Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0031R(01)

    2005/31/KE: Rettifika għad-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/31/KE tad- 29 ta' April 2005 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/500/KEE dwar id-dikjarazzjoni ta’ konformità u l-kriterju ta’ rendiment tal-metodu analitiku għall-oġġetti taċ-ċeramika intenzjonati li jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

    SL L 76M, 24.3.2009, p. 114–117 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/31/corrigendum/2009-03-24/oj

    24.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L NaN/114


    Rettifika għad-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/31/KE tad-29 ta' April 2005 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/500/KEE dwar id-dikjarazzjoni ta’ konformità u l-kriterju ta’ rendiment tal-metodu analitiku għall-oġġetti taċ-ċeramika intenzjonati li jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/31/KE għandha taqra:

    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2005/31/KE

    tad-29 ta' April 2005

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/500/KEE dwar id-dikjarazzjoni ta’ konformità u l-kriterju ta’ rendiment tal-metodu analitiku għall-oġġetti taċ-ċeramika intenzjonati li jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tas-27 ta’ Ottubru dwar materjali u oġġetti li huma intenzjonati li jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel u li tirrevoka d-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 84/500/KEE tal-15 ta’ Ottubru ta’ l-1984 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fil-kuntest ta’ oġġetti taċ-ċeramika li huma intenzjonati li jiġu f’kuntatt ma l-oġġetti ta’ l-ikel (2) hija miżura speċifika stipolata fit-tifsira ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004. Din tikkonċerna l-migrazzjoni possibbli taċ-ċomb u tal-kadmju minn oġġetti taċ-ċeramika li, fl-istat lest tagħhom, huma intenzjonati li jiġu f’kuntatt ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel, u huma intenzjonati għal dak l-iskop.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 jipprovdi fl-Artikolu 16 li l-miżuri speċifiċi jeħtieġu li l-materjali u l-oġġetti koperti minn dawk il-miżuri, jkunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni bil-miktub li tgħid li huma konformi ma’ dawk ir-regoli applikabbli għalihom.

    (3)

    Dik il-kondizzjoni għadha ma ġietx stipolata fid-Direttiva 84/500/KEE. Hemm ħtieġa dan l-obbligu jkun provvist għal kull oġġett taċ-ċeramika li mhux diġà f’kuntatt ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel sabiex ikun hemm distinzjoni ċara bejniethom u oġġetti dekorattivi.

    (4)

    L-awtoritajiet ta' infurzar għandhom ikollhom aċċess għad-dokumenti li juru li l-oġġetti taċ-ċeramika huma konformi mal-limiti ta’ migrazzjoni għaċ-ċomb u għall-kadmju. Għalhekk, il-produttur jew l-importatur fil-Komunità għandhom jagħmlu disponibbli lilhom l-informazzjoni dwar l-analiżi li tkun saret, meta din tintalab..

    (5)

    Id-Direttiva 84/500/KEE tipprovdi metodu għall-analiżi taċ-ċomb u tal-kadmju. Sar progress teknoloġiku f’dan il-qasam u l-metodu analitiku mfassal f’dik id-Direttiva huwa wieħed fost ħafna metodi possibbli. Din id-Direttiva tieħu l-progress teknoloġiku in konsiderazzjoni u tistabbilixxi sett ta’ kriterji ta’ rendiment li l-metodi analitiċi jridu jkunu konformi magħhom fid-dawl tad-Direttiva tal-Kummisjjoni 2001/22/KE tat-8 ta’ Marzu ta’ l-2001 li tistipola il-metodi ta’ kampjunar għall-analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli taċ-ċomb, tal-kadmju, tal-merkurju u ta’ 3-MCPD f’oġġetti ta’ l-ikel (3).

    (6)

    Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq għall-finijiet ta’ kisba ta’ l-għan ewlieni li jkun aċċertat il-moviment ħieles ta’ oġġetti taċ-ċeramika li huma intenzjonati li jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel, li jiġu stipolati regoli għall-infurzar korrett tad-Direttiva 84/500/KEE. Id-Direttiva hi limitata sa fejn hu meħtieġ sabiex tikseb l-għanijiet mixtieqa skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat.

    (7)

    Id-Direttiva 84/500/KEE għandha, għalhekk, tiġi emendata kif jixraq.

    (8)

    Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma stipolati b’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimal,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 84/500/KEE hi emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2a li ġej hu inkluż:

    “L-Artikolu 2a

    1.   Fl-istadju ta’ tqegħid fuq is-suq sa meta u inkluż l-istadju tal-bejgħ, oġġetti taċ-ċeramika li mhumiex diġa’ f’kuntatt ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel, għandhom ikunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni bil-miktub skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 (4).

    Dik id-dikjarazzjoni għandha tkun maħruġa mill-produttur jew minn bejjiegħ stabbilit fil-Komunità u tinkludi l-informazzjoni stipolata fl-Anness III ta’ din id-Direttiva.

    2.   Dokumentazzjoni xierqa li turi li l-oġġetti taċ-ċeramika huma konformi mal-limiti ta’ migrazzjoni għaċ-ċomb u għall-kadmju stipolati fl-Artikolu 2 trid tkun disponibbli minn għand il-produttur jew l-importatur lejn il-Komunità għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti meta jkun hemm rikjesta. Din id-dokumentazzjoni għandha jkun fiha r-riżultati ta’ l-analiżi, il-kondizzjonijiet tat-testjar u l-isem u indirizz tal-laboratorju fejn sar it-testjar.

    (2)

    L-Anness II huwa mibdul bit-test fl-Anness I ta’ din id-Direttiva.

    (3)

    Huwa inkluż Anness III ġdid, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness II ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [sena wara d-data ta’ dħul fis-seħħ tad-Direttiva], il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom, mingħajr ebda telf ta’ żmien, jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella li turi l-korrelazzjoni ta’ bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet b’tali mod li:

    (a)

    jippermettu l-kummerċ ta’ u l-użu ta’ oġġetti taċ-ċeramika li huma konformi ma’ din id-Direttiva, minn [sena wara d-data ta’ dħul fis-seħħ tad-Direttiva];

    (b)

    jipprojbixxu l-produzzjoni u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ oġġetti taċ-ċeramika li mhumiex konformi ma’ din id-Direttiva, minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva].

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati bit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif it-tali referenza għandha ssir.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 29 ta' April 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni

    ANNESS I

    “ANNESS II

    METODI TA’ ANALIŻI GĦAL KIF GĦANDHA TKUN DETERMINATA L-MIGRAZZJONI TAĊ-ĊOMB U TAL-KADMJU

    1.   Għan u ambitu ta’ l-applikazzjoni

    Il-metodu jwassal għad-determinazzjoni tal-migrazzjoni speċifika taċ-ċomb u tal-kadmju.

    2.   Prinċipju:

    Id-determinazzjoni tal-migrazzjoni speċifika taċ-ċomb u/jew tal-kadmju issir permezz ta’ tagħmir apposta għall-metodu analitiku li jilħaq il-kriterji ta’ rendiment stipolati f’ paragrafu 4.

    3.   Sustanzi Reaġenti

    Kull sustanza reaġenti għandha tkun ta’ kwalità analitika, sakemm huwa speċifikat mod ieħor.

    Fejn issir referenza għall-ilma, din tfisser dejjem ilma distillat jew ilma ta’ kwalità ekwivalenti.

    3.1.   4 % (v/v) ta’ aċdu etanojku, f' soluzzjoni akweja

    Żid 40 ml ta’ aċdu etanojku solidu ma’ l-ilma sa livell ta' 1 000 ml.

    3.2.   Soluzzjonijiet ta' stokk

    Ipprepara soluzzjonijiet ta' stokk li fihom 1 000 mg/litru ta’ ċomb u mill-inqas 500 mg/litru ta’ kadmju rispettivament f’soluzzjoni ta’ 4 % ta’ aċdu etanojku (3.1).

    4.   Kriterji ta’ rendiment tal-metodu ta’ analiżi bit-tagħmir

    4.1.

    Il-limitu taċ-ċomb u tal-kadmju misjub għandu jkun l-istess jew inqas minn:

    0,1 mg/litru għaċ-ċomb,

    0,01 mg/litru għall-kadmju.

    Il-limitu huwa definit bħala l-konċentrazzjoni ta’ l-elementi fl-aċdu etanojku ta’ 4 % (3.1) li jagħti sinjal ekwivalenti għad-doppju ta’ dak li jiġbor l-istrument mill-kondizzjonijiet ta' madwar il-kampjun tat-testjar.

    4.2.

    Il-limitu tal-kwantifikazzjoni taċ-ċomb u tal-kadmju għandu jkun l-istess jew inqas minn:

    0,2 mg/litru għaċ-ċomb,

    0,02 mg/litru għall-kadmju.

    4.3.

    Rkupru. Il-materjal irkuprat taċ-ċomb u tal-kadmju li ġew miżjuda ma’ l-aċdu etanojku ta’ konċentrazzjoni ta’ 4 % għandu jinstab bejn 80-120 % ta’ l-ammont użat

    4.4.

    Speċifiċità. Il-metodu strumentali ta’ l-analiżi użat għandu jkun ħieles minn interferenzi li huma ta’ natura matriċi u spettrali.

    5.   Metodu

    5.1.   Preparazzjoni tal-kampjun

    Il-kampjun għandu jkun nadif u ħieles minn xaħmijiet jew materjali oħra li jistgħu jaffetwaw it-test.

    Aħsel il-kampjun f'soluzzjoni ta’ deterġent likwidu tad-dar f’temperatura ta' bejn wieħed u ieħor 40 °C. Laħlaħ il-kampjun l-ewwel fl-ilma tal-vit u wara fl-ilma distillat jew f’ilma ta’ kwalità ekwivalenti. Neħħi l-ilma u nixxef sabiex jiġu evitat t-tbajja'. Il-wiċċ li għandu jiġi ttestjat m’għandhux jintmess bl-idejn wara li jkun tnaddaf.

    5.2.   Determinazzjoni taċ-ċomb u/jew il-kadmju

    Il-kampjun ippreparat kif spjegat għandu jiġi ttestjat skond il-kondizzjonijiet stipolati fl-Anness I.

    Qabel ma tieħu s-soluzzjoni għall-analiżi għall-preżenza taċ-ċomb u/jew tal-kadmju, omoġenizza l-kontenut tal-kampjun permezz ta’ metodu xieraq, li jevita kull xorta ta’ telf tas-soluzzjoni jew ta’ abrażjoni tal-wiċċ li huwa ttestjat.

    Agħmel test mingħajr kampjun fuq is-sustanza reaġenti użata għal kull serje ta’ l-analiżi.

    Żvolġi l-analiżi għall-preżenza taċ-ċomb u tal-kadmju skond kondizzjonijiet xierqa.”

    ANNESS II

    “ANNESS III

    DIKJARAZZJONI TA’ KONFORMITÀ

    Id-dikjarazzjoni bil-miktub msemmija fl-Artikolu 2a(1) għandha jkollha l-informazzjoni li ġejja:

    1.

    L-identità u l-indirizz tal-kumpanija li tipproduċi l-oġġett taċ-ċeramika fi stat lest u ta’ l-importatur li jimportah fl-Unjoni Ewropea

    2.

    L-Identità ta’ l-oġġett

    3.

    Id-data tad-dikjarazzjoni

    4.

    Konferma li l-oġġett taċ-ċeramika jilħaq il-kondizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva u tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004.

    Id-dikjarazzjoni bil-miktub għandha tippermetti identifikazzjoni mingħajr diffikoltà ta’ l-oġġetti li tirreferi għalihom u għandha tiġġedded meta bidliet sostanzjali fil-produzzjoni jwasslu għall-bidla fil-migrazzjoni taċ-ċomb u tal-kadmju.”


    (1)  ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.

    (2)  ĠU L 277, 20.10.1984, p. 12.

    (3)  ĠU L 77, 16.3.2001, p. 14.

    (4)  ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.”


    Top