Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32015R0029

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/29 tas- 17 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1126/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 19 Test b'rilevanza għaż-ŻEE

IO L 5, 9.1.2015, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 15/10/2023; Arna aisghairm go hintuigthe ag 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/29/oj

9.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/29

tas-17 ta' Diċembru 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1126/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 19

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fil-21 ta' Novembru 2013, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità ppubblika emendi għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 19 Il-Benefiċċji tal-Impjegati intitolati Pjanijiet ta' Benefiċċju Definiti: Il-Kontribuzzjonijiet tal-Impjegati. L-emendi għandhom l-għan li jissimplifikaw u jiċċaraw il-kontabilità għal kontribuzzjonijiet mill-impjegati jew minn partijiet terzi marbuta ma' pjanijiet ta' benefiċċju definiti.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta' Esperti Tekniċi tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju tikkonferma li l-emendi għall-IAS 19 jissodisfaw il-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 19 Il-Benefiċċji tal-Impjegati hu emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Frar 2015 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1)


ANNESS

Pjanijiet ta' Benefiċċju Definit: Kontribuzzjonijiet tal-impjegati  (1)

(Emendi għall-IAS 19)

Il-paragrafi 93 u 94 huma emendati u jiżdied il-paragrafu 175. Il-paragrafu 92 huwa inkluż għal referenza biss.

Suppożizzjonijiet attwarjali: salarji, benefiċċji u spejjeż mediċi

92

Xi pjanijiet ta' benefiċċju definit jeħtieġu lill-impjegati jew partijiet terzi biex jikkontribwixxu fl-ispiża tal-pjan. Il-kontribuzzjonijiet mill-impjegati jnaqqsu l-ispiża tal-benefiċċji minn fuq l-entità. Entità tikkunsidra jekk il-kontribuzzjonijiet minn partijiet terzi jnaqqsux l-ispiża tal-benefiċċji minn fuq l-entità jew jekk humiex dritt ta' rimborż kif deskritt fil-paragrafu 116. Kontribuzzjonijiet minn impjegati jew partijiet terzi jew jiġu stipulati fit-termini formali tal-pjan (jew jirriżultaw minn xi obbligu kostruttiv li jmur lil hinn minn dawn it-termini), jew huma diskrezzjonali. Kontribuzzjonijiet diskrezzjonali minn impjegati jew partijiet terzi jnaqqsu l-ispiża tas-servizz mal-pagament ta' dawn il-kontribuzzjonijiet għall-pjan.

93

Kontribuzzjonijiet minn impjegati jew partijiet terzi stipulati fit-termini formali tal-pjan jew inaqqsu l-ispiża tas-servizz (jekk ikunu marbuta mas-servizz), jew jaffettwaw il-kejl mill-ġdid tal-obbligazzjoni netta tal-benefiċċju definit (assi) (jekk il-kontribuzzjonijiet ma jkunux marbuta ma' servizz). Eżempju ta' kontribuzzjonijiet li mhumiex marbuta ma' servizz huwa meta (il-kontribuzzjonijiet jeħtieġu li jnaqqsu defiċit li jirriżulta minn telf fuq assi tal-pjan jew minn telf attwarjali). Jekk il-kontribuzzjonijiet minn impjegati jew partijiet terzi jkunu marbuta ma' servizz, dawn il-kontribuzzjonijiet jnaqqsu l-ispiża tas-servizz kif ġej:

(a)

jekk l-ammont tal-kontribuzzjonijiet huwa dipendenti fuq in-numru ta' snin tas-servizz, entità tattribwixxi l-kontribuzzjonijiet għal perjodi tas-servizz billi tuża l-istess metodu ta' attribuzzjoni meħtieġ bil-paragrafu 7 għall-benefiċċju gross (jiġifieri jew billi tuża l-formula ta' kontribuzzjoni tal-pjan jew fuq bażi lineari); jew

(b)

jekk l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ikun indipendenti min-numru ta' snin tas-servizz, l-entità tiġi permessa biex tirrikonoxxi dawn il-kontribuzzjonijiet bħala tnaqqis tal-ispiża tas-servizz fil-perjodu li fih jingħata s-servizz relatat. Eżempji ta' kontribuzzjonijiet li huma indipendenti min-numru ta' snin tas-servizz jinkludu dawk li huma perċentwali fiss tas-salarju tal-impjegat, ammont fiss matul il-perjodu tas-servizz jew dipendenti fuq l-età tal-impjegat.

Il-paragrafu A1 jipprovdi gwida relatata mal-applikazzjoni.

94

Għal kontribuzzjonijiet minn impjegati jew partijiet terzi li huma attribwiti ma' perjodi tas-servizz skont il-paragrafu 93(a), tibdiliet fil-kontribuzzjonijiet jirriżultaw fi:

(a)

spiża tas-servizz kurrenti u passat (jekk dawn it-tibdiliet ma jkunux stipulati fit-termini formali ta' pjan jew ma jinħolqux minn obbligu kostruttiv); jew

(b)

qligħ u telf atwarjali (jekk dawn it-tibdiliet ma jkunux stipulati fit-termini formali ta' pjan jew ma jinħolqux minn obbligu kostruttiv).

TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

175

Pjanijiet ta' Benefiċċju Definit: Kontribuzzjonijiet tal-Impjegati (Emendi għall-IAS 19), maħruġa f'Novembru 2013, paragrafi 93-94 emendati. Entità tapplika dawn l-emendi għal perjodi annwali fl-1 ta' Lulju jew wara retrospettivament skont l-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji. Applikazzjoni minn qabel hija permessa. Jekk entità tapplika dawn l-emendi għal perjodu aktar kmieni, din għandha tiżvela dan il-fatt.

Emendi għall-Appendiċi tal-IAS 19 Benefiċċji tal-impjegati

Jiżdied l-Appendiċi A.

Appendiċi A

Gwida għall-Applikazzjoni

Dan l-appendiċi huwa parti integrali mill-IFRS. Huwa jiddeskrivi l-applikazzjoni tal-paragrafi 92-93 u għandu l-istess awtorità bħall-partijiet l-oħra tal-IFRS.

A1

Ir-rekwiżiti kontabilistiċi għal kontribuzzjonijiet minn impjegati jew partijiet terzi jidhru fid-dijagramma ta' hawn taħt.

Image Test ta 'immaġni

(1)  “Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' kkupjar għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta' kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista' jinkiseb mill-IASB fuq www.iasb.org


Fuq