta' karti tal-flus u muniti ffalsifikati;

     jipprovdu informazzjoni regolari dwar l-impatt ta' l-iffalsifikar għal skop ta' analiżi strateġika;

     jassiguraw assistenza bejn xulxin biex iżommu milli jsir falsifikar u jiġġieldu ċ-ċirkolazzjoni ta' karti tal-flus u muniti ffalsifikati, li għandu jinkludi, inter alia, appoġġ xjentifiku u taħriġ dwar l-appoġġ loġistiku ta' l-Istati Membri.

    3.  Ġewwa l-qafas ta' assistenza bejn xulxin, l-uffiċċji ċentrali nazzjonali li jissemmew fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-Bank Ċentrali Ewropew u, skond il-bżonn, il-Kummissjoni għandhom, ġewwa l-qafas tal-poteri rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għar-rwol ta' l-Europol, jagħmlu provvediment għal sistema għall-komunikazzjoni ta' data teknika (twissija kmieni).

    Artikolu 8

    Ċentralizzazzjoni ta' informazzjoni fuq livell nazzjonali.

    1.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi, hekk kif jinstab każ ta' ffalsifikar, informazzjoni fuq livell nazzjonali għandha tiġi mgħoddija lill-uffiċċju ċentrali nazzjonali bi skop li tiġi mgħoddija lill-Europol permezz ta' l-unità nazzjonali ta' l-Europol.

    2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jassiguraw li jsir l-iskambju ta' data bejn l-uffiċċju ċentrali nazzjonali u l-unità nazzjonali għall-Europol.

    Artikolu 9

    Relazzjonijiet esterni

    1.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-pajjiżi mhux membri u organizzazzjonijiet internazzjonali b'assoċjazzjoni fil-qrib mal-Bank Ċentrali Ewropew. Din il-koperazzzjoni għandha tinkludi l-għajnuna neċessarja biex tilqa' u tiġġieled l-iffalsifikar ta' l-euro, skond id-disposizzjonijiet dwar il-prevenzjoni ta' attivitajiet illegali li jinsabu fi ftehim ta' koperazzjoni, assoċjazzjoni u u pre-adeżjoni.

    2.  Il-Kunsill għandu jassigura li ftehim ta' koperazzjoni, assoċjazzjoni u pre-adeżjoni bejn il-Komunità Ewropea u pajjiżi mhux membri jinkludu disposizzjonijiet li jippermettu li l-Artikolu 3(2) jiġi applikat.



    KAPITOLU 5

    DISPOSIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 10

    Awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    1.  L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Kummissjoni lista ta' l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali imsemmija fl-Artikolu 2(b).

    2.  Dawn il-listi għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Artikolu 11

    Karti tal-flus mhux awtorizzati

    Id-disposizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 3, 4, 7, 8 u 9 għandhom kemm jista' jkun possibbli japplikaw għal karti indikati f'euro li kienu magħmula bl-użu ta' faċilità jew apparat legali bi ksur tad-disposizzjonijiet li bi qbil magħhom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu flus, jew li ddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni bi ksur tal-kondizzjonijiet li bi qbil magħhom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jdaħħlu flus fiċ-ċirkolazzjoni u mingħajr il-kunsens ta' dawk l-awtoritajiet.

    Artikolu 12

    Applikabilità

    L-Artikoli 1 sa 11 għandhom ikollhom effett f'dawk l-Istati Membri li adottaw l-euro bħala l-munita waħdanija tagħhom.

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2002. Madankollu, għandu japplika mid-data tal-pubblikazzjoni għal karti tal-flus u muniti li għadhom ma ħarġux imma li huma intiżi li jinħarġu.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri bi qbil mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.



    ( 1 ) ĠU C 337 E, tat-28.11.2000, p. 264.

    ( 2 ) L-Opinjoni maħruġa fit-3 ta' Mejju 2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    ( 3 ) ĠU C 19, ta' l-20.1.2001, p. 18.

    ( 4 ) ĠU L 139, tal-11.5.1998, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2596/2000 (ĠU L 300, tad-29.11.2000, p. 2.)

    ( 5 ) ĠU C 316, tas-27.11.1995, p. 1.

    ( 6 ) ĠU C 149, tat-28.5.1999 p. 16 u Korriġendum fil-ĠU C 229, tat-12.8.1999, p. 14.

    ( 7 ) ĠU L 140, 14.6.2000, p. 1.

    ( 8 ) Linji Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta' Awissu 1998 fuq ċertu disposizzjonijiet dwar karti tal-banek euro, kif l-aħħar emendat fis-26 ta' Awissu 1999 (ĠU L 258, tal-5.10.1999, p. 32).

    ( 9 ) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

    ( 10 ) Serje tat-Trattat tas-Soċjeta' tan-Nazzjonijiet Nru 2623 (1931), p. 372.

    ( 11 ) ĠU C 316, tas-27.11.1995, p. 2.

    ( 12 ) ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.

    ( 13 ) Ara l-qafas għall-kxif ta' karti tal-flus foloz u ssortjar skont il-kondizzjoni tal-karti tal-flus minn istituzzjonijiet ta' kreditu u cash handlers professjonali oħra, disponibbli fis-sit tal-Internet tal-BĊE hawnhekk: http://www.ecb.europa.eu/euro/cashprof/html/index.mt.html

    ( 14 ) Il-lista pubblikata mill-BĊE hija disponibbli fis-sit tal-Internet hawnhekk: http://www.ecb.europa.eu/euro/cashprof/html/index.mt.html

    ( 15 ) Il-lista pubblikata mill-Kummissjoni hija disponibbli fis-sit tal-Internet hawnhekk: http://ec.europa.eu/anti_fraud/pages_euro/euro-coins/machines.pdf

    Top