Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1917R(01)

    1917/2006/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1917/2006 tad- 19 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1342/2003 li jistabbilixxi regoli speċjali u dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' liċenzji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' ċereali u ross ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

    OJ L 76M, 24.3.2009, p. 464–465 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1917/corrigendum/2009-03-24/oj

    24.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L NaN/464


    Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1917/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1342/2003 li jistabbilixxi regoli speċjali u dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' liċenzji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' ċereali u ross

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1917/2006 għandu jaqra:

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1917/2006

    tad-19 ta’ Diċembru 2006

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1342/2003 li jistabbilixxi regoli speċjali u dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' liċenzji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' ċereali u ross

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1784/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 12(1) tiegħu,

    wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1785/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tar-ross (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 13(1) tiegħu,

    billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji ta’ importazzjoni għall-prodotti agrikoli ġestiti minn sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (3) japplika għal-liċenzji ta’ importazzjoni għall-perjodi tal-kwota tariffarja ta’ importazzjoni li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2007.

    (2)

    Fis-settur taċ-ċereali u tar-ross, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1342/2003 (4) jistabbilixxi iktar regoli jew jidderoga mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta' Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (5), li huma differenti mir-regoli stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1301/2006. Fl-interess ta' leġibilità aħjar u ta' simplifikazzjoni għall-operaturi ekonomiċi, huwa xieraq li jiġi adattat ir-Regolament (KE) Nru 1342/2003 biex jitqiesu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 u biex jiġi ppreċiżat li r-Regolamenti (KE) Nru 1291/2000 u (KE) Nru 1301/2006 japplikaw għall-kwota tariffarja ta' importazzjoni msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1342/2003, ħlief jekk dan ir-Regolament preżenti jipprovdi mod ieħor.

    (3)

    Għandu jiġi indikat ukoll liema dispożizzjonijiet jew derogi speċifiċi japplikaw fil-każ tal-kwoti tariffarji ta' importazzjoni ġestiti taħt sistema ta' liċenzja ta' importazzjoni, u liema proċeduri ta' ġestjoni u amministrazzjoni japplikaw. Ikun xieraq ukoll li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijijiet speċifiċi applikabbli għat-trażmissjoni tal-applikazzjonijiet mill-operaturi lill-Kummissjoni, il-perjodu tal-validità tal-liċenzji ta' importazzjoni maħruġa, in-natura mhux trasferibbli tal-liċenzji u d-data tal-ħruġ għal-liċenzji ta' importazzjoni, li għandhom jikkorrispondu għad-data stipulata fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000.

    (4)

    Dawn ir-regoli għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2007, id-data li fiha jibdew japplikaw il-miżuri stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1301/2006.

    (5)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ġestjoni taċ-Ċereali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1342/2003 għandu jiġi emendat kif ġej:

    1)

    Fl-Artikolu 1, għandu jiġi miżjud is-sottoparagrafu li ġej:

    “Id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 u Nru 1301/2006 (6) għandhom japplikaw, ħlief meta dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor.

    2)

    L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   Il-liċenzji ta' importazzjoni għal prodotti mniżżla fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1784/2003 u l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003 għandhom ikunu validi mid-data li fihom jinħarġu skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000 sad-data tat-tmiem tal-validità kif iffissat fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

    Madankollu, għall-kwoti tariffarji ta' importazzjoni miftuħa fis-setturi taċ-ċereali u tar-ross, ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni, il-liċenzji ta' importazzjoni mogħtija ma jibqgħux validi wara l-aħħar jum tal-perjodu in kwistjoni, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006.”

    (b)

    il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

    “3.   Għall-kwoti tariffarji ta' importazzjoni miftuħa fis-setturi taċ-ċereali u tar-ross, ġestiti mis-sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni, id-drittijiet li jingħataw mil-liċenzji mhumiex trażmissibbli, b'deroga mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000.”

    3)

    Fl-Artikolu 16 il-paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “2.   Rigward il-liċenzji ta' importazzjoni minbarra dwak intiżi għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji ta' importazzjoni u rregolati bir-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw kull jum lill-Kummissjoni, permezz tal-email biss, b'formoli imqiegħda għad-disponibbiltà tagħhom mill-Kummissjoni u taħt il-kundizzjonijiet imniżżla fis-sistema tal-informatika implimentata mill-Kummissjoni, il-kwantitajiet totali koperti mil-liċenzji, skont l-oriġini u l-kodiċi tal-prodott, u għall-qamħ komuni, skont il-kategorija ta' kwalità. L-oriġini għandha tiġi indikata wkoll fil-komunikazzjonijiet dwar il-liċenzji ta' importazzjoni tar-ross.”

    4)

    Fl-Anness I, il-kolonna “Perjodu ta' validità” hija emendata kif ġej:

    (a)

    il-kliem “Sal-aħħar tar-raba' xahar wara dak tal-ħruġ” għandhom jinbidlu bil-kliem “Sal-aħħar tar-raba' xahar wara dak tad-data tal-ħruġ effettiv tal-liċenzja fis-sens tal-Artikolu 23(5) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000”.

    (b)

    il-kliem “Sal-aħħar tat-tieni xahar wara dak tal-ħruġ” għandhom jinbidlu bil-kliem “Sal-aħħar tat-tieni xahar wara dak tad-data tal-ħruġ effettiv tal-liċenzja fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000”.

    (c)

    il-kliem “Sal-aħħar tat-tielet xahar wara dak tal-ħruġ” għandhom jinbidlu bil-kliem “Sal-aħħar tat-tielet xahar wara dak tad-data tal-ħruġ effettiv tal-liċenzja fis-sens tal-Artikolu 23(5) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 78. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1154/2005 (ĠU L 187, 19.7.2005, p. 11).

    (2)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 96. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 797/2006. (ĠU L 144, 31.5.2006, p. 1).

    (3)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.

    (4)  ĠU L 189, 29.7.2003, p. 12. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1713/2006 (ĠU L 321, 21.11.2006, p. 11).

    (5)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1713/2006.

    (6)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.”


    Top