This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 01989L0396-19920311
Council Directive of 14 June 1989 on indications or marks identifying the lot to which a foodstuff belongs (89/396/EEC)
Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ġunju 1989 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjieni oġġett ta’ l-ikel (89/396/KEE)
Id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ġunju 1989 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjieni oġġett ta’ l-ikel (89/396/KEE)
No longer in force
)
1989L0396 — MT — 11.03.1992 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL ta’ l-14 ta’ Ġunju 1989 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjieni oġġett ta’ l-ikel (ĠU L 186, 30.6.1989, p.21) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
L 107 |
50 |
27.4.1991 |
||
L 65 |
32 |
11.3.1992 |
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL
ta’ l-14 ta’ Ġunju 1989
dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjieni oġġett ta’ l-ikel
(89/396/KEE)
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),
F’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew ( 2 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),
Billi huwa meħtieġ illi jiġu adottati miżuri bil-għan li jiġi stabbilit progressivament is-suq intern matul il-perjodu taż-żmien li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 1992; billi s-suq intern jikkomprendi żona mingħajr fruntieri interni li fiha huwa żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital;
Billi l-kummerċ fl-oġġetti ta’ l-ikel jokkupa post importanti ħafna fis-suq intern;
Billi l-indikazzjoni tal-lott li għalih jappartjieni oġġett ta’ l-ikel jilħaq il-ħtieġa ta’ tagħrif aħjar dwar l-identità tal-prodotti; billi huwa għalhekk sors utili ta’ tagħrif meta l-oġġetti ta’ l-ikel ikunu s-suġġett ta’ kwistjonijiet jew jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-konsumaturi;
Billi d-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel ( 4 ), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/395/KEE ( 5 ), ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar l-indikazzjoni ta’ l-identifikazzjoni tal-lott; billi sadanittant uħud mill-Istati Membri adottaw miżuri nazzjonali li jeħtieġu din l-indikazzjoni;
Billi fil-livell internazzjonali issa hemm obbligu ġenerali li tiġi pprovduta referenza għal-lot ta’ fabbrikazzjoni jew ta’ imballaġġ ta’ oġġetti ta’ l-ikel imballati minn qabel; billi huwa d-dmir tal-Komunità li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali;
Billi huwa għalhekk ta’ min li jiġu adottati regoli ta’ natura ġenerali u orizzontali sabiex tiġi stabbilita sistema komuni ta’ l-identifikazzjoni tal-lott;
Billi l-effiċjenza ta’ din is-sistema tiddependi fuq l-applikazzjoni tagħha fl-istadji varji tat-tqegħid fis-suq; billi huwa madankollu mixtieq li jiġu esklużi ċerti prodotti u operazzjonijiet b’mod partikolari dawk li jseħħu fil-bidu tan-network tad-distribuzzjoni tal-prodotti agrikoli;
Billi l-kunċett ta’ lott jimplika illi numru ta’ unitajiet tal-bejgħ ta’ oġġett ta’ l-ikel għandhom karatteristiċi tal-produzzjoni, tal-fabbrikazzjoni jew ta’ l-imballaġġ kważi identiċi; billi dak il-kunċett għalhekk ma setax japplika għall-prodotti bl-ingrossa jew għall-prodotti li, minħabba n-natura individwali speċifika jew eteroġenja tagħhom, ma setgħux jiġu meqjusa li jagħmlu parti minn batch eteroġenju;
Billi, minħabba l-varjetà tal-metodi ta’ l-identifikazzjoni wżati, hija r-responsabbiltà tan-negozjant li jiddetermina l-lott u li jwaħħal l-indikazzjoni jew il-marka korrispondenti;
Billi, sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġiet tat-tagħrif li għaliha hija maħsuba, din l-indikazzjoni għandha tkun distinta u tingħaraf bħala tali;
Billi d-data ta’ durabbiltà minima jew id-data sa meta l-oġġett għandu jkun ikkunsmat, jistgħu, skond id-Direttiva 79/112/KEE, iservu bħala identifikazzjoni tal-lott, sakemm din tiġi indikata b’mod preċiż,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
L-Artikolu 1
1. Din id-Direttiva tirrigwarda l-indikazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-lott li għalih jappartjieni xi oġġett ta’ l-ikel.
2. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, “lott” ifisser batch ta’ unitajiet tal-bejgħ ta’ oġġett ta’ l-ikel prodott, iffabbrikat jew imballat taħt prattikament l-istess kondizzjonijiet.
L-Artikolu 2
1. Oġġett ta’ l-ikel ma jistgħax jitqiegħed fis-suq jekk ma jkunx akkumpanjat minn indikazzjoni li kif stipulat fl-Artikolu 1(1).
2. Iżda, il-paragrafu 1 ma għandux japplika:
(a) għall-prodotti agrikoli li, malli jħallu l-azjenda jkunu:
— mibjugħa jew ikkunsinjati fi stazzjonijiet temporanji tal-ħażna, preparazzjoni jew imballaġġ,
— ittrasportati lejn organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew
— miġbura għall-integrazzjoni immedjata f’sistema operazzjonali ta’ preparazzjoni jew ta’ proċessar;
(b) meta, fil-punt tal-bejgħ lill-aħħar konsumatur, l-oġġetti ta’ l-ikel ma jkunux imballati minn qabel, jiġu imballati fuq it-talba tax-xerrej jew jiġu imballati minn qabel għall-bejgħ immedjat;
(ċ) għall-imballaġġi jew il-kontenituri, li l-akbar ġenb tagħhom ikollu area ta’ anqas minn 10 ċm2;
(d) għall-porzjonijiet individwali ta’ ġelat. L-indikazzjoni li tippermetti li jiġi identifikat il-lott għandha tidher fuq l-imballaġġ ikkombinat.
3. L-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru 1996, iżommu lura milli jeħtieġu li l-indikazzjoni riferita fl-Artikolu 1(1) għandha tissemma fil-każ tal-fliexken tal-ħġieġ maħsuba sabiex jerġgħu jintużaw li jkunu mmarkati b’mod li ma jitħassarx u li għalhekk ma jġibu fuqhom l-ebda tikketta, ċurkett jew kullar.
L-Artikolu 3
Il-lott għandu jiġi stabbilit f’kull każ mill-produttur, mill-fabbrikant jew mill-pakkeġġjatur ta’ l-oġġett ta’ l-ikel in kwistjoni, jew mill-ewwel bejjiegħ stabbilit fil-Komunità.
L-indikazzjoni riferita fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi determinata u mwaħħla fuq ir-responsabbiltà ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn l-operaturi. Għandha tkun preċeduta mill-ittra “L” għajr fil-każijiet fejn tkun tingħaraf b’mod ċar mill-indikazzjonijiet l-oħra fuq it-tikketta.
L-Artikolu 4
Fejn l-oġġetti ta’ l-ikel jiġu imballati minn qabel, l-indikazzjoni riferita fl-Artikolu 1(1) u, fejn japplika, l-ittra “L” għandhom jidhru fuq l-imballaġġ minn qabel jew fuq it-tikketta mwaħħla magħhom.
Fejn l-oġġetti ta’ l-ikel ma jiġux imballati minn qabel, l-indikazzjoni riferita fl-Artikolu 1(1) u, fejn tapplika, l-ittra “L” għandhom jidhru fuq l-imballaġġ jew fuq il-kontenitur jew, fin-nuqqas ta’ dawn, fuq id-dokumenti kummerċjali rilevanti.
Għandhom fil-każijiet kollha jidhru b’mod li jkunu jidhru faċilment, jinqraw ċar u ma jitħassrux.
L-Artikolu 5
Meta d-data tad-durabbiltà minima jew id-data sa meta l-oġġett għandu jkun ikkunsmat tidher fuq it-tikketta, l-indikazzjoni riferita fl-Artikolu 1(1) m’għandhiex għalfejn tidher fuq l-oġġett ta’ l-ikel, sakemm id-data tikkonsisti f’mill-anqas l-indikazzjoni mhux ikkodifikata tal-jum u x-xahar f’dik l-ordni.
L-Artikolu 6
Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-indikazzjonijiet stabbiliti minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika u żżomm aġġornata lista tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.
L-Artikolu 7
L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jemendaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex:
— jawtorizzaw il-kummerċ fil-prodotti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Ġunju 1990,
— jipprojbixxu l-kummerċ fil-prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva b’effett mill-1 ta’ Lulju 1992. Madankollu, il-kummerċ fil-prodotti li tqiegħdu fis-suq jew li ġew ittikkettjati qabel din id-data u li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva jista’ jissokta sakemm jintemmu l-ħażniet.
L-Istati Membri għandhom jgħarrfu minnufih b’dan lill-Kummissjoni.
L-Artikolu 8
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri kollha.
( 1 ) ĠU C 310, tal-20.11.1987, p. 2.
( 2 ) ĠU C 167, tas-27.6.1988, p. 425 u ĠU C 120, tas-16.5.1989.
( 3 ) ĠU C 95, tal-11.4.1988, p. 1.
( 4 ) ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1.
( 5 ) ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 17.