Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1100R(01)

    1100/2006/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 tas- 17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi, għas-snin tas-suq 2006/07, 2007/08 u 2008/09, regoli dettaljati għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għaz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat għar-raffinar, li joriġina mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, kif ukoll regoli dettaljati li japplikaw għall-importazzjoni ta’ prodotti tal-intestatura tariffarja 1701 li joriġinaw mill-pajjiżi l-inqas żviluppati ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 348 M, tal-24 ta' Diċembru 2008 )

    OJ L 84M, 31.3.2009, p. 400–407 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1100/corrigendum/2009-03-31/oj

    31.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L NaN/400


    Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi, għas-snin tas-suq 2006/07, 2007/08 u 2008/09, regoli dettaljati għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għaz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat għar-raffinar, li joriġina mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, kif ukoll regoli dettaljati li japplikaw għall-importazzjoni ta’ prodotti tal-intestatura tariffarja 1701 li joriġinaw mill-pajjiżi l-inqas żviluppati

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 348 M, tal-24 ta' Diċembru 2008 )

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 għandu jaqra:

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1100/2006

    tas-17 ta’ Lulju 2006

    li jistabbilixxi, għas-snin tas-suq 2006/07, 2007/08 u 2008/09, regoli dettaljati għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għaz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat għar-raffinar, li joriġina mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, kif ukoll regoli dettaljati li japplikaw għall-importazzjoni ta’ prodotti tal-intestatura tariffarja 1701 li joriġinaw mill-pajjiżi l-inqas żviluppati

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (1) [traduzzjoni mhux uffiċjali], partikolarment l-Artikolu 12(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 318/2006 tal-20 ta’ Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (2) [traduzzjoni mhux uffiċjali], partikolarment l-Artikoli 23(4), 40(1) u 40(2)(f) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 12(4) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 jistabbilixxi li, għall-prodotti tal-intestatura tariffarja 1701 li joriġinaw minn pajjiż li, skont l-Anness I għal dak ir-Regolament, jibbenefika mill-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-inqas żviluppati, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għandhom jitnaqqsu b’20 % fl-1 ta’ Lulju 2006, b’50 % fl-1 ta’ Lulju 2007, bi 80 % fl-1 ta’ Lulju 2008 u b’100 % fl-1 ta’ Lulju 2009.

    (2)

    Skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 u l-Artikolu 36 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (3) [traduzzjoni mhux uffiċjali], jistgħu jiġu imposti dazji addizzjonali għall-importazzjonijiet fejn jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet. Fil-qafas tar-riforma tas-suq komuni fis-settur taz-zokkor, saru analiżi dwar il-kwantitajiet li setgħu jiġu importati mill-inqas pajjiżi żviluppati skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005. F’dawn il-limiti kwantitattivi, dawn l-importazzjonijiet x’aktarx ma jfixklux is-suq Komunitarju. Għalhekk, l-applikazzjoni sħiħa tad-dazji addizzjonali għal dawn l-importazzjonijiet tista’ tkun waħda sporporzjonata, u kwalunkwe dazji addizzjonali għal dawn l-importazzjonijiet għandhom jitnaqqsu b’mod proporzjonat mat-tnaqqis fid-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni previsti fl-istess Artikolu, partikolarment meta jitqies l-għan li jkun hemm aċċess bla dazju u bla kwoti għal dawn l-importazzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 980/2005. L-importazzjonijiet skont l-Artikolu 12(5) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 mhumiex soġġetti għal dazji addizzjonali.

    (3)

    L-Artikolu 12(5) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 jistabbilixxi li, sakemm dawk id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni jiġu sospiżi kompletament, għandha tinfetaħ kwota tariffarja globali ta’ dazju żero għal kull sena tas-suq għaz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat għar-raffinar tal-kodiċi NM 1701 11 10, li joriġina mill-pajjiżi l-inqas żviluppati. Din il-kwota tariffarja kienet disponibbli permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1381/2002 tad-29 ta’ Lulju 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-ftuħ u l-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffi għal zokkor tal-kannamieli mhux raffinat għar-raffinat, li joriġina fil-pajjiżi l-anqas żviluppati, għas-snin tas-suq 2002/03 sa 2005/06 (4), u għandha tkun disponibbli sat-30 ta’ Ġunju 2009. Għall-prodotti tal-kodiċi NM 17 011 110, il-kwota tariffarja għas-sena tas-suq 2006/07 għandha tkun ekwivalenti għal 1492 14 tunnellata, imfissra bħala “ekwivalenti ta’ zokkor abjad”. Għal kull waħda mis-snin tas-suq sussegwenti, il-kwota għandha tiżdied bi 15 % fuq il-kwota tas-sena tas-suq preċedenti.

    (4)

    Il-ftuħ u l-amministrazzjoni ta’ dawk il-kwoti tariffarji għandhom ikunu implimentati fil-qafas tas-sistema kummerċjali komuni stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 318/2006, partikolarment rigward is-sistema tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni.

    (5)

    Il-kwantitajiet ta’ zokkor għar-raffinar li jibbenefikaw mid-dazji mnaqqsa tat-Tariffa Doganali Komuni jew mill-kwoti tariffarji globali għandhom ikunu importati taħt kundizzjonijiet ta’ raffinar li jilħqu l-bżonnijiet ta’ provvista tradizzjonali tal-Istati Membri, imsemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.

    (6)

    Biex ikun żgurat prezz adegwat għaz-zokkor mhux raffinat li jiġi esportat mill-inqas pajjiżi żviluppati lejn il-Komunità, għandu jiġi ffissat prezz minimu li jrid jitħallas mir-raffinaturi. Il-prezz tax-xiri li jitħallas għandu jkun mill-inqas ekwivalenti għall-prezz iggarantit imsemmi fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.

    (7)

    Ir-regoli ġenerali dwar il-liċenzji tal-importazzjoni, previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (5), kif ukoll ir-regoli dettaljati speċjali għas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 951/2006, għandhom japplikaw. Għall-ġestjoni tal-importazzjonijiet u sabiex ikun żgurat li jiġu rispettati l-limiti annwali, huma meħtieġa regoli dettaljati dwar il-ħruġ ta’ liċenzji tal-importazzjoni għaz-zokkor mhux raffinat.

    (8)

    Peress li l-kwoti tariffarji globali ma jipprevedux marġini li jeċċedu dawk il-kwantitajiet, id-dazju tat-Tariffa Doganali Komuni, imnaqqas skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005, għandu japplika għall-kwantitajiet kollha importati f’eċċess għal dawk li jidhru fil-liċenzji tal-importazzjoni. Sabiex jiġi evitat eċċess ta’ importazzjoni ta’ zokkor mhux raffinat fil-Komunità mill-pajjiżi l-inqas żviluppati, dispożizzjonijiet huma meħtieġa biex jiżguraw li l-kwantitajiet importati ta’ zokkor jiġu effettivament raffinati sal-aħħar tas-sena tas-suq konċernata jew sa ċerta data stabbilita mill-Istat Membru.

    (9)

    Minħabba l-bżonn ta’ provvista tradizzjonali stabbilita għal kull Stat Membru fis-settur taz-zokkor għar-raffinar u minħabba l-ħtieġa biex jinżamm kontroll strett fir-rigward tat-tqassim tal-kwantitajiet ta’ zokkor li jridu jiġu importati, huwa xieraq li l-ħruġ, kif ukoll it-trasferiment, tal-liċenzji tal-importazzjoni jkunu ristretti għar-raffinaturi full-time.

    (10)

    Peress li s-sena tas-suq għall-2006/07 iddum 15-il xahar u li s-snin tas-suq 2007/08 u 2008/09 jibdew minn Ottubru tal-ewwel sena sa Settembru tas-sena ta’ wara, il-volumi tal-kwoti tariffarji annwali previsti fl-Artikolu 12(5) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 għandhom għaldaqstant jiġu aġġustati.

    (11)

    Sabiex titħares il-kwantità tal-kwota annwali stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 980/2005, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet ta’ zokkor mhux raffinat imfissra bħala “ekwivalenti ta’ zokkor abjad”.

    (12)

    Biex l-importazzjonijiet ikunu ġestiti b’mod effettiv, l-Istati Membri għandhom iżommu kont tad-dejta rilevanti u jinnotifikawha lill-Kummissjoni.

    (13)

    Għal finijiet ta’ kontroll, l-importazzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 308(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (6).

    (14)

    Id-dispożizzjonijiet dwar il-prova tal-oriġini, stabbiliti fl-Artikoli 67 sa 97 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, jistabbilixxu d-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti li joriġinaw, li għandha tintuża għall-finijiet tal-preferenzi ġeneralizzati tat-tariffa.

    (15)

    Il-Kumitat ta’ Ġestjoni taz-Zokkor ma tax opinjoni fiż-żmien stabbilit mill-President tiegħu.

    (16)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Preferenzi Ġeneralizzati,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi, għas-snin tas-suq 2006/07, 2007/08 u 2008/09:

    ir-regoli għall-ftuħ u l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji globali għaz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat għar-raffinar tal-kodiċi NM 1701 11 10, imsemmija fl-Artikolu 12(5) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005, u

    ir-regoli li japplikaw għall-importazzjoni tal-prodotti tal-intestatura tariffarja 1701, għall-finijiet tal-Artikolu 12(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    “sena tas-suq” tfisser is-sena tas-suq msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, li tibda mill-1 ta’ Ottubru u tintemm fit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara, ħlief għas-sena tas-suq 2006/07 li tibda fl-1 ta’ Lulju 2006 u tintemm fit-30 ta’ Settembru 2007,

    “raffinatur full-time” tfisser unità tal-produzzjoni:

    li l-attività unika tagħha tikkonsisti fir-raffinar ta’ zokkor tal-kannamieli mhux raffinat importat,

    jew

    li, fis-sena tas-suq 2004/05, kienet irraffinat kwantità ta’ mill-inqas 15 000 tunnellata ta’ zokkor tal-kannamieli mhux raffinat importat,

    il-piż “tel quel” ifisser il-piż taz-zokkor fl-istat naturali tiegħu.

    Artikolu 3

    1.   Il-kwoti tariffarji globali li ġejjin b’dazju żero, imfissra bħala “ekwivalenti ta’ zokkor abjad”, għandhom jinfetħu għall-importazzjonijiet ta’ zokkor tal-kannamieli mhux raffinat għar-raffinar tal-kodiċi NM 1701 11 10, li joriġinaw minn pajjiż li, skont l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 980/2005, jibbenefika mill-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-inqas żviluppati:

    192 113 tunnellata għas-sena tas-suq mill-1 ta’ Lulju 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007;

    178 030,75 tunnellata għas-sena tas-suq mill-1 ta’ Ottubru 2007 sat-30 ta’ Settembru 2008;

    148 001,25 tunnellata għas-sena tas-suq mill-1 ta’ Ottunru 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009.

    Il-kwoti għandu jkollhom in-numri tal-ordni 09.4360, 09.4361 u 09.4362, rispettivament.

    Kull kwota għandha tinfetaħ fl-ewwel jum tas-sena tas-suq ikkonċernata u għandha tibqa’ miftuħa sal-aħħar jum ta’ dik is-sena tas-suq.

    Id-dazji kollha tat-Tariffa Doganali Komuni, kif ukoll kwalunkwe dazji addizzjonali msemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 u soġġetti għall-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, ma japplikawx għall-importazzjonijiet taħt dawn il-kwoti.

    2.   Għall-importazzjonijiet, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, tal-prodotti tal-intestatura tariffarja 1701 li joriġinaw mill-pajjiżi l-inqas żviluppati, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni (CCT), kif ukoll id-dazji addizzjonali msemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 u soġġetti għall-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, għandhom jitnaqqsu skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005, b’20 % fl-1 ta’ Lulju 2006, b’50 % fl-1 ta’ Lulju 2007 u bi 80 % fl-1 ta’ Lulju 2008; dawn għandhom jiġu sospiżi kompletament mill-1 ta’ Lulju 2009.

    Dawn l-importazzjonijiet għandhom jingħataw numru ta’ referenza skont il-perjodu tal-importazzjoni u r-rata tat-tnaqqis li tapplika.

    In-numri ta’ referenza u r-rati tal-CCT u d-dazji addizzjonali li japplikaw għandhom ikunu kif ġej:

    (a)

    għall-perjodu tal-importazzjoni mill-1 ta’ Lulju 2006 sat-30 ta’ Ġunju 2007, in-numru ta’ referenza huwa 09.4370 u l-frazzjoni tal-CCT u tad-dazji addizjonali li jridu jitħallsu hi ta’ 80 %;

    (b)

    għall-perjodu tal-importazzjoni mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008, in-numru ta’ referenza huwa 09.4371 u l-frazzjoni tal-CCT u tad-dazji addizjonali li jridu jitħallsu hi ta’ 50 %;

    (c)

    għall-perjodu tal-importazzjoni mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009, in-numru ta’ referenza huwa 09.4372 u l-frazzjoni tal-CCT u tad-dazji addizjonali li jridu jitħallsu hi ta’ 20 %;

    (d)

    għall-perjodu tal-importazzjoni mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Settembru 2009, in-numru ta’ referenza huwa 09.4373 u l-frazzjoni tal-CCT u tad-dazji addizjonali li jridu jitħallsu hi ta’ 0 %.

    In-numri ta’ referenza japplikaw għal kwantità li ma tkunx limitata fil-volum.

    Artikolu 4

    L-importazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) jeħtieġu liċenzja tal-importazzjoni maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 1291/2000 u r-Regolament (KE) Nru 951/2006, soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 5

    1.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu sottomessi lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li jimporta kkonċernat.

    2.   Fil-limiti msemmija fl-Artikolu 6(2), l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għaz-zokkor għar-raffinar fil-qafas tal-bżonn ta’ provvista tradizzjonali msemmi fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, jistgħu jiġu sottomessi biss, għas-sena tas-suq ikkonċernata, lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, minn:

    ir-raffinaturi full-time tal-Istat Membru kkonċernat, sat-30 ta’ Ġunju tas-sena tas-suq,

    kwalunkwe raffinatur Komunitarju full-time, mit-30 ta’ Ġunju sat-tmiem tas-sena tas-suq.

    3.   Fil-każ tal-importazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 3(1), l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni jistgħu jiġu sottomessi mill-ewwel jum tas-sena tas-suq sad-data li fiha jiġi limitat il-ħruġ tal-liċenzji tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2).

    Fil-każ tal-importazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 3(2), l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni jistgħu jiġu sottomessi mill-ewwel jum tal-perjodu tal-importazzjoni relevanti.

    4.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li fih l-applikant huwa rreġistrat għal finijiet ta’ VAT.

    5.   Għandha tkun awtorizzata applikazzjoni waħda biss għal liċenzja tal-importazzjoni għal kull numru tal-ordni għal kull ġimgħa għal kull applikant. Fejn, f’ġimgħa partikolari, tiġi sottomessa iktar minn applikazzjoni waħda minn applikant għal numru tal-ordni partikolari, l-applikazzjonijiet kollha tal-applikant għal dak in-numru tal-ordni għal dik il-ġimgħa għandhom jiġu rrifjutati, u għaldaqstant il-garanziji ppreżentati għandhom jakkumulaw favur l-Istat Membru kkonċernat.

    6.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jindikaw s-sena tas-suq li magħha dawn huma kkonċernati, u jekk iz-zokkor huwiex għar-raffinar jew għal finijiet oħra barra r-raffinar.

    7.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati bi:

    (a)

    prova li l-applikant issottometta garanzija ta’ EUR 20 għal kull tunnellata tal-kwantità ta’ zokkor indikata fil-Kaxxa 17 tal-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni;

    (b)

    kopja oriġinali tal-liċenzja tal-esportazzjoni (konformi mal-mudell stabbilit fl-Anness), maħruġa mill-awtoritajiet fil-pajjiż benefiċjarju li jesporta, għal ammont ekwivalenti għal dak mogħti fl-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni;

    (c)

    fil-każ ta’ zokkor għar-raffinar, dikjarazzjoni mill-operatur approvat skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 li l-kwantità se tiġi rraffinata qabel tmiem il-perjodu ta’ tliet xhur wara t-tmiem tal-perjodu tal-validità tal-liċenzja tal-importazzjoni;

    (d)

    garanzija mill-operatur approvat biex ikun żgurat li l-prezz tax-xiri mħallas huwa mill-inqas ekwivalenti għall-prezz garantit imsemmi fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, kif ukoll kopja ta’ dokument vinkolanti relatat mat-tranżazzjoni u ffirmat kemm mix-xerrej kif ukoll mill-fornitur.

    Kopja, attestata mill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż benefiċjarju li jesporta, tal-Formola A taċ-ċertfikat tal-oriġini prevista fl-Artikolu 9(1) tista’ tinħareġ minflok il-liċenzja tal-esportazzjoni msemmija f’(b).

    8.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni, kif ukoll il-liċenzji maħruġa, għandhom jinkludu d-dettalji li ġejjin:

    (a)

    fil-Kaxxa 8: il-pajjiż jew il-pajjiżi tal-oriġini (il-pajjiż jew il-pajjiżi inklużi fl-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-inqas żviluppati, skont il-kolonna D tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 980/2005),

    (b)

    fil-Kaxxi 17 u 18: il-kwantità taz-zokkor, imfissra bħala “ekwivalenti ta’ zokkor abjad”,

    (c)

    fil-Kaxxa 20:

    fil-każ tal-importazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1):

    “Zokkor tal-kannamieli mhux raffinat għar-raffinar, importat skont l-Artikolu 12(5) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005. Nru tal-ordni …”

    (in-numru tal-ordni indikat fl-Artikolu 3(1) għas-sena tas-suq ikkonċernata)

    (jew minn tal-inqas waħda mill-frażijiet ekwivalenti f’lingwa uffiċjali oħra tal-Komunità).

    Fil-każ tal-importazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2):

    “Zokkor importat skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005. Nru ta’ referenza …”

    (in-numru ta’ referenza indikat fl-Artikolu 3(2) għall-perjodu tal-importazzjoni kkonċernat)

    (jew minn tal-inqas waħda mill-frażijiet ekwivalenti f’lingwa uffiċjali oħra tal-Komunità).

    Artikolu 6

    1.   L-Istati Membri għandhom iżommu kont tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni sottomessi għaz-zokkor għar-raffinar.

    2.   Meta Stat Membru għal sena tas-suq partikolari jkun irċieva applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għaz-zokkor għar-raffinar li jkunu ekwivalenti għal jew li jeċċedu l-limitu msemmi fl-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni li l-livell tal-bżonn ta’ provvista tradizzjonali tiegħu ntlaħaq. Fejn jixraq, l-Istat Membru għandu jispeċifika l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni, fi proporzjon għall-bilanċ li jifdal li jrid jingħata għal kull applikazzjoni għal liċenzja tal-importazzjoni għaz-zokkor għar-raffinar.

    3.   Fejn l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għaz-zokkor għar-raffinar għal sena tas-suq partikolari jkunu ekwivalenti għall-kwantità totali msemmija fl-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri li l-limitu għall-bżonn ta’ provvista tradizzjonali f’livell ta’ Komunità ntlaħaq.

    Mid-data tan-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu u sat-tmiem tas-sena tas-suq imsemmija, ir-restrizzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) ma tapplikax aktar.

    Artikolu 7

    1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-ewwel ġurnata tax-xogħol tal-ġimgħa ta’ wara, dwar il-kwantitajiet ta’ zokkor mhux raffinat jew abjad (fejn meħtieġ, imfisser bħala “ekwivalenti ta’ zokkor abjad”), li għal dan l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni jkunu ġew sottomessi matul il-ġimgħa preċedenti wara li jkun ġie applikat il-koeffiċjent ta’ allokazzjoni previst fl-Artikolu 6(2). L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw is-sena tas-suq ikkonċernata, il-kwantitatjiet skont il-pajjiż tal-orġini u skont il-kodiċi NM bi tmien figuri, u jekk iz-zokkor huwiex għar-raffinar jew għal finijiet oħra għajr ir-raffinar. Jekk ma tkun ġiet sottomessa l-ebda applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni, l-Istati Membri għandhom xorta waħda jinnotifikaw lill-Kummissjoni.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tikkalkula t-total ta’ kull ġimgħa tal-kwantitajiet li għalihom kienu sottomessi l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni.

    3.   Fil-każ tal-kwoti tariffarji globali msemmija fl-Artikolu 3(1), fejn l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni jeċċeddu l-kwantità tal-kwota għas-sena tas-suq kurrenti, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi koeffiċjent ta’ allokazzjoni fi proporzjon għall-bilanċ li jifdal għall-Istati Membri biex japplikawh għal kull applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni, u għandha tinnotifika lill-Istati Membri li l-kwantità massima tal-kwota kkonċernata ntlaħqet u l-ebda applikazzjoni oħra għal liċenzja tal-importazzjoni mhi permessa.

    4.   Fejn it-total ta’ kull ġimgħa msemmi fil-paragrafu 2 jiżvela l-eżistenza ta’ kwantitajiet disponibbli ta’ zokkor li għalihom l-kwantità massima tkun intlaħqet qabel, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri li l-kwantità massima m’għadhiex aktar milħuqa.

    Artikolu 8

    1.   Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jinħarġu fit-tielet ġurnata tax-xogħol wara dik tan-notifika msemmija fl-Artikolu 7(1). Il-kwantitajiet maħruġa għandhom iqisu l-limitazzjoni imposta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(3).

    2.   Għall-importazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu validi sat-tmiem tas-sena tas-suq li magħha dawn huma relatati.

    Għall-importazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2), il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu validi sat-tmiem tal-perjodu tal-importazzjoni li miegħu dawn huma relatati.

    3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet ta’ zokkor li għalihom inħarġu l-liċenzji tal-importazzjoni matul il-ġimgħa ta’ qabel, u għandhom jispeċifikaw il-pajjiż tal-oriġini u jekk iz-zokkor huwiex għar-raffinar jew għal finijiet oħra għajr ir-raffinar.

    4.   Meta liċenzja tal-importazzjoni tkun ittrasferita skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, id-dententur titulari għandu jinforma immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-ċertifikat oriġinali.

    5.   B’deroga mill-Artikolu 35(2) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, jekk il-liċenzja tal-importazzjoni għaz-zokkor għal finijiet għajr ir-raffinar tiġi ritornata lill-awtorità li toħroġha:

    (a)

    fl-ewwel 60 ġurnata tal-validità tagħha, il-garanzija mitlufa titnaqqas bi 80 %;

    (b)

    bejn il-61 jum tal-validità tagħha u l-15-il jum wara t-tmiem tal-validità tagħha skont il-paragrafu 2, il-garanzija mitlufa għandha titnaqqas b’50 %.

    6.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw simultanjament lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet li għalihom il-liċenzji tal-importazzjoni kienu ritornati mid-data tan-notifikazzjoni preċedenti tagħhom għal dan l-effett. Il-kwantitajiet stabbiliti fil-liċenzji ritornati skont il-paragrafu 5 jistgħu jiġu allokati mill-ġdid.

    Artikolu 9

    1.   Il-prova tal-istatus tal-oriġini tal-importazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) għandha tingħata permezz tal-Formola A taċ-ċertifikat tal-oriġini skont l-Artikoli 67 sa 97 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    2.   Fl-importazzjoni u flimkien mal-prova tal-oriġini msemmija fil-paragrafu 1, għandu jiġi ppreżentat dokument supplementari lill-awtoritajiet doganali, li jkollu:

    (a)

    in-numru tas-serje tal-Formola A taċ-ċertifikat tal-oriġini msemmija fil-paragrafu 1, u l-pajjiż benefiċjarju li fih dan iħareġ;

    (b)

    kif jixraq:

     

    Il-frażi “Nru tal-ordni … — Regolament (KE) Nru 1100/2006”

    (jiġifieri, in-numru tal-ordni indikat fl-Artikolu 3(1) għas-sena tas-suq ikkonċernata),

    jew

     

    il-frażi “Nru ta’ referenza … — Regolament (KE) Nru 1100/2006”

    (jiġifieri, in-numru ta’ referenza indikat fl-Artikolu 3(2) għall-perjodu tal-importazzjoni kkonċernat)

    (jew minn tal-inqas waħda mill-frażijiet ekwivalenti f’lingwa uffiċjali oħra tal-Komunità);

    (c)

    id-data tat-tagħbija taz-zokkor fil-pajjiż benefiċjarju li jesporta, u s-sena tas-suq li fiha ssir il-kunsinna;

    (d)

    il-kodiċi NM bi tmien figuri taz-zokkor.

    3.   Il-parti interessata għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, u għal finijiet ta’ kontroll ta’ mill-inqas il-kwantitajiet, kopja tad-dokument supplementari msemmi fil-paragrafu 2 li jkollu fih l-informazzjoni dwar l-operazzjoni tal-importazzjoni, partikolarment il-grad tal-polarizzazzjoni indikat, u l-kwantitajiet “tel quel” skont il-piż li kienu attwalment impurtati.

    4.   Fejn il-liċenzji tal-importazzjoni jiġu ttrasferiti skont l-Artikolu 8(4), l-Istati Membri għandhom jiġbru l-Formoli A taċ-ċertifikati tal-oriġini mimlija u jibagħtu kopja taċ-ċertifikati lill-Istat Membru li jkun ħareġ inizjalment il-liċenzja tal-importazzjoni.

    Artikolu 10

    1.   Kull Stat Membru għandu jżomm kont tal-kwantitajiet importati ta’ zokkor mhux raffinat u zokkor abjad flimkien maċ-ċertifikati tal-oriġini msemmija fl-Artikoli 9(1), u fejn ikun meħtieġ dan għandu jikkonverti l-kwantitajiet ta’ zokkor mhux raffinat f'“ekwivalenti ta’ zokkor abjad” fuq il-bażi tal-polarizzazzjoni ddikjarata, billi japplika l-metodi stabbiliti fil-Punt III tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 318/2006.

    2.   Skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni, imnaqqsa skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 u li japplikaw fid-data tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, għandhom japplikaw għall-kwantitajiet kollha ta’ zokkor abjad “tel quel”, skont il-piż, jew ta’ zokkor mhux raffinat konvertit f'“ekwivalenti ta’ zokkor abjad”, li kien impurtat f’ammonti ikbar minn dawk murija fil-liċenzja tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

    3.   L-intrapriża li applikat għal-liċenzja tal-importazzjoni għar-raffinar għandha, fi żmien tliet xhur wara t-tmiem tal-limitu ta’ żmien stabbilit għar-raffinar skont l-Artikolu 5(7)(c), tippreżenta prova aċċettabbli tar-raffinar lill-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja.

    4.   Ħlief f’każ ta’ forza maġġuri, jekk iz-zokkor ma jkunx raffinat fil-limitu taż-żmien stabbilit, l-intrapriża li applikat għal-liċenzja jkollha tħallas ammont ta’ EUR 500 għal kull tunnellata għall-kwantitajiet ikkonċernati.

    Artikolu 11

    L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:

    (a)

    qabel it-tmiem ta’ kull xahar, il-kwantitajiet ta’ zokkor espressi skont il-piż “tel quel” u bħala “ekwivalenti ta’ zokkor abjad”, li ġew importati attwalment fit-tielet xahar ta’ qabel;

    (b)

    qabel l-1 ta’ Marzu, għas-sena tas-suq ta’ qabel:

    (i)

    il-kwantità totali li kienet importata attwalment għal dik is-sena tas-suq:

    fil-forma ta’ zokkor għar-raffinar, imfisser skont il-piż “tel quel” u bħala “ekwivalenti ta’ zokkor abjad”,

    fil-forma ta’ zokkor għajr għar-raffinar, imfisser skont il-piż “tel quel” u bħala “ekwivalenti ta’ zokkor abjad”

    (ii)

    il-kwantità ta’ zokkor, imfissra skont il-piż “tel quel” u bħala “ekwivalenti ta’ zokkor abjad”, li ġiet raffinata attwalment.

    Artikolu 12

    1.   In-notifiki msemmija fl-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(6) u l-Artikolu 11 għandhom isiru b’mezzi elettroniċi skont il-format previst mill-Kummissjoni lill-Istati Membri.

    2.   Fuq talba mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu dettalji dwar il-kwanitajiet ta’ zokkor rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera taħt l-arranġamenti ta’ tariffa preferenzjali matul kwalunkwe xhar partikolari, skont l-Artikolu 308(d) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    Artikolu 13

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2006.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Lulju 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Peter MANDELSON

    Membru tal-Kummissjoni

    ANNESS

    Mudell tal-liċenzja tal-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(7)(b)

    Image


    (1)  ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.

    (2)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

    (4)  ĠU L 200, 30.7.2002, p. 14.

    (5)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 410/2006 (ĠU L 71, 10.3.2006, p. 7).

    (6)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 402/2006 (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 35).


    Top