Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CJ0007

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Marzu 2012.
Staatssecretaris van Justitie vs Tayfun Kahveci u Osman Inan.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi).
Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Dritt ta’ residenza — Membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork naturalizzat — Żamma taċ-ċittadinanza Torka — Data tan-naturalizzazzjoni.
Kawżi magħquda C-7/10 u C-9/10.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:180

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

29 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Dritt ta’ residenza — Membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork naturalizzat — Żamma taċ-ċittadinanza Torka — Data tan-naturalizzazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C-7/10 u C-9/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-31 ta’ Diċembru 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Jannar 2010, fil-proċeduri

Staatssecretaris van Justitie

vs

Tayfun Kahveci (C-7/10),

Osman Inan (C-9/10),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan, M. Ilešič, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Frar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Kahveci, minn A. Durmuş u E. Köse, avukati,

għal O. Inan, minn H. Drenth, avukat,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u M. Arciszewski kif ukoll minn A. Milkowska, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn l-iStaatssecretaris van Justitie (Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja; ikar ’il quddiem l-“iStaatssecretaris”), u T. Kahveci, f’waħda mill-kawżi, u O. Inan, fil-kawża l-oħra, dwar il-kwistjoni ta’ jekk membru tal-familja ta’ ħaddiem li ma għandux biss iċ-ċittadinanza Torka iżda wkoll dik tal-Istat Membru ospitanti, jistax jinvoka l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Deċiżjoni Nru 1/80

3

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:

għandhom id-dritt, bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità — li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-anqas tliet snin;

għandhom igawdu minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn tal-anqas ħames snin.

[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Skont l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din is-sezzjoni għandhom japplikaw bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubbliċi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5

L-Artikolu 18(1)(e) tal-Liġi dwar iċ-ċittadini barranin (Vreemdelingenwet 2000, Stb. 2000, Nru 495, ’il quddiem il-“Vw 2000”) jipprovdi li applikazzjoni għall-estensjoni ta’ permess ta’ residenza temporanja tista’ tiġi miċħuda jekk iċ-ċittadin barrani jkun jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali. Skont l-Artikolu 19 ta’ din il-liġi, dan il-permess jista’ jiġi rtirat għal dawn l-istess raġunijiet.

6

B’konformità mal-Artikolu 67(1)(b) tal-Vw 2000, l-iStaatssecretaris jista’ jiddikjara ċittadin barrani bħala li ma huwiex mixtieq jekk dan tal-aħħar ikun instab ħati, b’sentenza definittiva, ta’ reat punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew iktar. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, ċittadin barrani li jkun ġie ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa ma jistax ikun residenti legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi.

7

L-Artikolu 3.86(1)(d) tad-Digriet tal-2000 dwar iċ-ċittadini barranin (Vreemdelingenbesluit 2000, Stb. 2000 Nru 497) jipprovdi li l-applikazzjoni għall-estensjoni tal-permess ta’ residenza temporanja tista’ tiġi miċħuda f’każ ta’ theddida għall-ordni pubbliku fuq il-bażi tal-Artikolu 18(1)(e) tal-Vw 2000, meta, inter alia, iċ-ċittadin barrani jkun instab ħati, b’sentenza definittiva, ta’ reat punibbli bi priġunerija ta’ tliet snin jew iktar, u jkun ingħata sentenza ta’ kustodja, li l-parti mhux sospiża tagħha tkun tal-inqas daqs il-perijodu msemmi fl-Artikolu 3.86(2), li jistabbilixxi skaletta bbażata fuq id-dewmien tal-persuna kkonċernata fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C-7/10

8

T. Kahveci huwa ċittadin Tork. Il-mara tiegħu li hija wkoll ċittadina Torka, twieldet fil-Pajjiżi l-Baxxi minn ħaddiem Tork u tagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fix-xahar ta’ Ġunju tal-1999, qabel żewġha wasal b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi matul din l-istess sena, hija kisbet iċ-ċittadinanza Olandiża filwaqt li żammet iċ-ċittadinanza Torka.

9

Il-permess ta’ residenza li ngħata lil T. Kahveci kien ristrett għal “residenza mal-konjuġi R. Kahveci”. Dan il-permess ġie mġedded diversi drabi, bl-aħħar darba jkun estiż sat-12 ta’ Marzu 2009. Sakemm intbagħat il-ħabs, T. Kahveci kien jgħix ma’ martu.

10

Fit-23 ta’ Jannar 2007, T. Kahveci ġie kkundannat għal piena definittiva u inkundizzjonata ta’ sitt snin u disa’ xhur priġunerija.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2007, l-iStaatssecretaris iddikjara lil T. Kahveci bħala persuna mhux mixtieqa minħabba l-kundanna tiegħu u rtiralu l-permess ta’ residenza.

12

L-ilment imressaq minn T. Kahveci kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud billi ma setax jinvoka l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 peress li martu kellha ċ-ċittadinanza Olandiża. Għaldaqstant, ma setax jiġi meqjus bħala membru tal-familja ta’ ħaddiema Torka li tagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol, anki jekk din tal-aħħar żammet iċ-ċittadinanza Torka ma’ dik Olandiża.

13

Peress li l-Imħallef għall-miżuri provviżorji tar-Rechtbank s-Gravenhage ddikjara fondata l-azzjoni mressqa minn T. Kahveci kontra d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment tiegħu, l-iStaatssecretaris ressaq appell quddiem ir-Raad van State.

14

Dan tal-aħħar isostni li T. Kahveci ma kienx għadu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u li, għall-martu, ma kienx għad baqa’ skop li tinvoka t-titjib tal-kundizzjonijiet fil-qasam soċjali li din id-deċiżjoni kkawżat.

Kawża C-9/10

15

O. Inan huwa ċittadin Tork. Missieru, H. Inan, li huwa wkoll ċittadin Tork u li l-appartenenza tiegħu għas-suq legali tax-xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi ma ġietx ikkontestata, għandu, sa mis-sena 1993, iċ-ċittadinanza Olandiża flimkien ma’ dik Torka.

16

O. Inan daħal legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi matul l-1999. Il-permess ta’ residenza li ngħatalu kellu restrizzjoni ta’ “riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenitur H. Inan”. Dan il-permess kien ġie mġedded għal diversi drabi, bl-aħħar darba jkun estiż sal-10 ta’ Ġunju 2005. Sakemm intbagħat il-ħabs, O. Inan kien jgħix ma’ missieru.

17

Fit-22 ta’ Mejju 2007, O. Inan ġie kkundannat għal piena definittiva u inkundizzjonata ta’ seba’ snin priġunerija.

18

B’deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2007, l-iStaatssecretaris iddikjara lil O. Inan bħala persuna mhux mixtieqa minħabba l-kundanna tiegħu u ċaħad l-applikazzjoni tiegħu għall-estensjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu.

19

Il-proċedura fil-kawża prinċipali żvolġiet b’mod simili għal dik mibdija minn T. Kahveci, deskritta fil-punti 12 sa 14 ta’ din is-sentenza.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li kkunsidra li s-soluzzjoni għaż-żewġ kawżi li bihom ġie adit jiddependu mill-interpretazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni, ir-Raad van State iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari li ġejjin, li ġew redatti f’termini identiċi għal kull waħda minn dawn il-kawżi:

“1)

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali [tax-xogħol] ta’ Stat Membru ma jistgħux jibqgħu jinvokaw din id-dispożizzjoni wara li dan il-ħaddiem kiseb iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li żamm iċ-ċittadinanza Torka?

2)

Għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda, huwa rilevanti l-mument li fih il-ħaddiem Tork ikkonċernat kiseb iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti?”

21

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Frar 2010, il-Kawżi C-7/10 u C-9/10 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

22

Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, li jistgħu jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru jistgħux dejjem jinvokaw din id-dispożizzjoni meta dan il-ħaddiem ikun kiseb iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li żamm ukoll dik Torka.

23

B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jifforma parti integrali mid-Dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 1990, Sevince, C-192/89, Ġabra p. I-3461, punti 8 u 9). L-Istati Membri huma għaldaqstant marbutin bl-obbligi li joħorġu minn din id-dispożizzjoni preċiżament bl-istess mod kif huma marbutin josservaw obbligi oħrajn stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

24

Għandu jitfakkar ukoll li skont ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu effett dirett, b’mod li ċ-ċittadini Torok li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għandhom id-dritt li jinvokawha direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex ma jiġux applikati r-regoli tad-dritt intern li jmorru kontra din id-dispożizzjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ April 1997, Kadiman, C-351/95, Ġabra p. I-2133, punt 28; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt, C-303/08, Ġabra p. I-13445, punt 31, u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Pehlivan, C-484/07, Ġabra p. I-5203, punt 39).

25

B’dan premess, għall-finijiet tar-risposta għad-domandi mressqa, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kliem tagħha, tal-għan tagħha u tas-sistema li hija tistabbilixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali, C-465/04, Ġabra p. I-2879, punt 17).

26

Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, il-kisba tad-drittijiet previsti minn din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li l-persuna kkonċernata għandha tkun membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li diġà jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti u, min-naħa l-oħra, il-fatt li hija ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat sabiex tingħaqad mal-imsemmi ħaddiem (ara s-sentenza Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

27

Sakemm l-imsemmija kundizzjonijiet huma sodisfatti, għandu mbagħad jiġi vverifikat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jekk iċ-ċittadin Tork ikkonċernat kienx jirrisjedi b’mod legali għal ċertu perijodu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti mal-ħaddiem Tork li fuqu jibbaża d-drittijiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Aydinli, C-373/03, Ġabra p. I-6181, punt 29).

28

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jkollu biss iċ-ċittadinanza Torka u li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 26 u 27 tas-sentenza preżenti, huwa neċessarjament intitolat fl-imsemmi Stat għad-dritt ta’ residenza bbażat direttament fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (sentenza Pehlivan, iċċitata aktar ’il fuq, punt 43).

29

Fir-rigward tal-kawżi prinċipali, huwa stabbilit, kif ġie rrilevat fil-punti 8 sa 10 u 15 sa 17 tas-sentenza preżenti, li r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 26 u 27 ta’ din tal-aħħar huma sodisfatti minn T. Kahveci u O. Inan.

30

Għalhekk, jibqa’ li jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-għan imfittex mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u tas-sistema li ġiet stabbilita, jekk il-fatt li l-ħaddiem Tork, li diġà jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, kiseb, b’żieda maċ-ċittadinanza Torka, iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti, jimplikax li l-membri tal-familja tiegħu ma jistgħux iktar jinvokaw din id-dispożizzjoni.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kisba gradwali ta’ drittijiet prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha għan doppju.

32

Fl-ewwel lok, qabel l-iskadenza tat-terminu inizjali ta’ tliet snin, l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex tippermetti l-preżenza ta’ membri tal-familja tal-ħaddiem immigrant għand dan tal-aħħar, sabiex b’hekk tiffavorixxi, permezz ta’ riunifikazzjoni tal-familja, l-impjieg u r-residenza tal-ħaddiem Tork diġà regolarment integrat fl-Istat Membru ospitanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2000, Eyüp, C-65/98, Ġabra p. I-4747, punt 26; tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya, C-467/02, Ġabra p. I-10895, punt 25, u Bozkurt, punt 33, iċċitata iktar ’il fuq).

33

Fit-tieni lok, l-istess dispożizzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ id-dħul fit-tul tal-familja tal-ħaddiem immigrant Tork fl-Istat Membru ospitanti, billi wara tliet snin ta’ residenza regolari, il-membru tal-familja kkonċernat jingħata l-possibbiltà li huwa stess ikun jista’ jaċċedi għas-suq tax-xogħol. L-għan essenzjali hekk imfittex huwa li jikkonsolida l-pożizzjoni tal-imsemmi membru tal-familja li, f’dan l-istadju, ikun diġà integrat legalment fl-Istat Membru ospitanti, billi jingħata l-mezzi sabiex jaqla’ l-għajxien tiegħu fl-Istat inkwistjoni u, b’dan il-mod, ikun awtonomu mill-ħaddiem immigrant (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati Eyüp, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26; Cetinkaya, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25; Aydinli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23; tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin, C-325/05, Ġabra p. I-6495, punti 50 u 71, kif ukoll Bozkurt, iċċitata iktar’il fuq, punt 34, ).

34

Fid-dawl tal-għan ġenerali mfittex mid-Deċiżjoni Nru 1/80, li jikkonsisti, b’mod differenti minn ftehim ta’ kooperazzjoni bħal dak konkluż bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tal-Marokk, iffirmat f’Rabat fis-27 ta’ April 1976 u approvat għan-nom tal-Kommunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2211/78 tas-26 ta’ Settembru 1978 (ĠU L 264. p. 1), fit-titjib fil-qasam soċjali tas-sistema li jibbenefikaw minnha l-ħaddiema Torok u l-membri tal-familja tagħhom bil-għan li jitwettaq gradwalment il-moviment liberu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1999, Mesbah, C-179/98, Ġabra 1999 p. I-7955, punt 36, u tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat, C-329/97, Ġabra p. I-1487, punt 43), is-sistema implementata b’mod iktar partikolari mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-istess deċiżjoni, għandha għalhekk l-għan li toħloq kundizzjonijiet favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza Pehlivan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

35

Dan l-għan imfittex mid-Deċiżjoni Nru 1/80 jiġi ostakolat jekk il-kisba taċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti tobbliga lil ħaddiem li jkun għad għandu ċittadinanza Torka sabiex jirrinunzja għall-benefiċċju tal-kundizzjonijiet favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru ospitanti.

36

Għandu jiġi enfasizzat, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonjiet previsti f’waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jibbenefikaw, minħabba f’hekk, mid-drittijiet li din tagħtihom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Altun, C-337/07, Ġabra p. I-10323, punti 28 u 29, kif ukoll Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39) u li Stat Membru ma huwiex awtorizzat li jimponi regolamentazzjoni ta’ natura differenti minn dik li tirriżulta mid-Deċizjoni Nru 1/80 jew li tipprovdi kundizzjonijiet li ma humiex dawk previsti minnha (ara s-sentenza Pehlivan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

37

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-effett dirett ta’ dispożizzjoni bħalma huwa l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jemendaw unilateralment il-portata tas-sistema ta’ integrazzjoni gradwali taċ-ċittadini Torok fl-Istat Membru ospitanti u li għalhekk huma ma għandhomx iktar il-fakultà li jadottaw miżuri ta’ natura li jippreġudikaw l-istatus legali espressament rikonoxxut lil dawn iċ-ċittadini mid-dritt li jirriżulta mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija (ara s-sentenza Pehlivan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Leġiżlazzjoni tat-tip ta’ dik fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi li d-drittijiet mogħtija mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jistgħux jiġu invokati iktar peress li l-ħaddiem Tork li diġà huwa regolarment integrat fl-Istat Membru ospitanti, kiseb iċ-ċittadinanza Olandiża, għandha preċiżament l-effett li tostakola l-istatus legali ġuridiku espressament rikonoxxut liċ-ċittadini Torok mid-dritt li jirriżulta mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, f’dak li jikkonċerna ċittadini Torok, bħalma huma T. Kahveli u O. Inan, l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi l-kuntest ġuridiku xieraq li jippermetti li jiġi evalwat sa fejn ċittadin Tork li ngħata kundanni kriminali jista’ jiġi mċaħħad, permezz ta’ tkeċċija mill-Istat Membru ospitanti, mid-drittijiet li huwa kiseb direttament minn din id-deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Derin, punt 74, u Bozkurt, punt 54).

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati li jipproċedu każ b’każ għal evalwazzjoni tal-imġiba personali tal-awtur tal-ksur kif ukoll tal-karattru attwali, reali u suffiċjentement gravi tal-periklu li huwa jirrappreżenta għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika u li dawn l-awtoritajiet huma barra minn hekk marbuta jiżguraw l-osservanza kemm tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tad-drittijiet fundamentali tal-parti kkonċernata. B’mod iktar partikolari, miżura ta’ tkeċċija bbażata fuq l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tista’ tiġi deċiża biss jekk l-imġiba individwali tal-parti kkonċernata tindika riskju konkret ta’ tfixkil serju ġdid tal-ordni pubblika (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Derin, punt 74, u Bozkurt, punt 60).

41

Mill-premess jirriżulta li għad-domandi mressqa għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru jistgħu jibqgħu jinvokaw din id-dispożizzjoni meta dan il-ħaddiem ikun kiseb iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li żamm iċ-ċittadinanza Torka.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru jistgħu jibqgħu jinvokaw din id-dispożizzjoni meta dan il-ħaddiem ikun kiseb iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li żamm iċ-ċittadinanza Torka.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq