EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0243R(01)

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika strutturali kummerċjali

/* COM/2014/0243 final/2 */

52014DC0243R(01)

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika strutturali kummerċjali /* COM/2014/0243 final/2 */


Werrej

1............ INTRODUZZJONI. 3

1.1......... Regolament dwar l-istatistika strutturali kummerċjali 3

1.2......... Kontenut tas-settijiet ta' dejta ewlenin. 3

1.3......... Aċċessibbiltà għall-SBSs. 4

1.4......... Pubblikazzjonijiet fl-2012 u fl-2013. 5

2............ EFFETTIVITÀ TAR-REGOLAMENT U RILEVANZA TAS-SETTIJIET TA' DEJTA   5

2.1......... Disponibbiltà u kompletezza ta' dejta. 5

2.2......... Regoli ta’ kunfidenzjalità u l-implimentazzjoni tagħhom.. 7

2.3......... Utilità tal-SBSs. 8

3............ PREĊIŻJONI. 9

4............ KOERENZA U KUMPARABBILTÀ.. 10

4.1......... Koerenza. 10

4.2......... Kumparabbiltà. 10

5............ SKADENZI GĦALL-GĦOTI TA' DEJTA.. 10

6............ AĊĊESSIBILITÀ U ĊAREZZA.. 11

7............ KONFORMITÀ MAR-REGOLAMENT SBS. 11

8............ Il-PIŻ FUQ IN-NEGOZJI U L-MIŻURI SABIEX DAN JITNAQQAS. 12

8.1......... Sfond. 12

8.2......... Il-miżuri meħuda sabiex jitnaqqas il-piż fuq in-negozji 13

9............ ŻVILUPPI ULTERJURI. 13

1. INTRODUZZJONI 1.1. Regolament dwar l-istatistika strutturali kummerċjali

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 295/2008[1] dwar statistika strutturali kummerċjali (minn hawn 'il quddiem magħruf bħala "ir-Regolament SBS"), "il-Kummissjoni għandha, sad-29 ta’ April 2011 u darba kull tliet snin wara dan, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika kkumpilata skont dan ir-Regolament u l-aktar dwar il-kwalità tagħha u l-piż fuq il-kummerċ".

Dan ir-rapport isegwi mir-rapport ta' Mejju tal-2011[2] sottomess skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 58/97 (regolament preċedenti, li issa nbidel bir-Regolament SBS imsemmi iktar 'il fuq)

Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali tal-progress fl-implimentazzjoni tar-Regolament SBS abbażi ta' dejta finali għall-2010, is-sena ta' referenza, fir-rigward tal-istatistika strutturali kummerċjali dwar:

· is-servizzi;               

· l-industrija;

· il-kummerċ;

· il-kostruzzjoni (bini);

· is-servizzi kummerċjali kfi ukoll

· id-demografija kummerċjali.

Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-Kummissjoni sabiex tiżgura li statistika strutturali kummerċjali Ewropea ta' kwalità għolja tkun disponibbli, u dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament SBS mill-Istati Membri. Jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-piż li jitpoġġa fuq in-negozji mill-forniment tal-istatistika u l-azzjonijiet meħuda mill-Eurostat u mill-Istati Membri sabiex dan il-piż jitnaqqas.

1.2. Kontenut tas-settijiet ta' dejta ewlenin

L-istatistika strutturali kummerċjali (SBSs - structural business statistics) tagħti stampa komprensiva tal-istruttura, l-iżvilupp u l-karatteristiċi tan-negozji Ewropej kollha u tas-setturi differenti, u jagħtu kontribut importanti f'diversi oqsma oħra bħalma huma l-kontijiet nazzjonali, l-istatistika fuq żmien‑ qasir u r-reġistri tal-kummerċ.

B'mod ġenerali, id-dejta tkopri s-setturi kollha ħlief l-agrikoltura u s-servizzi personali. Id-dejta tinġabar fuq il-varjabbli li ġejjin:

· il-varjabbli relatati mal-output (pereżempju, il-fatturat u l-valur miżjud);

· il-varjabbli relatati mal-input li għandhom x'jaqsmu mal-input tax-xogħol (pereżempju, l-impjieg u s-sigħat ta' ħidma) mal-input tal-oġġetti u s-servizzi (pereżempju, x-xiri totali) u mal-input tal-kapital (pereżempju, investimenti f'oġġetti tanġibbli); kif ukoll

· il-varjabbli relatati mad-demografija kummerċjali (pereżempju, il-popolazzjoni tan-negozji attivi, l-għadd ta' negozji ġodda li nħolqu u l-għadd ta' negozji li għalqu).

Barra minn hekk, jinkisbu diversi indikaturi oħra minn dan t'hawn fuq, fil-forma ta' proporzjonijiet ta' xi varjabbli monetarji jew valuri per capita.

L-Istati Membri kollha jibagħtu diversi settijiet ta' dejta, kif meħtieġ bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 251/2009[3]. Is-settijiet ta' dejta ewlenin huma:

· statistika annwali tal-intrapriżi (il-karatteristiċi kollha jiġu ppubblikati skont il-pajjiż fi (klassijiet ta') livell ta' erba' [4]numri tal-NACE Rev.2‑);

· statistika annwali tal-intrapriżi skont il-klassi tad-daqs (il-karatteristiċi kollha jiġu ppubblikati skont il-pajjiż fi (gruppi ta') livell ta' tliet ‑numri tal-NACE Rev.2, u l-klassi tad-daqs tkun determinata mill-għadd ta' persuni impjegati);

· statistika annwali reġjonali (erba' karatteristiċi jiġu ppubblikati skont ir-reġjun NUTS 2 ta' (diviżjonijiet ta') livell ta' żewġ ‑numri tal-NACE Rev.2); u

· statistika annwali demografika skont il-forma ġuridika jew skont il-klassi tad-daqs tal-impjegati (il-karatteristiċi jiġu ppubblikati skont il-pajjiż, fi (klassijiet ta') livell ta' erba' ‑numri tal-NACE Rev.2).

Il-biċċa l-kbira tad-dejta tinġabar mill-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs) permezz ta' stħarriġiet statistiċi, reġistri kummerċjali jew minn diversi sorsi amministrattivi. L-Istati Membri japplikaw bosta metodi statistiċi, skont is-sors tad-dejta, bħal pereżempju l-estrapolazzjoni, stimi abbażi ‑ta' mudell jew forom differenti ta' imputazzjoni sabiex jiżguraw il-kwalità tal-SBSs miġbura.

Id-dejta kollha li tasal mill-Istati Membri tiġi sottomessa għal kontrolli tal-kwalità qabel ma tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-Eurostat.

1.3. Aċċessibbiltà għall-SBSs

Id-dejta kollha pprovduta mill-Istati Membri għall-2010, li hija s-sena ta' referenza, flimkien mar-riżultati aggregati tal-UE, ilhom disponibbli liberament fuq il-websajt tal-Eurostat minn Novembru tal-2012. It-taqsima tal-websajt iddedikata għall-SBS tinstab faċilment taħt l-intestatura "Industry, trade and services"[5] jew permezz tal-funzjoni tat-tfittxija (search)[6].

1.4. Pubblikazzjonijiet fl-2012 u fl-2013

Barra milli jinsabu fuq il-websajt tal-Eurostat, ir-riżultati dehru wkoll f'għadd ta' artikli ppubblikati fit-taqsima tan-negozju Ewropew ristrutturat ta' Statistics Explained[7]. Statistics Explained hija ibbażata fuq teknoloġija tat-tip Wiki Web 2.0 u l-għan ewlieni tagħha huwa li tispjega l-istatistika Ewropea billi tippreżenta dejta u tenfasizza x'inhu interessanti jew sorprendenti dwarha, filwaqt li tikkunsidra l-informazzjoni ta' sfond kollha.

L-SBSs intużat ukoll f'ħafna pubblikazzjonijiet oħra. Saru kontribuzzjonijiet kbar fl-2012 u fl-2013 fil-yearbook tal-Eurostat, il-pocketbook tal-Eurostat u l-yearbook reġjonali.

2. EFFETTIVITÀ TAR-REGOLAMENT U RILEVANZA TAS-SETTIJIET TA' DEJTA 2.1. Disponibbiltà u kompletezza ta' dejta

It-tabelli 1, 2 u 3 juru li b'mod ġenerali, id-dejta mibgħuta mill-Istati Membri hija pjuttost kompleta għall-moduli kollha tal-SBS. Il-pajjiżi jitqiesu bħala "pajjiżi kbar", "pajjiżi ta' daqs medju" jew "pajjiżi żgħar" skont is-sehem tagħhom mill-valur miżjud totali tal-UE fl-ekonomija kummerċjali.

In-nuqqas ta' dejta kien iġġustifikat mill-fatt li kien hemm xi problemi fil-kalkoli ta' ċerti indikaturi; xi dejta ma kinitx disponibbli għas-sena ta' referenza 2010; nuqqas ta' sorsi ta' dejta għal dejta reġjonali u dejta ta' "unità ta' attività ekonomika" (KAU); id-dejta kienet disponibbli wara l-iskadenza tat-trażmissjoni tad-dejta jew il-valuri żero ma kinux pprovvduti.

Il-pajjiżi wiegħdu li jipprovdu settijiet ta' dejta kompluti fit-twassil tad-dejta li jmiss (is-sena ta' referenza 2011).

Madankollu, id-disponibbiltà tal-SBSs fuq il-websajt tal-Eurostat kienet limitata mill-fatt li xi dejta, speċjalment dik tal-pajjiżi ż-żgħar, kienet kunfidenzjali.

Tabella 1:          Disponibbiltà u kunfidenzjalità tad-dejta finali għall-2010 dwar is-servizzi, l-industrija, il-kummerċ u l-kostruzzjoni, NACE Rev.2

Pajjiżi[8] || It-total ta' ċelloli mibgħuta bħala perċentwali tar-rekwiżit tar-Regolament SBS || Ċelloli kunfidenzjali bħala perċentwali taċ-ċelloli mibgħuta

Il-pajjiżi l-kbar || 94 || 10

Il-pajjiżi ta' daqs medju || 92 || 15

Il-pajjiżi ż-żgħar[9] || 98 || 24

KOLLHA || 95 || 18

Ir-riżultati tal-2010 għas-27 Stat Membru tal-UE u n-Norveġja wrew żieda ta' 5 % fid-disponibbiltà tad-dejta meta mqabbla mar-rapport preċedenti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. B'mod partikolari, il-pajjiżi ż-żgħar ipprovvdew aktar dejta għall-erba' setturi koperti fit-Tabella 1.

Bl-istess mod, id-disponibbiltà tad-dejta kienet tajba ħafna (95 %) għall-istatistika dwar is-servizzi kummerċjali (Tabella 2) u d-demografija kummerċjali (Tabella 3). Anki l-pajjiżi ż-żgħar taw kontribut importanti f'din ir-rata għolja ta' disponibbiltà.

Il-fatt li xi Stati Membri ddeċidew li ma jimmarkawx il-valuri ta' xi indikaturi bħala kunfidenzjali, meta dawn setgħu għamlu hekk, ikkontribwixxa wkoll fid-disponibbiltà għolja ta' dejta.

Tabella 2:          Disponibbiltà u kunfidenzjalità tad-dejta finali għall-2010 dwar is-servizzi kummerċjali, NACE Rev.2

Pajjiżi || It-total ta' ċelloli mibgħuta bħala perċentwali tar-rekwiżit tar-Regolament SBS || Ċelloli kunfidenzjali bħala perċentwali taċ-ċelloli mibgħuta

Il-pajjiżi l-kbar || 100 || 0

Il-pajjiżi ta' daqs medju || 97 || 10

Il-pajjiżi ż-żgħar || 90 || 15

KOLLHA || 95 || 11

Tabella 3:          Disponibbiltà u kunfidenzjalità tad-dejta finali għall-2010 dwar id-demografija kummerċjali, NACE Rev.2

Pajjiżi || It-total ta' ċelloli mibgħuta bħala perċentwali tar-rekwiżit tar-Regolament SBS || Ċelloli kunfidenzjali bħala perċentwali taċ-ċelloli mibgħuta

Il-pajjiżi l-kbar || 99 || 10

Il-pajjiżi ta' daqs medju || 91 || 12

Il-pajjiżi ż-żgħar || 98 || 13

KOLLHA || 95 || 12

2.2. Regoli ta’ kunfidenzjalità u l-implimentazzjoni tagħhom

It-tabelli fil-paragrafu 2.1 juru kemm il-kunfidenzjalità tnaqqas id-disponibbiltà tad-dejta.

L-Istati Membri kollha implimentaw regoli ta' kunfidenzjalità simili, prinċiplament sabiex jevitaw ir-rilaxx ta' dejta dwar negozju speċifiku wieħed jew aktar. F'bosta Stati Membri, dan l-approċċ kien supplimentat minn "regola ta' dominanza" li skontha d-dejta ma ġietx ippubblikata jekk rispondent wieħed kien jgħodd għal aktar minn ċertu perċentwali tal-figuri. Il-perċentwali użati jvarjaw kemxejn bejn l-Istati Membri.

Il-perċentwali tad-dejta kklassifikata bħala kunfidenzjali jvarjaw minn 0 % sa 24 %, u l-ogħla rati kienu rreġistrati mill-pajjiżi ta' daqs medju jew żgħar minħabba r-regoli msemmija hawn fuq.    

Madankollu, ir-rati tal-kunfidenzjalità għall-2010 tal-istatistika tas-setturi tas-servizzi, l-industrija, il-kummerċ u l-kostruzzjoni kienu 4 % inqas minn dawk tar-rapport preċedenti.

Minbarra r-regoli ta' kunfidenzjalità applikati għad-dejta fil-livell tal-pajjiżi, id-dejta fil-livell tal-UE wkoll inżammet mill-istatistika għall-pubblikazzjoni sabiex titħares il-kunfidenzjalità tad-dejta nazzjonali. Ir-regoli li jiddeterminaw iċ-ċirkostanzi li fihom it-totali tal-UE jridu jinżammu mill-pubblikazzjoni ġew stabbiliti f'Karta ta' Kunfidenzjalità li ntlaħaq qbil dwarha mal-Istati Membri kollha.

B'hekk, 8.3 % tar-riżultati aggregati tal-UE għall-2010, li hija s-sena ta' referenza, għall-istatistika dwar is-servizzi, l-industrija, il-kummerċ u l-kostruzzjoni ma setgħux jiġu ppubblikati għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità.

Madwar 14 % tar-riżultati aggregati tal-UE għas-servizzi kummerċjali u d-demografija kummerċjali ma setgħux ikunu disponibbli minħabba kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità. In-numri u l-perċentwali taċ-ċelloli ta' dejta kunfidenzjali huma ppreżentati fit-tabella hawn taħt. 

Tabella 4:          Kunfidenzjalità tal-varjabbli ewlenin inklużi fl-istatistika annwali tal-intrapriżi li għalihom ġew ippubblikati l-aggregati tal-UE għall-2010 għal kull livell tal-NACE Rev.2

Qasam tal-SBS || Għadd totali ta' ċelloli ta' dejta || Numru ta’ ċelloli ta' dejta kunfidenzjali || Dejta kunfidenzjali (%)

Servizzi || 5 569 || 679 || 12.2

Industrija || 8 008 || 457 || 5.7

Kummerċ || 2 092 || 170 || 8.1

Kostruzzjoni || 732 || 56 || 7.7

Total (servizzi, industrija, kummerċ u kostruzzjoni) || 16 401 || 1 362 || 8.3

Servizzi kummerċjali || 151 || 21 || 13.9

Demografija kummerċjali || 18 532 || 2 700 || 14.6

2.3. Utilità tal-SBSs

Indikatur tal-utilità tal-SBS huwa l-għadd ta' dawnlowds mill-websajt tal-Eurostat. In-numri fit-tabella hawn taħt jgħoddu għall-perjodu bejn Ottubru tal-2012 u Awwissu tal-2013, li matulu kienet disponibbli d-dejta tal-2010.

Tabella 5:          Għadd ta’ dawnlowds

Superfiċje tal-SBS || Għadd ta’ dawnlowds

127 574

Servizzi, industrija, kummerċ u kostruzzjoni || 106 594

Industrija u kostruzzjoni || 59 540

Kummerċ || 20 302

Servizzi || 13 885

dejta reġjonali — is-setturi kollha || 12 867

Servizzi kummerċjali || 5 954

Demografija kummerċjali || 15 026

3. PREĊIŻJONI

Sabiex titkejjel il-preċiżjoni tal-SBSs, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 275/2010[10] jirrikjedi li l-Istati Membri kollha, fuq bażi annwali, jipprovdu informazzjoni dwar il-kwalità tal-indikaturi lill-Eurostat bħal pereżempju l-koeffiċjenti tal-varjazzjoni. Iridu jissottomettu wkoll rapport dwar il-metodoloġija użata fil-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri kollha, l-Eurostat mexxa valutazzjoni għall-2010, li hija s-sena ta' referenza, li l-partijiet ewlenin tagħha huma inklużi f'dan ir-rapport.

L-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu dwar l-aktar metodi effiċjenti u effettivi għall-ġbir u l-ipproċessar ta' dejta, f'konformità mal-partikolaritajiet nazzjonali (pereżempju, il-klassi tad-daqs, l-attività ekonomika u r-reġjuni) u s-sorsi amministrattivi disponibbli.

Sabiex jivvaluta l-kwalita tad-dejta fil-livell tal-UE, l-Eurostat ikkalkula l-koeffiċjenti tal-varjazzjoni aggregati tal-UE abbażi tal-koeffiċjenti tal-varjazzjoni nazzjonali għal sitt karatteristiċi u għas-setturi kollha f'(Taqsima) livell ta' numru ‑wieħed tal-NACE Rev.2.

Tabella 6:          Koeffiċjenti tal-varjazzjoni aggregati tal-UE (CVs) għall-istatistika tas-servizzi, l-industija, il-kummerċ u l-kostruzzjoni (%)

2010 || Sehem tal-koeffiċjenti tal-varjazzjoni tal-UE (%)

Koeffiċjenti tal-varjazzjoni tal-UE[11] || Għadd ta’ intrapriżi || Fatturat || Valur miżjud || L-ispejjeż tal-persunal || Investiment gross || Għadd ta' persuni impjegati

0.0-0.5 || 69 || 62 || 69 || 85 || 0 || 100

0.6-1.5 || 23 || 31 || 31 || 8 || 31 || 0

1.6-2.5 || 8 || 0 || 0 || 8 || 31 || 0

>2.5 || 0 || 8 || 0 || 0 || 38 || 0

It-tabella t'hawn fuq turi li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-koeffiċjenti tal-varjazzjoni aggregati tal-UE għall-varjabbli, huma taħt 1.5, ħlief għall-varjabbli tal-"investiment gross", li għalih il-koeffiċjenti huma prinċipalment bejn 0.6 u 2.5.

B'mod ġenerali, il-koeffiċjenti tal-varjazzjoni huma anqas għall-industrija u kemxejn ogħla għall-kostruzzjoni, il-kummerċ u s-servizzi.

4. KOERENZA U KUMPARABBILTÀ

Kif imsemmi aktar 'il fuq, l-Istati Membri ntalbu jibagħtu rapport għal kull sena ta' referenza, u jagħtu informazzjoni dwar il-metodoloġija użata għall-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta.

4.1. Koerenza

Il-koerenza tfisser kemm il-korrettezza tal-istatistika tippermetti taħlit ta' dejta minn sorsi differenti. Għalhekk l-Eurostat huwa mħeġġeġ jidentifika l-fatturi komuni fl-istħarriġiet tal-SBSs u ta' negozji oħra u biex jagħraf kemm huma konsistenti.

L-SBSs tista' tintuża flimkien ma' statistika minn għadd ta' sorsi oħra, bħar-reġistri kummerċjali, il-kontijiet nazzjonali, l-istħarriġ dwar l-ispejjeż tax-xogħol, l-istatistika dwar il-forza tax-xogħol, id-demografija kummerċjali u l-istatistika għal żmien ‑qasir. L-analiżi tal-koerenza ta' bejn l-SBSs u s-sorsi statistiċi l-oħra kixfet għadd ta' differenzi kemm fid-dejta u kemm fil-metodoloġiji użati. Għal kwalunkwe sors statistiku partikolari, tintgħażel il-metodoloġija li tissodisfa bl-aħjar mod l-għanijiet ta' dak is-sors u għal din ir-raġuni hemm it-tendenza li jkun hemm differenzi fil-metodoloġiji bejn is-sorsi.

4.2. Kumparabbiltà

L-istatistika dwar is-servizzi, l-industrija, il-kummerċ u l-kostruzzjoni huma kumparabbli matul iż-żmien u bejn il-pajjiżi biss mis-sena ta' referenza 2005 'il quddiem, billi xi pajjiżi implimentaw bidliet fil-metodoloġiji u fil-kamp tal-applikazzjoni qabel dik is-sena L-implimentazzjoni tal-klassifikazzjoni l-ġdida tal-attivitajiet (NACE Rev.2) tal-2008 tevita ċ-ċaqliq ta' serje ta' żmien matul dik is-sena.

L-istatistika dwar is-servizzi kummerċjali u d-demografija kummerċjali huma kumparabbli mill-2008, meta l-istħarriġ sar obbligatorju.

5. SKADENZI GĦALL-GĦOTI TA' DEJTA

L-iskadenzi, li jridu jiġu rrispettati mill-Istati Membri meta jibagħtu d-dejta għas-sena ta' referenza, kif stabbiliti fir-Regolament SBS, huma kif ġej:

· 10 xhur wara tmiem is-sena għall-istatistika preliminarja dwar is-servizzi, l-indistrija, il-kummerċ u l-kostruzzjoni; u

· 18-il xahar wara tmiem is-sena għad-dejta finali tas-setturi kollha.

Għas-sena ta' refernza 2010, 19-il pajjiż bagħat id-dejta tiegħu fil-ħin għall-oqsma kollha tal-SBS.

Derogi mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament SBS ingħataw lil xi Stati Membri sabiex jitħallew jadattaw kif meħtieġ is-sistemi nazzjonali tagħhom tal-istatistika. Derogi kompluti ngħataw lill-Estonja u Franza għall-istatistika dwar is-servizzi kummerċjali.

6. AĊĊESSIBILITÀ U ĊAREZZA

L-SBSs kollha huma disponibbli b'xejn fuq il-websajt tal-Ewrostat fil-qasam "Industry, trade and services", flimkien ma' spjegazzjonijiet dettaljati tal-kwistjonijiet metodoloġiċi li jistgħu jkunu rilevanti għall-utenti[12].

L-NSIs jippubblikaw ukoll l-SBSs fil-livell nazzjonali, u dan ifisser li d-dejta hija aċċessibbli aktar faċilment għall-utenti.

7. KONFORMITÀ MAR-REGOLAMENT SBS 

Il-konformità tal-Istati Membri mar-Regolament SBS hija vvalutata abbażi tal-kompletezza tad-dejta pprovvduta, l-għadd ta' verżjonijiet li jintbagħtu qabel il-pubblikazzjoni tad-dejta finali, u jekk id-dejta tasalx sal-iskadenzi.

Il-punti ta' konformità globali tad-dejta għall-2010 juru li sar titjib fil-livell ta' konformità minn dak irreġistrat fir-rapport preċedenti. Issa l-maġġoranza tal-pajjiżi qed jibagħtu dejta aktar fil-pront minn kif kien isir qabel, għalkemm xi wħud għadhom jonqsu milli jirrispettaw l-iskadenzi, li jdewwem il-pubblikazzjoni tal-aggregati tal-UE.

Intbagħtet medja ta' 1.4 verżjoni għad-dejta ta' kull Stat Membru qabel il-pubblikazzjoni tad-dejta finali.

It-tabella 7 turi valutazzjoni ġenerali tal-konformità għas-27 Stat Membru u n-Norveġja għal kull qasam li kien soġġett għar-Regolament SBS għas-sena ta' referenza 2010.

Il-pajjiżi ngħataw grad minn dawn l-erbgħa għall-konformità:

· TĦ =          Konformità tajba ħafna Id-dejta meħtieġa kollha (b'eċċezzjonijiet minuri) intbagħtet fil-ħin (b'punteġġ ta' 90 % jew aktar).

· T    =          Konformita tajba. Kien hemm ftit elementi nieqsa jew dewmien minuri fit-twassil tad-dejta (b'punteġġ bejn 70 u 89 %).

· P     =          Id-dejta kienet disponibbli b'mod parzjali iżda taqsimiet kbar ta' informazzjoni meħtieġa kienu nieqsa jew l-iskadenzi ma ġewx irrispettati (b'punteġġ bejn 10 u 69 %)

· N    =          Parti kbira tad-dejta kienet nieqsa jew kien hemm dewmien kbir fit-twassil tad-dejta (b'punteġġ ta' anqas minn 10 %).

Tabella 7:          Valutazzjoni globali tal-konformità

Pajjiżi || Riżultat ġenrali

AT, BE ,BG, CZ, DE, EE, ES, FI, FR, HU, LT, LV, NO, PT, RO, SI, SK || TĦ

CY, DK, IE, IT, LU, NL, PL, SE, UK || T

EL, MT || P

- || N

It-tabella ta' hawn fuq turi li l-konformità kienet "tajba ħafna" jew "tajba" għall-maġġoranza tal-Istati Membri.

L-Eurostat ħa passi biex itejjeb il-konformità b'żewġ modi: billi rrapporta fuq il-monitoraġġ tal-konformità mwettaq u billi pprovda lill-Istati Membri b'għodda għall-validazzjoni tad-dejta.

Issa l-Eurostat jissottometti rapport tal-konformità lill-Grupp ta' Tmexxija tal-SBS darbtejn fis-sena u jipprovdi wkoll rapport lill-Grupp ta' Diretturi tal-Istatistika Kummerċjali darba fis-sena. F'xi każijiet, id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat bagħat ukoll xi ittri lill-kapijiet tal-NSIs.

L-Eurostat esplora modi kif inaqqas l-għadd ta' verżjonijiet ta' dejta mibgħuta mill-Istati Membri qabel il-pubblikazzjoni tad-dejta finali. L-Eurostat żviluppa wkoll għodda ta' valutazzjoni tad-dejta li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jiċċekkjaw il-preċiżjoni u l-kunfidenzjalità potenzjali qabel jibagħtulu d-dejta.

8. Il-PIŻ FUQ IN-NEGOZJI U L-MIŻURI SABIEX DAN JITNAQQAS 8.1. Sfond

Sabiex ikun jista' jadatta għal ambjent ekonomiku li jinbidel u sabiex jirrispondi fil-pront lill-utenti bi bżonn ġdid għall-istatistika skont il-bżonn, l-Eurostat qiegħed kontinwament ifittex li jidentifika modi differenti li bihom is-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) issir aktar flessibbli fir-rigward tal-SBSs.

Madankollu, il-miżuri li jistgħu jgħinu biex tinkiseb sistema ta' statistika kummerċjali flessibbli u ta' kwalità għolja jridu jkunu soġġetti għal-limiti imposti b'mod impliċitu mill-għan li jitnaqqas il-piż tal-istatistika fuq ir-rispondenti, l-aktar in-negozji, u mit-tnaqqis ta' riżorsi disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika. Il-ħidma f'dawn il-limiti tfisser li l-Eurostat jeħtieġ li jimmira lejn l-iżvilupp razzjonali tal-istatistika kummerċjali billi jsib sinerġiji, jipprijoritizza u jiffoka fuq il-miri Ewropej.

F'konformità mal-Komunikazzjoni Viżjoni (COM(2009) 404), tnieda proġett biex jiġi stabbilit regolament qafas li jintegra l-istatistika kummerċjali (FRIBS) li se jissemplifika l-produzzjoni tal-istatistika kummerċjali billi jipprovdi infrastruttura kondiviża u jiddefinixxi rekwiżiti ta' dejta konsistenti.

8.2. Il-miżuri meħuda sabiex jitnaqqas il-piż fuq in-negozji

L-Eurostat jaħdem mal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs) fuq bażi kontinwa sabiex isib modi kif jitnaqqas il-piż fuq in-negozji billi jissimplifika r-rekwiżiti tad-dejta, filwaqt li fl-istess ħin jiżgura li l-istatistika disponibbli tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti.

Wara ħafna konsultazzjonijiet mal-utenti ewlenin tal-SBSs, kemm fi ħdan il-Kummissjoni u kemm barra minnha, l-Eurostat identifika għadd ta' modi possibbli ta' kif jitnaqqas il-piż minn fuq l-NSIs u n-negozji. Dawn il-miżuri huma relatati mar-rekwiżiti imposti fuq in-negozji tas-servizzi finanzjarji, id-dettalji rikjesti għas-settijiet ta' dejta pluriennali u t-twaqqif ta' settijiet ta' dejta abbażi ta' KAU.

Minbarra t-tibdil imsemmi hawn fuq, il-lista ta' karatteristiċi meħtieġa qed tiġi riveduta u din ir-reviżjoni se tikkunsidra l-proposti tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESSC) dwar oqsma li ma għandhomx jingħataw prijorità. 

Xi wħud mill-passi li ttieħdu mill-Istati Membri sabiex jitnaqqas il-piż minn fuq in-negozji kienu relatati mal-ġbir ta' dejta għall-SBSs. Ta' spiss jintużaw kampjuni ta' stħarriġiet mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u dawn adottaw strateġiji ġodda ta' kampjunar sabiex jitnaqqas il-piż minn fuq in-negozji u l-ispejjeż għall-NSIs.

Barra minn hekk, għadd ta' pajjiżi eskludew in-negozji ż-żgħar mill-istħarriġiet tagħhom u minflok użaw sorsi ta' dejta amministrattiva flimkien ma' stimi.

F'ħafna Stati Membri, hemm preferenza kbira li dejjem qed tiżdied għall-użu ta' sorsi ta' dejta amministrattiva minflok iwettqu stħarriġiet. Madankollu, hemm diversi ostakli għall-użu ta' dejta amministrattiva biss, li ġeneralment huma differenti minn dejta statistika, pereżempju, f'dawk li huma definizzjonijiet, formati, kodiċijiet u protokolli ta' trażmissjoni użati. L-NSIs qed jaħdmu mal-korpi responsabbli għad-dejta amministrattiva sabiex jippruvaw jegħlbu l-ostakli, u dan jippermettilhom li jagħmlu użu akbar mid-dejta amministrattiva u jissemplifikaw il-proċess tal-ġbir tad-dejta. 

Xi pajjiżi żviluppaw u implimentaw sistemi onlajn għall-ġbir annwali ta' informazzjoni fiskali u statistika. Dawn is-sistemi jużaw teknoloġija tal-informazzjoni moderna u jistgħu jtejbu l-kwalità tad-dejta u jnaqqsu ż-żmien meħtieġ sabiex din tiddaħħal u tiġi pproċessata.

Il-piż fuq in-negozji jiġi kkunsidrat kull meta jsir xi tibdil fir-rekwiżiti tad-dejta jew fil-proċessi tal-produzzjoni tad-dejta. Madankollu, il-produzzjoni ta' SBSs ta' kwalità ‑għolja li tissodisfa l-bżonnijiet tal-utenti b'mod kosteffettiv tibqa' l-objettiv ewlieni.

9. ŻVILUPPI ULTERJURI

L-ESS tfittex b'mod kontinwu li tindentifika modi ta' kif tirrispondi għall-ħtiġijiet ġodda u li qed jitfaċċaw għall-istatistika, filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas kemm il-piż fuq ir-rispondenti u l-kostijiet tal-produzzjoni tal-istatistika.

L-Eurostat żviluppa programm għall-modernizzazzjoni tal-istatistika Ewropea tal-intrapriża u l-kummerċ (il-programm MEETS)[13] li tħaddem għal sitt snin, mill-2008 sal-2013. Ir-riżultat ewlieni tiegħu kien il-proposta għal passi prattiċi għall-modernizzazzjoni tal-istatistika kummerċjali, bħall-iżvilupp ta' ġabra ta' indikaturi fil-mira u t-twettiq ta' reviżjoni tal-prijoritajiet. L-implimentazzjoni ta' din il-proposta se tirrikjedi impenn u investiment sinifikanti mill-ESS fis-snin li ġejjin.

[1]     Ir-Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar statistika strutturali kummerċjali (formulazzjoni mill-ġdid) ĠU L 97, 9.4.2008, p. 13.

[2]     COM(2011) 242 finali.

[3]     Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 251/2009 tal-11 ta' Marzu 2009 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-serje ta' dejta li għandha tiġi prodotta għall-istatistiċi strutturali tal-kummerċ u l-adattamenti meħtieġa wara l-klassifikazzjoni ta' statistika tal-prodotti assoċjati mal-attività (CPA), ĠU L 86, 31.3.2009, p. 170.

[4]     Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda

r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika, ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.

[5]     http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/search_database.

[6]     http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/eurostat/home.

[7]     http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Category:Structural_business_statistics.

[8]     Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż fuq in-negozji u l-ispejjeż għall-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, l-Istati Membri jistgħu jimmarkaw dejta għall-użu bħala "kontribut għat-totali Ewropej biss" (CETO). L-Eurostat ma jippubblikax dejta ta' dan it-tip u ma tiġix immarkata bħala "CETO" meta l-Istati Membri jippubblikawha b'mod nazzjonali. L-użu tal-bandiera CETO jiddependi mis-sehem li l-Istat Membru jkollu mill-valur miżjud totali fl-ekonomija kummerċjali kif ġej:

Il-pajjiżi l-kbar: DE, FR, IT, UK;

Il-pajjiżi ta' daqs medju: BE, DK, ES, GR, IE, NL, AT, PL, PT, FI, SE, NO; kif ukoll

Il-pajjiżi ż-żgħar: BG, CZ, EE, CY, LV, LT, LU HU, MT, RO, SI, SK.

[9]     Id-dejta għal Malta hija mill-2009 'il quddiem.

[10]            Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 275/2010 tat-30 ta' Marzu 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' kriterji għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-istatistiċi strutturali kummerċjali ĠU L 86, 1.4.2010, p. 1.

[11]    Il-koeffiċjenti tal-varjazzjoni ġew ikkalkulati għad-dejta finali tal-2010 għas-serje 1A, 2A, 3A u 4A (l-Annessi I-IV) f'(Taqsima) livell ta' numru wieħed tal-NACE Rev.2

[12]    http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/eurostat/home.

[13]    Id-Deċiżjoni Nru 1297/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar Programm għall-Modernizzazzjoni tal-Istatistika Ewropea tal-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS) ĠU L 340, 19.12.2008, p. 76.

Top