Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1042R(01)

    1042/2006/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1042/2006 tas- 7 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 28 (3) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 348 M, tal-24 ta' Diċembru 2008 )

    OJ L 84M, 31.3.2009, p. 392–395 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1042/corrigendum/2009-03-31/oj

    31.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L NaN/392


    Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1042/2006 tas-7 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 28 (3) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 348 M, tal-24 ta' Diċembru 2008 )

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1042/2006 għandu jaqra:

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1042/2006

    tas-7 ta' Lulju 2006

    li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 28 (3) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewopea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 28 (6) tar-Regolament (KE) 2371/2002 jipprovdi li għandhom jiġu adottati regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 28(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jistgħu jwettqu l-ispezzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd fl-ibħra Komunitarji kollha ’l barra mill-ibħra soġġetti għas-sovranità tagħhom u fl-ibħra internazzjonali, kif previst fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

    (3)

    L-Artikolu 28(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ spetturi, bastimenti u inġenji tal-ajru tal-ispezzjoni u ta’ mezzi oħra ta’ spezzjoni Komunitarji awtorizzati biex jeżegwixxu l-ispezzjonijiet skont il-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament f’ibħra Komunitarji u abbord bastimenti tas-sajd Komunitarji. Huwa xieraq li dawn l-ispetturi Komunitarji jistgħu jkunu inkarigati mit-twettiq tal-ivverifikar speċifiku u l-programmi ta’ spezzjoni adottati skont l-Artikolu 34c tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ verifikazzjoni applikabbli għall-politika komuni tas-sajd (2).

    (4)

    Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li skonthom l-ispetturi Komunitarji jistgħu jeżegwixxu l-ispezzjonijiet fl-ibħra Komunitarji u abbord bastimenti tas-sajd Komunitarji skont l-Artikolu 28(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    SPEZZJONIJIET IMWETTQA MILL-ISTATI MEMBRI

    Artikolu 1

    Spezzjonijiet ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru li jkun qed jispezzjona

    1.   Stat Membru li jkollu l-intenzjoni li jispezzjona bastimenti tas-sajd Komunitarji li jtajru l-bandiera tiegħu (“Stat Membru ta’ spezzjoni”) f’ibħra Komunitarji taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor (“Stat Membru kostali”), f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) 2371/2002, għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Istat Membru kostali.

    2.   In-notifika minn qabel prevista fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-isem u l-kodiċi ta’ sejħa bir-radju tal-bastiment ta’ spezzjoni;

    (b)

    il-post, id-data u l-ħin tad-dħul previsti fl-ibħra soggetti għall-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru kostali.

    3.   Hekk kif jirċievi n-notifika minn qabel kif previst fil-paragrafu 1, għall-fini ta’ koordinazzjoni operattiva, l-Istat Membru kostali għandu jinforma lill-Istat Membru ta’ spezzjoni dwar kwalunkwe attività ta’ spezzjoni li tkun għaddejja fiż-żona rilevanti.

    Artikolu 2

    Spezzjonijiet ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz

    1.   Stat Membru li jkollu l-intenzjoni li jispezzjona bastimenti tas-sajd Komunitarji li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ieħor, jew ta’ pajjiż terz f’ibħra Komunitarji taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor f’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28 (3) tar-Regolament (KE) 2371/2002, għandu jitlob lill-Istat Membru kostali għall-awtorizzazzjoni. Ma’ din it-talba għandha tiġi inkluża l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jiddeċiedi jekk jawtorizzax l-ispezzjoni jew le fi żmien 24 siegħa minn meta ssir it-talba u jinforma lill-Istat Membru ta’ spezzjoni dwar id-deċiżjoni tiegħu mingħajr dewmien. Id-deċiżjonijiet għandhom ukoll jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni jew lill-entità li l-Kummissjoni tkun ħatret għal dan il-għan.

    3.   Il-kundizzjonijiet li skonthom Stat Membru jkun jista’ jispezzjona bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta pajjiż terz f’ibħra Komunitarji soġġetti għall-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, f’konformità mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għandhom ikunu ddefiniti fir-regoli għall-adozzjoni tal-programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni kkonċernati.

    Artikolu 3

    Punti ta’ kuntatt

    1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità kompetenti li għandha sservi bħala punt ta' kuntatt għall-għanijiet li ġejjin:

    (a)

    il-ħruġ u l-irċevuta tan-notifiki minn qabel skont l-Artikolu 1;

    (b)

    il-ħruġ u l-irċevuta tat-talbiet u d-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 2.

    2.   Il-punt ta’ kuntatt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun disponibbli 24 siegħa kuljum.

    3.   Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti li tkun inħatret għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

    4.   Il-Kummissjoni għandha taħtar il-punt ta’ kuntatt tagħha għall-fini tal-komunikazzjoni prevista f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Obbligi ta’ rappurtar

    1.   Wara li Stat Membru jkun wettaq spezzjonijiet f’ibħra Komunitarji soġġetti għall-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, skont l-Artikoli 1 u 2, l-Istat Membru ta’ spezzjoni għandu jissottometti rapport ta’ kuljum dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Istat Membru kkonċernat.

    2.   Jekk jinstab li jkun hemm ksur bħala riżultat ta’ spezzjoni mwettqa skont l-Artikoli 1 u 2, l-Istat Membru ta' spezzjoni għandu, minnufih, jissottometti rapport fil-qosor dwar l-ispezzjoni lill-Istat Membru kostali. Rapport sħiħ dwar l-ispezzjoni għandu jiġi ppreżentat lill-Istat Membru kostali u tal-bandiera fi żmien sebat ijiem minn meta tkun saret l-ispezzjoni.

    3.   Rapport dwar l-ispezzjoni mħejji wara li tkun saret l-ispezzjoni ta’ bastiment tas-sajd Komunitarju f’ibħra internazzjonali f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għandu jiġi ppreżentat lill-Istat Membru tal-bandiera ta’ dak il-bastiment fi żmien sebat ijiem mid-data tal-ispezzjoni. Jekk jinstab li jkun hemm ksur bħala riżultat tal-ispezzjoni l-Istat Membru ta’ spezzjoni għandu, minnufih, jissottometti rapport fil-qosor dwar l-ispezzjoni lill-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat.

    4.   Il-paragrafu 3 għandu jkun bla ħsara għar-regoli stabbiliti mill-ftehimiet internazzjonali dwar is-sajd.

    5.   Ir-rapporti ta’ kuljum imsemmija fil-paragrafu 1 u r-rapporti dwar l-ispezzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom, meta jintalbu, jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni jew lill-entità li l-Kummissjoni tkun ħatret għal dan il-għan.

    KAPITOLU II

    SPETTURI KOMUNITARJI U MEZZI TA’ SPEZZJONI

    Artikolu 5

    Ħatra tal-ispetturi Komunitarji u mezzi ta’ spezzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw spetturi, bastimenti u inġenji tal-ajru ta’ spezzjoni Komunitarji u mezzi oħra ta’ spezzjoni biex jiġu inklużi fil-lista stabbilita mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispetturi Komunitarji nnominati

    (a)

    ikunu spetturi tas-sajd fl-Istat Membru;

    (b)

    ikollhom esperjenza eżawrjenti fl-oqsma tal-kontroll u l-ispezzjoni tas-sajd;

    (c)

    ikollhom għarfien profond tal-leġiżlazzjoni Komunitarja tas-sajd;

    (d)

    ikollhom għarfien sħiħ ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra;

    (e)

    ikunu f’saħħithom biżżejjed biex iwettqu dmirijiethom;

    (f)

    ikunu rċevew it-taħriġ meħtieġ fir-rigward tas-sigurezza fuq il-baħar.

    Artikolu 6

    Lista tal-ispetturi Komunitarji u tal-mezzi ta’ spezzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni b'mezzi elettroniċi sal-31 ta' Ottubru 2006 l-ismijiet tal-ispetturi, il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru ta’ spezzjoni Komunitarji u l-mezzi l-oħra ta’ spezzjoni li jkunu nnominaw.

    2.   Fuq il-bażi tan-notifiki mingħand l-Istati Membri, sal-31 ta’ Diċembru 2006 l-Kummissjoni għandha tadotta lista ta’ spetturi, bastimenti u inġenji tal-ajru ta’ spezzjoni Komunitarji u mezzi oħra ta’ spezzjoni Komunitarji awtorizzati biex iwettqu spezzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

    3.   Wara li jkunu stabbilixxew il-lista inizjali, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, kwalunkwe tibdil fil-lista li jkunu jixtiequ jagħmlu għas-sena kalendarja li jkun imiss. Il-Kummissjoni għandha temenda l-lista f'dan is-sens sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena.

    4.   Il-lista u t-tibdil li jsirilha għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni jew tal-entità li l-Kummissjoni tkun ħatret għal dan il-għan.

    Artikolu 7

    Xogħol l-ispetturi Komunitarji

    1.   Bla ħsara għar-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri kostali, l-ispetturi Komunitarji għandhom iwettqu spezzjonijiet f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 f’ibħra Komunitarji u abbord bastimenti tas-sajd Komunitarji.

    2.   L-ispetturi Komunitarji jistgħu jkunu inkarigati minn:

    (a)

    l-implimentazzjoni tal-programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni adottati f’konformità mal-Artikolu 34c tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93;

    (b)

    il-programmi internazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni, li għalihom il-Komunità hi obbligata li tipprovdi l-ispezzjonijiet u l-kontrolli; jew

    (c)

    il-programmi ta’ spezzjoni żviluppati bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93.

    Artikolu 8

    Poteri u obbligi tal-ispetturi Komunitarji

    1.   Sabiex iwettqu l-ħidma tagħhom b’suċċess u suġġett għall-paragrafu 2, l-ispetturi Komunitarji għandu jkollhom l-istess poteri li jgawdu l-ispetturi tas-sajd tal-Istat Membru li fih issir l-ispezzjoni, b’mod partikolari fejn għandu x’jaqsam l-aċċess għaż-żoni kollha abbord il-bastimenti tas-sajd Komunitarji u kwalunkwe bastiment ieħor li jwettaq attivitajiet marbuta mal-Politika Komuni tas-Sajd.

    2.   L-ispetturi Komunitarji ma għandux ikollhom poteri ta’ pulizija jew ta’ infurzar ’il barra mit-territorju jew l-ibħra Komunitarji suġġetti għas-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.

    3.   L-ispetturi Komunitarji għandhom jippreżentaw il-mandat tagħhom bil-miktub. Għal dan il-għan għandhom jingħataw dokument ta’ identifikazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni jew l-entità li l-Kummissjoni tkun ħatret għal dan il-għan, li fih ikun hemm dikjarazzjoni dwar l-identità u l-kapaċità tagħhom.

    4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-ispetturi Komunitarji bl-għajnuna kollha li jkunu jeħtieġu biex iwettqu xogħolhom b'suċċess.

    Artikolu 9

    Rapporti dwar l-ispezzjoni u s-sorveljanza

    1.   L-ispetturi Komunitarji għandhom jippreżentaw rapport ta’ kuljum dwar l-attivitajiet tagħhom, inklużi l-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni ta’ kull bastiment spezzjonat u t-tip ta’ spezzjoni mwettqa, lill-Istat Membru kostali kkonċernat.

    2.   Jekk jinnutaw ksur bħala riżultat tal-ispezzjoni tagħhom, l-ispetturi Komunitarji għandhom jissottomettu, minnufih, rapport fil-qosor dwar l-ispezzjoni lill-Istat Membru kostali jew, meta l-ispezzjoni tkun twettqet barra mill-ibħra Komunitarji, lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat. Huma għandhom jissottomettu rapport sħiħ dwar l-ispezzjoni fi żmien sebat ijiem mid-data tal-ispezzjoni.

    3.   L-ispetturi Komunitarji għandhom jissottomettu kopja tar-rapport sħiħ dwar l-ispezzjoni lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat fi żmien sebat ijiem mid-data tal-ispezzjoni.

    4.   Ir-rapporti ta’ kuljum dwar l-ispezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jintbagħtu, meta dawn jintalbu, lill-Kummissjoni jew lill-entità li l-Kummissjoni tkun ħatret għal dan il-għan.

    Article 10

    Segwitu tar-rapporti

    1.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw u jaġixxu fuq ir-rapporti ppreżentati mill-ispetturi Komunitarji f’konformità mal-Artikolu 9(2) bl-istess mod kif jikkunsidraw u jaġixxu fuq ir-rapporti ppreżentati mill-ispetturi proprji tagħhom.

    2.   L-Istat Membru ta’ oriġini tal-ispettur Komunitarju għandu jikkoopera mal-Istat Membru li jieħu azzjoni fuq rapport ippreżentat mill-ispettur Komunitarju sabiex jiffaċilita l-proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi.

    3.   Meta jintalab, l-ispettur Komunitarju għandu jipprovdi għajnuna u elementi ta' xhieda fil-proċedimenti ta' ksur mressqa minn kwalunkwe Stat Membru.

    KAPITOLU III

    AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI

    Artikolu 11

    Aċċess għall-informazzjoni

    1.   Fl-ambitu tal-ispezzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, l-ispetturi tal-Istati Membri u l-ispetturi Komunitarji għandu jkollhom aċċess immedjat għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha, b'mod partikolari għad-dejta dwar is-sorveljanza inkluża d-dejta trażmessa bis-sistema ta’ monitoraġġ permezz tas-satellita, li l-ispetturi jkunu jeħtieġu biex iwettqu xogħolhom b’suċċess, sal-istess limitu u taħt l-istess kundizzjoniet applikati għall-ispetturi tal-Istat Membru li fih issir l-ispezzjoni.

    2.   L-aċċess għall-informazzjoni kif previst fil-paragrafu 1 għandu jkun limitat għall-fini, il-perjodu u ż-żona ġeografika tal-ispezzjoni kkonċernata.

    3.   Id-dejta miksuba fl-ambitu ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali u tista’ tintuża biss għal skopijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta d-dejta.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 7 ta' Lulju 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Joe BORG

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

    (2)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 768/2005 (ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1).


    Top