EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0638R(01)

JUHENDDOKUMENT Komisjoni juhised liidu andmekaitseõiguse kohaldamise kohta valimiste kontekstis Euroopa Komisjoni panus 19.–20. septembril 2018 Salzburgis toimuvasse riigijuhtide kohtumisse

COM/2018/638 final/2

Brussell, 8.10.2018

COM(2018) 638 final/2

CORRIGENDUM
This document corrects the COM (2018) 638 final of 12.9.2018
Concerns the MT language version
Correction on the cover page
The text should read as follows:

Elezzjonijiet Liberi u Ġusti

DOKUMENT TA' GWIDA

Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni tal-protezzjoni tad-data fil-kuntest elettorali



Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f'Salzburg fid-19-20 ta' Settembru 2018





















Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni tal-protezzjoni tad-data fil-kuntest elettorali

L-impenn mal-elettorat huwa l-bażi tal-proċess demokratiku. Hija prattika kostanti għall-partiti politiċi li jfasslu l-komunikazzjoni elettorali skont l-udjenzi, filwaqt li jqisu l-interessi speċifiċi tagħhom. Għalhekk huwa naturali għall-atturi involuti fl-elezzjonijiet li jesploraw il-possibbiltajiet biex jużaw data sabiex jirbħu l-voti. Iż-żieda tal-għodod diġitali u tal-pjattaformi onlajn ħolqot ħafna opportunitajiet ġodda biex jinvolvu ruħhom ma’ persuni f’dibattitu politiku.

Madankollu, l-iżvilupp ta’ micro-targeting tal-votanti bbażat fuq l-ipproċessar illegali ta’ data personali kif rajna fil-każ tar-rivelazzjonijiet ta’ Cambridge Analytica huwa ta’ natura differenti. Dan juri l-isfidi li jirriżultaw minn teknoloġiji moderni, iżda juri wkoll l-importanza partikolari tal-protezzjoni tad-data fil-kuntest elettorali. Din saret kwistjoni ewlenija mhux biss għall-individwi imma wkoll għall-funzjonament tad-demokraziji tagħna għaliex dan jikkostitwixxi theddida serja għal proċess elettorali demokratiku u ġust u għandu l-potenzjal li jdgħajjef id-dibattitu miftuħ, il-ġustizzja u t-trasparenza li huma essenzjali f’demokrazija. Il-Kummissjoni tqis li huwa ta’ importanza kbira li din il-kwistjoni tiġi indirizzata sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fil-ġustizzja tal-proċess elettorali.

L-ewwel rapporti mill-awtorità tar-Renju Unit tal-protezzjoni tad-data (l-Information Commissioner’s Office - ICO) dwar l-użu tal-analitika tad-data f’kampanji politiċi 1 u l-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-manipulazzjoni onlajn u d-data personali 2 ikkonfermaw l-impatt dejjem jikber ta’ micro-targeting, li kien ġie oriġinarjament żviluppat għal finijiet kummerċjali, fil-kuntest elettorali.

B’mod aktar ġenerali, diversi awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data indirizzaw il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-data fil-kuntest elettorali 3 .

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 4 , li sar direttament applikabbli madwar l-Unjoni fil-25 ta’ Mejju 2018, jipprovdi lill-Unjoni bl-għodda meħtieġa biex tindirizza każijiet ta’ użu illegali ta’ data personali fil-kuntest elettorali. Madankollu, applikazzjoni soda u konsistenti tar-regoli biss tgħin biex tiġi protetta l-integrità tal-politika demokratika. Peress li din hija l-ewwel darba li se jiġu applikati fil-kuntest elettorali Ewropew fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew, huwa importanti li tingħata ċarezza lill-atturi involuti fil-proċessi elettorali — bħalma huma l-awtoritajiet elettorali nazzjonali, il-partiti politiċi, is-sensara tad-data u l-analisti, il-pjattaformi tal-midja soċjali u n-netwerks tar-reklami onlajn. L-għan ta’ din il-gwida huwa għalhekk li tenfasizza l-obbligi tal-protezzjoni tad-data ta’ rilevanza għall-elezzjonijiet. L-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data, li jeżegwixxu r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, għandhom jagħmlu użu sħiħ mis-setgħat imsaħħa tagħhom biex jindirizzaw ksur possibbli, b’mod partikolari dawk relatati mal-micro-targeting tal-votanti.

1.Il-qafas tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data

Il-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 8) u fit-Trattati (l-Artikolu 16 tat-TFUE). Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jsaħħaħ il-qafas tal-protezzjoni tad-data, b’Unjoni mgħammra aħjar biex tittratta każijiet ta’ abbuż tad-data personali fil-ġejjieni u jagħmel l-atturi kollha aktar responsabbli f’kif jittrattaw data personali.

Lill-individwi fl-Unjoni jagħtihom drittijiet addizzjonali u aktar b’saħħithom li huma partikolarment rilevanti fil-kuntest elettorali. Ir-reġim tal-protezzjoni tad-data li kien fis-seħħ fl-Unjoni għall-20 sena preċedenti sofra b’mod partikolari mill-applikazzjoni frammentata tar-regoli bejn l-Istati Membri, l-assenza ta’ kwalunkwe mekkaniżmi formali għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data u l-poteri ta’ eżekuzzjoni limitati ta’ dawk l-awtoritajiet. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jindirizza dawn in-nuqqasijiet: filwaqt li jibni fuq il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-data ppruvati, jarmonizza kunċetti ewlenin bħal kunsens, isaħħaħ id-drittijiet tal-individwi li jirċievu informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data tagħhom, jikkjarifika l-kundizzjonijiet biex id-data personali tkun tista’ titqassam ulterjorment, jintroduċi regoli dwar ksur ta’ data personali, jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data f’każijiet transfruntiera u jsaħħaħ is-setgħat ta’ eżekuzzjoni tagħhom. F’każ ta’ ksur tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data għandhom setgħat biex jinvestigaw (billi, pereżempju, jordnaw li tingħata informazzjoni, iwettqu spezzjonijiet fil-bini ta’ kontrolluri u proċessuri) u biex jikkoreġu l-imġiba (billi, pereżempju, joħorġu twissijiet u twiddib, jew jimponu sospensjoni temporanja jew definittiva tal-ipproċessar). Għandhom ukoll is-setgħa li jimponu multi sa EUR 20 miljun jew, fil-każ ta’ kumpanija, sa 4 % tal-fatturat dinji tagħha 5 . Meta jiddeċiedu dwar l-impożizzjoni ta’ multi u l-grad tagħhom, l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi tal-każ individwali u fatturi bħalma huma n-natura, l-ambitu jew il-fini tal-ipproċessar, in-numru ta’ persuni affettwati u l-livell ta’ dannu mġarrab minnhom 6 . Fil-kuntest elettorali, huwa probabbli li l-gravità tal-ksur u l-għadd ta’ persuni affettwati se jkun għoli. Dan jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multi ta’ livell għoli, b’mod partikolari minħabba l-importanza tal-kwistjoni ta’ fiduċja taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku.

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, li għadu kif ġie stabbilit u li jgħaqqad l-awtoritajiet nazzjonali kollha għall-protezzjoni tad-data, kif ukoll il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għandu rwol ewlieni fl-applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data għaliex joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki 7 . Bħala eżekuturi tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u kuntatti diretti għall-partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data huma fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu aktar ċertezza legali rigward l-interpretazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni tappoġġa b’mod attiv dik il-ħidma.

Id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika, jew “id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika” (id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 ), tikkompleta l-qafas tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, u hija rilevanti fil-kuntest elettorali minħabba li l-ambitu tagħha jinkludi regoli dwar kif jintbagħtu b’mod elettroniku komunikazzjonijiet mhux solleċitati, inkluż għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta. Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika tistipula wkoll ir-regoli dwar il-ħżin tal-informazzjoni u l-kisba ta’ aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, bħal cookies li jistgħu jintużaw biex isegwu l-imġiba onlajn tal-utent, f’tagħmir terminali, bħal smartphone jew kompjuter. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, (ir-“Regolament dwar il-Privatezza Elettronika”) 9 , li bħalissa għaddejja minn negozjati, hija bbażata fuq l-istess prinċipji bħad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika. Ir-Regolament il-ġdid se jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu lil hinn minn operaturi tat-telekomunikazzjoni tradizzjonali biex jinkludi servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika bbażati fuq l-internet.

2.Obbligi ewlenin tad-diversi atturi

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data japplika għall-atturi kollha attivi fil-kuntest elettorali bħall-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali (minn hawn ’il quddiem: “partiti politiċi”), il-fondazzjonijiet politiċi nazzjonali u Ewropej (minn hawn ’il quddiem: “fondazzjonijiet”), il-pjattaformi, il-kumpaniji tal-analitika tad-data u l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-proċess elettorali. Huma għandhom jipproċessaw data personali (pereżempju l-ismijiet u l-indirizzi) legalment, ġustament u b’mod trasparenti, għal raġunijiet speċifiċi biss. Ma jistgħux jużawha ulterjorment b’mod li ma jkunx kompatibbli mal-għanijiet li d-data kienet miġbura inizjalment għalihom. L-ipproċessar għal għanijiet ġurnalistiċi jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, fil-prinċipju, iżda jista’ jibbenefika minn eżenzjonijiet u derogi kif previst fil-liġi nazzjonali, minħabba l-importanza tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni f’soċjetà demokratika 10 .

Il-kunċett ta’ data personali huwa wieħed komprensiv. Data personali hija kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Id-data pproċessata fil-kuntest elettorali ta’ spiss tinkludi kategoriji speċjali ta’ data personali (“data sensittiva”) bħal opinjonijiet politiċi, sħubija fi trade union, il-ħajja sesswali, l-oriġini etnika, eċċ. li jibbenefikaw minn reġim aktar protettiv 11 . Barra minn hekk, l-analitika tad-data tista’ tiddeduċi “data sensittiva” (bħal opinjonijiet politiċi iżda wkoll it-twemmin reliġjuż jew orjentazzjonijiet sesswali) minn settijiet ta’ data mhux sensittiva. L-ipproċessar ta’ dik id-data dedotta jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u għalhekk għandu jikkonforma mar-regoli għall-protezzjoni tad-data kollha.

Fl-aħħar nett, prattikament kull operazzjoni ta’ pproċessar ta’ data fil-kuntest elettorali hija soġġetta għar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

B’kont meħud tal-ħtieġa li tiġi pprovduta ċarezza għall-atturi involuti fil-proċess elettorali u tal-ewwel riżultanzi fil-każ ta’ Cambridge Analytica, it-taqsimiet li ġejjin jenfasizzaw l-obbligi tal-protezzjoni tad-data li jidhru ta’ rilevanza partikolari fil-kuntest elettorali. Dawn huma miġbura fil-qosor fl-anness.

2.1Il-kontrolluri u l-proċessuri tad-data

Il-kunċett ta’ responsabbiltà tal-kontrolluri tad-data u kontrolluri konġunti hija karatteristika ċentrali tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Il-kontrollur tad-data huwa l-organizzazzjoni li tiddeċiedi, waħedha jew f’kooperazzjoni ma’ oħrajn, għaliex u kif tiġi pproċessata d-data personali; il-proċessur tad-data jipproċessa d-data personali biss f’isem il-kontrollur u taħt l-istruzzjonijiet tiegħu (bir-relazzjoni tagħhom determinata f’kuntratt jew att legali ieħor li jorbot). Il-kontrolluri għandhom jimplimentaw miżuri xierqa għar-riskji u jimplimentaw protezzjoni tad-data mid-disinn mill-bidu nett u jkunu jistgħu juru konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (il-prinċipju tar-responsabbiltà).

Ir-rwol bħala kontrollur tad-data jew proċessur tad-data għandu jiġi vvalutat f’kull każ individwali. Fil-kuntest elettorali, għadd ta’ atturi jistgħu jkunu kontrolluri tad-data: partiti politiċi, kandidati individwali u fondazzjonijiet huma, f’ħafna każijiet, il-kontrolluri tad-data; pjattaformi u kumpaniji tal-analitika tad-data jistgħu jkunu kontrolluri (konġunti) jew proċessuri għal ipproċessar speċifiku skont il-grad ta’ kontroll li għandhom matul l-ipproċessar ikkonċernat 12 ; l-awtoritajiet elettorali nazzjonali huma kontrolluri għal reġistri elettorali.

Meta l-attivitajiet ta’ pproċessar tagħhom ikollhom x’jaqsmu mal-offerta ta’ prodotti u servizzi lil individwi fl-Unjoni jew il-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom fl-Unjoni, kumpaniji bbażati barra mill-Unjoni wkoll iridu jikkonformaw mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Dan huwa l-każ ta’ għadd ta’ pjattaformi u kumpaniji tal-analitika tad-data.

2.2Il-prinċipji, il-legalità tal-ipproċessar u kundizzjonijiet speċjali għal “data sensittiva”

L-atturi involuti fl-elezzjonijiet jistgħu jipproċessaw biss data personali, inklużi dawk miksuba minn sorsi pubbliċi, f’konformità mal-prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali u bbażat fuq in-numru limitat ta’ raġunijiet identifikati b’mod ċar mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 13 . L-aktar bażijiet rilevanti għall-ipproċessar legali fil-kuntest elettorali jidhru li huma l-kunsens ta’ individwu, il-konformità ma’ obbligu legali skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali, it-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku u l-interess leġittimu ta’ wieħed mill-atturi. Madankollu, atturi fil-kuntest elettorali jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-motiv ta’ interess leġittimu biss jekk l-interessi tagħhom ma jkunux megħluba mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi kkonċernati.

Barra minn hekk, il-ħżin ta’ informazzjoni, jew l-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali (kompjuter, smartphone, eċċ.), għandu jkun f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika dwar il-protezzjoni ta’ tagħmir terminali, li tfisser li l-individwu kkonċernat ikun jeħtieġ jagħti l-kunsens tiegħu.

Meta l-kunsens jintuża bħala bażi legali, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jeżiġi li dan jingħata permezz ta’ azzjoni affermattiva u ċara, u huwa liberu u informat 14 .

L-awtoritajiet pubbliċi involuti fil-kuntest elettorali jipproċessaw id-data personali sabiex jikkonformaw ma’ obbligu ġuridiku jew għat-twettiq ta’ kompitu pubbliku. Atturi oħra fil-kuntest elettorali jistgħu jipproċessaw data fuq il-bażi ta’ kunsens jew interess leġittimu 15 . Il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet jistgħu jipproċessaw ukoll data għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jekk ikun previst mil-liġi nazzjonali 16 .

L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiżvelaw ċerta informazzjoni dwar individwi li ġew inklużi fil-listi elettorali jew fir-reġistri ta’ residenti lil partiti politiċi biss meta jkun speċifikatament awtorizzat bil-liġi ta’ Stat Membru u għal skopijiet ta’ reklamar biss fil-kuntest elettorali u sa fejn meħtieġ għal dak l-iskop, bħall-isem u l-indirizz.

L-ipproċessar fil-kuntest elettorali spiss jinvolvi “data sensittiva”. L-ipproċessar ta’ tali data, inkluż “data sensittiva” dedotta , huwa ġeneralment ipprojbit sakemm ma tapplikax waħda mill-ġustifikazzjonijiet speċifiċi previsti mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 17 . L-ipproċessar ta’ “data sensittiva” jirrikjedi kundizzjonijiet aktar stretti u speċifiċi li għandhom jiġu sodisfatti: il-persuna għandha tkun tat il-kunsens espliċitu tagħha 18 jew ippubblikat id-data kkonċernata 19 . Il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet jistgħu jipproċessaw ukoll “data sensittiva” jekk ikun hemm interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, u jkun hemm salvagwardji xierqa 20 . Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprevedi li dawn jistgħu wkoll jipproċessaw “data sensittiva” sa fejn din tirrigwarda biss lill-membri jew ex-membri tagħhom, jew lill-persuni li jkollhom kuntatt regolari magħhom — iżda biss għal żvelar fi ħdan il-partit jew il-fondazzjoni politika tagħhom 21 . Din id-dispożizzjoni speċifika madankollu ma tistax tintuża minn partit politiku li jipproċessa d-data ta’ membri prospettivi jew tal-votanti.

L-għan tal-ipproċessar tad-data għandu jiġi speċifikat fil-mument tal-ġbir (il-prinċipju tal-“limitazzjoni tal-iskop”) 22 . Id-data miġbura għal għan wieħed tkun tista’ tiġi pproċessata ulterjorment biss għal għan kompatibbli; inkella jrid jinstab motiv legali ġdid, previst mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, bħall-kunsens, għall-ipproċessar għal għan ġdid. B’mod partikolari, meta sensara tad-data dwar l-istil ta’ ħajja jew pjattaformi jiġbru d-data għal skopijiet kummerċjali, dik id-data ma tistax tkompli tiġi pproċessata fil-kuntest elettorali.

Sakemm il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi japplikaw id-diliġenza dovuta u jivverifikaw li d-data tkun ġiet miksuba legalment, ma jistgħux jużaw kwalunkwe data riċevuta minn parti terza.

2.3Rekwiżiti ta’ trasparenza

Il-każ ta’ Cambridge Analytica wera l-importanza tal-ġlieda kontra l-opaċità u li tingħata informazzjoni xierqa lill-individwi kkonċernati. L-individwi ta’ sikwit ma jkunux jafu min qiegħed jipproċessa d-data personali tagħhom u għal liema skopijiet. Il-prinċipji ta' pproċessar ġust u trasparenti jeħtieġu li l-individwi jkunu infurmati bl-eżistenza tal-attività tal-ipproċessar u l-għanijiet tagħha 23 . Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jikkjarifika l-obbligi tal-kontrolluri tad-data f’dan ir-rigward. Huma għandhom jinfurmaw lill-individwi dwar aspetti ewlenin relatati mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom bħal:

·l-identità tal-kontrollur,

·l-għan tal-ipproċessar,

·min se jirċievi d-data personali,

·is-sors tad-data meta ma jkunux miġbura direttament mill-persuna,

·l-eżistenza ta’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet u

·kwalunkwe informazzjoni ulterjuri li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti 24 .

Barra minn hekk, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jeżiġi li dik l-informazzjoni tingħata b’mod konċiż, trasparenti, li tinftiehem u aċċessibbli faċilment, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi 25 . Pereżempju, avviż qasir, mhux trasparenti dwar il-protezzjoni tad-data stampat biss f’tipa żgħira f’materjali elettorali ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ trasparenza.

Skont ir-riżultanzi preliminari, informazzjoni mhux kompluta dwar l-għan li tkun inġabret id-data għalih kienet nuqqas ewlieni fil-każ Cambridge Analytica, li wkoll ipoġġi f’dubju l-validità tal-kunsens tal-persuni kkonċernati. L-organizzazzjonijiet kollha li jipproċessaw data personali fil-kuntest elettorali jridu jiżguraw li l-individwi jifhmu kompletament kif u għal liema skop tkun se tintuża d-data personali tagħhom, qabel ma jagħtu l-kunsens tagħhom jew qabel ma jibda l-ipproċessar mill-kontrollur bbażat fuq kwalunkwe bażi oħra għall-ipproċessar.

L-informazzjoni trid tiġi pprovduta lill-individwi f’kull stadju tal-ipproċessar, mhux biss meta tinġabar id-data.

B’mod partikolari, meta l-partiti politiċi jipproċessaw data miksuba minn sorsi ta’ partijiet terzi (bħal minn reġistri elettorali, sensara tad-data, analisti tad-data u sorsi oħra) tipikament jeħtieġ li jinfurmaw u jispjegaw lill-individwi kkonċernati kif jikkombinaw u jużaw din id-data biex jiġi żgurat ipproċessar ġust 26 .

2.4It-tfassil ta’ profil, it-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat u l-micro-targeting

It-tfassil ta' profil huwa forma ta’ proċessar awtomatiku ta' data użat biex janalizza jew ibassar aspetti li jikkonċernaw pereżempju preferenzi personali, interessi, sitwazzjonijiet ekonomiċi, eċċ 27 . It-tfassil ta' profil jista’ jintuża għall-micro-targeting ta’ individwi, l-aktar biex tiġi analizzata d-data personali (bħall-istorja tat-tiftixiet fuq l-internet) biex jidentifika l-interessi partikolari ta’ udjenza jew individwu speċifiku sabiex jinfluwenza l-imġiba tiegħu. Il-micro-targeting jista’ jintuża biex joffri messaġġ personalizzat lil individwu jew udjenza permezz ta’ servizz onlajn, pereżempju l-midja soċjali.

Il-każ Cambridge Analytica wera l-isfidi partikolari ġejjin minn metodi ta’ micro-targeting fuq il-midja soċjali. L-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu qegħdin iwettqu estrazzjoni tad-data miġbura permezz tal-utenti tal-midja soċjali biex joħolqu profili tal-votanti. Dan jista’ jippermetti lil dawn l-organizzazzjonijiet jidentifikaw votanti li jkunu aktar faċilment influwenzati u għalhekk jippermettu lil tali organizzazzjonijiet jeżerċitaw impatt fuq ir-riżultat tal-elezzjonijiet.

Il-prinċipji ġenerali u r-regoli tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data japplikaw għal tali pproċessar tad-data, bħall-prinċipji ta’ legalità, ġustizzja u trasparenza u l-limitazzjoni tal-iskop. Individwi ħafna drabi ma jkunux jafu li huma soġġetti għat-tfassil ta’ profil: ma jifhmux għaliex jirċievu xi reklam tant marbut b’mod ċar mal-aħħar tfittxijiet li jkunu għamlu, jew għaliex jirċievu messaġġi personalizzati minn organizzazzjonijiet differenti. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jobbliga lill-kontrolluri tad-data kollha, pereżempju partiti politiċi jew analisti tad-data, biex jinfurmaw lill-individwi meta jużaw dawn it-tekniki u dwar il-konsegwenzi tagħhom 28 .

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jirrikonoxxi li t-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili, jista’ jkollu konsegwenzi serji. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprevedi li individwu għandu d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat li jipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew li bl-istess mod jaffettwah b’mod sinifikanti, sakemm dan l-ipproċessar jitwettaq taħt kundizzjonijiet stretti, jiġifieri meta l-individwi jagħtu l-kunsens espliċitu tagħhom, jew meta liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tistabbilixxi salvagwardji xierqa tippermettih 29 .

Il-prattiki ta’ micro-targeting fil-kuntest elettorali jaqgħu f’din il-kategorija meta jipproduċu effett sinifikanti biżżejjed fuq l-individwi. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ddikjara li dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni jkollha l-potenzjal li taffettwa b’mod sinifikanti ċ-ċirkostanzi, l-imġiba jew l-għażliet ta’ individwi jew ikollha impatt fit-tul jew permanenti fuq l-individwu 30 . Il-Bord ikkunsidra li r-reklamar immirat onlajn jista’ jkollu f’ċerti ċirkustanzi l-kapaċità li jaffettwa b’mod sinifikanti biżżejjed l-individwi meta, pereżempju, ikun intrużiv jew juża l-għarfien tal-vulnerabilitajiet tal-individwi. Minħabba s-sinifikat tal-eżerċizzju tad-dritt demokratiku tal-vot, messaġġi personalizzati li jkollhom pereżempju l-effett potenzjali li jwaqqfu lill-individwi milli jivvutaw jew li jġegħluhom jivvutaw b’mod speċifiku jista’ jkollhom il-potenzjal li jissodisfaw il-kriterju ta’ effett sinifikanti.

Fil-kuntest elettorali għalhekk il-kontrolluri jeħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe pproċessar bl-użu ta’ tekniki bħal dawn ikun legali skont il-prinċipji msemmija hawn fuq u l-kundizzjonijiet stretti tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

2.5Sigurtà u l-preċiżjoni tad-data personali

Is-sigurtà hija ta’ importanza partikolari fil-kuntest elettorali minħabba d-daqs ta’ settijiet ta’ data involuti, u l-fatt li settijiet bħal dawn spiss ikun fihom “data sensittiva”. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jeħtieġ li l-operaturi li jipproċessaw data personali (kemm il-kontrolluri u kemm il-proċessuri) jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskji li jinħolqu mill-ipproċessar għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ individwi 31 .

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jeħtieġ li l-kontrolluri jinnotifikaw ksur tad-data personali lill-awtorità superviżorja kompetenti mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn 72 siegħa. Meta l-ksur ta’ data personali probabbilment ikun ser jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi, il-kontrollur irid jinforma lill-individwi affettwati b'dak il-ksur mingħajr dewmien żejjed 32 .

Il-partiti politiċi u l-atturi l-oħra involuti fil-proċess elettorali għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-preċiżjoni tad-data personali fejn jidħlu settijiet ta’ data kbar u meta d-data tinġabar minn sorsi differenti, eteroġenji. Data mhux eżatta għandha tiġi immedjatament imħassra jew rettifikata u, fejn meħtieġ, aġġornata.

2.6Il-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jintroduċi għodda ġdida għall-valutazzjoni tar-riskju qabel ma jibda l-ipproċessar: il-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data. Din hija meħtieġa kull meta l-ipproċessar x’aktarx li jkun se jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi 33 . Dan huwa l-każ fil-kuntest elettorali meta kontrollur tad-data, sistematikament u b’mod estensiv, jevalwa aspetti personali ta’ individwu (inkluż it-tfassil ta’ profil), li jaffettwaw b’mod sinifikanti lill-individwu, u meta l-kontrollur jipproċessa “data sensittiva” fuq skala kbira. L-awtoritajiet elettorali nazzjonali li jaġixxu fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom jaf ma jkollhomx iwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data jekk valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data tkun diġà saret fil-kuntest tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni.

Il-valutazzjonijiet tal-impatt biex ikunu mwettqa mid-diversi atturi fil-kuntest tal-elezzjonijiet għandha tinkludi l-elementi meħtieġa biex tindirizza r-riskji involuti f’tali pproċessar, b’mod partikolari wkoll il-legalità tal-ipproċessar għal settijiet ta’ data miksuba minn partijiet terzi u r-rekwiżiti ta’ trasparenza.

3.Id-drittijiet tal-individwi

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jagħti lill-individwi drittijiet addizzjonali u aktar b’saħħithom li huma partikolarment rilevanti fil-kuntest elettorali:

·id-dritt ta' aċċess għad-data personali tagħhom;

·id-dritt li jitolbu t-tħassir tad-data personali tagħhom jekk l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens u li l-kunsens jiġi rtirat, jekk id-data ma tkunx għadha meħtieġa jew jekk l-ipproċessar ikun illegali; u

·id-dritt li data personali żbaljata, mhux preċiża jew mhux sħiħa tiġi kkoreġuta.

L-individwi għandhom ukoll id-dritt li joġġezzjonaw għall-ipproċessar (pereżempju tad-data inkluża fil-listi elettorali trażmessa lil partiti politiċi) jekk l-ipproċessar tad-data tagħhom hija bbażata fuq ir-raġuni tal-“interess leġittimu” jew l-“interess pubbliku”.

L-individwi għandhom id-dritt li ma jkunux soġġetti għal deċiżjonijiet ibbażati biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data personali tagħhom. F’każijiet bħal dawn, l-individwu jista’ jitlob intervent minn persuna fiżika u għandu d-dritt li jesprimi l-opinjoni tiegħu u li jikkontesta d-deċiżjoni.

Sabiex individwi jkunu jistgħu jeżerċitaw dawk id-drittijiet, l-atturi kollha involuti jridu jipprovdu l-għodod meħtieġa u l-konfigurazzjonijiet. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprevedi l-possibbiltà li jiġi żviluppat kodiċi ta’ kondotta approvat minn awtorità tal-protezzjoni tad-data li jispeċifika l-applikazzjoni tar-Regolament f’oqsma speċifiċi, inkluż fil-kuntest elettorali.

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jagħti lill-individwi d-dritt li jressqu lment lil awtorità superviżorja, kif ukoll id-dritt għal rimedju ġudizzjarju. It-taħriġ jagħti wkoll lill-individwi d-dritt li jagħtu mandat lil organizzazzjonijiet mhux governattivi li jressqu lment f’isimhom 34 . F’ċerti Stati Membri, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li organizzazzjoni mhux governattiva tressaq ilment mingħajr ma tkun ingħatat mandat minn individwu. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest elettorali minħabba l-għadd kbir ta’ persuni potenzjalment ikkonċernati.

Kwistjonijiet fundamentali tal-protezzjoni tad-data rilevanti fil-proċess elettorali 35  

Partiti politiċi u fondazzjonijiet politiċi

Il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet huma kontrolluri tad-data

·Jikkonformaw ma’ limitazzjoni tal-iskop, aktar pproċessar biss għal għan kompatibbli (pereżempju, meta jaqsmu d-data ma’ pjattaformi)

·Jagħżlu l-bażi legali xierqa għall-ipproċessar tad-data (anke għal data dedotta): il-kunsens, interess leġittimu, il-kompitu fl-interess pubbliku (jekk previst mil-liġi), kundizzjonijiet speċifiċi għal “data sensittiva” (pereżempju: opinjoni politika)

·Iwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data

·Jinfurmaw lill-individwi dwar kull għan tal-ipproċessar (rekwiżiti ta’ trasparenza), meta jiġbru d-data direttament jew meta jiksbuha minn partijiet terzi

·Jiżguraw il-preċiżjoni tad-data, b’mod partikolari għal data li tkun ġejja minn sorsi differenti u għal data dedotta

·Jiċċekkjaw jekk id-data li tasal mingħand partijiet terzi ġietx miksuba legalment u għal liema skopijiet (pereżempju: jekk l-individwi kkonċernati tawx il-kunsens infurmat tagħhom għal skop partikolari)

·Iqisu r-riskji speċifiċi ta’ profiling u jadottaw salvagwardji xierqa

·Jikkonformaw ma’ kundizzjonijiet speċifiċi meta jintuża teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat (pereżempju, jiksbu l-kunsens espliċitu u jimplimentaw salvagwardji xierqa)

·Jidentifikaw b’mod ċar min għandu aċċess għad-data

·Jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi; jirrapportaw ksur

·Jiċċaraw l-obbligi legali oħra f’kuntratti jew atti li jorbtu ma’ proċessuri tad-data, bħal pereżempju l-kumpaniji tal-analitika tad-data

·Iħassru d-data meta ma tkunx għadha meħtieġa għall-fini inizjali li tkun inġabret għalih

Sensara tad-data u l-kumpaniji tal-analitika tad-data

Il-kumpaniji tal-analitika tad-data/is-sensara tad-data huma jew kontrolluri jew proċessuri (konġunti) skont il-grad ta’ kontroll li għandhom matul l-ipproċessar

Bħala kontrollur tad-data

Bħala proċessur tad-data

·Jikkonformaw ma’ limitazzjoni tal-iskop, jipproċessaw ulterjorment biss għal għan kompatibbli (speċjalment meta jaqsmu d-data ma’ partijiet terzi)

·Jagħżlu l-bażi ġuridika xierqa għall-ipproċessar: il-kunsens, interess leġittimu. Jekk tkun “data sensittiva”, l-ipproċessar possibbli biss jekk jingħata kunsens espliċitu jew id-data ġiet manifestament magħmula pubblika

·Iwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data

·Jinfurmaw lill-individwi dwar kull għan tal-ipproċessar (rekwiżiti ta’ trasparenza) — b’mod partikolari meta l-kunsens jintalab peress li normalment id-data tkun se tiġi mibjugħa lil parti terza

·Jikkonformaw ma’ kundizzjonijiet speċifiċi meta jintuża teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat (eż. jiksbu l-kunsens espliċitu u jimplimentaw salvagwardji xierqa)

·Jagħtu attenzjoni partikolari lil-legalità tal-ipproċessar u lill-eżattezza meta jiġu kkombinati settijiet differenti ta’ data

·Jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi; jirrapportaw ksur fil-protezzjoni tad-data

·Jikkonformaw mal-obbligi tal-kuntratt jew att legali vinkolanti ieħor mal-kontrollur

·Jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi

·Jagħtu appoġġ lill-kontrollur f’valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data jew fl-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data jew fil-komunikazzjoni lill-kontrollur ta’ ksur ta’ data mingħajr dewmien jekk isiru jafu b’wieħed

Il-pjattaformi jkunu normalment kontrolluri tad-data għall-ipproċessar li jseħħ fuq il-pjattaformi tagħhom u possibbilment kokontrolluri ma’ organizzazzjonijiet oħra

Pjattaformi ta’ midja soċjali/onlajn netwerks tar-reklami

·Jagħżlu l-bażi ġuridika xierqa għall-ipproċessar: kuntratt ma’ individwi, il-kunsens, interess leġittimu. Jekk tkun “data sensittiva”, l-ipproċessar huwa possibbli biss jekk jingħata kunsens espliċitu jew jekk id-data tkun ġiet manifestament magħmula pubblika

·Jużaw biss id-data li hija meħtieġa għall-fini identifikat

·Iwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data

·Jiżguraw il-legalità meta jaqsmu d-data tal-membri ma’ partijiet terzi

·Jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ trasparenza, b’mod partikolari fir-rigward tat-Termini u l-Kundizzjonijiet, jekk id-data sussegwentement tinqasam ma’ parti terza, eċċ.

·Jikkonformaw ma’ kundizzjonijiet speċifiċi meta jużaw teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat (eż. jiksbu l-kunsens espliċitu u jimplimentaw salvagwardji xierqa)

·Jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi; jirrapportaw ksur fil-protezzjoni tad-data

·Jipprovdu kontrolli u konfigurazzjonijiet għal individwi biex jeżerċitaw effettivament id-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt li ma jkunux soġġetti għal deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat inkluż it-tfassil ta’ profili

L-awtoritajiet elettorali nazzjonali huma kontrolluri tad-data

L-awtoritajiet elettorali nazzjonali

·Il-bażi ġuridika għall-ipproċessar: obbligu legali jew kompitu ta’ interess pubbliku fuq il-bażi tal-liġi

·Iwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data jekk din il-valutazzjoni ma tkunx diġà ġiet evalwata fil-liġi

(1)

Rapporti mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit tal-protezzjoni tad-data (l-Information Commissioner’s Office - ICO) tal-10 ta’ Lulju 2018: “Investigation into the use of data analytics in political campaigns – Investigation update” and “Democracy Disrupted? Informazzjoni personali u influwenza politika”.

(2)

https://edps.europa.eu/sites/edp/files/publication/18-03-19_online_manipulation_en.pdf.

(3)

http://www.garanteprivacy.it/web/guest/home/docweb/-/docweb-display/docweb/3013267 “Provvedimento in materia di trattamento di dati presso i partiti politici e di esonero dall’informativa per fini di propaganda elettorale” ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Awtorità Taljana għall-Protezzjoni tad-Data Numru 71 fis-26.03.2014 [doc. web n. 3013267]; https://www.cnil.fr/fr/communication-politique-quelles-sont-les-regles-pour-lutilisation-des-donnees-issues-des-reseaux “Communication politique: quelles sont les règles pour l’utilisation des données issues des réseaux sociaux?” ippubblikat mill-Commission Nationale de l’informatique et des libertés (il-Kummissjoni Nazzjonali tal-informatika u tal-libertajiet) 08.11.2016 ; https://ico.org.uk/media/for-organisations/documents/1589/promotion_of_a_political_party.pdf l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni “Gwida dwar il-kampanji politiċi” [20170426].

(4)

Ir-Regolament (KE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.).

(5)

Gwida tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data minn: https://ec.europa.eu/commission/priorities/justice-and-fundamental-rights/data-protection/2018-reform-eu-data-protection-rules_en .

(6)

L-Artikolu 83 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(7)

Is-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data wkoll joħroġ Opinjonijiet.

(8)

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(9)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali f’komunikazzjoni elettronika u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (ir-Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika), COM(2017)10 final.

(10)

L-Artikolu 85(2) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(11)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(12)

Il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (kawża dwar ix-Xhieda ta’ Jehovah C-25/17, sentenza tal-10 ta’ Lulju 2018) iċċarat li organizzazzjoni “li teżerċita influwenza” fuq l-attività tal-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali tista’, f’ċerti ċirkostanzi, titqies bħala kontrollur.

(13)

L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(14)

L-Artikoli 7 u 4(11) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(15)

Sakemm id-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi kkonċernati ma jkunux affettwati serjament.

(16)

Ara l-Premessa 56 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data “fejn, matul attivitajiet elettorali, l-operat tas-sistema demokratika fi Stat Membru teħtieġ li l-partiti politiċi jikkompilaw data personali dwar l-opinjonijiet politiċi tan-nies, l-ipproċessar ta’ din id-data jista’ jkun permess għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, dment li jiġu stabbiliti salvagwardji adatti”.

(17)

L-Artikolu 9 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(18)

L-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(19)

L-Artikolu 9(2)(e) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(20)

L-Artikolu 9(2)(g) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(21)

L-Artikolu 9(2)(d) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Partit politiku jew fondazzjoni ma tistax tikkondividi data marbuta mal-membri jew ex-membri tagħha, jew mal-persuni li jkollhom kuntatt regolari magħhom, ma’ parti terza mingħajr il-kunsens tal-individwu kkonċernat.

(22)

L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(23)

L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(24)

L-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(25)

Linji gwida tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar it-trasparenza.

(26)

L-Artikolu 14 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(27)

Kif imfisser fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(28)

L-Artikolu 13(2) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(29)

L-Artikolu 22 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(30)

Linji gwida tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat, WP251rev.01, kif l-aħħar rivedut u adottat fis-06.02.2018.

(31)

L-Artikolu 32 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(32)

L-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; u l-Linji Gwida tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar notifika ta’ ksur tad-data personali.

(33)

L-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; u l-Linji gwida tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.

(34)

L-Artikolu 80(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(35)

L-informazzjoni ta’ hawn fuq ma hija bl-ebda mod eżawrjenti. Hija għandha l-għan li tenfasizza għadd ta’ obbligi ewlenin marbuta ma’ data taħt ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data li huma rilevanti fil-proċess elettorali. Dawn jikkorrispondu għal xenarju fejn il-partiti politiċi qegħdin jiġbru d-data huma stess (minn sorsi pubbliċi, mill-preżenza tagħhom fuq il-midja soċjali, direttament minn votanti, eċċ.) u jużaw is-servizz minn sensara tad-data jew kumpaniji tal-analitika tad-data bil-għan li jimmiraw lejn votanti permezz ta’ pjattaformi ta’ midja soċjali. Il-pjattaformi jistgħu jkunu wkoll sors ta’ data għall-atturi msemmija hawn fuq. Leġiżlazzjoni oħra wkoll tista’ tkun rilevanti, bħar-regoli dwar meta jintbagħtu komunikazzjonijiet mhux mitluba u l-protezzjoni ta’ tagħmir terminali fid-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika.

Top