Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0110R(01)

    Corrigendum : Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-politika ta’ koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013 SEG(2010)360

    /* KUMM/2010/0110 finali/2 */

    52010DC0110R(01)

    Corrigendum : Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-politika ta’ koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013 SEG(2010)360 /* KUMM/2010/0110 finali/2 */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussell 28.4.2010

    KUMM(2010)110 finali/2

    CORRIGENDUMAnnule et remplace le document COM(2010) 110 final du 31.3.2010.Concerne la langue MT, aux pages 10 et 11, légende des graphiques 2 et 3.

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-politika ta’ koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013

    SEG(2010)360

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-politika ta’ koeżjoni: Rapport strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013

    1. Introduzzjoni

    Din il-Komunikazzjoni tagħti għall-ewwel darba ħarsa ġenerali sħiħa lejn l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni 2007-2013. Hija bbażata primarjament fuq is-27 rapport strateġiku nazzjonali, li huma karatteristika ġdida tal-politika ta' koeżjoni għal dan il-perjodu[1].

    Ir-rapporti strateġiċi nazzjonali ġew introdotti biex itejbu t-trasparenza u jħeġġu r-responsabbiltà tal-politika f'livell nazzjonali fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża tal-politika ta' koeżjoni. Għalhekk ir-rapporti strateġiċi nazzjonali huma għodda ewlenija fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-impenji strateġiċi tal-Istati Membri biex jintlaħqu miri għoljin tal-UE permezz tal-politika ta' koeżjoni.

    Din il-Komunikazzjoni hija maħsuba biex tiffaċilita d-diskussjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE minħabba r-rwol sinifikanti tal-politika fit-trawwim ta' żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli fir-reġjuni u fl-Istati Membri tal-Ewropa. Għal dan il-għan, it-taqsima tal-konklużjoni tagħmel ir-rikkmandazzjonijiet dwar kif tista' tissaħħaħ l-implimentazzjoni effettiva biex jiġi mmassimizzat il-kontribut tal-programmi 2007-2013 biex isaħħaħ ir-reviżjoni inter pares u t-tagħlim tal-politiki, u bil-għan li tagħti kontribut lejn l-istrateġija Ewropa 2020.

    L-Istati Memri rrappurtaw li l-impenji oriġinali li jinvestu f'tibdil strutturali qegħdin iseħħu. Diġà ntgħażlu l-proġetti li jwasslu għal 'il fuq minn EUR 93 biljun jew 27 % tal-volum finanzjarju totali tal-perjondu, wara madwar 18-il xahar ta' implimentazzjoni attiva. Fi ħdan din ix-xejra ġenerali, il-prijoritajiet allokati tal-UE qegħdin jintgħażlu bl-istess rata, jew b'rata daqsxejn iżjed mgħaġġla. L-iżjed li qed jiġri dan huwa minħabba r-reazzjoni flessibbli u amministrattivament simplifikata tal-programmi politiċi għall-ħtiġijiet ġodda, li qed tkabbar l-effikaċja tal-fondi, ukoll permezz tal-użu tat-tibdiliet regolatorji proposti mill-Kummissjoni u adottati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew fl-2009.

    Bosta investimenti prijoritarji tal-UE ġew irrappurtati li qegħdin jimxu tajjeb, b'terz jew aktar tal-investiment ippjanat allokat għal proġetti f'oqsma bħal dak tal-istimolu għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-SMEs; l-użu tal-manuvrar finanzjarju għall-provvista tal-kapital lill-SMEs (pereżempju, l-inizjattiva JEREMIE); il-promozzjoni ta' trasport urban nadif; l-implimentazzjoni ta' suq tax-xogħol attiv u ta' politiki tat-tagħlim tul il-ħajja; u t-tiġdid tal-infrastrutturi tal-edukazzjoni u tas-saħħa. Ir-rapporti mingħand l-Istati Membri jiġbdu l-attenzjoni wkoll lejn l-oqsma fejn il-progress miexi bil-mod, u juru fejn hu meħtieġ biċ-ċar li jsir segwitu.

    L-Istati Membri għamlu sforz kbir biex iwasslu rapporti strateġiċi li jippreżentaw kemm l-elementi relevanti kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi dwar l-implimentazzjoni. Il-programmi 2007-2013 tnedew b'suċċess, iżda għadhom fi stadju bikri ta' nfiq. Huwa kmieni wisq biex ikun hemm ħafna dejta dwar produzzjoni, riżultati, u partikolarment dwar l-impatti. Dan għandu jinbidel meta jkun imiss ir-rappurtar tal-2012, meta wieħed jistenna li jkun hemm provi aktar komprensivi tar-riżultati u tal-impatti bikrija.

    Mehmuż ma' din il-Komunikazzjoni hawn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal[2] separat, li juri l-progress li ġie rrappurtat f'xi proġetti magħżulin, jagħti kummentarju qasir dwar ix-xejriet ewlenin, kif ukoll ġabra ta' 40 prassi tajba identifikati fir-rapporti Nazzjonali.

    2. L-iżviluppi u x-xejriet soċjo-ekonomiċi

    Il-kriżi finanzjarja u ekonomika li bdiet fl-2008 ġabet taqliba kbira fix-xena ekonomika tal-UE. Għalkemm fl-2006 u l-2007, meta tfasslu l-Oqfsa Nazzjonali Strateġiċi ta' Referenza (NSRFs) [3], it-tkabbir ekonomiku kien ta' xi 3 %, il-PGD naqas f'daqqa mis-sajf tal-2008 'l hawn, inizjalment minħabba t-taqlib finanzjarju. Minn dak iż-żmien 'il hawn naqas l-impjieg u l-qgħad bħalissa laħaq l-ogħla livell tiegħu tul dawn l-aħħar għaxar snin u fuqhom. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-konsum u fl-investiment kien sostanzjali u d-dejn pubbliku għola f'salt f'bosta Stati Membri. F'dan il-kuntest mhijiex sorpriża li l-biċċa l-kbira tar-rapporti nazzjonali jagħmlu kuntrast bejn is-sitwazzjoni kif kienet qabel ma tfasslu l-NSRFs u s-sitwazzjoni kif saret mill-2008 'l hawn. Ir-rapporti kważi kollha iħarsu lejn it-tibdil reġjonali jew lokali filwaqt li iżjed minn nofshom jistudjaw ir-relevanza ta' dan it-tibdil għall-programmi.

    Fl-2008 it-tkabbir fil-PGD fl-UE kien diġà baxx ħafna (0,8 %) u naqas b'medja ta' iżjed minn 4 % fl-2009. Ir-riċessjoni kienet partikolarment kiefra fl-Istati Baltiċi, b'rati negattivi ta' bejn l-14 % u t-18 %. Il-Polonja biss gawdiet it-tkabbir ekonomiku fl-2009 (1,2 %). Iżda l-previżjonijiet qegħdin juru l-ewwel sinjali ta' rkupru ekonomiku. Minkejja li t-tkabbir ekonomiku se jkun baxx fl-2010, għandu jerġa' jkun pożittiv fl-UE, u l-Istati Membri kollha se juru tkabbir fil-PGD fl-2011.

    Il-qgħad kien ta' 9,6 % f'Diċembru 2009 mqabbel ma' 8,2 % f'Diċembru 2008[4]. Xi pajjiżi ġew affettwati mill-kriżi b'mod partikolari. Fl-Irlanda u fi Spanja ż-żieda fir-rata tal-qgħad bejn wieħed u ieħor irduppjat tul din l-aħħar sena, waqt li fl-Istati Baltiċi r-rata żdiedet bi tliet darbiet. Il-Latvja (22,8 %) u Spanja (18,8 %) kellhom l-ogħla rati fl-aħħar tal-2009. Huwa probabbli li l-kriżi żiedet ukoll id-differenzi reġjonali fis-suq tax-xogħol. Minħabba l-probabbiltà li l-qgħad se jibqa' fuq livell għoli għal ftit ta' żmien, hemm ir-riskju ta' qgħad għat-tul ta' żmien u ta' esklużjoni soċjali.

    It-tnaqqis ekonomiku kkawża wkoll deterjorament qawwi fil-klima tal-kummerċ u fil-fiduċja tal-konsumaturi. L-investiment totali naqas b'xi 15 % fl-2009 mqabbel mas-sena ta' qabel, u l-konsum naqas b'xi 3 %. L-esportazzjoni ta' oġġetti u ta' servizzi naqset b'mod drammatiku, kważi b'20 % u l-investiment dirett barrani naqas f'bosta pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant[5]. F'rwol kontraċikliku, l-infiq pubbliku żdied. Din iż-żieda hija l-aktar ir-riżultat tal-protezzjoni li ngħatat mis-sistemi nazzjonali tal-għajnuna soċjali u tal-pjanijiet ta' stimolu li adottaw bosta Stati Membri fil-kuntest tal-Pjan għall-Irkupru Ekonomiku Ewropew. L-effett ikkumbinat tat-tnaqqis fil-qgħad u ż-żieda fl-infiq soċjali probabbilment se jkun sostanzjalment differenti minn Stat Membru għal ieħor. L-infiq soċjali huwa mistenni li jiżdied minn 27,5 % għal 30,8 % tal-PGD tal-UE bejn l-2007 u l-2010.

    Il-Ħames Rapport ta' Koeżjoni li se jiġi adottat aktar tard fl-2010 se juri stampa iżjed sħiħa tal-iżviluppi fid-differenzi soċjo-ekonomiċi.

    3. L-ISFIDI U L-PROGRESS TAL-IMPLIMENTAZZJONI

    Ir-rapporti nazzjonali juru stampa tal-kuntesti differenti ħafna li fihom qegħdin jitwettqu l-programmi 2007-2013.

    Il-kwistjonijiet li jidhru hawn taħt ġew identifikati mill-Istati Membri bħala ostakoli sistemiċi għall-implimentazzjoni ta' malajr:

    - id-dewmien fil-qbil dwar il-baġit tal-UE, id-dewmien fl-adozzjoni tar-Regolamenti, tal-Linjigwida Strateġiċi Komunitarji (CSGs) [6] u n-negozjar sussegwenti tal-programmi[7];

    - il-bidliet fir-regoli dwar il-kontroll finanzjarju jidher li huma l-ikbar kontributur għad-dewmien fl-implimentazzjoni waqt li l-Istati Membri jadattaw ruħhom għas-sistema ġdida ta' kontroll[8];

    - il-komplessità tal-ġestjoni tal-programmi li l-perjodi tagħhom jaħbtu flimkien[9];

    - distribuzzjoni mhux ċara ta' ħidmiet fuq livell nazzjonali, nuqqas ta' esperjenza, nuqqas ta' kapaċità amministrattiva kemm fil-livelli tal-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll tal-benefiċjarji, u r-riorganizzazzjoni interna tal-proċessi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi[10].

    L-impatt tar-riċessjoni ekonomika globali li bdiet fil-ħarifa 2008 huwa msemmi biċ-ċar f'bosta rapporti li jikkomplika t-twettiq u jbiddel it-talbiet mistennija[11]. Grupp ta' Stati Membri jsemmu l-impatt tar-restrizzjonijiet li qed jiżdiedu fil-finanzjament pubbliku nazzjonali jew lokali[12]. Tnejn isemmu l-użu ta' self mill-BEI bħala garanzija għall-kofinanzjament nazzjonali (LT, HU). Ir-rapporti tar-Repubblika Ċeka u tar-Renju Unit isemmu t-tibdil fir-rati tal-kambju bħala sfida addizzjonali. Skont xi Stati Membri, minkejja dan, il-programmi nbdew malajr bħal ma ġara fl-imgħoddi[13].

    Il-miżuri tal-irkupru ekonomiku skont il-politika ta' koeżjoni Il-Komunikazzjoni "Il-politika ta' Koeżjoni: l-investiment fl-ekonomija vera"[14] (u riformi leġiżlattivi ta' sostenn) elaborat dwar l-elementi importanti tal-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew[15], u tinkludi r-rikkmandazzjonijiet lill-Istati Membri. Il-pakket ta' rkupru ntlaqa' tajjeb mill-Istati Membri. Minħabba li l-kriżi qed taffetwahom b'modi differenti, l-użu tal-miżuri proposti varja minn Stat Membru għal ieħor. Il-maġġoranza tal-pajjiżi kkonfermaw bil-qawwa r-relevanza kontinwa tal-istrateġiji miftehma. L-NSRFs, bħall-biċċa l-kbira tal-programmi, b'mod ġenerali jagħtu biżżejjed flessibbiltà biex ilaħħqu mal-kuntest soċjo-ekonomiku li qiegħed fi stat ta' tibdil. Ħafna Stati Membri analizzaw il-ħtieġa li jissodisfaw bżonnijiet ġodda jew li jħaffu l-implimentazzjoni. Ir-reazzjonijiet ivarjaw bejn miżuri ta' simplifikazzjoni (it-tnaqqis ta' piżijiet minn fuq il-benefiċjarji), l-użu ta' flessibbiltà interna fil-prijoritajiet, il-modifikazzjoni tal-allokazzjonijiet finanzjarji bejn il-prijoritajiet jew tibdil fir-rati ta' kofinanzjament. L-iżjed miżuri li ntużaw jinvolvu miżuri ta' attivazzjoni tas-suq tax-xogħol, immirati lejn dawk in-nies li huma l-iżjed affettwati mill-kriżi (ESF) u iktar użu tal-istrumenti tal-manuvrar finanzjarju mit-EUR 3 biljun li kienu oriġinarjament ippjanati, mingħajr ma jitqies il-kapital privat ta' appoġġ (jiġifieri JEREMIE u fondi ta' mikrofinanzjament għal dawk li huma affettwati mill-kriżi (DE)). Inbidlu numru iżgħar ta' programmi biex jippermettu miżuri ġodda bħall-investiment fl-effiċjenza tal-enerġija. Il-pagamenti minn quddiem addizzjonali tal-UE fl-2009 fornew lill-Istati Membri b'injezzjoni ta' kontanti ta' €6,25 biljuni fl-2009 bil-għan li jiżdied il-prefinanzjament u jaċċelleraw l-investimenti. Il-biċċa l-kbira tar-rapporti nazzjonali jagħtu d-dettalji ta' kif dan ġie applikat, ta' sikwit b'tibdiliet fil-politiki u l-proċeduri nazzjonali. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport miġbur fil-qosor tal-mobilizzazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni fil-kuntest tar-riċessjoni qabel nofs l-2010. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma mistiedna li jħaffu l-eżaminazzjoni tagħhom tal-proposti tal-Kummissjoni ta' Lulju 2009 dwar iżjed tibdiliet regolatorji, biex jaslu għal deċiżjoni bikrija. |

    - Vantaġġ wieħed tal-biċċa l-kbira tar-rapporti nazzjonali huwa li jiddiskutu wkoll il-miżuri li twettqu biex jingħelbu jew ipattu għad-diffikultajiet fl-implimentazzjoni. L-Istati Membri taw ukoll eżempji ta' prassi tajba[16] li jenfasizzaw il-fatturi tas-suċċess fl-implimentazzjoni li jidhru hawn taħt:

    - il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni waqt il-finalizzazzjoni tar-Regolamenti u tal-Linjigwida;

    - ir-rabtiet pożittivi bejn l-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni u r-riformi settorjali f'oqsma bħall-edukazzjoni, ix-xjenza/ir-riċerka, is-servizzi tas-saħħa u l-ambjent kummerċjali;

    - l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

    - l-effetti pożittivi tal-pjanijiet ta' investiment u riformi aktar wesgħin (reformi governattivi reġjonali jew lokali, riformi tal-baġit pubbliku, riformi tar-regoli ambjentali jew tal-akkwist) iżda d-dewmien f'xi riformi għandu konsegwenzi negattivi wkoll;

    - is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi (nazzjonali u/jew reġjonali);

    li ssostni l-intraprenditorija u tieħu ħsieb il-lakuni fis-suq tax-xogħol billi trawwem l-adattabilità.

    Għal dawk l-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni wara l-2004, jidher ċar li l-programmi huma marbuta mill-qrib mal-indirizzar tal-isfidi ewlenin tal-inklużjoni soċjali, tal-modernizzazzjoni tal-ekonomija u tal-bini ta' istituzzjonijiet u kapaċitajiet. Ħafna mir-rapporti strateġiċi jiddiskutu wkoll ir-rwol tal-governanza b'ħafna livelli u tas-sħubija fil-programmi tagħhom fil-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta' livelli differenti ta' gvernar li jinvolvu lis-soċjetà ċivili u l-interessi kummerċjali u jintegraw l-għanijiet differenti settorjali.

    4. L-Implimentazzjoni tal-istrateġiji miftehmin u l-progress lejn l-għanijiet

    Żewġ komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni diġà taw idea tal-prijoritajiet li sar ftehim dwarhom, tal-programmi 2007-2013 marbutin mat-tkabbir u l-miri għall-impjiegi tal-UE[17] u, b'mod aktar ġenerali, dwar ir-riżultati tan-negozjati tal-programmi[18]. Fi ftit kliem, għar-reġjuni inqas żviluppati li ġew speċifikati għall-obbjettiv ta' Konverġenza (81 % tar-riżorsi) u r-reġjuni li jaqgħu fl-ambitu tal-obbjettiv tal-Kompetittività u ta’ Impjieg Reġjonali (RCE) (15 % tar-riżorsi) 65 % u 82 % tal-fondi għandhom jiġu investiti rispettivament f'temi prijoritaji tal-UE. Ġew "allokati" bejn wieħed u ieħor EUR 230 biljun għall-investiment fil-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE bi qbil mal-prijoritajiet ta' livell għoli tal-UE li ġew stabbiliti skont l-Aġenda ta' Lisbona.

    Il-progress lejn l-obbjettivi li ġew stabbiliti oriġinarjament permezz tas-CSGs, l-NRFs u l-Linji Gwida Integrati għat-tkabbir u l-impjiegi[19] jidher hawn taħt. Din l-informazzjoni ttieħdet mir-rapporti nazzjonali dwar il-proġetti maħsuba (allokazzjonijiet għall-proġett magħżul), mix-xejriet bikrija tal-infiq u mill-evidenza bikrija nnutata fis-sorveljanza u l-istimi.

    4.1. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni

    Il-volum finanzjarju rrappurtat tal-proġetti magħżulin huwa ta' EUR 93,4 biljun, li jirrappreżentaw iżjed minn 27 % tar-riżorsi disponibbli tal-UE f'dan il-perjodu. Din ir-rata medja tal-għażla ta' proġetti hija osservata mill-qrib mit-tliet obbjettivi – il-Konverġenza, l-RCE u l-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) – u tapplika ugwalment għar-rata ta' għażla tal-kategoriji tal-Allokazzjoni ta' Lisbona. Total ta' EUR 63 biljun ġew irrappurtati li huma allokati għall-proġetti ta' allokazzjoni ta' Lisbona.

    Iżda fuq livell nazzjonali l-progress tal-implimentazzjoni huwa iżjed varjabbli, kif jidher fil-Grafika 1. Fil-każ tal-Istati Membri li huma taħt il-medja hemm riskju ogħla ta' dewmien tat-twettiq sakemm ma tiġix aċċellerata r-rata tal-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal2 mehmuż juri b'aktar dettal il-progress tal-proġetti magħżula.

    Mil-lat tal-ħtiġijiet tal-investiment, il-prijoritajiet allokati tal-UE li huma diġà deċiżi għal dan il-perjodu huma allinjati mill-qrib mal-prijoritajiet fl-istrateġija Ewropa 2020. Vantaġġ wieħed tas-sistema ta' informazzjoni ta' "kategorizzazzjoni" huwa li s-86 "tema prijoritarja" li ġew identifikati jistgħu jitqiesu skont il-prijoritajiet tematiċi ewlenin (jiġifieri trasport, enerġija) jew fid-dawl ta' prijoritajiet politiċi multidixxiplinari (jiġifieri l-innovazzjoni jew it-tibdil fil-klima).

    Grafika 1: Ir-rati aggregati rrappurtati tal-għażliet ta' proġetti skont l-Istat Membru

    [pic]

    Fit-Tabella 1 ta' hawn taħt, id-dejta dwar il-volum finanzjarju ta' proġetti magħżula mir-rapporti nazzjonali tqassret skont il-prijoritajiet stabbiliti fis-CSGs. Dan juri l-progress relattiv fl-għażla tal-proġetti skont l-obbjettivi differenti.

    Tabella 1: Il-Progress tat-twettiq tal-prijoritajiet Allokati ta' Lisbona 2007-2013 skont l-Obbjettiv.

    Allokazzjoni ta' Lisbona | Mhux allokati |

    Id-Dimensjoni Territorjali | 0.482 | 0.138 | 28.7% |

    3.458 | 0.709 | 20.5% | 3.900 | 1.020 | 26.9% |

    | | | | | | | |Għajnuna Teknika | | | |10.594 |2.993 | 28.3% | | | | | | | | | | Total | 228.233 |63.031 |27.6% |116.072 |30.413 |26.1% | | Bosta Stati Membri issa kkonfermaw li d-dixxiplina imposta mir-rekwiżit tal-"allokazzjoni" tejbet il-kwalità u l-konċentrazzjoni tal-ipprogrammar. Id-dejta li tiġi rrappurtata mill-Istati Membri tippermetti wkoll l-analiżi tal-progress relattiv bejn il-prijoritajiet allokati u dawk mhux allokati ta' kull Stat Membru. Il-Grafiki 2 u 3 juru l-progress relattiv tal-allokazzjoni skont l-obbjettivi ta' Konverġenza u RCE rispettivament. Il-grafika hija ppreżentata mil-lat ta' importanza finanzjarja assoluta dejjem tonqos (mix-xellug għal-lemin).

    Grafika 2: Allokazzjoni ta' Lisbona - Obbjettiv ta’ Konverġenza: Il-volum tal-proġetti magħżula bħala % tat-total

    [pic]

    Grafika 3: Allokazzjoni ta' Lisbona - Objettiv tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi: Il-volum tal-proġetti magħżula bħala % tat-total

    [pic]

    4.2. Xejriet fl-Infiq

    Mil-lat tal-ħlas tal-finanzament tal-UE, EUR 108 biljun ġew trasferiti lill-Istati Membri fis-snin 2007-2009. EUR 64 biljun marbutin ma' nefqa reali skont il-programmi 2000-2006 u EUR 44 biljun marbutin ma' avvanzi u nefqa reali skont il-programmi 2007-2013 (Grafika 4)

    Ir-rapporti nazzjonali jipprovdu l-informazzjoni dwar l-infiq skont il-programm u jirreferu esklussivament għal dan l-aħħar perjodu. Sa llum ġew iddikjarati EUR 23,3 biljun ta' nefqa interim fl-ambitu tal-programmi 2007-2013[20]. Fl-2009 kien hemm aċċellerazzjoni ċara fl-infiq iċċertifikat skont il-programmi l-ġodda ladarba kienu għalqu l-programmi ta' qabel.

    Grafika 4: Ħlasijiet tal-UE lill-Istati Membri – 2000-2009 (ERDF, ESF u Fond tal-Koeżjoni – Biljuni ta' EUR f'prezzijiet attwali)

    [pic]

    4.3. Monitoraġġ u Valutazzjoni

    L-awtoritajiet amministrattivi differenti nazzjonali u reġjonali jużaw firxa wiesgħa ta' indikaturi skont is-sistema amministrattiva kondiviża, iżda l-biċċa kbira tagħhom ma jistgħux ikunu aggregati fil-livell tal-UE[21]. Fil-livell tal-UE il-Kummissjoni tista' tagħmel aggregazzjoni tad-dejta biss dwar ċerti indikaturi ewlenin. Minkejja li mhux ir-rapporti kollha taw l-informazzjoni dwar l-indikaturi, 19-il Stat Membru rrapportaw dwar l-indikaturi ewlenin tal-ERDF u tal-Fond ta' Koeżjoni. Dan ir-rappurtar ta' indikaturi ewlenin irrikkmandati huwa l-ewwel pass inkoraġġanti fil-proċess ta' kjarifikazzjoni tal-istampa sħiħa ta' dak li qiegħda tikseb fir-realtà l-politika. Pereżempju, 13-il Stat Membru rrappurtaw li għandhom il-miri ta' programmi jew proġetti approvati biex joħolqu madwar 351 300 impjieg gross[22], filwaqt li 8 Stati Membri[23] diġà rrappurtaw il-ħolqien ta' 55,900 impjieg gross.

    Fl-2007 u l-2008 l-programmi ESF attwali diġà laħqu kważi sitt miljun persuna, li minnhom 52 % huma nisa. Madwar terz mill-azzjonijiet kienu mmirati li jgħinu lill-ħaddiema. Kien hemm ukoll miżuri biex jieħdu ħsieb il-persuni qiegħda (33 % tal-benefiċjarji, li minnhom 7 % kienu qiegħda għal żmien twil), kif ukoll il-gruppi ta' nies vulnerabbli, jiġifieri migranti u minoritajiet (13 %).

    Tagħlimiet mill-valutazzjonijiet nazzjonali u reġjonali huma msemmijin f'20 rapport strateġiku nazzjonali. Barra minn dan, valutazzjoni ex-ante magħmula għall-Kummissjoni tal-istrateġiji nazzjonali tikkonkludi li l-fondi għandhom potenzjal sinifikanti li jikkontribwixxu lejn l-għanijiet ta' livell għoli tal-UE u turi l-pożizzjoni ċentrali tal-prijoritajiet tal-UE fil-programmazzjoni tal-politika ta' koeżjoni[24].

    Il-Valutazzjoni ex-post tal-programmi 2000-2006

    L-impatti tal-investimenti fit-tibdil strutturali jibdew jidhru biss maż-żmien. Il-valutazzjonijiet ex post li hemm għaddejjin tal-perjodu 2000-2006 qegħdin jagħtu xhieda tal-kisbiet reali tal-politika ta' koerenza[25].

    L-evidenza turi li l-investiment żdied fost l-intrapriżi li huma appoġġjati mill-ERDF. L-Istati Membri rrappurtaw mill-inqas 730,000 impjieg gross maħluqa fir-reġjuni tal-Obbjettiv 2, filwaqt li l-mudelli kisbu stima ta' 612,000 impjiegi netti maħluqin fir-reġjuni tal-Obbjettiv 1.

    Il-politika tejbet il-konnettività mal-Ewropa kollha – l-ERDF waħdu sostna l-kostruzzjoni ta' 2,000 km ta' awtostradi – 24 % tal-bini kollu ta' awtostradi għall-perjodu – u titjib jew bini ta' 4,000 km ta' binarji tal-ferrovija.

    L-ESF ipprovda l-appoġġ relevanti lill-implimentazzjoni ta' riformi fis-suq tax-xogħol. fuq il-livelli nazzjonali u reġjonali. Wera li hu strument effettiv li jgħin fit-tibdil fil-politiki tas-suq tax-xogħol minn dawk passivi għal dawk attivi u saħansitra preventivi billi ta l-appoġġ finanzjarju u konċettwali għar-riformi u ppermetta ż-żiediet fil-volum u fl-ambitu tal-azzjonijiet.

    Kienu involuti aktar minn 75 miljun parteċipant fl-attivitajiet iffinanzjati mill-ESF. Kważi 28 milljun ċittadin Ewropew ipparteċipa f'medda wiesgħa ta' miżuri attivi tal-politika tas-suq tax-xogħol, nofshom kienu nisa, kważi tliet kwarti (¾) kienu persuni qiegħda u iżjed minn terz (1/3) minnhom kienu żgħażagħ (taħt is-26 sena). Ħadu sehem kważi 33 miljun parteċipant f'attivitajiet edukattivi u ta' tagħlim tul il-ħajja. 71 % ta' dawn il-parteċipanti kellhom ix-xogħol filwat li 23 % kienu qiegħda u 6 % kienu inattivi. 62 % minnhom kienu żgħażagħ u iżjed minn terz minnhom kellhom bejn is-26 u l-54 sena.

    Il-politika tal-Koeżjoni kisbet ukoll it-titjib ambjentali konformi mad-Direttivi tal-UE, speċjalment f'żoni mmarkati għall-Obbjettiv 1, bi proġetti ta' provvista tal-ilma li servew14-il miljun persuna addizzjonali u proġetti tal-iskart tal-ilma kofinanzjati mill-ERDF li servew 20 miljun persuna oħra.

    Fl-aħħar nett ix-xogħol ta' valutazzjoni ex post qiegħed jikseb it-tagħlim dwar il-politika biex ikun sfruttat kemm jista' jkun l-impatt tal-politika issa u fil-ġejjieni. Permezz ta' dan ix-xogħol, l-Istati Membri u s-servizzi tal-Kummissjoni qegħdin jidentifikaw l-ostakoli reali għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u qegħdin jaħdmu biex ineħħu dawn l-ostakoli permezz tal-fondi u l-mekkaniżmi tal-politika ta' koeżjoni.

    5. KONKLUżJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

    L-eżerċizzju ta' rappurtar strateġiku huwa titjib fir-responsabbiltà għat-twassil tal-obbjettivi tal-politika ...

    L-Istati Membri wettqu r-responsabbiltajiet tagħhom u għamlu sforz kbir biex jirrappurtaw dwar il-progress. L-esperjenza miksuba f'dan l-ewwel eżerċizzju għandha tippermetti li r-rapporti nazzjonali tal-2012 ikunu iżjed konċiżi u iżjed jikkonċentraw fuq il-produzzjoni, ir-riżultati u l-iżviluppi strateġiċi. Iżda filwaqt li r-rapporti nazzjonali tlestew b'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet amministrattivi relevanti, kien ikun utli kieku ntużaw il-preżentazzjoni pubblika u d-dibattitu b'mod iżjed sistematiku.

    ...minkejja li dan l-ewwel eżerċizzju għandu l-limitazzjonijiet tiegħu, joffri bazi promettenti għat-tfassil ta' reviżjoni inter pares tal-prestazzjoni, billi jagħti impetu lil politika li hija iżjed orjentata lejn ir-riżultati.

    Minħabba l-bażi legali speċifika u l-obbjettivi strateġiċi li ġew iffissati, l-ambitu tar-rapporti strateġiċi kien limitat għall-programmi 2007-2013. Dan jagħti biss stampa parzjali tal-impatt tal-politika. Issa li ntemmu l-programmi 2000-2006 u l-infiq qiegħed ċarament jaċċellera fil-programmi 2007-2013, id-dejta dwar il-produzzjoni u r-riżultati reali mistennija li juru aċċellerazzjoni.

    Is-sistema komuni ta' rappurtar dwar il-proġetti magħżula wriet li hi siewja biex tipprovdi d-dejta reali dwar it-tħejjija tal-proġetti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapporti annwali tal-programmi jkunu akkumpanjati minn dejta preċiża u sħiħa li tippermetti li l-monitoraġġ tal-progress jibqa' għaddej bla skossi u li l-kontenut tal-programmi jkun jinftiehem.

    Huwa ta' inkoraġġiment li bosta Stati Membri pprovdew l-informazzjoni dwar l-indikaturi ewlenini ddefiniti mill-UE għall-interventi tal-ERDF u tal-Fond ta' Koeżjoni, minkejja li dan ma kienx obbligatorju. Ir-rappurtar dwar l-indikaturi komuni għandu jkun rinfurzat. Ir-rapporti tal-programmi speċifiċi li għandhom jidħlu f'nofs l-2010 u ċ-ċiklu ta' rapporti strateġiċi nazzjonali fl-2012 jeħtieġ li janalizzaw il-progress tal-kisba tal-obbjettivi tal-programmi u jimmarkaw pass ċar mir-rappurtar dwar id-dħul għad-diskussjoni tal-ħruġ, tar-riżultati u tal-impatti bikrija.

    Dan l-eżerċizju jwassal messaġġi importanti u f'waqthom fid-debattitu dwar il-potenzjal tal-politika li taċċellera l-ħruġ mill-kriżi billi tindirizza l-ħtiġijiet tal-iżvilupp filwaqt li tirreaġixxi għall-effetti tal-kriżi ...

    Ir-rapporti nazzjonali enfasizzaw ir-relevanza fundamentali tal-istrateġiji li nqablu fl-2007 u l-valur tal-politika ta' koeżjoni bħala waħda li timmira lejn żvilupp ekonomiku fuq medda twila ta' żmien.

    B'mod ġenerali, il-miżuri li għandhom iwasslu l-istrateġiji u jiksbu l-obbjettivi qegħdin jiġu implimentati b'pass tajjeb filwaqt li qegħdin jadattaw għat-tibdil f'daqqa fil-klima ekonomika. Wara medja ta' 18-il xahar ta' implimentazzjoni reali effettiva, 27,1 % tal-proġetti huma magħżulin u r-rata dejjem togħla tal-infiq hija xhieda tal-progress. Il-proġetti li se jwasslu l-prijoritajiet allokati tal-UE li dwarhom sar ftehim qed jintgħażlu malajr daqs il-prijoritajiet li mhumiex allokati. Dawn il-prijoritajiet tal-UE jinkludu l-investimenti bil-għaqal, nodfa u soċjalment inklussivi fl-infrastrutturi (l-effiċjenza tal-enerġija, il-broadband, l-infrastrutturi soċjali) l-appoġġ tal-kummerċ (eko-innovazzjoni, l-immanuvrar finanzjarju) u s-swieq tax-xogħol flessibbli.

    Dan il-progress pożittiv jista' parzjalment jiġi spjegat mill-fatt li l-Istati Membri qegħdin josservaw il-flessibbiltà fil-programmi biex jindirizzaw ħtiġijiet li qegħdin jinbidlu skont il-prijoritajiet li dwarhom sar ftehim. Il-pakkett ta' rkupru tal-politika ta' koeżjoni tal-aħħar xhur tal-2008, li jinvolvi iżjed pre-finanzjament, tibdiliet fir-regoli biex jitħaffef ir-rimbors u simplifikazzjonijiet, fil-biċċa l-kbira ntlaqa', filwaqt li l-Istati Membri wkoll ssimplifikaw ir-regoli tagħhom.

    Minkejja dan, ma nistgħux inkunu sodisfatti. Billi jużaw l-informazzjoni skambjata permezz ta' dan l-eżerċizzju, l-Istati Membri jistgħu jimmarkaw ir-rata ta' progress tagħhom f'temi ta' prijorità differenti mal-medja tal-UE, u jidentifikaw l-oqsma fejn mexjin tajjeb u fejn mexjin bil-mod.

    Il-Kummissjoni għalhekk tappella lill-Istati Membri:

    - Biex jimplimentaw malajr dawk il-proġetti li diġà ntgħażlu;

    - Biex iħaffu l-għażla tal-proġetti ta' kwalità li jikkontribwixxu lejn l-obbjettivi li sar ftehim dwarhom, b'mod partikolari biex jiffaċilitaw l-istrateġija għall-ħruġ mill-kriżi ekonomika attwali;

    - Biex jiżguraw li, f'klima ta' pressjoni dejjem tiżdied fuq il-baġits nazzjonali, il-kofinanzjament nazzjonali meħtieġ għall-finanzjament ta' fondi għall-investimenti li dwarhom hemm ftehim ikun disponibbli biex ir-riżorsi tal-baġit tal-UE jkunu mobilizzati b'mod sħiħ.

    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni se tippreżenta l-komunikazzjonijiet fl-2010 biex tindika b'mod ġenerali l-opinjoni tagħha dwar kif il-politika ta' koeżjoni 2007-2013 tista' trawwem l-appoġġ għall-obbjettivi ffissati għall-istrateġija Ewropa 2020. B'mod partikolari, dawn id-dokumenti se jieħdu ħsieb il-kwistjoni ta' kif dawn il-programmi attwali jistgħu jirrinfurzaw il-politiki dwar l-impjiegi, l-irkupru soċjali u l-inklużjoni; l-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli u l-appoġġ għall-innovazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali. I-Kummissjoni impenjata li tkompli taħdem flimkien mal-Istati Membri fit-titjib tal-prestazzjoni tal-programmi u li tieħu ħsieb l-intoppi li jistgħu jinqalgħu f'oqsma tematiċi differenti.

    ... filwaqt li tkun qed tipprovdi strument siewi ta' monitoraġġ u tindika l-oqsma fejn iridu jiżdiedu l-isforzi ...

    Id-dewmien fl-għażla ta' proġetti f'oqsma tal-investiment li huma importanti jidher ċar mir-rapporti nazzjonali. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri li jimmiraw lejn dawn l-oqsma prijoritarji – jekk hemm bżonn billi jistabbilixxu l-pjanijiet ta' azzjoni biex jindirizzaw id-dewmien waqt li għad għandhom iż-żmien. Il-Kummissjoni identifikat l-oqsma prijoritarji li ġejjin li qed jiddawmu b'mod ġenerali jew li mhemmx progress uniformi fihom fl-Istati Membri kollha:

    - Fis- settur ferrovjarju jeżistu diffikultajiet fit-tħejjija ta' investiment importanti fi grupp ewlieni ta' Stati Membri, bbażat fuq il-progress irrappurtat u fuq ir-riżultati tal-valutazzjonijiet;

    - Ċerti investimenti fl-enerġija u fl-ambjent mhumiex mexjin kif kien mistenni. Din is-sitwazzjoni trid tkun irmedjata mill-Istat Membri u mir-reġjuni biex jikkontribwixxu b'mod sħiħ lejn l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tal-UE;

    - L-investiment fil-qasam tal- ekonomija diġitali – it-tqassim mifrux tal-broadband u l-aħjar użu tat-TIK (Teknoloġiji tal-Informazzjoni u Komunikazzjoni) fis-setturi pubbliċi u kummerċjali – għaddej b'ritmu iżjed kajman mill-medja, u l-prestazzjoni tiegħu b'ritmu irregolari, minkejja li ġew identifikati xi prattiċi tajbin;

    - Il-progress lejn l-għan ta' prijorità tal- inklużjoni soċjali għaddej relattivament bil-mod u mhuwiex mifrux b'mod regolari mal-medda tal-fondi u dik tal-programmi. Tenħtieġ l-azzjoni biex jiġu mmobilizzati r-riżorsi tal-UE biex jgħinu biex tintlaħaq il-mira ta' tnaqqis tal-faqar iffissat fl-istrateġija Ewropa 2020;

    - Ġie osservat id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal- governanza u bini ta' kapaċitajiet li jridu jiġu indirizzati biex tittejjeb il-prestazzjoni tas-settur pubbliku, speċjalment minħabba l-kriżi.

    ... biex isir kontribut bikri għall-istrateġija Ewropa 2020.

    Jekk ikomplu issa bil-progress siewi li diġà sar f'ħafna oqsma prijoritarji u jindirizzaw id-dewmien, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet interessati fil-programmi jistgħu jieħdu l-programmi 2007-2013 taħt idejhom u jilħqu l-miri. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu l-implimentazzjoni tal-programmi b'iżjed trasparenza, bin-netwerking, bit-tpartit ta' prassi tajba u bit-tgħallim tal-politiki dwar il-prijoritajiet ta' koeżjoni biex jagħtu kontribut bikri siewi ħafna lejn il-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, l-inizjattivi ewlenin u l-għanijiet iddeterminati tagħha.

    [1] Bażi legali: l-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, ĠU L 210/25, 31.7.2006. Ir-rapporti li huma disponibbli għall-pubbliku jinstabu hawn: http://ec.europa.eu/regional_policy/policy/reporting/index_en.htm

    [2] SEC(2010) 360, 31.3.2010

    [3] L-NSRFs huma d-dokumenti ta' qafas li ttraduċew is-CSGs (Il-Linjigwida Strateġiċi Komunitarji għall-Koeżjoni) għall-kuntest nazzjonali.

    [4] Ir-rati tal-Qgħad tal-Eurostat ta' Diċembru 2009, aġġustati staġjonalment.

    [5] HU, LV, SK

    [6] ĠU L291/11, 21.10.2006 - http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docoffic/2007/osc/index_en.htm

    [7] jiġifieri AT, DE, ES, LT

    [8] jiġifieri AT, BE, CY, CZ, DE, DK, EE, EL, ES, IE, IT, PT, SK, UK

    [9] jiġifieri AT, EE, EL, ES, FI, IE, IT, HU, PT, UK

    [10] jiġifieri BG, RO, LT

    [11] jiġifieri AT, DE, ES, IE, PT, SL, UK

    [12] jiġifieri: DE, ES, FI, IE, LT, LV, MT

    [13] jiġifieri AT, BE, DE, SE

    [14] COM (2008) 876 , tas-16.12.2008

    [15] COM (2008) 800 tad 29.10.2008

    [16] Ġabra indikattiva ta' 40 mill-220 proġett ta' prassi tajba identifikati mill-Istati Membri hija ppreżentata fit-tielet taqsima tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.

    [17] COM (2007) 798 tal-11.12.2007

    [18] COM (2008) 301 tal-14.05.2008

    [19] COM(2007) 803, 11.12.2007

    [20] Minħabba li d-dejta dwar il-ħlas ma tkunx irrappurtata mill-Istati Membri skont it-"trema prijoritarja", iżda skont it-tabelli finanzjarji tal-programmi li dwarhom hemm ftehim, f'dan l-istadju l-infiq iddikjarat ma jistax jiġi mqabbel tematikament mad-dejta dwar il-proġetti magħżula. Għaldaqstant il-ħlasijiet mhumiex analizzati aktar fil-fond.

    [21] Ir-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni jipprovdu l-informazzjoni ddettaljata fuq il-progress ta' programmi individwali mqabbla mal-indikaturi u l-miri stabbiliti. L-Anness XXIII tar-Regolament implimentattiv Nru 1828/2006 jipprovdi d-dejta dwar il-parteċipanti fl-attivitajiet ESF skont il-prijorità.

    [22] L-Istati Membru huma AT; BE, BG, CZ, DE, FI, HU, IE, LU, NL, PL, SE, SI .Il-programm jimmira aggregat ta' dawk li fil-programm huma bbażati fuq proġetti magħżula. Uħud mill-Istati Membri ma rrappurtawx il-miri tal-programm iżda rrappurtaw il-miri tal-proġetti approvati sa issa.

    [23] CZ, DE, FI, IE, PL, SE, SI

    [24] http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/evaluation/rado_en.htm

    [25] valutazzjonijiet ERDF / CF http://ec.europa.eu/regional_policy/policy/impact/index_en.htmvalutazzjonijiet ESF: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=701&langId=en

    Top