Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0257R(01)

    257/2007/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 257/2007 tad- 9 ta' Marzu 2007 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 800/1999 fir-rigward tal-provi li l-formalitajiet doganali għall-importazzjoni tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib f’pajjiżi terzi jkunu saru ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 327 M, tal-5 ta' Diċembru 2008 )

    OJ L 71M, 17.3.2009, p. 570–571 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/257/corrigendum/2009-03-17/oj

    17.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L NaN/570


    Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 257/2007 tad-9 ta' Marzu 2007 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 800/1999 fir-rigward tal-provi li l-formalitajiet doganali għall-importazzjoni tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib f’pajjiżi terzi jkunu saru

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 327 M, tal-5 ta' Diċembru 2008 )

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 257/2007 għandu jaqra:

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 257/2007

    tad-9 ta' Marzu 2007

    li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 800/1999 fir-rigward tal-provi li l-formalitajiet doganali għall-importazzjoni tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib f’pajjiżi terzi jkunu saru

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (1), u b’mod partikolari t-tielet inċiż tal-Artikolu 31(10) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    It-tielet inċiż tal-Artikolu 31(10) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 jistipula li fil-każ ta’ rifużjonijiet diffrenzjati, ir-rifużjoni għandha titħallas wara li tkun ippreżentata prova li l-prodotti jkunu waslu fid-destinazzjoni indikata fuq il-liċenzja jew f’destinazzjoni oħra li għaliha tkun iffissata r-rifużjoni. Jistgħu jsiru eċċezzjonijiet għal din ir-regola skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 42 tal-istess Regolament, sakemm jiġu stabbiliti kondizzjonijiet li joffru garanziji ekwivalenti.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 351/2004 tas-26 ta’ Frar 2004 li jiffissa r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib (2), mis-27 ta’ Frar 2004 introduċa rifużjonijiet diffrenzjati skont id-destinazzjoni fuq il-prodotti kollha tal-ħalib.

    (3)

    L-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta’ April 1999 li jistabbilixxi regoli komuni ddettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (3) jindika liema dokumenti jistgħu jservu bħala prova li l-formalitajiet doganali għall-importazzjoni ġew kompletati f’pajjiż terz f’każijiet fejn ir-rata tar-rifużjoni tkun diffrenzjata skont id-destinazzjoni. Skont dak l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, f’ċerti każijiet speċifiċi li jridu jiġu ddeterminati, li l-prova tal-importazzjoni kif imsemmi f’dak l-Artikolu tista’ tingħata permezz ta’ dokument speċifiku jew fi kwalunkwe mod ieħor.

    (4)

    Minħabba li biex il-ħlas tar-rifużjonijiet jiġi soġġett għar-rekwiżiti tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 jinvolvi bidla sostanzjali fil-proċeduri amministrattivi kemm għall-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll għall-esportaturi, dan għandu implikazzjonijiet amministrattivi u joħloq piż finanzjarju sinjifikanti. Il-kisba tal-prova msemmija fl-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament f’ċerti pajjiżi jista’ joħloq diffikultajiet amministrattivi konsiderevoli. Barra minn hekk, il-kondizzjonijiet partikolari tal-esportazzjoni tal-prodotti tal-ħalib jistgħu jwasslu biex il-ksib ta’ dawn il-provi jkun ferm aktar diffiċli u oneruż.

    (5)

    Biex jittaffew ftit mill-piżijiet amministrattivi u finanzjarji imposti fuq l-esportaturi, u biex l-awtoritajiet u l-esportaturi jkunu jistgħu jistabbilixxu l-arranġamenti l-ġodda għall-prodotti kkonċernati kif ukoll jintroduċu l-proċeduri meħtieġa biex ikun żgurat li l-formalitajiet kollha jkunu saru mingħajr problemi, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 423/2006 tat-13 ta’ Marzu 2006 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 800/1999 fir-rigward tal-provi li l-formalitajiet doganali għall-importazzjoni tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib f’pajjiżi terzi jkunu kompletati (4) kif stabbilit fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, jipprovdi għal perjodu tranżitorju li matulu l-ksib tal-prova li l-formalitajiet doganali għall-importazzjoni jkunu saru jsir aktar faċli. Dak il-perjodu skada fil-31 ta’ Diċembru 2006.

    (6)

    Madankollu, f’ħafna mill-pajjiżi tad-destinazzjoni għad mhemmx proċeduri xierqa u mezzi adegwati biex ikunu fornuti d-dokumenti meħtieġa. Biex jiġi evitat li l-kummerċjanti ma jingħatawx ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni għal dik ir-raġuni, huwa meħtieġ li jibqa’ jkun previst reġim tranżitorju.

    (7)

    Ta’ min ifakkar dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 li jippermettu lill-awtortajiet kompetenti tal-Istati Membri, f’każ li jkun hemm xi dubju rigward id-destinazzjoni tal-prodotti esportati, li jitolbu evidenza addizzjonali għar-rifużjonijiet kollha li turi, għas-sodisfazzjoni tagħhom, li l-prodott fil-fatt ikun tpoġġa fis-suq fil-pajjiż terz li jimporta.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Amministrattiv għall-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Fil-każ ta’ esportazzjonijiet ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0401 sa 0405 li jkunu saru skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 li għalihom l-esportatur ma jkunx jista’ jforni l-prova msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, il-prodott għandu jitqies li jkun ġie importat f’pajjiż terz meta tiġi ppreżentata kopja tad-dokument tal-ġarr u wieħed mid-dokumenti elenkati fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.

    2.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 l-Istati Membri għandhom iqisu d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika għad-dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni aċċettati mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2007.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 9 ta' Marzu 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 48. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

    (2)  ĠU L 60, 27.2.2004, p. 46.

    (3)  ĠU L 102, 17.4.1999, p. 11. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2006 (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 52).

    (4)  ĠU L 75, 14.3.2006, p. 3.


    Top