This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 01998R2531-20020126
Council Regulation (EC) No 2531/98 of 23 November 1998 concerning the application of minimum reserves by the European Central Bank
Consolidated text: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 Novembru 1998 li għandu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni ta' riservi minimi tal-Bank Ċentrali Ewropew
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 Novembru 1998 li għandu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni ta' riservi minimi tal-Bank Ċentrali Ewropew
1998R2531 — MT — 26.01.2002 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2531/98 tat-23 Novembru 1998 li għandu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni ta' riservi minimi tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p.1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 134/2002 tat-22 ta' Jannar 2002 |
L 24 |
1 |
26.1.2002 |
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2531/98
tat-23 Novembru 1998
li għandu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni ta' riservi minimi tal-Bank Ċentrali Ewropew
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 3) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (l-“Istatut”) u partikolarment l-Artikolu 19.2 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (l-“BĊE”) ( 1 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ( 3 ),
Huwa u jaġixxi bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 106(6) tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea (minn issa 'l quddiem imsejjaħ it-“Trattat”) u fl-Artikolu 42 ta' l-Istatut u fuq il-kondizzjonijiet dikjarati bl-Artikolu 43.1 ta' l-Istatut u l-paragrafu 8 tal-Protokoll (Nru 11) dwar ċerti dispożizzjonjiet li għandhom x'jaqsmu mar-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta' Fuq,
(1) |
Billi l-Artikolu 19.2, flimkien ma' l-Artikolu 43.1 ta' l-Istatut, paragrafu 8 tal-Protokoll Nru 11 u l-paragrafu 2 tal-Protokoll (Nru 12) dwar ċerti dispożizzjnijiet li għadhom x'jaqsmu mad-Danimarka, ma jagħti l-ebda drittijiet u ma jimponi l-ebda obbligi fuq Stat Membru mhux parteċipanti; |
(2) |
Billi l-Artikolu 19.2 ta' l-Istatut jirrikjiedi li l-Kunsill jiddefinixxi, fost ħwejjeġ oħra, il-bażi għal riservi minimi u l-proporzjonijiet massimi permissibbli bejn dawn ir-riservi u l-bażi tagħhom; |
(3) |
Billi l-Artikolu 19.2 ta' l-Istatut jirrikjiedi wkoll illi l-Kunsill jiddefinixxi s-sanzjonijiet xierqa f'każi ta' nuqqas ta' konformità ma' dawn ir-rekwiżiti; billi sanzjonijiet speċifiċi huma stabbiliti hawn; billi dan ir-Regolament jirreferi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 Novembru 1998, fejn għandu x'jaqsam mal-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet ( 4 ) fuq il-prinċipji u l-proċeduri li għandhom x'jaqsmu ma' l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet u li jipprovdi proċedura simplifikata għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fil-każ ta' ċerti tipi ta' ksur tal-liġijiet; billi, fil-każ ta' konflitt bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 u d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jagħtu poteri lill-BĊE li jimponi sanzjonijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom jipprevalu; |
(4) |
Billi l-Artikolu 19.1 ta' l-Istatut jipprovdi illi l-Kunsill Governattiv ta' l-BĊE jista' jwaqqaf regolamenti li għandhom x'jaqsmu mal-kalkoli u d-determinazzjoni tar-riservi minimi rekwiżiti; |
(5) |
Billi, sabiex tkun strument effettiv fix-xogħol ta' l-immaniġġjar tas-suq tal-flus u tal-funzjonijiet ta' kontroll monetarju, is-sistema għall-impożizzjoni tar-riservi minimi jeħtiġilha tiġi strutturata biex il-BĊE ikollu l-kapaċità u l-flessibiltà li jimponi riservi minimi meħtieġa fil-kuntest ta', u dipendenti minn, kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji li jkunu qegħdin jinbidlu fost l-Istati Membri parteċipanti; billi f'dan il-każ il-BĊE irid ikollu l-flessibbilta' li jirreaġixxi għal teknoloġiji ġodda ta' pagamenti bħalma huwa l-iżvilupp ta' flus bl-elettronika; billi l-BĊE jista' jimponi riservi minimi fuq passivi li jirriżultaw minn oġġetti barra mill-balance sheets, partikolarment dawk li huma jew individwalment jew flimkien ma' oġġetti ġewwa jew barra l-balance sheet paragunabbli ma' passivi imniżżla fil-balance sheet sabiex jillimtaw il-possibbiltà ta' tidwir ta' kliem; |
(6) |
Billi l-BĊE, fit-twaqqif ta' regolamenti dettaljati dwar l-impożizzjoni ta' riservi minimi, inklużi dawk li jistabbilixxu l-proporzjonijiet attwali tar-riservi, kull rimunerazzjoni tar-riservi, kull eżenzjoni mir-riservi minimi jew kull modifikazzjoni għal dawk ir-rekwiżiti applikabbli għal kull grupp jew gruppi ta' istituzzjonijiet, huwa fid-dmir li jaġixxi b'mod konformi ma' l-għanijiet tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (l-“ESCB”) kif dikjarata fl-Artikolu 105(1) tat-Trattat u kif riflessa fl-Artikolu 2 ta' l-Istatut; billi dan jimplika, fost ħwejjeġ oħra, il-prinċipju li ma jidħlux delokazzjonijiet jew disintermedjazzjonijiet sinjifikanti mhux mixtieqa; billi l-impożizzjoni ta' dawn ir-riservi minimi tista' tikkostitwixxi element ta' definizzjoni u implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Komunità, peress li hija wieħed mid-dmirijiet bażiċi ta' l-ESCB kif speċifikat fl-ewwel indent ta' l-Artikolu 105(2) tat-Trattat u kif rifless fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3.1 ta' l-Istatut; |
(7) |
Billi iżda s-sanzjonijiet fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' l-obbligi dikjarati f'dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-possibilità li l-ESCB iwaqqaf dispożizzjonijiet xierqa ta' infurzar fir-relazzjonijiet tiegħu ma' kontropartijiet, inklużi l-esklużjoni parzjali jew totali ta' istituzzjoni mill-operati tal-politka monetarja fil-każ ta' ksur serju tar-rekwiżiti tar-riserva minima; |
(8) |
Billi l-ESCB u l-BĊE ġew inkarigati bix-xogħol li jħejju l-istrumenti tal-politika monetarja sabiex jingħata lok għall-operat totali tagħhom fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (minn issa “l quddiem imsejħa” it-Tielet Stadju'); billi element essenzjali fit-tħejjija huwa l-adozzjoni, qabel it-Tielet Stadju, tar-regolamenti tal-BĊE li jirrikjedu lill-istituzzjonijiet li jżommu riservi minimini sa mill-1 Jannar 1999; billi huwa mixtieq li l-parteċipanti fis-suq jiġu infurmati matul l-1998 bid-dispożizzjonijiet dettaljati li l-BĊE jista' jidhirlu li jkunu meħtieġa għall-adozzjoni ta' l-implimentazzjoni tas-sistema ta' riservi minimi; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-BĊE jingħatalu poter regolatorju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament; |
(9) |
Billi d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jistgħu jiġu applikati effettivament biss fl-intier tagħhom jekk l-Istati Membri parteċipanti jadottaw il-miżuri meħtieġa bil-ħsieb li jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom ikollhom il-poteri biex jgħinu u jikkollaboraw totalment mal-BĊE fit-twettiq tal-ġbir u verifika tat-tagħrif kif meħtieġ b'dan ir-Regolament, bi qbil ma' l-Artikolu 5 tat-Trattat, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:
1. “Stat Membru parteċipanti” għandha tfisser Stat Membru li jkun adotta l-munita unika bi qbil mat-Trattat;
2. “bank ċentrali nazzjonali” għandha tfisser il-bank ċentrali ta' Stat Membru parteċipanti;
3. “istituzzjoni” għandha tfisser kull entità fi Stat Membru parteċipanti li, skond l-Artikolu 19.1 ta' l-Istatut, il-BĊE jista' jġiegħlha li żżomm riservi minimi;
4. “proporzjon ta' riserva” għandha tdisser dak il-perċentwali għall-bażi ta' riservi minimi li l-BĊE jista' jispeċifika bi qbil ma' l-Artikolu 19.1 ta' l-Istatut;
5. “sanzjonijiet” għandha tfisser multi, pagamenti perjodiċi ta' penalità, depożiti li jġorru l-imgħax bħala penalità jew dawk li ma jġorrux imgħax.
Artikolu 2
Dritt li jiġu eżentati istituzzjonijiet
Il-BĊE jista', fuq bażi mhux diskriminatorja, jeżenta istituzzjonijiet mir-riservi minimi bi qbil mal-kriterji li jwaqqaf l-BĊE.
Artikolu 3
Bażi għal riservi minimi
1. Il-bażi għal riservi minimi li l-BĊE jista' jġiegħel lil istituzzjonijiet li jżommu bi qbil ma' l-Artikolu 19.1 ta' l-Istatut għandhom jinkludu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu:
(i) passivi ta' l-istituzzjoni li jirriżultaw mill-aċċettazzjoni ta' fondi, flimkien ma'
(ii) passivi li jirriżultaw minn oġġetti barra mill-karti ta' bilanċ, imma jeskludu
(iii) passivi totali jew parzjali li huma debitati lil kull istituzzjoni oħra skond il-modalitajiet li għandhom ikunu speċifikati mill-BĊE, u
(iv) passivi li huma debitati lill-BĊE jew lil bank ċentrali nazzjonali.
2. Għall-passivi fil-forma ta' strumenti negozzjabbli ta' dejn, l-BĊE jista' jispeċifika, bħala alternattiva għad-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 1 (iii), illi l-passivi dovuti minn istituzzjoni għal oħra għandhom ikunu mnaqqsa totalment jew parzjalmet mill-bażi ta' riservi minimi ta' l-istutzzjoni li huma dovuti lilha.
3. L-BĊE jista', fuq bażi mhux diskriminatorja, iħalli t-tnaqqis ta' tipi speċifiċi ta' assi minn kategoriji ta' passivi li jiffurnaw parti mill-bażi ta' riservi minimi.
Artikolu 4
Proporzjonijiet ta' riservi
1. Proporzjonijiet ta' riservi, li l-BĊE jista' jispeċifika bi qbil ma' l-Artikolu 19.1 ta' l-Istatut, ma għandhomx jaqbżu l-10 % ta' kull passiv rilevanti li tifforma parti mill-bażi għar-riservi minimi imma tista' tkun 0 %.
2. Bla ħsara għall-paragrafu 1, l-BĊE jista', fuq bażi mhux diskriminatorja, jispeċifika proporzjonijiet differenti għal kategoriji speċifiċi ta' passivi li jiffurmaw parti mill-bażi ta' riservi minimi.
Artikolu 5
Poter Regolatorju
Għall-għan ta' l-Artikoli 2, 3 u 4, il-BĊE għandu jadotta, fejn xieraq, regolamenti jew deċiżjonijiet.
Artikolu 6
Dritt li jiġbor u jivverifika tagħrif
1. Il-BĊE għandu jkollu d-dritt li jiġbor mingħand istituzzjonijiet it-tagħrif meħtieġ għall-applikazzjoni ta' riservi minimi. Dan it-tagħrif għandu jkun konfidenzjali.
2. Il-BĊE għandu jkollu d-dritt li jivverifika l-eżattezza u l-kwalità tat-tagħrif li jipprovdu l-istituzzjonijiet biex juru l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta' riserva minima. Il-BĊE għandu jgħarraf lill-istituzzjoni dwar id-deċiżjoni tiegħu li jivverifika d-data jew li jeffettwa l-ġbir tagħhom bil-fors.
3. Id-dritt li jivverifika fatti magħrufa jinkludi d-dritt li:
(a) jitlob is-sottomissjoni ta' dokumenti;
(b) jeżamina l-kotba u r-reġistri ta' l-istituzzjonijiet;
(ċ) jieħu kopji jew estratti min dawn il-kotba u reġistri; u
(d) jikseb spjegazzjonijiet bil-miktub jew bil-fomm.
Meta istituzzjoni tfixkel il-ġbir u/jew il-verifika ta' tagħrif, l-Istat Membru parteċipanti li fih il-fond rilevanti huwa lokat għandu joffri l-għajnuna meħtieġa, inkluża ċ-ċertezza ta' l-aċċess għall-fond ta' l-istituzzjoni, sabiex id-drittijiet imsemmija iktar 'il fuq ikunu jistgħu jiġu eżerċitati.
4. Il-BĊE jista' jiddelega lill-banek ċentrali nazzjonali l-eżekuzzjoni tad-drittijiet riferiti fil-paragrafi 1 u 3. Bi qbil ma' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 34.1 ta' l-Istatut, il-BĊE għandu jingħata l-poteri li jispeċifika iktar fit-tul f'reġolament il-kondizzjonijiet li fuqhom għandu jiġi eżerċitat id-dritt tal-verifika.
Artikolu 7
Sanzjonijiet fil-każ ta' nuqqas ta' konformità
1. Fejn istituzzjoni tonqos milli żżomm fl-intier jew parti minnhom ir-riservi minimi imposti bi qbil ma' dan ir-Regolament u mar-regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE kif hawnhekk assoċjati magħhom, il-BĊE jista' jimponi l-waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ sanzjonijiet li ġejjin:
(a) pagament ta' sa 5 punti perċentwali iktar għoli mill-iskala ta' self marġinali ta' l-ESCB jew darbtejn l-iskala ta' self marġinali ta' l-ESCB, fiż-żewġ każi applikat għall-ammont ta' riservi minimi li l-istituzzjoni rilevanti tonqos milli tipprovdi;
(b) ir-rekwiżit għall-istituzzjoni rilevanti li twaqqaf depożitu li ma jġorrx imgħax mal-BĊE jew mal-banek ċentrali nazzjonali sa 3 darbiet ta' l-ammont tar-riservi minimi li l-istituzzjoni rilevanti tonqos li tipprovdi. Il-maturità tad-depożitu ma għandux jeċċedi l-perijodu ta' żmien li matulu l-istituzzjoni tonqos milli żżomm ir-riservi minimi
2. Kull meta tkun imposta sanzjoni bi qbil mal-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-prinċipji u l-proċeduri dikjarati fir-Regolament (KE) Nru 2532/98. Iżda, l-Artikolu 2(1) u (3) u l-Artikolu 3(1), (2), (3) u (4) ta' dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu applikabbli, u l-perijodi ta' żmien riferiti fl-Artikolu 3(6) ►M1 ————— ◄ u (8) tiegħu għandhom jiġu mnaqqsa għal ħmistax-il jum.
3. Fejn istituzzjoni tonqos milli tħares l-obbligu li joħroġ minn dan ir-Regolament jew mir-regolamenti jew deċiżjonijiet ta' l-BĊE assoċjati magħhom, għajr dawk stabbiliti fil-paragrafu 1, sanzjonijiet f'każijiet ta' nuqqas minn dan u tal-limiti u l-kondizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' sanzjonijiet minn dawn għandhom ikunu bħal dawk dikjarati fir-Regolament (KE) Nru 2532/98.
Artikolu 8
Dispożizzjonijiet Finali
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
L-Artikolu 5 għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. L-Artikoli l-oħra għandhom japplikaw mill-1 Jannar 1999.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( 1 ) ĠU C 246, tas-6.8.1998, p. 6.
( 2 ) ĠU C 328, tas-26.10.1998.
( 3 ) Opinjoni maħruġa fit-8 Ottubru 1998 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
( 4 ) Ara paġna 4 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.