Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02021R1224-20210728

    Consolidated text: Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1224 tas-27 ta’ Lulju 2021 dwar ir-regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għall-operat tas-servizz web u r-regoli tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà applikabbli għas-servizz web kif ukoll miżuri għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni teknika tas-servizz web previsti mir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)1230

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1224/2021-07-28

    02021R1224 — MT — 28.07.2021 — 000.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1224

    tas-27 ta’ Lulju 2021

    dwar ir-regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għall-operat tas-servizz web u r-regoli tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà applikabbli għas-servizz web kif ukoll miżuri għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni teknika tas-servizz web previsti mir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)1230

    (ĠU L 269 28.7.2021, p. 46)


    Ikkoreġut bi:

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 233, 8.9.2022, p.  95 (2021/1224 tas-27 ta’ Lulju)




    ▼B

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1224

    tas-27 ta’ Lulju 2021

    dwar ir-regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għall-operat tas-servizz web u r-regoli tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà applikabbli għas-servizz web kif ukoll miżuri għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni teknika tas-servizz web previsti mir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)1230



    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

    (a) 

    ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati għall-operat tas-servizz web u r-regoli tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà applikabbli għas-servizz web previst fl-Artikolu 13(1) u (3) u l-Artikolu 36, l-ewwel paragrafu, il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2017/2226;

    (b) 

    skema ta’ awtentikazzjoni għat-trasportaturi biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 kif ukoll regoli u kundizzjonijiet dettaljati dwar ir-reġistrazzjoni tat-trasportaturi sabiex jiksbu aċċess għall-iskema ta’ awtentikazzjoni;

    (c) 

    dettalji tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fejn huwa teknikament impossibbli għat-trasportaturi li jaċċessaw is-servizz web.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1) 

    “interfaċċa tat-trasportaturi” tfisser is-servizz web li għandu jiġi żviluppat mill-eu-LISA f’konformità mal-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 fejn jintuża għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) ta’ dak ir-Regolament u li jikkonsisti minn interfaċċa tal-IT konnessa ma’ bażi tad-data li tinqara biss;

    (2) 

    “Linji gwida tekniċi” tfisser il-parti tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, imsemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 li hija rilevanti għat-trasportaturi għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ awtentikazzjoni u l-iżvilupp tal-format tal-messaġġ tal-Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2)(a);

    (3) 

    “persunal debitament awtorizzat” tfisser persuni fiżiċi li huma impjegati tat-trasportatur jew ingaġġati kuntrattwalment minnu jew legali jew fiżiċi oħra taħt id-direzzjoni jew is-superviżjoni ta’ dak it-trasportatur, assenjati l-kompiti ta’ verifika tal-istatus tal-vjaġġaturi f’isem it-trasportatur, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

    Artikolu 3

    Obbligi tat-trasportaturi

    1.  
    It-trasportaturi għandhom iniedu mistoqsija biex jivverifikaw jekk l-għadd ta’ daħliet awtorizzati minn viża jkunx diġà ntuża kif imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/2226 (“talba ta’ verifika”) permezz tal-interfaċċa tat-trasportatur.
    2.  
    It-talba għall-verifika għandha tiġi introdotta mhux qabel 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat.
    3.  

    It-trasportaturi għandhom jiżguraw li l-persunal debitament awtorizzat biss ikollu aċċess għall-interfaċċja tat-trasportatur. It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu mill-inqas il-mekkaniżmi li ġejjin:

    (a) 

    mekkaniżmi fiżiċi u loġiċi ta’ kontroll tal-aċċess għall-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat għall-infrastruttura jew għas-sistemi użati mit-trasportaturi;

    (b) 

    awtentikazzjoni;

    (c) 

    l-illoggjar biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-aċċess;

    (d) 

    reviżjoni regolari tad-drittijiet ta’ aċċess.

    Artikolu 4

    Konnessjoni u aċċess tal-interfaċċja tat-trasportatur

    1.  

    It-trasportaturi għandhom jikkonnettjaw mal-interfaċċa tat-trasportaturi permezz ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

    (a) 

    konnessjoni tan-netwerk dedikata;

    (b) 

    konnessjoni tal-Internet;

    2.  

    It-trasportaturi għandhom jaċċessaw l-interfaċċa tat-trasportatur permezz ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

    (a) 

    interfaċċa ta’ sistema għal sistema (Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet);

    (b) 

    interfaċċa tal-web (brawżer);

    (c) 

    applikazzjoni għal apparati mobbli.

    Artikolu 5

    Mistoqsijiet

    1.  

    Sabiex tintbagħat talba ta’ verifika, it-trasportatur għandu jipprovdi d-data li ġejja dwar il-vjaġġatur:

    (a) 

    il-kunjom (isem il-familja); l-ewwel isem jew ismijiet (l-ismijiet mogħtija);

    (b) 

    id-data tat-twelid; is-sess; in-nazzjonalità;

    (c) 

    it-tip u n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar;

    (d) 

    id-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar;

    (e) 

    id-data skedata tal-wasla fil-fruntiera ta’ Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ jew ta’ Stat Membru li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ iżda li jopera s-sistema ta’ Dħul/Ħruġ;

    (f) 

    wieħed minn dawn li ġejjin:

    (1) 

    l-Istat Membru tad-dħul skedat li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ;

    (2) 

    fejn ikun possibbli li jiġi identifikat l-Istat Membru tad-dħul skedat, ajruport fl-Istat Membru tad-dħul li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ

    (3) 

    l-Istat Membru tad-dħul skedat li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ iżda li jopera s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ;

    (4) 

    fejn ikun possibbli li jiġi identifikat l-Istat Membru tad-dħul skedat, ajruport fl-Istat Membru tad-dħul li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ iżda li jopera s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ;

    (g) 

    id-dettalji (id-data u l-ħin lokali tat-tluq skedat, in-numru tal-identifikazzjoni, fejn disponibbli, jew mezzi oħra għall-identifikazzjoni tat-trasport) tal-mezzi tat-trasport użati għall-aċċess għat-territorju ta’ Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ jew tal-Istat Membru li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ iżda li jopera s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ.

    2.  
    Fejn l-itinerarju jeħtieġ viża ta’ dħul doppju mill-vjaġġatur, it-trasportatur għandu jipprovdi informazzjoni li l-itinerarju jinkludi żewġ daħliet fl-Istati Membri meta jippreżenta t-tfittxija ta’ verifika.
    3.  
    Għall-finijiet li jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (d), it-trasportaturi jistgħu jiskennjaw il-parti tad-dokument tal-ivvjaġġar li tinqara minn magna.
    4.  
    Meta l-passiġġier ikun eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament jew ikun fi tranżitu fl-ajruport, it-trasportatur għandu jkun jista’ jispeċifikah fit-tfittxija għall-verifika.
    5.  
    It-trasportaturi għandhom ikunu jistgħu jibagħtu talba ta’ verifika għal passiġġier wieħed jew aktar. L-interfaċċja tat-trasportatur għandha tinkludi t-tweġiba msemmija fl-Artikolu 6 għal kull passiġġier inkluż fit-talba.

    Artikolu 6

    Tweġiba

    1.  
    Meta l-passiġġier ikun eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, ikun fi tranżitu fl-ajruport jew ikun detentur ta’ viża nazzjonali għal soġġorn qasir skont it-tifsira tal-punt 10 tal-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament, it-tweġiba għandha tkun “Mhux applikabbli”. Fil-każijiet l-oħra kollha, it-tweġiba għandha tkun “OK” jew “Mhux OK”.

    Meta tfittxija ta’ verifika tirritorna tweġiba “Mhux OK”, l-interfaċċja tal-portatur għandha tispeċifika li t-tweġiba ġejja mis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ.

    2.  

    It-tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ verifika għandhom jiġu ddeterminati skont ir-regoli li ġejjin:

    (a) 

    meta l-vjaġġatur ikun id-detentur ta’ viża uniformi għal soġġorn qasir:

    (i) 

    fejn in-numru awtorizzat ta’ daħliet (wieħed jew tnejn) fuq il-viża għadu ma ntlaħaqx: OK;

    (ii) 

    fejn in-numru awtorizzat ta’ daħliet (wieħed jew tnejn) fuq il-viża jkun diġà ntlaħaq: Mhux OK;

    (iii) 

    fejn il-viża tkun skadiet, jew ġiet revokata inkella annullata: Mhux OK;

    (b) 

    meta l-vjaġġatur ikun soġġett għall-obbligu tal-viża u ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni dwar il-viża: Mhux OK;

    (c) 

    fejn it-trasportatur jispeċifika li l-itinerarju jeħtieġ viża għal dħul doppju:

    (i) 

    fejn il-vjaġġatur ikun fil-pussess ta’ viża għal dħul doppju, valida għad-data tal-wasla u l-ebda dħul ma jkun intuża: OK;

    (ii) 

    fejn il-vjaġġatur ma jkollux viża għal dħul doppju: Mhux OK;

    (iii) 

    fejn il-vjaġġatur ikollu viża għal dħul doppju iżda jkun intuża mill-inqas dħul wieħed: Mhux OK;

    (iv) 

    meta l-vjaġġatur ikollu viża għal dħul doppju iżda mill-inqas dħul wieħed ma jkunx validu għad-data tal-wasla: Mhux OK;

    3.  
    Fejn il-vjaġġatur huwa eżenti mill-viża jew il-vjaġġatur jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1240, japplikaw id-dispożizzjonijiet definiti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1217 ( 1 ).

    Artikolu 7

    Format tal-messaġġ

    l-eu-LISA għandha tispeċifika l-formati tad-data u l-istruttura tal-messaġġi li għandhom jintużaw għat-trażmissjoni ta’ mistoqsijiet ta’ verifika u tweġibiet għal dawk it-tfittxijiet permezz tal-interfaċċa tat-trasportaturi fil-linji gwida tekniċi. L-eu-LISA għandha tinkludi mill-inqas il-formati ta’ data li ġejjin:

    (a) 

    UN/EDIFACT;

    (b) 

    PAXLST/CUSRES;

    (c) 

    XML;

    (d) 

    JSON.

    Artikolu 8

    Rekwiżiti tal-estrazzjoni tad-data għall-interfaċċja tat-trasportatur u s-servizz web għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-kwalità tad-data

    1.  
    Id-data dwar viżi maħruġa, annullati u revokati għal dħul wieħed u doppju, u awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar għandha tiġi estratta regolarment u awtomatikament mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar u s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u tiġi trażmessa lill-bażi tad-data li tinqara biss.
    2.  
    L-estrazzjonijiet kollha ta’ data fil-bażi tad-data li tinqara biss skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati.
    3.  
    l-eu-LISA għandha tkun responsabbli għas-sigurtà tas-servizz web u tad-data personali li jkun fiha, u għall-proċess tal-estrazzjoni u t-trażmissjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għall-bażi tad-data li tinqara biss.
    4.  
    Ma għandux ikun possibbli li tiġi trażmessa data mill-bażi tad-data li tinqara biss lis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ jew is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.

    Artikolu 9

    Skema ta’ awtentikazzjoni

    1.  
    L-eu-LISA għandha tiżviluppa skema ta’ awtentikazzjoni, li tqis l-informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u l-inadempjenza u li tippermetti t-traċċar tal-inizjatur tat-tfittxija ta’ verifika.
    2.  
    Id-dettalji tal-iskema ta’ awtentikazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-linji gwida tekniċi.
    3.  
    L-identifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi assigurata skont l-Artikolu 12.
    4.  
    Meta t-trasportaturi jaċċessaw l-interfaċċja tat-trasportaturi bl-użu tal-Interfaċċa ta’ Programmazzjoni tal-Applikazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 4(2), l-iskema ta’ awtentikazzjoni għandha tiġi implimentata permezz tal-awtentikazzjoni reċiproka.

    Artikolu 10

    Reġistrazzjoni għall-iskema ta’ awtentikazzjoni

    1.  
    It-trasportaturi msemmija fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 li joperaw u jittrasportaw passiġġieri fit-territorju tal-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jirreġistraw qabel ma jiksbu aċċess għall-iskema ta’ awtentikazzjoni.
    2.  
    L-eu-LISA għandha tagħmel disponibbli formola ta’ reġistrazzjoni fuq sit web pubbliku li għandha timtela online. Is-sottomissjoni tal-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tkun possibbli biss fejn l-oqsma kollha jkunu mtlew b’mod korrett.
    3.  

    Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tinkludi oqsma li jeħtieġu lit-trasportaturi jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

    (a) 

    l-isem legali tat-trasportatur kif ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu (l-indirizz tal-posta elettronika, in-numru tat-telefown u l-indirizz postali);

    (b) 

    id-dettalji ta’ kuntatt tar-rappreżentant legali tal-kumpanija li titlob ir-reġistrazzjoni u tal-punti ta’ kuntatt ta’ riżerva (ismijiet, numri tat-telefon, indirizzi tal-posta elettronika u postali) kif ukoll l-indirizz tal-posta elettronika funzjonali u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni li t-trasportatur biħsiebu juża għall-finijiet tal-Artikoli 13 u 14;

    (c) 

    l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li jkun ħareġ ir-reġistrazzjoni uffiċjali tal-kumpanija msemmija fil-paragrafu 6 u kwalunkwe numru ta’ reġistrazzjoni disponibbli;

    (d) 

    fejn it-trasportatur ikun hemeż, skont il-paragrafu 6, reġistrazzjoni uffiċjali ta’ kumpanija maħruġa minn pajjiż terz, l-Istati Membri li fihom it-trasportatur jopera jew ikun beħsiebu jopera fis-sena ta’ wara.

    4.  

    Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tinforma lit-trasportaturi dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà, li għandhom jiżguraw konformità mal-objettivi li ġejjin:

    (a) 

    l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà relatati mal-konnessjoni mal-interfaċċja tat-trasportatur;

    (b) 

    il-protezzjoni tal-ambjenti u tal-apparati konnessi mal-interfaċċja tat-trasportatur;

    (c) 

    id-detezzjoni, l-analiżi, ir-rispons u l-irkupru minn inċidenti ta’ ċibersigurtà.

    5.  

    Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha teħtieġ li t-trasportaturi jiddikjaraw:

    (a) 

    li huma joperaw u jittrasportaw passiġġieri fit-territorju tal-Istati Membri jew li beħsiebhom jagħmlu dan fis-sitt xhur li ġejjin;

    (b) 

    li huma ser jaċċessaw u jagħmlu użu mill-interfaċċa tat-trasportatur f’konformità mar-rekwiżiti minimi tas-sigurtà stabbiliti fil-formola ta’ reġistrazzjoni, f’konformità mal-paragrafu 4;

    (c) 

    li l-persunal debitament awtorizzat biss ikollu aċċess għall-interfaċċja tat-trasportatur.

    6.  
    Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha teħtieġ li t-trasportaturi jehmżu kopja elettronika tal-istrumenti ta’ kostituzzjoni tagħhom, inklużi l-istatuti, kif ukoll kopja elettronika ta’ estratt tar-reġistrazzjoni uffiċjali tal-kumpanija tagħhom minn tal-anqas Stat Membru wieħed, fejn applikabbli, jew minn pajjiż terz fi, jew tradott uffiċjalment f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni jew minn waħda mil-lingwi tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen. Kopja elettronika ta’ awtorizzazzjoni għall-operat fi Stat Membru wieħed jew aktar, bħal Ċertifikat ta’ Operatur tal-Ajru, tista’ tissostitwixxi r-reġistrazzjoni uffiċjali tal-kumpanija.
    7.  

    Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tinnotifika lit-trasportaturi:

    (a) 

    li huma meħtieġa jinformaw lill-eu-LISA bi kwalunkwe bidla rigward l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 jew f’każ ta’ bidliet tekniċi li jaffettwaw il-konnessjoni “minn sistema għal sistema” tagħhom mal-interfaċċa tat-trasportaturi li jistgħu jirrikjedu ttestjar addizzjonali f’konformità mal-Artikolu 12 permezz ta’ dettalji ta’ kuntatt speċifiċi tal-eu-LISA li għandhom jintużaw għal dan il-għan;

    (b) 

    li jiġu dereġistrati awtomatikament mill-iskema ta’ awtentikazzjoni jekk il-logs juru li t-trasportatur ma jkunx uża l-interfaċċa tat-trasportatur matul perjodu ta’ sena;

    (c) 

    li jistgħu jiġu dereġistrati mill-iskema ta’ awtentikazzjoni f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti tas-sigurtà msemmija fil-paragrafu 4 jew il-linji gwida tekniċi, inkluż f’każ ta’ abbuż tal-interfaċċa tat-trasportatur;

    (d) 

    li huma obbligati jinformaw lill-eu-LISA dwar kwalunkwe ksur ta’ data personali li jista’ jseħħ u jirrieżaminaw regolarment id-drittijiet ta’ aċċess tal-persunal dedikat tagħhom.

    8.  
    Meta l-formola ta’ reġistrazzjoni tkun ġiet ippreżentata b’mod korrett, l-eu-LISA għandha tirreġistra t-trasportatur u tinnotifika lit-trasportatur li jkun ġie rreġistrat. Meta l-formola ta’ reġistrazzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata b’mod korrett, l-eu-LISA għandha tirrifjuta r-reġistrazzjoni u tinnotifika lit-trasportatur bir-raġunijiet.

    Artikolu 11

    Dereġistrazzjoni mill-iskema ta’ awtentikazzjoni

    1.  
    Meta trasportatur jinforma lill-eu-LISA li ma għadux jopera jew jittrasporta passiġġieri fit-territorju tal-Istati Membri, l-eu-LISA għandha tneħħi r-reġistrazzjoni tat-trasportatur.

    ▼C1

    2.  
    Meta r-reġistrazzjonijiet juru li t-trasportatur ma jkunx uża l-interfaċċa tat-trasportatur matul perjodu ta’ sena, din għandha titneħħa awtomatikament mir-reġistru.

    ▼B

    3.  
    Meta trasportatur ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(5), jew ikun kiser b’xi mod ieħor id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 10(4) jew il-linji gwida tekniċi, inkluż f’każ ta’ abbuż tal-interfaċċa tat-trasportatur, l-eu-LISA tista’ tneħħi r-reġistrazzjoni tat-trasportatur.
    4.  
    eu-LISA għandha tinforma lit-trasportatur bl-intenzjoni tagħha li tneħħi r-reġistrazzjoni mit-trasportatur skont il-paragrafi 1, 2 jew 3, flimkien mar-raġuni għad-dereġistrazzjoni, xahar qabel id-dereġistrazzjoni. Qabel ma tneħħi r-reġistrazzjoni, eu-LISA għandha tagħti lit-trasportatur l-opportunità li jipprovdi kummenti bil-miktub.
    5.  
    F’każ ta’ tħassib urġenti dwar is-sigurtà tal-IT, inkluż meta t-trasportatur ma jkunx qed jikkonforma mar-rekwiżiti tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 10(4) jew mal-linji gwida tekniċi, l-eu-LISA tista’ minnufih tiskonnettja karozza. L-eu-LISA għandha tinforma lit-trasportatur bl-iskonnessjoni, flimkien mar-raġuni għall-iskonnessjoni.
    6.  
    Sa fejn ikun xieraq, l-eu-LISA għandha tassisti lit-trasportaturi li jkunu rċevew avviż ta’ dereġistrazzjoni jew skonnessjoni biex jirrimedjaw għan-nuqqasijiet li wasslu għan-notifika u, fejn possibbli, għal żmien limitat u taħt kundizzjonijiet stretti, tipprovdi l-opportunità għat-trasportaturi mhux konnessi li jibagħtu tfittxijiet ta’ verifika b’mezzi oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 4.
    7.  
    It-trasportaturi skonnettjati jistgħu jerġgħu jiġu konnessi mal-interfaċċa tat-trasportatur wara t-tneħħija b’suċċess tat-tħassib dwar is-sigurtà li wassal għall-iskonnessjoni. It-trasportaturi dereġistrati jistgħu jippreżentaw talba ġdida għar-reġistrazzjoni.
    8.  
    l-eu-LISA għandha żżomm reġistru aġġornat tat-trasportaturi rreġistrati. Id-data personali li tinsab fir-reġistrazzjoni tat-trasportaturi għandha titħassar mhux aktar tard minn sena wara li t-trasportatur ikun ġie dereġistrat. Fi kwalunkwe ħin wara r-reġistrazzjoni tat-trasportaturi skont l-Artikolu 10, eu-LISA tista’, b’mod partikolari fejn ikun hemm suspett motivat li trasportatur wieħed jew aktar qed jabbużaw mill-interfaċċa tat-trasportatur jew ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(4), tagħmel inkjesti mal-Istati Membri jew pajjiżi terzi.
    9.  
    Meta l-formola ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) ma tkunx disponibbli għal perjodu ta’ żmien twil, l-eu-LISA għandha tiżgura li r-reġistrazzjoni f’konformità ma’ dak l-Artikolu tkun possibbli permezz ta’ mezzi oħra.

    Artikolu 12

    L-iżvilupp, l-ittestjar u l-konnessjoni tal-interfaċċa tat-trasportatur

    1.  
    L-eu-LISA għandha tagħmel il-linji gwida tekniċi disponibbli għat-trasportaturi sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jittestjaw l-interfaċċa tat-trasportaturi.
    2.  
    Meta t-trasportaturi jagħżlu li jikkonnettjaw permezz tal-Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 4(2), għandha tiġi ttestjata l-implimentazzjoni tal-format tal-messaġġ imsemmi fl-Artikolu 7 tal-iskema ta’ awtentikazzjoni msemmija fl-Artikolu 9.
    3.  
    Meta t-trasportaturi jagħżlu li jikkonnettjaw permezz tal-interfaċċa web (brawżer) jew l-applikazzjoni għal apparati mobbli msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punti (b) u (c) rispettivament, huma għandhom jinnotifikaw lill-eu-LISA li ttestjaw b’suċċess il-konnessjoni tagħhom mal-interfaċċa tat-trasportaturi u li l-persunal debitament awtorizzat tagħhom ġie mħarreġ b’suċċess fl-użu tal-interfaċċa tat-trasportatur.
    4.  
    Għall-fini tal-paragrafu 2, l-eu-LISA għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli pjan ta’ ttestjar, ambjent ta’ ttestjar u simulatur li jippermettu lill-eu-LISA u lit-trasportaturi jittestjaw il-konnessjoni tat-trasportaturi mal-interfaċċa tat-trasportaturi. Għall-fini tal-paragrafu 3, l-eu-LISA għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli ambjent tal-ittestjar li jippermetti lit-trasportaturi jħarrġu lill-persunal tagħhom.
    5.  
    Mal-ikkompletar b’suċċess tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 kif ukoll mat-tlestija b’suċċess tal-ittestjar imsemmi fil-paragrafu 2 jew mal-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 3, l-eu-LISA għandha tikkonnettja lit-trasportatur mal-interfaċċa tat-trasportatur.

    Artikolu 13

    Impossibbiltà teknika li wieħed jipproċedi b’mistoqsijiet ta’ verifika

    Jekk ikun teknikament impossibbli li tintbagħat tfittxija ta’ verifika minħabba li komponent tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ ma għaddiex, l-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE)2021/1217 għandu japplika mutatis mutandis fil-każ ta’ impossibbiltà teknika li wieħed jipproċedi b’tfittxija ta’ verifika minħabba ħsara ta’ kwalunkwe komponent tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ.

    Artikolu 14

    Assistenza lit-trasportaturi

    Sabiex it-trasportaturi jkunu jistgħu jitolbu assistenza, l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1217 għandu japplika mutatis mutandis fir-rigward tat-talbiet għal assistenza mit-trasportaturi fir-rigward tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ.

    Artikolu 15

    Aċċess għas-servizz web minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi

    1.  
    Meta jivverifikaw il-bqija tal-jiem tas-soġġorn awtorizzat permezz ta’ aċċess sigur għall-Internet għas-servizz web, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jindikaw l-Istat Membru tad-destinazzjoni.
    2.  

    Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jdaħħal id-data li ġejja fis-servizz web:

    (a) 

    it-tip u n-numru tad-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar;

    (b) 

    b’mod fakultattiv, id-data maħsuba tad-dħul jew tal-ħruġ jew it-tnejn, issettjati bħala l-Ħin tal-Ewropa Ċentrali b’mod prestabbilit, li jistgħu jiġu editjati mill-utent;

    (c) 

    Stat Membru destinatarju

    3.  

    Is-servizz web għandu jipprovdi waħda mit-tweġibiet li ġejjin:

    (a) 

    “OK” u l-jiem li jifdal tas-soġġorn awtorizzat;

    (b) 

    “Mhux OK” u 0 jum li jifdal ta’ soġġorn awtorizzat;

    (c) 

    mhux disponibbli.

    4.  
    Fejn jiġi pprovdut l-għadd ta’ jiem ta’ soġġorn awtorizzat li jifdal, is-servizz web għandu jindika li l-għadd ta’ jiem ġie kkalkulat abbażi tad-data prevista tad-dħul ipprovduta miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u li l-għadd attwali ta’ jiem li jifdal jista’ jvarja skont id-data attwali tad-dħul. Fejn ma tkun ġiet ipprovduta l-ebda data maħsuba għad-dħul miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, is-soġġorn awtorizzat li jifdal jiġi kkalkulat abbażi tad-data kalendarja tat-tfittxija. F’dan il-każ, is-servizz web għandu jindika li l-għadd ta’ jiem li jifdal għal soġġorn awtorizzat ġie kalkolat abbażi tad-data kalendarja tat-tfittxija.
    5.  

    Matul il-perjodu tranżitorju previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2017/2226, fejn ma teżisti l-ebda data fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, it-tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ verifika għandhom jiġu ddeterminati skont ir-regoli li ġejjin:

    (a) 

    Soġġorn awtorizzat: OK,

    (b) 

    Jiem li fadal: informazzjoni mhux disponibbli, inkluża nota li tiddikjara li s-soġġorni li seħħew qabel ma bdiet topera s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ ma ġewx ikkunsidrati.

    6.  

    Wara l-perjodu tranżitorju previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2017/2226, it-tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ verifika għandhom jiġu ddeterminati skont ir-regoli li ġejjin:

    (a) 

    meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu jiem suffiċjenti ta’ soġġorn awtorizzat, it-tweġiba għandha tkun:

    (i) 

    Soġġorn awtorizzat: OK;

    (ii) 

    Jiem li fadal: Il-jiem li jifdal tas-soġġorn awtorizzat ikkalkulati mis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ.

    (b) 

    meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ikkonsma parti mis-soġġorn awtorizzat u jkollu l-intenzjoni li jibqa’ għal aktar żmien mis-soġġorn awtorizzat, it-tweġiba għandha tkun:

    (i) 

    Soġġorn awtorizzat: MHUX OK;

    (ii) 

    Jiem li fadal: 0.

    (c) 

    meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ikkonsma l-jiem kollha tas-soġġorn awtorizzat, it-tweġiba għandha tkun:

    (i) 

    Soġġorn awtorizzat: MHUX OK;

    (ii) 

    Jiem li fadal: 0.

    (d) 

    fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun soġġett għal obbligu ta’ viża u ma jkollux viża valida jew il-viża tkun skadiet, jew tkun ġiet revokata jew annullata, jew ikollu viża ta’ validità territorjali limitata li ma taqbilx mal-Istat Membru ta’ destinazzjoni inserit, it-tweġiba għandha tkun:

    (i) 

    Soġġorn awtorizzat: MHUX OK;

    (ii) 

    Jiem li fadal: 0.

    (e) 

    meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx soġġett għal obbligu ta’ viża u ma jkollu l-ebda awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida jew ikollu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar li tkun skadiet, jew tkun ġiet revokata jew annullata, it-tweġiba għandha tkun:

    (i) 

    Soġġorn awtorizzat: MHUX OK;

    (ii) 

    Jiem li fadal: 0.

    (f) 

    fejn ma jkun hemm l-ebda dħul fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun detentur ta’ viża għal soġġorn qasir, l-għadd ta’ jiem li jifdal għandu jkun limitat skont id-data ta’ skadenza tal-viża għal soġġorn qasir. Fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-viża, wara l-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar, l-għadd ta’ jiem li jifdal għandu jkun limitat skont id-data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, filwaqt li jitqies il-perjodu tranżitorju u l-perjodu ta’ konċessjoni msemmi fl-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2018/1240.

    7.  

    Is-servizz web għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kif ġej:

    (a) 

    f’post prominenti, l-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli l-kalkolu tas-soġġorn;

    (b) 

    qrib il-qasam biex jiddaħħal in-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar, li d-dokument tal-ivvjaġġar li għandu jintuża għall-finijiet tas-servizz web għandu jkun wieħed mid-dokumenti tal-ivvjaġġar użati għal soġġorni preċedenti;

    (c) 

    Ir-rwol tal-Istati Membri

    (d) 

    ir-raġunijiet kollha possibbli biex tasal it-tweġiba: M’hemmx informazzjoni disponibbli

    (e) 

    Għandu jkun hemm ċaħda ta’ responsabilità ġenerali li tiddikjara b’mod ċar li t-tweġiba “OK/NOT OK” ma tistax tinftiehem bħala deċiżjoni li tippermetti jew tirrifjuta d-dħul.

    (f) 

    ir-reġim applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi d-dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u pajjiż terz, min-naħa l-oħra u li ma jkollhomx karta ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE jew permess ta’ residenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

    Artikolu 16

    Tħassir tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2019) 1230

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2019) 1230 għandha titħassar.

    Artikolu 17

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.



    ( 1 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1217 tas-26 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet għat-tfittxijiet ta’ verifika mit-trasportaturi, id-dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tad-data u s-sigurtà għall-iskema ta’ awtentikazzjoni tat-trasportaturi kif ukoll il-proċeduri ta’ riżerva f’każ ta’ impossibbiltà teknika (ĠU L 267, 27.7.2021, p. 1).

    Top