This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 01991L0671-20140320
Council Directive of 16 December 1991 relating to the compulsory use of safety belts and child-restraint systems in vehicles (91/671/EEC)
Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill tas- 16 ta' Diċembru 1991 dwar l-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistemi tat-trażżin għat-tfal fil-vetturi (91/671/KEE)
Id-Direttiva tal-Kunsill tas- 16 ta' Diċembru 1991 dwar l-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistemi tat-trażżin għat-tfal fil-vetturi (91/671/KEE)
1991L0671 — MT — 20.03.2014 — 002.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistemi tat-trażżin għat-tfal fil-vetturi (ĠU L 373, 31.12.1991, p.26) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
ID-DIRETTIVA 2003/20/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-8 ta' April 2003 |
L 115 |
63 |
9.5.2003 |
|
DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/37/UE tas-27 ta’ Frar 2014 |
L 59 |
32 |
28.2.2014 |
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL
tas-16 ta' Diċembru 1991
dwar l-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistemi tat-trażżin għat-tfal fil-vetturi
(91/671/KEE)
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod speċjali l-Artikolu 75 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),
Billi l-liġijiet nazzjonali dwar l-użu ta' bilfors taċ-ċintorini tas-sigurtà jvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor; billi huwa għalhekk meħtieġ illi jiġi armonizzat dan l-użu ta' mandatorju;
Billi l-obbligu li jintużaw iċ-ċintorini tas-sigurtà jrid ikun armonizzat fil-vetturi ta' mhux inqas minn 3,5 tunnellati metriċi sabiex jiggarantixxu lil min ikun fuq it-triq l-akbar ammont ta' sigurtà;
Billi d-Direttivi 76/115/KEE ( 4 ) u 77/541/KEE ( 5 ) jolqtu l-ħtiġiet tekniċi marbuta maċ-ċintorini tas-sigurtà li magħhom iridu jaqblu l-vetturi bil-mutur, iżda mhux l-użu taċ-ċintorini tas-sigurtà;
Billi fir-riżoluzzjoni tad-19 ta' Diċembru 1984 ( 6 ), il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill, iddeċidew li jiżguraw l-adozzjoni mgħaġġla tal-miżuri tas-sigurtà fit-toroq, u stiednu lill-Kummissjoni sabiex tissottometti proposti;
Billi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà fuq it-triq ( 7 ) irrakkomandaw illi l-użu taċ-ċintorini tas-sigurtà mill-passiġġieri kollha, inklużi t-tfal, fit-toroq kollha u fil-postijiet kollha fil-vetturi tal-passiġġieri (għajr fil-vetturi tas-servizz pubbliku), irid ikun obbligatorju;
Billi trid isir dispożizzjoni għall-użu obbligatorju ta' sistemi li jżommu lit-tfal fil-postijiet bilqiegħda mgħammra b'ċintorini tas-sigurtà;
Billi, sakemm jiddaħħlu l-istandards armonizzati tal-Komunità dwar sistemi ta' restrizzjoni għat-tfal, dawk l-istandards li jaqblu mal-ħtiġiet nazzjonali ta' l-Istati Membri jridu jkunu magħrufa fl-Istati Membri kollha;
Billi l-istudji wrew ukoll illi l-postijiet bilqiegħda fuq wara huma perikolużi kważi daqs dawk ta' quddiem għal dawk il-passiġġieri li ma jintrabtux u li l-passiġġieri fuq wara li ma jkollhomx ċintorin tas-sigurtà jżidu r-riskju ta' korrimenti għall-passiġġieri ta' quddiem; billi jistgħu għalhekk jissoktaw jitnaqqsu l-imwiet u l-korrimenti jekk isir obbligatorju l-ilbies taċ-ċinorin tas-sigurtà mill-passiġġieri fuq wara;
Billi l-iffissar tad-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri msemmija f'din id-Direttiva jagħtu żmien sabiex jiġu abbozzati d-dispożizzjonijiet meħtieġa, b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri fejn sa issa ma teżisti l-ebda dispożizzjoni dwar din il-materja,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
L-Artikolu 1
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-vetturi kollha bil-magna fil-kategoriji M1, M2, M3, N1, N2 u N3 kif iddefinit fl-Anness II mad-Direttiva 70/156/KEE ( 8 ), għall-użu fuq it-triq, li jkollhom mill-inqas erba' roti u veloċità massima skond id-disinn li taqbeż il-25 km/h.
2. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:
— id-definizzjonijiet tas-sistem tas-sigurtà, inklużi ċ-ċintorini tas-sigurtà u l-mezzi għat-trażżin għat-tfal, rigward il-vetturi fil-kategoriji M1 u N1,u tal-komponenti tagħhom, għandhom ikunu dawk li jidhru fl-Anness I mad-Direttiva 77/541 ( 9 ),
— “iħarsu lura” għandha tfisser ħarsien lejn id-direzzjoni opposta għad-direzzjoni normali tal-vjaġġ tal-vettura.
3. Il-mezzi għat-trażżin għat-tfal għandhom jiġu klassifikati f'ħames “gruppi skond it-toqol”;
(a) il-grupp 0 għat-tfal ta' toqol inqas minn 10 kg;
(b) il-grupp 0 + għat-tfal ta' toqol inqas minn 13-il kg;
(ċ) il-grupp I għat-tfal ta' toqol bejn id-9 kg u t-18-il kg;
(d) il-grupp II għat-tfal ta' toqol minn 15-il kg sa 25 kg;
(e) il-grupp III għat-tfal ta' toqol minn 22 kg sa 36 kg.
4. It-trażżin għat-tfal għandu jkun suddiviż f'żewġ klassijiet:
(a) klassi integrali li jkun fiha għaqda ta' ċineg jew komponenti flessibbli b'bokkla li ssakkar, mezz ta' l-aġġustament, it-twaħħil u f'xi każi siġġu u/jew ilqugħ ta' protezzjoni mill-impatt supplimentari, kapaċi li jiġu ankrati permezz taċ-ċinga jew iċ-ċineg integrali minnha/hom nfisha/hom;
(b) klassi mhux integrali li jista' jkun fiha trażżin parzjali li, meta wżat f'għaqda ma' ċintorin ta' adult li jgħaddi madwar il-ġisem tat-tifel/tifla jew li jirrestrinġi l-mezz li fih ikunu tqiegħdu t-tidel/tifla, jiffurmaw sistema sħiħa ta' trażżin tat-tidel/tifla.
L-Artikolu 2
1. Il-vetturi M1, N1, N2 u N3:
(i) għal vetturi M1, N1, N2 u N3, l-Istati Membri għandhom jitolbu li l-passiġġieri kollha tal-vetturi waqt l-użu għandhom jużaw is-sistemi tas-sikurezza pprovvduti.
Tfal li mhumiex twal aktar minn 150 cm f'vetturi M1, N1, N2 u N3 mgħammra b'sistemi tat-trażżin, għandhom jiġu mrażżna b'sistema integrali jew mhux integrali tat-trażżin għat-tfal, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4)(a) u (b), li tkun adattata għall-karatteristiċi fiżiċi tat-tifel/tifla skont:
— il-klassifikazzjoni stipulata fl-Artikolu 1(3), għal sistemi tat-trażżin għat-tfal approvata skont il-punt (c)(i) ta’ dan il-paragrafu;
— il-firxa tad-daqsijiet u l-massa massima tal-okkupant li s-sistema tat-trażżin għat-tfal tkun maħsuba għalihom, kif indikat mill-manifattur, għas-sistemi tat-trażżin għat-tfal approvati, skont il-punt (c)(ii) ta’ dan il-paragrafu.
F'vetturi M1, N1, N2 u N3 li ma jkunux mgħammra b'sistemi tas-sikurezza:
— tfal taħt it-tliet snin ma jistgħux jiġu ttrasportati,
— mingħajr ħsara għall-punt (ii), it-tfal ta' tliet snin jew iktar li mhumiex twal aktar minn 150 cm għandhom ipoġġu f'sit li mhuwiex is-sit ta' quddiem;
(ii) l-Istati Membri jistgħu jippermettu, fit-territorju tagħhom, tfal ta' inqas minn 150 ċm u mill-inqas 135 ċm tul li jiġu mrażżna minn ċintorin tas-siġurtà għall-adulti. Dawn il-limiti tat-tul għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 7b(2);
(iii) madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu, fit-territorju tagħhom, lil dawk it-tfal riferiti fil-(i) u t-(ii) li ma jiġux imrażżna minn sistema tat-trażżin għat-tfal meta jkunu jivvjaġġaw f'karozza tal-kiri. Madankollu, meta t-tfal imsemmija hawn fuq ikunu qegħdin jivvjaġġaw fil-karozzi tal-kiri mgħammra b'sistemi tat-trażżin għandhom joqogħdu f'post ieħor għajr il-post ta' quddiem;
(b) it-tfal ma jistgħux jiġu trasportati waqt l-użu ta' sistema tat-trażżin li tħares lura f'post ta' passiġġier protett minn borża ta' l-arja fuq quddiem għajr jekk il-borża ta' l-arja tkun mitfija mill-attivazzjoni, saħansitra meta l-borża ta' l-arja tiġi mitfija awtomatikament mill-attivazzjoni f'manjiera suffiċjenti;
(c) fejn tintuża sistema tat-trażżin għat-tfal, din għandha tkun approvata skont l-istandards ta’:
i) ir-Regolament tal-UNECE 44/03 jew id-Direttiva 77/541/KEE jew
ii) ir-Regolament Nru 129 tal-UNECE;
jew kwalunkwe adattament sussegwenti tiegħu.
Is-sistema tat-trażżin għat-tfal għandha tiġi installata skont l-informazzjoni tat-immuntar (eż. il-manwal tal-istruzzjoni, il-fuljett jew il-pubblikazzjoni elettronika) ipprovduta mill-manifattur tas-sistema tat-trażżin għat-tfal u li tkun tiddikjara b’liema mod u f’liema tipi ta’ vetturi s-sistema tista’ tintuża mingħajr periklu;
(d) sad-9 ta' Mejju 2008 l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użu ta' sistemi tat-trażżin għat-tfal skond l-istandards li jkunu japplikaw fl-Istat Membru fid-data ta' l-istallazzjoni tas-sistema tat-trażżin jew skond l-istandards nazzjonali ekwivalenti għar-Regolament 44/03 tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa jew id-Direttiva 75/541/KEE.
2. Il-vetturi M2 u M3:
(a) L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi l-okkupanti kollha ta' l-età ta' tliet snin u fuqhom fil-vetturi M2 u M3 fl-użu għandhom jużaw is-sistemi tas-sigurtà provvduti waqt li jkunu bil-qiegħda.
It-trażżin għat-tfal għandu jiġi approvat skond il-paragrafu (1)(ċ) u (d);
(b) il-passiġġieri fil-vetturi M2 u M3 għandhom jiġu mgħarrfa bil-ħtieġa li jilbsu ċ-ċintorini tas-sigurtà kulmeta jkunu bil-qiegħda u l-vettura tkun miexja. Għandhom jiġu mgħarrfa b'mod jew iktar:
— mis-sewwieq,
— mill-konduttur, il-courier, jew l-uffiċjal innominat bħala l-mexxej tal-grupp,
— bil-mezzi awdjo-viżwali (p.e. video),
— bis-sinjali u/jew il-piktogramma stabbiliti mill-Istati Membri skond id-disinn tal-Komunità fl-Anness, esibiti b'mod prominenti f'kull post bil-qiegħda.
L-Artikolu 3
Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għax-xufiera u l-passiġġieri ta' vetturi li jkunu qegħdin jintużaw fuq it-toroq fil-Komunità li jkunu rreġistrati f'pajjiż ieħor.
▼M1 —————
L-Artikolu 5
Il-persuni pprovvduti mill-awtoritajiet kompetenti b'ċertifikat ta' eżenzjoni minħabba raġunijiet mediċi serji għandhom jiġu eżentati mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2. Kull ċertifikat mediku maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti f'wieħed mill-Istati Membri għandu jkun validu wkoll f'kull Stat Membru ieħor; iċ-ċertifikat mediku jrid jindika l-perjodu taż-żmien tal-validità tiegħu u jintwera lill-persuni kollha awtorizzati fuq talba skond id-dispożizzjonijiet rilevanti li jkunu fis-seħħ f'kull Stat Membru. Irid ikun fih fuqu s-simbolu li ġej:
L-Artikolu 6
Għat-trasport fit-territorju tagħhom l-Istati Membri jistgħu, bil-qbil tal-Kummissjoni, jikkonċedu eżenzjonijiet oħra għajr dawk stabbiliti fl-Artikolu 5, għalbiex:
— iqisu kundizzjonijiet fiżiċi speċifiċi, jew ċirkostanzi partikolari ta' tul limitu taż-żmien,
— jippermettu li jitwettqu ċerti tipi ta' qagħad fil-postijiet b'mod effettiv,
— li jiżguraw illi l-pulizija, jew is-servizzi tas-sigurtà jew ta' l-emerġenza jkunu jistgħu jwettqu x-xogħol tagħhom kif jixraq,
— meta jkunu mgħammra żewġ mezzi tat-trażżin għat-tfal fuq in-naħa ta' wara tal-vetturi M1 u M2 u n-nuqqas ta' spazju jipprevjieni it-twaħħil tat-tielet wieħed, it-tielet tifel/tifla ta' l-età ta' tliet snin jew fuqhom u ta' inqas minn 150 ċm iridu jiġu mrażżna permezz taċ-ċintorin għall-adulti,
— sabiex jippermettu t-tfal ta' l-età ta' tliet snin jew fuqhom li jiġu mrażżna permezz ta' ċintorin tas-sigurtà ta' l-adulti, fil-postijiet l-oħra għajr dawk ta' quddiem tal-vetturi M1 u M2, għat-trasport ta' kultant fuq distanza qasira meta ma jkun hemm l-ebda mezz tat-trażżin jew meta ma jkunux disponibbli numru biżżejjed ta' mezzi tat-trażżin għat-tfal fil-vettura,
— li jqisu l-kundizzjonijiet speċifiċi ta' l-użu tal-vetturi M1 u M2 għat-trasport lokali fiż-żoni urbani u dawk mibnija, li fihom ikunu permessi l-bil-wieqfa.
L-Artikolu 6a
L-Istati Membri jistgħu, bil-qbil tal-Kummissjoni, jikkonċedu eżenzjonijiet temporanji, għajr dawk ipprovduti fl-Artikoli 5 u 6, sabiex, bla ħsara għall-konformità mar-regoli ta' l-Istati Membri interessati, il-ħidmiet tat-trasport lokali, b'mod partikolari rigward il-karrozzi tat-tfal ta' l-iskola, jkunu jistgħu jġorru numu ikbar ta' tfal bil-qiegħda fil-vetturi M1 u M2 milli jkun hemm postijiet bil-qiegħda imgħammra biċ-ċintorini tas-sigurtà.
Il-perjodu taż-żmien tal-validità ta' dawn l-eżenzjonijiet, iffissat mill-Istat Membru, ma jistax ikun iktar minn ħames snin mid-9 ta' Mejju 2003.
L-Artikolu 6b
L-Istati Membri jistgħu, għat-trasport fit-territorju tagħhom, jikkonċedu eċċezzjonijiet temporanji, għajr dawk ipprovduti fl-Artikoli 5 u 6, sabiex, bla ħsara għall-konformità mar-regoli ta' l-Istati Membri interessati, jippermettu li jġorru numru akbar ta' persuni fil-postijiet għajr il-postijiet ta' quddiem tal-vetturi M1u N1 milli jkunu disponibbli postijiet imgħammra biċ-ċintorini tas-sigurtà jew sistemi tat-trażżin.
Il-perjodu taż-żmien tal-validità ta' dawn l-eżenzjonijiet, iffissati mill-Istati Membri ma jistax ikun ta' iktar minn sitt snin mid-9 ta' Mejju 2003.
L-Artikolu 7
Il-Kummissjoni għandha, sa l-1 ta' Awissu 1994, tissottometti rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva bl-iskop partikolari li jiġi stabbilit jekk humiex meħtieġa miżuri iktar stretti ta' sigurtà u l-armonizzazzjoni iktar mill-qrib. Jekk approprjat, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti, li fuqhom il-Kunsill irid jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata ma' l-ewwel opportunità.
L-Artikolu 7a
1. Sabiex jitqies il-progress tekniku, l-Artikoli 2 u 6 jistgħu jiġu adattati skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 7b(2).
2. Il-Kummissjoni għandha tissokta twettaq l-istudji dwar is-sistemi tas-sigurtà l-aktar xierqa sabiex jippromwovu l-protezzjoni tal-passiġġieri kollha mit-tipi kollha ta' inċidenti u għandha tissottometti lill-Parlament u lill-Kummissjoni rapport dwar is-sejbiet ta' dawn l-istudji u dwar kif tiġi applikata din id-Direttiva, b'mod partikolari dwar l-eżenzjonijiet konċessi mill-Istati Membri skond l-Artikolu 6, sabiex jiġi stmat jekk ikunx tal-parir li jiġu msaħħa l-miżuri tas-sigurtà u l-ħtieġa ta' iktar armonizzazzjoni. Meta xieraq, fuq il-bażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tissottometti l-proposti li jeħtieġ.
L-Artikolu 7b
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ( 10 ), filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi fissat għal tliet xhur.
3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.
L-Artikolu 8
1. Wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonjiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Jannar 1993. Huma jridu jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn irid ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewliena fil-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
L-Artikolu 9
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS
ID-DISINN KOMUNITARJU GĦALL-PIKTOGRAMMA ESIBITA B'MOD PROMINENTI F'KULL POST TAL-QAGĦAD BIL-QIEGĦDA IMGĦAMMAR B'ĊINTORIN TAS-SIGURTÀ FIL-VETTURI M2 U M3 KOPERTI BID-DIRETTIVA 91/671
(Il-Kuluri: figura bajda fuq sfond ikħal)
( 1 ) ĠU C 298, tat-23.11.1988, p. 8; u ĠU C 308, tat-8.12.1990, p. 11.
( 2 ) ĠU C 96, tas-17.4.1989, p. 220; u ĠU C 240, tas-16.9.1991, p. 74.
( 3 ) ĠU C 159, tas-26.6.1989, p. 52; u ĠU C 159, tas-17.6.1991, p. 56.
( 4 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 76/115/KEE tat-18 ta' Diċembru 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-irbit taċ-ċintorini tas-sigurtà fuq il-vetturi bil-mutur (ĠU L 24, tat-30.1.1976, p. 6), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/629/KEE (ĠU L 341, tas-6.12.1990, p. 14).
( 5 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 77/541/KEE tat-28 ta' Ġunju 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu maċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistemi ta' restrizzjoni fuq il-vetturi bil-mutur (ĠU L 220, tad-29.8.1977, p. 95), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/628/KEE (ĠU L 341, tas-6.12.1990, p. 1).
( 6 ) ĠU C 341, tal-21.12.1984, p. 1.
( 7 ) ĠU C 104, tas-16.4.1984, p. 38; u ĠU C 68, ta' l-24.3.1986, p. 35.
( 8 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 70/156 tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni skond it-tip tal-vetturi bil-magna u t-trailers tagħhom (ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1). Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/116/KE (ĠU L. 18, tal-21.01.2002, p. 1).
( 9 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 77/541/KEE tat-28 ta' Ġunju 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu maċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistema tat-trażżin fil-vetturi bil-magna (ĠU L 220, tad-29.8.1977, p. 95). Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/3/KE (ĠU L 53, tal-25.02.2000, p. 1).
( 10 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.