Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0052R(02)

Rettifika tad-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali ( ĠU L 168, 30.6.2009 )

ELT L 208, 3.8.2012, p. 22–30 (MT)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/52/corrigendum/2012-08-03/2/oj

3.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 208/22


Rettifika tad-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 168 tat-30 ta’ Ġunju 2009 )

F’paġna 24, it-test tad-Direttiva għandu jaqra kif ġej:

“DIRETTIVA 2009/52/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2009

li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi f’soġġorn illegali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 63(3)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2006 ġie miftiehem li l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri għandha tissaħħaħ fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u b’mod partikolari li għandhom jiġu intensifikati l-miżuri kontra l-impjieg illegali fuq il-livell tal-Istati Membri u tal-UE.

(2)

Fattur prinċipali li jattira l-immigrazzjoni illegali lejn l-UE huwa l-possibbiltà li jinstab xogħol fl-UE mingħajr l-istatus legali meħtieġ. Għalhekk, l-azzjonijiet kontra l-immigrazzjoni illegali u r-residenza illegali għandhom jinkludu miżuri kontra dak il-fattur li jattira.

(3)

Il-komponent ċentrali ta’ dawk il-miżuri għandu jkun projbizzjoni ġenerali fuq l-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx id-dritt għal residenza fl-UE, flimkien ma’ sanzjonijiet kontra min iħaddem li jikser dik il-projbizzjoni.

(4)

Billi din id-Direttiva tipprevedi standards minimi, l-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jadottaw jew iżommu sanzjonijiet u miżuri aktar stretti u jimponu obbligi aktar stretti fuq min iħaddem.

(5)

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn legali fi Stat Membru irrispettivament mill-fatt jekk għandhomx permess biex jaħdmu fit-territorju tiegħu, ma għandhiex tapplika għal persuni li jgawdu mid-dritt Komunitarju għall-moviment ħieles, kif iddefinit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment tal-persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (4). Barra minn hekk m’għandhiex tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’sitwazzjoni koperta bil-liġi tal-Komunità, bħal dawk li huma impjegati legalment fi Stat Membru ieħor u li jintbagħtu fi Stat Membru ieħor minn fornitur ta’ servizz fil-kuntest ta’ forniment ta’ servizzi. Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn legali iżda li jaħdmu bi ksur tal-istatus tar-residenza tagħhom.

(6)

Għall-finijiet speċifiċi ta’ din id-Direttiva, ċertu termini għandhom ikunu definiti u dawn id-definizzjonijiet għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

(7)

Id-definizzjoni ta’ impjieg għandha tinkludi l-elementi kostitwenti tiegħu, jiġifieri l-attivitajiet li huma jew suppost ikunu mħallsa, li jitwettqu taħt id-direzzjoni u/jew is-superviżjoni ta’ min iħaddem, irrispettivament mir-relazzjoni legali.

(8)

Id-definizzjoni ta’ min iħaddem tista’ tinkludi assoċċjazzjoni ta’ persuni li jkun rikonoxxut li jkollhom il-kapaċità li jwettqu atti legali mingħajr ma jkollhom personalità ġuridika.

(9)

Biex jiġi prevenut l-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn illegali, min iħaddem għandu jkun meħtieġ li qabel ma jirrekluta ċittadin ta’ pajjiż terz, inkluż f’każijiet fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi reklutat għall-iskop li jintbagħat fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ forniment ta’ servizzi, irid jivverifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu permess tar-residenza jew awtorizzazzjoni oħra valida ta’ soġġorn li turi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa f’soġġorn legali fit-territorju tal-Istat Membru ta’ reklutaġġ.

(10)

B’mod partikolari biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikxfu dokumenti falsifikati, min iħaddem għandu wkoll ikun meħtieġ li jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bl-impjieg ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jipprevedu li notifiki bħal dawn isiru fil-qafas ta’ skemi ta’ notifiki oħrajn. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jiddeċiedu favur proċedura ssimplifikata minn dawk li jħaddmu li jkunu persuni fiżiċi meta l-impjieg ikun maħsub għall-finijiet personali tagħhom.

(11)

Jekk min iħaddem ikun irrispetta l-obbligi stipulati f’din id-Direttiva, huwa ma għandux jinżamm responsabbli talli jkun impjega ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn illegali, speċjalment jekk l-awtorità kompetenti wara tiskopri li d-dokument ippreżentat minn impjegat kien fil-fatt ġie ffalsifikat jew użat ħażin, ħlief jekk min iħaddem kien jaf li d-dokument kien iffalsifikat.

(12)

Biex dawk li jħaddmu jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom b’mod iżjed faċli, l-Istati Membri għandhom jużaw l-aqwa sforzi tagħhom biex jittrattaw it-talbiet għal tiġdid tal-permessi ta’ residenza fil-ħin.

(13)

Biex tiġi infurzata l-projbizzjoni ġenerali u jiġi evitat il-ksur tagħha, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet xierqa. Dawn għandhom jinkludu sanzjonijiet finanzjarji u kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tar-ritorn taċ-ċittadini minn pajjizi terzi f’soġġorn illegali, flimkien mal-possibilità ta’ sanzjonijiet finanzjarji mnaqqsa għal dawk li jħaddmu li jkunu persuni fiżiċi fejn l-impjieg ikun maħsub għall-finijiet privati tagħhom.

(14)

Fi kwalunkwe każ, min iħaddem għandu jintalab iħallas liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kull remunerazzjoni pendenti għax-xogħol li jkunu għamlu u kull taxxa u kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali li jkunu pendenti. Jekk il-livell ta’ remunerazzjoni ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, għandu jkun preżunt li mill-inqas dan ikun jammonta għall-paga prevista mil-liġijiet applikabbli għall-pagi minimi, mill-ftehimiet kollettivi jew skont il-prattika stabbilita fl-oqsma okkupazzjonali rilevanti. Min iħaddem għandu wkoll jintalab iħallas, fejn ikun xieraq, kwalunkwe spiża li tirriżulta meta r-remunerazzjoni pendenti tintbagħat lejn il-pajjiż fejn iċ-ċittadin minn pajjiż terz li jkun ġie impjegat illegalment ikun irritorna, jew ikun ġie ripatrijat. F’dawk il-każijiet fejn il-pagamenti b’lura ma jkunux saru minn min iħaddem, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu obbligati jissodisfaw dan l-obbligu minflok min iħaddem.

(15)

Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz impjegat illegalment ma għandux jakkwista dritt għad-dħul, soġġorn u aċċess għas-suq tax-xogħol permezz tar-relazzjoni ta’ impjieg illegali jew permezz tal-ħlas jew tal-ħlas lura ta’ remunerazzjonijiet, kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew taxxi minn min iħaddem jew minn entità legali li jkollha tħallas minflok min iħaddem.

(16)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet ikunu jew ikunu jistgħu jiġu ppreżentati u li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi li jiggarantixxu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ikunu jistgħu jirċievu l-ammonti rkuprati tar-remunerazzjoni pendenti dovuti lilhom. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati li jinvolvu l-missjonijiet jew ir-rappreżentanzi tagħhom f’pajjiżi terzi f’dawk il-mekkaniżmi. L-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tat-twaqqif ta’ mekkaniżmi effettivi li jħaffu l-ilmenti u jekk mhux diġà previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iqisu l-possibilità u l-valur miżjud li l-awtorita kompetenti tingħata l-kapaċità li tiftaħ proċeduri kontra min iħaddem għall-finijiet li tkun irkuprata r-remunerazzjoni pendenti.

(17)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll għal suppożizzjoni ta’ relazzjoni tax-xogħol ta’ mill-inqas tliet xhur biex il-piż tal-prova jintefa’ fuq min iħaddem għall-inqas għal ċertu perjodu. Fost oħrajn, l-impjegat, għandu jkollu wkoll l-opportunità li jipprova l-eżistenza u d-dewmien tar-relazzjoni ta’ impjieg.

(18)

L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà ta’ aktar sanzjonijiet kontra min iħaddem, inter alia it-tneħħija tad-dritt għal uħud mill-benefiċċji, għajnuniet u sussidji, jew kollha kemm huma, inklużi s-sussidji agrikoli; esklużjonijiet minn proċeduri tal-akkwisti pubbliċi u l-irkupru ta’ wħud mill-benefiċċji, għajnuniet u sussidji, jew kollha kemm huma, inkluż il-finanzjament tal-UE amministrat mill-Istati Membri, li jkunu diġà rċevew l-għajnuna. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx sanzjonijiet kontra min iħaddem li jkunu persuni fiżiċi meta l-impjieg ikun maħsub għall-finijiet personali tagħhom.

(19)

Din id-Direttiva, u partikolarment l-Artikoli 7, 10 u 12 tagħha, għandha tkun bla ħsara għar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5).

(20)

Fid-dawl tal-prevalenza ta’ subkuntrattazzjoni f’ċerti setturi milquta, jeħtieġ ikun żgurat li tal-inqas il-kuntrattur, li min iħaddem ikun subkuntrattur dirett tiegħu, jista’ jinżamm responsabbli biex iħallas is-sanzjonijiet finanzjarji addizzjonalment għal min jimpjega jew minfloku. F’każi speċifiċi, kuntratturi oħra jistgħu jinżammu responsabbli li jħallsu sanzjonijiet finanzjarji addizjonalment għal min jimpjega jew minfloku talli jkunu ħaddmu ċittadini minn pajjiżi terzi f’soġġorn illegali. Ħlasijiet lura li jkollhom ikunu koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ responsabilità ta’ din id-Direttiva għandhom jinkludu wkoll kontribuzzjonijiet għal fondi nazzjonali għall-ħlas tal-vaganzi u għal fondi soċjali rregolati bil-liġi jew bil-ftehimiet kollettivi.

(21)

L-esperjenza turi li s-sistemi eżistenti tas-sanzjonijiet ma kinux biżżejjed biex tintlaħaq konformità sħiħa mal-projbizzjonijiet kontra l-impjieg ta’ ċittadini terzi f’soġġorn illegali. Waħda mir-raġunijiet hija li s-sanzjonijiet amministrattivi waħedhom mhumiex biżżejjed biex iwaqqfu ċerti persuni li jħaddmu bla skruplu. Il-konformità tista’ u għandha tissaħħaħ bl-applikazzjoni ta’ pieni kriminali.

(22)

Biex tkun garantita l-effettività sħiħa tal-projbizzjoni ġenerali, hemm għalhekk bżonn partikolari għal sanzjonijiet iktar dissważivi f’każijiet serji, bħal vjolazzjonijiet ripetuti persistentement, l-impjieg illegali ta’ numru sinifikanti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, partikolarment kundizzjonijiet tax-xogħol b'finijiet ta' sfruttament, fejn min iħaddem ikun jaf li ħaddiem huwa vittma tat-traffikar tal-bnedmin u l-impjieg illegali ta’ minorenni. Din id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri biex fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jipprevedu pieni kriminali fir-rigward ta’ dak il-ksur serju. Din id-Direttiva ma toħloq l-ebda obbligu fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ pieni bħal dawn, jew kwalunkwe sistema disponibbli oħra tal-infurzar tal-liġi, f’każijiet individwali.

(23)

Fil-każijiet kollha meqjusa bħala serji skont din id-Direttiva l-ksur għandu jiġi kkunsidrat bħala reat kriminali madwar il-Komunità kollha meta dan jitwettaq intenzjonalment. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva rigward ir-reat kriminali għandu jkun bla ħsara għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/JHA tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (6).

(24)

Ir-reat kriminali għandu jkun kastigabbli permezz ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-obbligu li jiġu żgurati pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi skont din id-Direttiva huwa bla preġudizzju għall-organizzazzjoni interna tal-liġi kriminali u tal-ġustizzja kriminali fl-Istati Membri.

(25)

Persuni ġuridiċi jistgħu wkoll jinżammu responsabbli għar-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva, minħabba li ħafna minn dawk li jħaddmu huma persuni ġuridiċi. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jinvolvux obbligu għall-Istati Membri li tiddaħħal ir-responsabilità kriminali ta’ persuni ġuridiċi fl-Istati Membri.

(26)

Biex jiġi ffaċilitat l-infurzar ta’ din id-Direttiva, għandu jkun hemm mekkaniżmi effettivi ta’ lmentar li permezz tagħhom iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi rilevanti jkunu jistgħu jippreżentaw l-ilmenti direttament jew permezz ta’ partijiet terzi magħżula bħal trejdjunjins jew assoċjazzjonijiet oħrajn. Dawn il-partijiet terzi magħżula għandhom ikunu protetti, meta jipprovdu għajnuna għall-preżentazzjoni tal-ilmenti, kontra sanzjonijiet taħt regoli li jipprojbixxu l-faċilitazzjoni ta’ residenza mhux awtorizzata.

(27)

Bħala suppliment għall-mekkaniżmi tal-ilmenti, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jagħtu permessi ta’ residenza ta’ żmien limitat, marbutin mat-tul tal-proċedimenti nazzjonali rilevanti, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew soġġetti għal kondizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abużivi jew li kienu minorenni impjegati illegalment u li jikkooperaw fil-proċedimenti kriminali kontra min iħaddimhom. Tali permessi għandhom jingħataw skont arranġamenti kumparabbli ma’ dawk applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-permessi ta’ residenza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti (7).

(28)

Biex jiżguraw livell sodisfaċenti tal-infurzar ta’ din id-Direttiva u biex inaqqsu, kemm jista’ jkun, id-differenzi fil-livell tal-infurzar fl-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-territorju tagħhom isiru spezzjonijiet effettivi u xierqa u għandhom jikkomunikaw id-data dwar l-ispjezzjonijiet li jagħmlu lill-Kummissjoni.

(29)

L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jiddeterminaw ta’ kull sena mira nazzjonali għan-numru ta’ spezzjonijiet fir-rigward tas-setturi ta’ attività li fihom ikun hemm konċentrament ta’ impjieg ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu f'soġġorn illegali fit-territorju tagħhom.

(30)

Bil-għan li tikber l-effettività tal-ispezzjonijiet għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti setgħat adegwati lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu l-ispezzjonijiet; li tinġabar u tiġi pproċessata informazzjoni dwar l-impjiegi illegali, inklużi r-riżultati ta’ spezzjonijiet preċedenti, għall-implimentazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva; u li jkun disponibbli biżżejjed persunal bil-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa biex jagħmlu l-ispezzjonijiet b’mod effettiv.

(31)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet li jsiru għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jaffettwawx, mill-perspettiva kwantitattiva jew kwalitattiva, spezzjonijiet magħmula biex jevalwaw il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol.

(32)

Fil-każ ta’ ħaddiema impjegati li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-awtoritajiet tal-ispezzjonijiet tal-Istati Membri jistgħu jinqdew bil-koperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni previsti fid-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 rigward l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas tal-provvista tas-servizzi (8), sabiex issir verifika li ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi inkwistjoni jkunu impjegati b’mod legali fl-Istati Membri tal-oriġini.

(33)

Din id-Direttiva għandha titqies bħala kumplimentari għall-miżuri kontra x-xogħol mhux dikjarat u l-isfruttament.

(34)

B’konformità mal-punt 34 tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar leġiżlar aħjar (9), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, kemm għalihom u kemm fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u biex jagħmluhom pubbliċi.

(35)

Kwalunkwe pproċessar tad-data personali li jsir fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jkun konformi mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment ħieles ta’ tali data (10).

(36)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, partikolarment li tikkumbatti l-immigrazzjoni illegali billi taġixxi kontra l-fattur li jattira fil-qasam tal-impjieg, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jista’, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jinkiseb aħjar fuq il-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(37)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti partikolarment mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod speċifiku, għandha tiġi applikata b’rispett xieraq lejn il-libertà għat-tmexxija ta’ impriża, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali quddiem il-qorti u l-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni, skont l-Artikoli 16, 20, 21, 47 u 49 tal-Karta.

(38)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhumiex jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(39)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tipprojbixxi l-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’soġġorn illegali sabiex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali. Għal dan il-għan, din tiffissa standards minimi komuni għal sanzjonijiet u miżuri li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri kontra min iħaddem li jikser dik il-projbizzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet speċifiċi ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kull persuna li mhix ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 17(1) tat-Trattat u li mhix persuna li tgawdi d-dritt Komunitarju tal-moviment liberu, kif definit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen;

(b)

“ċittadin ta’ pajjiż terz f’soġġorn illegali” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

(c)

“impjieg” tfisser l-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jkopru kull forma ta’ xogħol jew impjieg regolat mil-liġi nazzjonali jew skont prattika stabbilita għal jew taħt id-direzzjoni u/jew is-superviżjoni ta’ min iħaddem;

(d)

“impjieg illegali” tfisser impjieg ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’soġġorn illegali;

(e)

“min iħaddem” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe entità legali, inklużi aġenziji ta’ xogħol temporanju, għal jew taħt id-direzzjoni u/jew is-superviżjoni;

(f)

“subkuntrattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe entità legali, li tiġi fdata l-eżekuzzjoni ta’ parti mill-obbligi jew l-obbligi kollha ta’ kuntratt minn qabel;

(g)

“persuna ġuridika” tfisser kwalunkwe entità ġuridika li jkollha dan l-istatus skont il-liġi nazzjonali applikabbli, ħlief għall-Istati jew il-korpi pubbliċi li jeżerċitaw awtorità tal-Istat u l-organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali;

(h)

“aġenzija ta’ xogħol temporanju” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, b’konformità mal-liġi nazzjonali, tikkonkludi kuntratti ta’ xogħol jew relazzjonijiet ta’ xogħol ma’ ħaddiema temporanji ta’ aġenziji sabiex tassenjahom lil impriżi tal-utent sabiex jaħdmu hemm b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom;

(i)

“kundizzjonijiet ta’ xogħol partikolarment abużivi” tfisser kundizzjonijiet ta’ xogħol, inklużi dawk li jirriżultaw minn diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru jew minn diskriminazzjoni oħra, fejn ikun hemm sproporzjoni impressjonanti meta mqabbla mat-termini tal-impjieg ta’ ħaddiema impjegati b’mod legali, li, pereżempju, ikun qiegħed jaffettwa lis-saħħa u lis-sikurezza tal-ħaddiema, u jmur kontra d-dinjità tal-bniedem;

(j)

“rimunerazzjoni ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi f’soġġorn illegali” tfisser il-paga jew is-salarju u kull kunsiderazzjoni oħra, kemm jekk fi flus u kemm jekk le, li l-ħaddiem jirċievi b’mod dirett jew indirett b’rabta mal-impjieg tiegħu mill-impjegatur tiegħu, u li tkun ekwivalenti għal dak li kieku kienu jgawdu ħaddiema kumparabbli f’relazzjoni ta’ impjieg legali.

Artikolu 3

Projbizzjoni tal-impjieg illegali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-impjieg ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi f’soġġorn illegali.

2.   Il-ksur ta’ din il-projbizzjoni għandhom ikunu suġġeti għal sanzjonijiet u miżuri stipulati f’din id-Direttiva.

3.   Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn illegali li t-tneħħija tagħhom tkun ġiet posposta u li jkollhom permess jaħdmu konformement mal-liġijiet nazzjonali.

Artikolu 4

Obbligi fuq min iħaddem

1.   L-Istati Membri għandhom jobbligaw lil min iħaddem biex:

(a)

jitlob li ċittadin ta’ pajjiż terz qabel ma jibda l-impjieg tiegħu jkollu u jippreżenta lil min iħaddmu permess validu ta’ residenza jew awtorizzazzjoni oħra għas-soġġorn tiegħu;

(b)

iżomm għal mill-inqas it-tul tal-impjieg kopja jew rekord tal-permess tar-residenza jew awtorizzazzjoni oħra ta’ soġġorn disponibbli għall-ispezzjoni possibbli mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

(c)

jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti magħżula mill-Istati Membri l-bidu tal-impjieg ta’ ċittadin minn pajjiżi terz fi żmien perjodu stipulat minn kull Stat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu proċedura mħaffa għan-notifika skont il-paragrafu 1(c) fejn min iħaddem ikun persuna fiżika u l-impjieg ikun għall-finijiet personali tiegħu jew tagħha.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li n-notifika skont il-paragrafu 1(c) ma tkunx meħtieġa meta l-ħaddiem ikun ingħatalu status ta’ residenza fit-tul b’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 rigward ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkun residenti fit-tul (11).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk li jħaddmu u li jkunu ssodisfaw l-obbligi tagħhom stipulati fil-paragrafu 1 ma jinżammux responsabbli għal ksur tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 3 sakemm dawk li jħaddmu ma kinux jafu li d-dokument ippreżentat bħala permess validu ta’ residenza jew awtorizzazzjoni oħra ta’ soġġorn kien iffalsifikat.

Artikolu 5

Sanzjonijiet finanzjarji

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ksur tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 3 ikun soġġett għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra min iħaddem.

2.   Sanzjonijiet fir-rigward ta’ ksur tal-projbizzjoni memmija fl-Artikolu 3 għandhom jinkludu:

(a)

sanzjonijiet finanzjarji li għandhom jogħlew skont l-għadd ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi imħaddmin illegalment; u

(b)

ħlasijiet tal-ispejjeż tar-ritorn ta’ ċittadini mħaddmin illegalment f’dawk il-każijiet fejn il-proċeduri tar-ritorn ikunu mwettqa. L-Istati Membri jistgħu, minflok, jiddeċiedu li jirriflettu l-ispejjeż medji tar-ritorn fis-sanzjonijiet finanzjarji taħt punt (a).

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet finanzjarji mnaqqsa fejn min iħaddem ikun persuna fiżika li jħaddem ċittadin minn pajjiż terz f’soġġorn illegali għall-finijiet privati tiegħu jew tagħha u fejn ma jkun hemm l-ebda kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abużivi.

Artikolu 6

Ħlasijiet b’lura lill-impjegati

1.   Fir-rigward ta’ kull ksur tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li min iħaddem ikun responsabbli li jħallas:

(a)

kwalunkwe remunerazzjoni pendenti liċ-ċittadin tal-pajjiż terz impjegat illegalment. Il-livell maqbul ta’ remunerazzjoni għandu jkun preżunt li kien għoli daqs il-paga prevista mil-liġijiet applikabbli dwar pagi minimi, permezz ta’ ftehim kollettiv jew skont il-prattika stabbilita fl-oqsma tax-xogħol rilevanti ħlief jekk min iħaddem jew l-impjegat ikun jista’ jagħti prova mod ieħor, waqt li jiġu rrispettati, fejn meħtieġ, id-dispożizzjonijiet obbligatorji nazzjonali dwar il-pagi;

(b)

ammont ugwali għal kwalunkwe taxxi u kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali li min iħaddem kien se jħallas kieku ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien impjegat b’mod legali, inklużi ħlasijiet ta’ penali għal dewmien u multi amministrattivi rilevanti;

(c)

meta xieraq, kull spiża li tirriżulta mill-fatt li jkollu jintbagħat il-ħlas b’lura lejn il-pajjiż fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun irritorna jew ġie ripatrijat.

2.   Sabiex tkun żgurata d-disponibilità ta’ proċeduri effettivi biex jiġu implementati l-paragrafi 1(a) u 1(c), u sabiex jitqies l-Artikolu 13, l-Istati Membri għandhom jadottaw mekkaniżmi biex jiżguraw li ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi mħaddma illegalment:

(a)

jistgħu jippreżentaw talba, soġġett għal perijodu limitat ddefinit bil-liġijiet nazzjonali u jistgħu jinfurzaw sentenza kontra min iħaddem għal kull remunerazzjoni pendenti inkluż f’każijiet fejn ikunu rritornaw jew ġew imġiegħla jirritornaw;

(b)

meta jkun previst b’leġiżlazzjoni nazzjonali, jista’ jappella lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru sabiex jibda proċeduri biex jirkupra r-remunerazzjoni pendenti mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-persuna tintroduċi talba f’dan il-każ.

Ċittadini minn pajjiżi terzi mħaddma illegalment għandhom jiġu infurmati b’mod sistematiku u oġġettiv dwar id-drittijiet tagħhom skont dan il-paragrafu u skont l-Artikolu 13, qabel l-infurzar ta’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ ritorn.

3.   Sabiex jiġu applikati l-paragrafi 1(a) u (b), l-Istati Membri għandhom jipprovdu li tiġi preżunta relazzjoni ta’ impjieg ta’ mill-inqas 3 xhur ħlief, jekk l-impjegat jew min iħaddem, fost l-oħrajn, ikun jista’ jipprovdi xhieda mod ieħor.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mekkaniżmi neċessarji huma implimentati biex jiżguraw li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mħaddma illegalment ikunu jistgħu jirċievu kull ħlas b’lura ta’ remunerazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) li tkun irkuprata bħala parti mit-talbiet imsemmija fil-paragrafu 2, inkluż f’każijiet fejn ikunu rritornaw jew ġew imġiegħla jirritornaw.

5.   Fir-rigward ta’ każijiet meta l-permessi ta’ residenza għal tul limitat ikunu ngħataw skont l-Artikolu 13(4), l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet, skont il-liġi nazzjonali, li skont liema leġiżlazzjoni t-tul ta’ dawn il-permessi jista’ jittawwal sakemm iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun irċieva kull ħlas b’lura tar-rinumerazzjoni rkuprata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Miżuri oħra

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li min iħaddem għandu, jekk ikun xieraq, ikun suġġett għal dawn il-miżuri:

(a)

l-esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji, l-għajnuna jew is-sussidji pubbliċi kollha, jew uħud minnhom, inkluż l-iffinanzjar tal-UE mmaniġġjat mill-Istati Membri għal mhux iktar minn ħames snin;

(b)

l-esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku kif definit mid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar il-proċeduri ta’ koordinazzjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ xogħol, kuntratti pubbliċi ta’ forniment u kuntratti pubbliċi ta’ servizz (12) sa ħames snin;

(c)

irkupru tal-benefiċċji, l-għajnuna u s-sussidji pubbliċi kollha, jew uħud minnhom, inkluż il-finanzjament mill-UE amministrat mill-Istati Membri, mogħtija lil min iħaddem għal mhux iktar minn 12-il xahar qabel il-kxif tal-impjieg illegali;

(d)

għeluq temporanju jew permanenti tal-istabbilimenti li ntużaw biex jitwettaq il-ksur, jew irtirar temporanju jew permanenti ta’ liċenzja biex titmexxa l-attività kummerċjali kkonċernata, jekk dan ikun ġustifikat mill-gravità tal-ksur.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu (1) meta min iħaddem ikun persuna fiżika u l-impjieg ikun għall-finijiet privati tiegħu.

Artikolu 8

Subkuntrattazzjoni

1.   Meta min iħaddem ikun subkuntrattur u mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet ta’ kontribuzzjoni jew rikors jew għad-dispożizzjonijet tal-liġi nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kuntrattur li min iħaddem ikun subkuntrattur dirett tiegħu jista’ jinżamm responsabbli biex iwettaq il-ħlasijiet, addizzjonalment għal jew minflok min qed iħaddem:

(a)

kwalunkwe sanzjoni finanzjarja imposta bis-saħħa tal-Artikolu 5, u

(b)

kwalunkwe ħlas b’lura dovut bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(a) u (c) u l-Artikolu 6(2) u (3).

2.   Meta min iħaddem ikun subkuntrattur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kuntrattur ewlieni u kull subkuntrattur intermedjarju, meta dawn ikunu jafu li s-subkuntrattur li jimpjega kien qed jimpjega ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn illegali, dawn jistgħu jinżammu responsabbli biex jagħmlu l-ħlasijiet identifikati fil-paragrafu 1 addizzjonalment għal jew minflok min iħaddem, jew minflok is-subkuntrattur li jimpjega jew il-kuntrattur li min iħaddem huwa subkuntrattur dirett tiegħu.

3.   Kuntrattur li jkun osserva bl-attenzjoni dovuta l-obbligi kif definiti bil-liġi nazzjonali ma għandux jinżamm responsabbli għall-finijiet tal-paragrafu 1 jew 2.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu regoli għal responsabilità aktar stretta skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 9

Reat kriminali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur tal-projbizzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 ikun jikkostitwixxi reat kriminali meta jitwettaq intenzjonalment, f’kull waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin kif definit mil-liġi nazzjonali:

(a)

il-ksur ikompli jew ikun ripetut b’mod persistenti;

(b)

il-ksur ikun fir-rigward tal-impjieg simultanju ta’ numru sostanzjali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn illegali;

(c)

il-ksur ikun akkumpanjat minn kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abbużivi;

(d)

il-ksur jitwettaq minn min iħaddem li, filwaqt li ma jiġix akkużat b’reat, jew imressaq il-qorti għal reat stabbilit skont id-Deċiżjoni ta’ Qafas 2002/629/JHA, juża xogħol jew servizzi minn persuna ċittadina ta’ pajjiż terz f’soġġorn illegali bl-għarfien li din hu jew hi tkun il-vittma ta’ dan it-tip ta’ traffikar;

(e)

il-ksur huwa relatat mal-impjieg illegali ta’ minorenni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inċitament, l-għajnuna u l-assistenza għall-imġiba intenzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ikunu kastigabbli bħala reat kriminali.

Artikolu 10

Pieni kriminali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni fiżiċi li jwettqu r-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 9 jingħataw pieni kriminali effettivi, proporzjonati u disswasivi.

2.   Sakemm dan ma jkunx ipprojbit mill-prinċipji ġenerali tal-liġi, il-pieni kriminali stipulati f’dan l-Artikolu jistgħu skont il-liġi nazzjonali jkunu applikati mingħajr ħsara għal sanzjonijiet jew miżuri oħra ta’ natura mhux kriminali, u jistgħu jkunu akkumpanjati mill-pubblikazzjoni tas-sentenza relatata mal-każ.

Artikolu 11

Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għar-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 9 fejn tali reat ikun sar għal benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna li għandha pożizzjoni importanti fi ħdan il-persuna ġuridika, li taġixxi individwalment jew bħala parti minn entità jew persuna ġuridika, fuq bażi ta’:

(a)

prokura tal-persuna ġuridika,

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika, jew

(c)

awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuna ġruidika tista’ tinżamm responsabbli meta n-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll, minn persuna msemmija fil-paragrafu 1, ikun għamel possibbli t-twettiq tar-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 9 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3.   Ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika taħt il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex teskludi proċedimenti kriminali kontra l-persuni fiżiċi li jkunu l-awturi, l-instigaturi jew l-aċċessorji fir-reat imsemmi fl-Artikolu 9.

Artikolu 12

Pieni għall-persuni ġuridiċi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li persuna ġuridika responsabbli skont l-Artikolu 11 tkun kastigata permezz ta’ pieni disważivi, proporzjonati u effettivi, li jistgħu jinkludu miżuri bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 7.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tkun pubblikata lista ta’ min iħaddem li huma persuni legali u li kienu responsabbli għar-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 9.

Article 13

Faċilitar ta’ lmenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm mekkaniżmi effettivi li permezz tagħhom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati illegalment ikunu jistgħu jippreżentaw ilmenti kontra min iħaddimhom, direttament jew permezz ta’ partijiet terzi nominati mill-Istati Membri bħat-trejdunjins jew assoċjazzjonijiet oħra jew awtorità kompetenti tal-Istat Membru meta dan ikun previst b’leġiżlazzjoni nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li partijiet terzi li għandhom, skont il-kriterji stipulati fil-liġi nazzjonali tagħhom, interess leġittimu li jiżguraw li jkun hemm konformità ma’ din id-Direttiva, jistgħu, jew f’isem ċittadin ta’ pajjiż terz impjegat illegalment jew b’appoġġ għalih, jintervjenu f’kull proċedura ġudizzjarja, amministrattiva u/jew kriminali stipulata bl-objettiv tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

3.   L-għoti ta’ għajnuna lil ċittadini ta’ pajjiż terz biex jippreżentaw ilmenti ma għandux jitqies bħala faċilitazzjoni ta’ residenza mhux awtorizzata skont id-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u r-residenza mhux awtorizzati (13).

4.   Fir-rigward tar-reati kriminali koperti bl-Artikolu 9(1)(c) jew (e), l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu skont il-liġi nazzjonali l-kundizzjonijiet taħt liema huma jistgħu jagħtu permessi, każ b’każ, ta’ żmien limitat, marbutin mat-tul tal-proċedimenti nazzjonali rilevanti, lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi involuti, skont arranġamenti kumparabbli ma’ dawk applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE.

Artikolu 14

Spezzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru spezzjonijiet effettivi u adegwati fit-territorju tagħhom biex jiġi kkontrollat l-impjieg ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi f’soġġorn illegali. Dawn l-ispezzjonijiet għandhom ikunu bbażati l-aktar fuq valutazzjoni tar-riskju li titfassal mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri.

2.   Bil-ħsieb li tiżdied l-effettività tal-ispezzjonijiet, l-Istati Membri għandhom fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, jidentifikaw regolarment is-setturi tal-attività fejn huwa kkonċentrat l-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn illegali fit-territorju tagħhom.

Fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn is-setturi, l-Istati Membri għandhom kull sena qabel l-1 ta’ Lulju jikkomunikaw l-ispezzjonijiet lill-Kummissjoni, kemm f’numri assoluti kif ukoll f’persentaġġi tal-ħaddiema għal kull settur li jkunu saru fis-sena ta’ qabel kif ukoll ir-riżultati tagħhom.

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għalihom tapplika din id-Direttiva fir-rigward tal-Artikoli 6 u 13, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 16

Rappurtar

1.   Sal-20 ta’ Lulju 2014, u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jinkludi, fejn ikun meħtieġ, proposti ta’ emendi għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7, 8, 13 u 14. B’mod partikolari, fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha teżamina l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-Artikolu 6(2) u (5).

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tkun adatta għat-tfassil tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1. L-informazzjoni għandha tinkludi n-numru u r-riżultati tal-ispezzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 14(1), il-miżuri applikati taħt l-Artikolu 13 u, safejn ikun possibbli, il-miżuri applikati skont l-Artikoli 6 u 7.

Artikolu 17

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji u amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-20 ta’ Lulju 2011 l-iktar tard. Huma għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni.

Meta jiġu adottati mill-Istati Membri, dawk il-miżuri għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-metodi li bihom għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

Š. FÜLE”


(1)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 70.

(2)  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 20.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2009.

(4)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 203, 1.8.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19.

(8)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

(9)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(10)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(11)  ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

(12)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(13)  ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17.


Top