EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R2073R(01)

Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2073/2004 tas- 16 ta’ Novembru 2004 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 333 M, tal-11 ta' Diċembru 2008 )

OJ L 51M, 24.2.2009, p. 80–89 (MT)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/2073/corrigendum/2009-02-24/oj

24.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L NaN/80


Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2073/2004 tas-16 ta’ Novembru 2004 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 333 M, tal-11 ta' Diċembru 2008 )

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2073/2004 għandu jaqra:

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2073/2004

tas-16 ta’ Novembru 2004

dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Il-frodi fl-Unjoni Ewropea għandha konsegwenzi serji għal baġits nazzjonali u tista' twasal għal distorsjonijiet ta' kompetizzjoni f'movimenti ta' prodotti soġġetti għas-sisa. Għalhekk hija għandha impatt fuq l-operat tas-suq intern.

(2)

Hija meħtieġa kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' kull Stat Membru responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri adottati f'dan il-qasam sabiex tiġi miġġielda l-frodi tas-sisa.

(3)

Huwa għalhekk essenzjali li jkunu definiti r-regoli li taħthom l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri għandhom jagħtu lil xulxin assistenza reċiproka u jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-moviment ta' prodotti soġġetti għas-sisa u l-ġbir ta dazji tas-sisa huma applikati korrettament.

(4)

Assistenza reċiproka u kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa huma rregolatli bid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ċerti dazji tas-sisa u tassazzjoni ta' premiums ta' asigurazzjoni (3). Assistenza reċiproka u kooperazzjoni amministrattivi fil-qasam tal-VAT huma rregolati mir-Regolament (KE) Nru 1798/2003 (4).

(5)

Minkejja li dan l-istrument legali wera li hu effettiv, huwa mhux ser ikun jista' jlaħħaq ma' imperattivi amministrattivi ġodda ta' kooperazzjoni li jirriżultaw minn integrazzjoni ekonomika li dejjem tikber fis-suq intern.

(6)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għal prodotti soġġetti għat-taxxa tas-sisa u fuq id-detenzjoni, il-moviment u l-monitoraġġ ta’ tali prodotti (5) introduċiet ukoll numru ta' strumenti ta' skambju ta' informazzjoni. Il-proċeduri tagħhom ser ikollhom jiġu definiti f'qafas legali ġenerali għal kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa.

(7)

Hemm ukoll il-ħtieġa għal regoli aktar ċari u aktar vinkolanti dwar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri peress li d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kollha kkonċernati mhumiex definiti b'mod suffiċjenti.

(8)

M'hemmx kuntatti diretti suffiċjenti bejn aġenziji kontra l-frodi lokali jew nazzjonali peress li l-prattika standard hija li l-informazzjoni tiġi kkomunikata bejn uffiċċji ċentrali ta' kollegament. Dan iwassal għal nuqqas ta' effiċjenza, anqas użu ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattivi u dewmien eċċessiv fil-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni. Għaldaqstant jeħtieġ li jsir provvediment għal aktar kuntatti diretti bejn dipartimenti amministrattivi biex tittejjeb u titħaffef l-kooperazzjoni.

(9)

Hemm ukoll il-ħtieġa għal kooperazzjoni eqreb peress illi, bl-eċċezzjoni ta' verifika tal-moviment taħt l-Artikolu 15b tad-Direttiva 92/12/KEE, hemm ftit skambji ta' informazzjoni awtomatiċi jew spontanji bejn l-Istati Membri. L-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u bejn dawk l-awtoritajiet u l-Kummissjoni għandu jkun aktar intensiv u aktar immedjat biex il-frodi tkun miġġielda b'mod effiċjenti.

(10)

Konsegwentement hemm ħtieġa għal strument speċifiku fil-qasam tad-dazji tas-sisa biex ikunu inkorporati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/799/KEE f'dan il-qasam. Dan l-istrument għandu jiffoka wkoll fuq iż-żona fejn il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tista' tittejjeb permezz ta' l-introduzzjoni u t-titjib ta' sistemi għat-trasmissjoni ta' informazzjoni dwar il-moviment ta' prodotti soġġetti għas-sisa. Dan l-istrument huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tat-18 ta' Diċembru 1997 dwar assistenza u kooperazzjoni reċiproka bejn amministrazzjonijiet (6).

(11)

Dan ir-Regolament m'għandux jolqot miżuri oħra tal-Komunità li jiġġieldu l-frodi fil-qasam tad-dazji tas-sisa.

(12)

Dan ir-Regolament jinkorpora u jiddefinixxi l-arranġamenti li jinsabu fid-Direttiva 92/12/KEE biex tiġi ffaċċilitata kooperazzjoni amministrattiva bejn Stati Membri. Dawn l-arranġamenti jinkludu r-reġistru ta' negozjanti kkonċernati u l-bini u l-moviment tas-sistema ta' verifika. Dan ir-Regolament jintroduċi wkoll sistema ta' avviż minn kmieni bejn Stati Membri.

(13)

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, huwa xieraq li jiġu limitati ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti bid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' data  (7), sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta' dik id-Direttiva.

(14)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (8).

(15)

Ladarba l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri s-simplifikazzjoni u t-tisħiħ ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn Stati Membri, li teħtieġ approċċ armonizzat, ma tistax tinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri waħidhom, u tista', minħabba l-uniformità u l-effikaċja meħtieġa, tinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif imniżżel f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(16)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli fl-Istati Membri għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar id-dazji tas-sisa għandhom jikkooperaw ma' xulxin, u mal-Kummissjoni, sabiex jiżguraw konformità ma' dik il-leġislazzjoni.

Għal dak il-għan, huwa jistabbilixxi regoli u proċeduri biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri biex jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni li tista' tgħinhom biex jagħmlu valutazzjoni korretta tad-dazji tas-sisa.

Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għall-iskambju ta' ċerta tipi ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi, u b'mod partikolari rigward kummerċ intra-Komunitarju fi prodotti soġġetti għas-sisa.

2.   Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli dwar assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali fl-Istati Membri. Huwa għandu jkun ukoll mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta' kwalunkwe obbligu relatat ma' assistenza reċiproka minn strumenti legali oħrajn, inkluż ftehim bilaterali jew multilaterali.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(1)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità maħtura skond l-Artikolu 3(1);

(2)

“awtorità rikjedenti” tfisser l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament ta' Stat Membru jew kwalunkwe dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti ta' dak l-Istat Membru li jitlob assistenza f'isem l-awtorità kompetenti;

(3)

“awtorità rikjesta” tfisser l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament ta' Stat Membru jew kwalunkwe dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti ta' dak l-Istat Membru li jirċievi t-talba għall-assistenza f'isem l-awtorità kompetenti;

(4)

“uffiċċju ċentrali ta' kollegament” tfisser l-uffiċċju li nħatar taħt l-Artikolu 3(3) bir-responsabbiltà prinċipali għal kuntatti ma' Stati Membri oħra fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva;

(5)

“dipartiment ta' kollegament” tfisser kwalunkwe uffiċċju għajr l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament b'kompetenza territorjali speċifika jew responsabbiltà operattiva speċifika li nħatar mill-awtorità kompetenti skond l-Artikolu 3(4) biex jiskambja informazzjoni direttament abbażi ta' dan ir-Regolament;

(6)

“uffiċjali kompetenti” tfisser kwalunkwe uffiċjal li jista' jiskambja informazzjoni direttament abbażi ta' dan ir-Regolament, li għaliha ġie awtorizzat skond l-Artikolu 3(5);

(7)

“uffiċju tas-sisa” tfisser kwalunkwe uffiċċju fejn jistgħu jkunu kkompletati xi wħud mill-formalitajiet stabbiliti mir-regoli tas-sisa;

(8)

“skambju awtomatiku okkażjonali” tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel lil Stat Membru ieħor, mingħajr talba minn qabel, kif u meta dik l-informazzjoni tkun disponibbli;

(9)

“skambju awtomatiku regolari” tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel lil Stat Membru ieħor, mingħajr talba minn qabel, f'intervalli regolari stabbiliti minn qabel;

(10)

“skambju spontanju” tfisser il-komunikazzjoni okkażjonali ta' informazzjoni lil Stat Membru ieħor mingħajr talba minn qabel;

(11)

“sistema kompjuterizzata” tfisser is-sistema kompjuterizzata għall-monitoraġġ tal-moviment ta' prodotti soġġetti għas-sisa stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE (9);

(12)

“persuna” tfisser:

(a)

persuna naturali;

(b)

persuna ġuridika; jew

(c)

fejn il-leġislazzjoni fis-seħħ tipprovdi hekk, assoċjazzjoni ta' persuni rikonoxxuti bħala li għandhom il-kapaċità li jwettqu atti ġuridiċi imma li m'għandhomx l-istatus ġuridiku ta' persuna ġuridika;

(13)

“b'mezzi elettroniċi” tfisser l-użu ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta' data, u l-utilizzazzjoni ta' wajers, xandir bir-radju, teknoloġiji ottiċi jew mezzi oħra elettromagnetiċi;

(14)

“in-numru ta' identifikazzjoni” tfisser in-numru previst fl-Artikolu 22(2)(a) ta' dan ir-Regolament;

(15)

“in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT” tfisser in-numru previst fl-Artikolu 22(1)(c), (d) u (e) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' valutazzjoni (10);

(16)

“moviment intra-Komunitarju ta' prodotti soġġetti għas-sisa” tfisser il-moviment bejn żewġ Stati Membri jew aktar ta' prodotti soġġetti għas-sisa taħt l-arranġamenti ta' sospensjoni għal dazji tas-sisa fit-tifsira tat-Titolu III tad-Direttiva 92/12/KEE jew ta' prodotti soġġetti għas-sisa rilaxxati għal konsum fit-tifsira ta' l-Artikoli 7 sa 10 tad-Direttiva 92/12/KEE;

(17)

“inkjesta amministrattiva” tfisser il-kontrolli, il-verifiki u azzjonijiet oħra kollha meħuda minn uffiċjali jew l-awtoritajiet kompetenti fil-qadi ta' dmirijiethom bil-ħsieb li jiżguraw applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni tas-sisa;

(18)

“Netwerk CCN/CSI” tfisser il-pjattaforma komuni bbażata fuq in-netwerk komuni ta' komunikazzjoni (CCN) u l-interface komuni tas-sistema (CSI), żviluppata mill-Komunità biex tiżgura t-trasmissjonijiet kollha b'mezzi elettroniċi bejn awtoritajiet kompetenti fiż-żona ta' dwana u tassazzjoni;

(19)

“dazji tas-sisa” tfisser t-taxxi li huma soġġetti għal-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam tas-sisa, u tinkludi t-taxxi fuq prodotti ta' l-enerġija u elettriċità taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (11);

(20)

“AAD” tfisser id-dokument imsemmi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 92/12/KEE;

(21)

“SAAD” tfisser id-dokument imsemmi fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 92/12/KEE.

Artikolu 3

1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-awtorità kompetenti li huwa jkun ħatar bħala l-awtorità li f'isimha għandu jkun applikat dan ir-Regolament, jew direttament jew permezz ta' delega.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar uffiċċju ċentrali ta' kollegament li lilu tkun iddelegata r-responsabbiltà prinċipali għal kuntatti ma' Stati Membri oħra fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra b'dan.

3.   L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament għandu jkollu r-responsabbiltà prinċipali għal skambji ta' informazzjoni dwar moviment ta' prodotti soġġetti għas-sisa u, b'mod partikolari, huwa għandu jkollu r-responsabbiltà prinċipali għal;

(a)

l-iskambju ta' data maħżuna fir-reġistru elettroniku previst fl-Artikolu 22;

(b)

is-sistema ta' avviż minn kmieni previst fl-Artikolu 23;

(c)

talbiet ta' verifika lil jew minn Stati Membri oħra previsti fl-Artikolu 24;

4.   L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru tista' wkoll taħtar dipartimenti ta' kollegament barra mill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament biex jiskambja informazzjoni direttament taħt dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-lista ta' dawn id-dipartimenti tinżamm aġġornata u tkun disponibbli għall-uffiċċji ċentrali ta' kollegament ta' l-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

5.   L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru tista' wkoll taħtar, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minnha, uffiċjali kompetenti li jistgħu jiskambjaw informazzjoni direttament taħt dan ir-Regolament. Meta hija tagħmel dan, hija tista' tillimita l-ambitu ta' tali delegazzjoni. L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament għandu jkun risponsabbli biex iżomm aġġornata l-lista ta' dawk l-uffiċjali u jagħmilha disponibbli għall-uffiċċji ċentrali ta' kollegament ta' l-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

6.   L-uffiċjali li jiskambjaw informazzjoni taħt l-Artikoli 11 u 13 għandhom, għal dan il-għan jitqiesu uffiċjali kompetenti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti.

7.   Meta dipartimenti ta' kollegament jew uffiċjali kompetenti jibgħatu jew jirċievu talbiet għal assistenza jew tweġibiet għal tali talbiet għal assistenza, huma għandhom jinformaw lill-uffiċċju ċentrali ta' kollagement ta' l-Istat Membru tagħhom taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dan ta' l-aħħar.

8.   Meta dipartiment ta' kollegament jew uffiċċjal kompetenti jirċievi talbiet għal assistenza li jeħtieġu azzjoni barra ż-żona territorjali jew operattiva tagħhom, huwa għandu jgħaddihom immedjatament lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament ta' l-Istat Membru tiegħu u jinforma lill-awtorità rikjedenti b'dan. F'tali każ, il-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 8 għandhom jibdew mill-jum ta' wara dak li fih tkun ġiet mgħoddija t-talba għal assistenza lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament.

Artikolu 4

1.   L-obbligu li tingħata assistenza kif previst f'dan ir-Regolament m'għandhux tkopri l-għoti ta' informazzjoni jew dokumenti miksuba mill-awtoritajiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 1 li jaġixxu bl-awtorizzazzjoni jew fuq talba ta' l-awtorità ġudizzjarja.

2.   Madankollu, fejn awtorità kompetenti, skond il-liġi nazzjonali, għandha s-setgħat biex tikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, din tista' tiġi kkomunikata bħala parti mill-kooperazzjoni amministrattiva prevista f'dan ir-Regolament. Kwalunkwe tali komunikazzjoni għandu jkollha l-awtorizzazzjoni minn qabel ta' l-awtorità ġudizzjarja jekk tali awtorizzazzjoni hija meħtieġa taħt il-liġi nazzjonali.

KAPITOLU II

KOOPERAZZJONI FUQ TALBA

TAQSIMA 1

Talba għal informazzjoni u għal inkjesti amministrattivi

Artikolu 5

1.   Fuq talba ta' l-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, inkluża kwalunkwe informazzjoni relatata ma' każ jew każijiet speċifiċi.

2.   Għall-iskopijiet ta' komunikazzjoni ta' l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità rikjesta għandha tirranġa għat-tmexxija ta' kwalunkwe inkjesta amministrattiva meħtieġa biex tinkiseb tali informazzjoni.

3.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista' tinkludi talba raġonata għal inkjesta amministrattiva speċifika. Jekk l-Istat Membru jiddeċiedi li mhi meħtieġa l-ebda inkjesta amministrattiva, huwa għandu jinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

4.   Sabiex tinkiseb l-informazzjoni rikjesta jew biex tmexxi l-inkjesta amministrattiva rikjesta, l-awtorità rikjesta jew l-awtorità amministrattiva li għaliha għandha rikors għandha tipproċedi bħallikieku qed taġixxi għaliha nnifisha jew fuq it-talba ta' awtorità oħra fl-Istat Membru tagħha stess.

Artikolu 6

Talbiet għal informazzjoni u għal inkjesti amministrattivi skond l-Artikolu 5 għandhom, kemm jista' jkun possibli, jintbagħtu permezz ta' forma standard adotatta skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 34(2). Madankollu, taħt iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 24, id-dokument standard ta' verifika tal-moviment għal prodotti soġġetti għas-sisa previst fl-Artikolu 24(2) ta' dan ir-Regolament għandu jkun forma simplifikata ta' talba ta' informazzjoni.

Artikolu 7

1.   Fuq it-talba ta' l-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunikalha kwalunkwe informazzjoni pertinenti fil-pussess tagħha fil-forma ta' rapporti, dikjarazzjonijiet u kwalunkwe dokument ieħor, jew kopji veri ċċertifikati jew estratti minnhom u r-riżultati ta' l-inkjesti amminitrattivi.

2.   Dokumenti oriġinali għandhom ikunu pprovduti biss meta dawn ma jkunux kontra d-disposizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri fejn hi stabbilita l-awtorità rikjesta.

TAQSIMA 2

Limitu ta' żmien għall-għoti ta' informazzjoni

Artikolu 8

L-awtorità rikjesta għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 5 u 7 malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data li tkun irċeviet it-talba.

Artikolu 9

F'ċerti kategoriji speċjali ta' każijiet, jistgħu jiġu miftiehma limiti ta' żmien differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 8 bejn l-awtoritajiet rikjesti u dawk rikjedenti.

Artikolu 10

Meta l-awtorità rikjesta ma tistax twieġeb għat-talba sal-limitu ta' żmien, hija għandha tinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għan-nuqqas tagħha u tindika meta hi ser tkun tista' twieġeb.

TAQSIMA 3

Preżenza f'uffiċċji amministrattivi u parteċipazzjoni f'inkjesti amministrattivi

Artikolu 11

1.   Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta u skond l-arranġamenti stabbiliti minn din ta' l-aħħar, uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu jkunu preżenti fl-uffiċċji fejn iwettqu dmirijiethom l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istat Membru fejn hija stabbilita l-awtorità rikjesta, bil-ħsieb li jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1. Fejn l-informazzjoni rikjesta tinsab fid-dokumentazzjoni li għaliha għandhom aċċess l-uffiċjali ta' l-awtorità rikjesta, l-uffiċjali ta' l-awtorità rikjedenti għandhom jingħataw kopji tad-dokumenti li fihom l-informazzjoni rikjesta.

2.   Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta u skond l-arranġamenti stabbiliti minn din ta' l-aħħar, uffiċjali maħtura mill-awtorità rikjedenti jistgħu jkunu preżenti waqt l-inkjesti amministrattivi bil-ħsieb li jiskambjaw l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 1. Inkjesti amministrattivi għandhom jitwettqu esklussivament mill-uffiċjali ta' l-awtorità rikjesta. L-uffiċjali ta' l-awtorità rikjedenti ma jistgħux jeżerċitaw is-setgħat ta' spezzjoni mogħtija lil uffiċjali ta' l-awtorità rikjesta. Huma jistgħu, madankollu, ikollhom aċċess għall-istess bini u għall-istess dokumenti bħal dawn ta' l-aħħar, permezz ta' l-intermedjarju tagħhom u biss minħabba l-inkjesta amministrattiva li tkun qed titwettaq.

3.   L-uffiċjali ta' l-awtorità rikjedenti preżenti fi Stat Membru ieħor skond il-paragrafi 1 u 2 għandhom fil-ħinijiet kollha jkunu jistgħu jipproduċu awtorità bil-miktub li tindika l-identità tagħhom u l-kapaċità uffiċjali tagħhom.

TAQSIMA 4

Kontrolli simultanji

Artikolu 12

Bil-ħsieb li tiġi skambjata l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jiftiehmu li jmexxu kontrolli simultanji, fit-territorju tagħhom stess, tas-sitwazzjoni tad-dazji tas-sisa ta' persuna waħda jew aktar li huma ta' interess komuni jew komplimentari, kull meta tali kontrolli jidhru li ser ikunu aktar effettivi mill-kontrolli magħmula minn Stat Membru wieħed.

Artikolu 13

1.   Stat Membru għandu jidentifika indipendentament il-persuni li bi ħsiebu jipproponi għal kontroll simultanju. L-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti fl-Istati Membri l-oħra kkonċernati bil-każijiet proposti għall-kontrolli simultanji. Għandha tagħti raġunijiet għall-għażla tagħha, kemm jista' jkun possibbli, billi tipprovdi l-informazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni tagħha. Għandha tispeċifika l-perijodu ta' żmien li matulu se jitmexxew tali kontrolli.

2.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom imbagħad jiddeċiedu jekk jixtiequx jieħdu sehem fil-kontrolli simultanji. Meta tirċievi l-proposta għal kontroll simultanju, l-awtorità kompetenti għandha tikkonferma l-qbil tagħha jew tikkomunika r-rifjut raġonat tagħha lill-awtorità korrispondenti.

3.   Kull awtorità kompetenti għandha taħtar rappreżentant biex ikun responsabbli għas-sorveljanza u għall-koordinazzjoni ta' l-operazzjoni ta' kontroll.

4.   Wara kontroll simultanju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-uffiċċji ta' kollegament ta' l-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien dwar il-karatteristiċi tekniċi ta' frodi identifikati matul tali kontroll simultanju, meta jitqies li tali informazzjoni hija ta' interess partikolari lil Stati Membri oħrajn. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jinfurmaw lill-Kummissjoni.

TAQSIMA 5

Talba għal notifika ta' deċiżjonijiet u miżuri amministrattivi

Artikolu 14

Fuq it-talba ta' l-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha, skond ir-regoli li jirregolaw notifiki simili fis-seħħ fl-Istat Membru tagħha stess, tinnotifika lid-destinatarju bid-deċiżjonijiet amministrattivi u miżuri kollha meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istat Membru rikjedenti dwar l-applikazzjoni ta' leġislazzjoni dwar dazji tas-sisa, bl-eċċezzjoni ta' dawk imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta' Marzu 1976 dwar assistenza reċiproka għall-irkupru ta' pretensjonijiet relatati ma' ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (12).

Artikolu 15

Talbiet għal notifika, li jsemmu s-suġġett tad-deċiżjoni jew miżura li għandha tiġi nnotifikata, għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti biex ikun identifikat id-destinatarju.

Artikolu 16

L-awtorità rikjesta għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtorità rikjedenti bit-tweġiba tagħha għat-talba ta' notifika u, b'mod partikolari, tinnotifika bid-data ta' trasmissjoni tad-deċiżjoni jew miżura lid-destinatarju, jew bir-raġuni għal kwalunkwe nuqqas ta' kapaċità ta' trasmissjoni. Talba ma tistax tiġi rrifjutata għal r-raġunijiet tal-kontenut tad-deċiżjoni jew miżura li għandha tkun innotifikata.

KAPITLOU III

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI MINGĦAJR TALBA MINN QABEL

Artikolu 17

Mingħajr preġudizzju għall-Kapitoli IV, l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha bi skambju awtomatiku jew bi skambju awtomatiku regolari, tibgħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat, fil-każijiet li ġejjin:

(1)

fejn seħħet irregolarità jew ksur tal-leġislazzjoni dwar id-dazju tas-sisa, jew hija sospettata li seħħet, fl-Istat Membru l-ieħor;

(2)

fejn irregolarità jew ksur tal-leġislazzjoni dwar id-dazju tas-sisa li seħħet, jew hija sospettata li seħħet, fit-territorju ta' Stat Membru wieħed jista' jkollha riperkussjonijiet fi Stat Membru ieħor;

(3)

fejn hemm riskju ta' frodi jew telf ta' dazju tas-sisa fl-Istat Membru l-ieħor.

Artikolu 18

Dawn li ġejjin għandhom ikunu determinati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 34(2):

(1)

il-kategoriji eżatti ta' l-informazzjoni li ser tkun skambjata;

(2)

il-frekwenza ta' tali skambji;

(3)

l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta' informazzjoni.

Kull Stat Membru għandu jiddetermina jekk hux ser jieħu sehem fl-iskambju ta' kategorija partikolari ta' informazzjoni, kif ukoll jekk huwa ser jagħmel dan permezz ta' skambju awtomatiku regolari jew skambju awtomatiku okkażjonali.

Artikolu 19

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu, fi kwalunkwe każ, jibgħatu lil xulxin, mingħajr talba minn qabel, u permezz ta' skambju spontanju, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 li tagħha huma konxji.

Artikolu 20

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi jew organizzattivi meħtieġa biex jiffaċilitaw l-iskambji previsti f'dan il-Kapitolu.

Artikolu 21

Stat Membru ma jistax ikun obbligat, għall-iskopijiet ta' implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu, li jimponi obbligi ġodda fuq persuni għall-iskop li jiġbor informazzjoni, u lanqas biex iġorr piżijiet amministrattivi mhux proporzjonati.

KAPITOLU IV

ĦAŻNA U SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI SPEĊIFIKA LIL GĦAL OPERAZZJONIJIET INTRA-KOMUNITARJI

Artikolu 22

1.   L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha żżomm bażi ta' data elettronika li jkun fiha r-reġistri li ġejjin:

(a)

reġistru ta' persuni li huma awtorizzati għaż-żamma ta' l-imħazen jew negozjanti reġistrati għal skopijiet ta' sisa fit-tifsira ta' l-Artikolu 4(a) u (d) tad-Direttiva 92/12/KEE;

(b)

reġistru ta' bini awtorizzat bħala imħażen tat-taxxa.

2.   Ir-reġistru ser ikun fih l-informazzjoni li ġejja magħmula disponibbli lill-Istati Membri oħra:

(a)

in-numru ta' identifikazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti rigward il-persuna jew il-bini;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-persuna jew il-bini;

(ċ)

il-kategorija u n-nomenklatura magħquda relatata ma' prodotti ta' sisa tal-prodotti li jistgħu jkunu miżmuma jew riċevuti mill-persuna jew li jistgħu jinżammu jew ikunu riċevuti f'dan il-bini;

(d)

identifikazzjoni ta' l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament jew l-uffiċċju tas-sisa li minnu tista' tinkiseb aktar informazzjoni;

(e)

id-data tal-ħruġ, emenda u, fejn applikabbli, id-data taċ-ċessazzjoni tal-validità ta' l-awtorizzazzjoni bħala awtorizzat għaż-żamma ta' l-imħażen jew negozjant reġistrat;

(f)

l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu identifikati persuni li assumew l-obbligi fit-tifsira ta' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 92/12/KEE;

(g)

l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu identifikati persuni involuti fuq bażi okkażjonali fil-moviment ta' prodotti soġġetti għas-sisa, fejn tali informazzjoni hija disponibbli.

3.   Kull reġistru nazzjonali għandu jkun disponibbli, għal skopijiet ta' dazju biss, għall-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra.

4.   L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament jew dipartiment ta' kollegament ta' kull Stat Membru għandu jiżgura li persuni involuti fil-moviment intra-Komunitarju ta' prodotti soġġetti għal dazju tas-sisa huma permessi jiksbu konferma ta' l-informazzjoni miżmuma taħt dan l-Artikolu.

5.   L-informazzjoni dettaljata msemmija fil-paragrafu 2, l-arranġamenti dettaljati għall-introduzzjoni u l-aġġornament ta' reġistri, l-istandards armonizzati għar-reġistrar ta' numri ta' identifikazzjoni u l-ġbir ta' l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu identifikati persuni u bini msemmija fil-paragrafu 2 u l-arranġamenti biex isiru disponibbli r-reġistri għall-Istati Membri kollha, kif imniżżel fil-paragrafu 3, għandhom ikunu definiti skond il-proċedura prevista fl-artikolu 34(2).

6.   Fejn negozjant jista' jkun identifikat permezz ta' numru ta' identifikazzjoni tal-VAT, l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1798/2003 għandu japplika għal dak l-iskop.

Artikolu 23

1.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu sistema ta' avviż minn kmieni li taħtha l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament jew dipartiment ta' kollegament fl-Istat Membru ta' tluq tal-prodotti soġġetti għas-sisa jistgħu jibagħtu informazzjoni jew messaġġ ta' avviż lill-uffiċċju ta' kollegament fl-Istat Membru ta' destinazzjoni malli l-uffiċċju ta' kollegament jew id-dipartiment ta' kollegament ikun fil-pussess ta' informazzjoni AAD, u mhux akar tard minn meta l-prodotti huma trasmessi. Bħala parti minn dan l-iskambju ta' informazzjoni, għandha titwettaq analiżi ta' riskju dwar l-informazzjoni AAD qabel ma jintbagħat messaġġ, u jekk jitqies meħtieġ, wara li jkun riċevut.

2.   L-informazzjoni li għandha tkun skambjata u l-arranġamenti rilevanti għandhom ikunu determinati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 24

1.   Skond l-Artikolu 5, waqt jew wara l-moviment ta' prodotti soġġetti għas-sisa, l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament ta' Stat Membru jista' jitlob informazzjoni mill-uffiċju ċentrali ta' kollegament jew dipartiment ta' kollegament ta' Stat Membru ieħor. Għall-iskopijiet ta' dan l-iskambju ta' informazzjoni għandha titwettaq analiżi ta' riskju bbażata fuq informazzjoni AAD jew SAAD, qabel ma tintbagħat talba, u jekk huwa meqjus meħtieġ, wara li tkun riċevuta.

2.   L-iskambju ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jitwettaq abbażi ta' dokument standard ta' verifika tal-movimenti kkonċernati. Il-forma u l-kontenut ta' dan id-dokument u l-arranġamenti għal skambju ta' informazzjoni għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 34(2).

3.   L-awtoritajiet rilevanti ta' l-Istat Membru li fih min jikkonsenja l-prodotti soġġetti għas-sisa huwa stabbilit jista' jagħti assistenza, bl-użu tad-dokument previst fil-paragrafu 2, fejn tali persuna li tikkonsenja ma tirċievix il-Kopja 3 ta' l-AAD jew ta' l-SAAD u fejn tali persuna li tikkonsenja tagħmel użu mill-mezzi kollha lilha disponibbli biex tikseb prova li l-moviment ta' prodotti sar. Jekk tingħata tali assistenza, din bl-ebda mod ma teħles lil minn jikkonsenja mill-obbligi tiegħu ta' taxxa tiegħu.

L-awtoritajiet rilevanti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw ma' kwalunkwe talba magħmula lilhom mill-awtoritajiet rilevanti ta' l-Istat Membru ta’ min jikkonsenja matul tali assistenza.

Artikolu 25

1.   Fejn il-monitoraġġ tal-moviment ta' u s-sorveljanza ta' prodotti soġġetti għas-sisa jitwettaq permezz ta' sistema kompjuterizzata, l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha żżomm u tipproċessa l-informazzjoni f'din is-sistema.

L-informazzjoni għandha tinżamm għal ta' l-anqas tliet snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha jkun inbeda l-moviment sabiex tali informazzjoni tkun tista' tintuża għall-proċeduri previsti f'dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni maħżuna fis-sistema tinżamm aġġornata, u li hi kompleta u eżatta.

KAPITOLU V

RELAZZJONIJIET MAL-KUMMISSJONI

Artikolu 26

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw u jivvalutaw kif qiegħdin jaħdmu l-arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva previsti f'dan ir-Regolament. Għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tiġbor l-esperjenza ta' l-Istati Membri bil-għan li ttejjeb l-operazzjoni ta' dawk l-arranġamenti. Għal dan il-għan, l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri m'għandhiex tinkludi data individwali jew personali.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni tagħhom ta' dan ir-Regolament, inkluż kwalunkwe data ta' statistika għall-valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni tiegħu. Id-data ta' statistika rilevanti għandha tiġi determinata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 34(2), u għandha tiġi kkomunikata biss sakemm tkun disponibbli u l-komunikazzjoni ma tidhirx li tinvolvi piżijiet amministrattivi li ma jkunux ġustifikati.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar il-metodi jew il-prattiċi użati jew suspetatti li kienu użati biex ikun hemm ksur tal -leġislazzjoni tad-dazji tas-sisa li wrew nuqqasijiet jew lakuni fl-operazzjoni ta' l-arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva previsti f'dan ir-Regolament fejn huwa meqjus li tali informazzjoni hija ta' interess partikolari għal Stati Membri oħra.

4.   Bil-ħsieb li tiġi vvalutata l-effettività ta' din is-sistema ta' kooperazzjoni amministrattiva fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa, l-Istati Membri jistgħu jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli msemmija fl-Artikolu 1.

5.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

KAPITOLU VI

RELAZZJONIJIET MA' PAJJIŻI TERZI

Artikolu 27

1.   Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tirċievi informazzjoni minn pajjiż terz, dik l-awtorità tista' tgħaddi l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru li jistgħu jkunu interessati fiha u, f'kull każ, lil dawk kollha li jitolbuha, sakemm dan hu permess b'arranġamenti ta' assistenza ma' dak il-pajjiż terz partikolari. Tali informazzjoni tista' tiġi mgħoddija wkoll lill-Kummissjoni kull meta tkun ta' interess Komunitarju.

2.   Sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikollu impenn legali biex tipprovdi l-assistenza meħtieġa biex tinġabar evidenza tan-natura irregolari ta' operazzjonijiet li jidhru li jiksru l-leġislazzjoni tad-dazju tas-sisa, informazzjoni miksuba taħt dan ir-Regolament tista' tiġi kkomunikata lil dak il-pajjiż terz, bil-kunsens ta' l-awtoritajiet kompetenti li pprovdew l-informazzjoni, skond id-dispożizzjonijiet domestiċi tagħhom li japplikaw għall-komunikazzjoni ta' data personali lil pajjiżi terzi.

KAPITOLU VII

KONDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISKAMBJU TA' INFORMAZZJONI

Artikolu 28

Informazzjoni kkomunikata skond dan ir-Regolament għandha, sakemm hu possibli, tkun ipprovduta b'mezzi elettroniċi taħt l-arranġamenti li għandhom jiġu adotatti bil-proċedura msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 29

Talbiet għal għajnuna, inkluż talbiet għal notifiki, u dokumenti mehmuża jistgħu jsiru fi kwalunkwe lingwa miftiehma bejn l-awtorità rikjesta u dik rikjedenti. Dawn it-talbiet għandhom ikunu akkumpanjati biss minn traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru li fih hi stabbilita l-awtorità rikjesta f'każijiet speċjali biss fejn l-awtorità rikjesta tagħti raġuni għat-talba ta' tali traduzzjoni.

Artikolu 30

1.   L-awtorità rikjesta fi Stat Membru wieħed għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti fi Stat Membru ieħor l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 sakemm:

(a)

in-numru u n-natura tat-talba għal informazzjoni magħmula mill-awtorità rikjedenti f'perijodu speċifiku ma jimponux piż amministrattiv disproporzjonat fuq dik l-awtorità rikjesta;

(b)

l-awtorità rikjedenti użat is-sorsi normali ta' informazzjoni li setgħet tuża fiċ-ċirkostanzi biex tikseb l-informazzjoni mitluba, mingħajr ir-riskju li tikkomprometti l-kisba tar-riżultat mixtieq.

2.   Fejn għajnuna reċiproka tinvolvi problemi partikolari li jwasslu għal spejjeż eċċessivi l-awtoritajiet rekjedenti u rikjesti jistgħu jaqblu dwar arranġamenti speċjali ta' rimbors fil-każijiet in kwistjoni.

3.   Dan ir-Regolament m'għandu jimponi l-ebda obbligu li jkun hemm inkjesti magħmula jew li tkun ipprovduta informazzjoni jekk il-liġijiet jew il-prattiċi amministrattivi ta' l-Istat Membru li jrid iforni l-informazzjoni ma jawtorizzawx lill-awtorità kompetenti twettaq dawk l-inkjesti jew tiġbor jew tuża dik l-informazzjoni għall-iskopijiet ta' l-Istat Membru.

4.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tirrifjuta li tgħaddi informazzjoni jekk l-Istat Membru rikjedenti ma jistax, għal raġunijiet legali, jipprovdi informazzjoni simili.

5.   It-trasmissjoni ta' informazzjoni tista' tkun rifjutata jekk ser twassal għall-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta' proċess kummerċjali, jew fejn l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku.

6.   L-awtorità rikjesta għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għar-rifjut ta' talba għal għajnuna. Il-Kummissjoni għandha tkun ukoll infurmata bil-kategoriji ta' raġunijiet għal tali rifjut fuq bażi annwali għal finijiet ta' statistika.

7.   Limitu minimu li jista' jwassal għal talba għal għajnuna jista' jkun adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 31

1.   L-informazzjoni kkomunikata skond dan ir-Regolament għandha tkun koperta bl-obbligu ta' segretezza uffiċjali u għandha tgawdi l-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili kemm taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li rċeviha kif ukoll tad-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għal awtoritajiet Komunitarji.

Tali informazzjoni tista' tintuża għall-fini li tiġi stabbilita bażi ta' valutazzjoni, għall-ġbir jew il-kontroll amministrattiv tad-dazju tas-sisa, il-monitoraġġ ta' movimenti ta' prodotti soġġetti għas-sisa, għal analiżi ta' riskju u għal inkjesti.

Hija tista' tintuża b'rabta ma' proċedimenti ġuridiċi jew amministrattivi li jistgħu jinvolvu penalitajiet mibdija bħala riżultat ta' ksur tal-liġi tat-taxxa, mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali u d-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw id-dritt tad-difensuri u tax-xhieda f'tali proċedimenti.

Hija tista' tintuża wkoll biex tistabbilixxi taxxi, dazji u miżati oħra koperti bl-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/308/KEE.

Persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta' Akkreditament fi kwistjonijiet ta' Sigurtà tal-Kummissjoni jista' jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni biss sakemm hi meħtieġa għall-kura, il-manteniment u l-iżvilupp tan-netwerk CCN/CSI.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni għandha tippermetti l-użu tagħha għal skopijiet oħra fl-Istat Membru ta' l-awtorità rikjedenti, jekk il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-awtorità rikjesta tippermetti li l-informazzjoni tintuża għal finijiet simili.

3.   Fejn l-awtorità rikjedenti tqis li dik l-informazzjoni li hi rċeviet mill-awtorità rikjesta tista' tkun bżonnjuża għall-awtorità kompetenti ta' Stat Membru terz, hija tista' titrasmettiha lill-awtorità ta' l-aħħar. Hija għandha tinforma lill-awtorità rikjesta li għamlet dan. L-awtorità rikjesta tista' tagħmel il-komunikazzjoni ta' informazzjoni lil Stat Membru terz soġġetta għal kunsens minn qabel tagħha.

4.   Stati Membri għandhom jirrestrinġu l-iskop ta' l-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikolu 10, l-Artikolu 11(1) u l-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE fejn dak huwa meħtieġ biex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(e) ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 32

Rapporti, dikjarazzjonijiet u kwalunkwe dokument jew kopja vera ċertifikata jew estratti minnhom miksuba minn uffiċjali ta' l-awtorità rikjesta u kkomunikati lill-awtorità rikjedenti taħt l-għajnuna prevista f'dan ir-Regolament jistgħu jkunu użati bħala evidenza mill-korpi kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-awtorità rikjedenti fuq l-istess bażi ta' dokumenti simili pprovduti minn awtorità oħra ta' dak il-pajjiż.

Artikolu 33

1.   Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex:

(a)

jiżgura koordinazzjoni interna effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 3;

(b)

jistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet awtorizzati għall-finijiet ta' tali kooperazzjoni;

(ċ)

jiżgura funzjonament tajjeb tas-sistema ta' skambju ta' informazzjoni prevista f'dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kwalunkwe informazzjoni li hi tirċievi u li hi kapaċi tipprovdi.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 34

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar id-Dazji tas-Sisa stabbilit bl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 92/12/KE.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 35

1.   Kull ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u bbażat b'mod partikolari fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament.

Artikolu 36

Fejn l-awtoritajiet kompetenti jikkonkludu arranġamenti fuq kwistjonijiet bilaterali koperti b'dan ir-Regolament minflok jieħdu ħsieb każijiet individwali, huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha, min-naħa tagħha, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 37

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2004.

Ghall-Kunsill

Il-President

G. ZALM


(1)  L-Opinjoni mogħtija fl-1.4.2004 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 112, 30.4.2004, p. 64.

(3)  ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/56/KE (ĠU L 127, 29.4.2004, p. 70).

(4)  ĠU L 264, 15.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru. 885/2004 (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 1).

(5)  ĠU L 76, 23.3.1992, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

(6)  L-Att tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 1997 (ĠU C 24, 23.1.1998, p. 1).

(7)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(9)  ĠU L 162, 1.7.2003, p. 5.

(10)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).

(11)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

(12)  ĠU L 73, 19.3.1976, p. 18. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta’ Adeżjoni 2003.


Top