Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0122R(01)

    122/2006/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 122/2006 tat- 23 ta’ Jannar 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 74/2004 li jimponi dazju protettiv definittiv fuq importazzjonijiet ta' bjankerija tas-sodda tal-qoton li toriġina mill-Indja ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )

    OJ L 58M, 3.3.2009, p. 302–303 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/122/corrigendum/2009-03-03/oj

    3.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L NaN/302


    Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 122/2006 tat-23 ta’ Jannar 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 74/2004 li jimponi dazju protettiv definittiv fuq importazzjonijiet ta' bjankerija tas-sodda tal-qoton li toriġina mill-Indja

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 122/2006 għandu jaqra:

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 122/2006

    tat-23 ta’ Jannar 2006

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 74/2004 li jimponi dazju protettiv definittiv fuq importazzjonijiet ta' bjankerija tas-sodda tal-qoton li toriġina mill-Indja

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta' Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet issussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”),

    Wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2004 tat-13 ta' Jannar 2004 li jimponi dazju protettiv definittiv fuq importazzjonijiet ta' bjankerija tas-sodda tal-qoton li toriġina mill-Indja (2),

    Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA PREĊEDENTI

    (1)

    Permezz tar-Regolament (KE) Nru 74/2004, il-Kunsill impona dazju protettiv definittiv fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' bjankerija tas-sodda tal-qoton li taqa' taħt il-kodiċi NM ex 6302 21 00 (kodiċi TARIC 6302210081, 6302210089), ex 6302 22 90 (kodiċi TARIC 6302229019), ex 6302 31 00 (kodiċi TARIC 6302310090) u ex 6302 32 90 (kodiċi TARIC 6302329019), li toriġina mill-Indja. Minħabba n-numru kbir ta' partijiet li qegħdin jikkooperaw, intagħżel kampjun tal-produtturi esportaturi Indjani u ġew imposti rati ta' dazju individwali li jvarjaw minn 4,4 % sa 10,4 % fuq il-kumpanniji inklużi fil-kampjun, filwaqt li kumpanniji oħrajn li qegħdin jikkooperaw li m'humiex inklużi fil-kampjun ġew attribwiti rata ta' dazju ta' 7,6 %. Ġiet imposta rata ta' dazju ta' 10,4 % fuq il-kumpanniji li jew ma għamlux lilhom infushom magħrufin jew li ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

    (2)

    L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 74/2004 jistipula li fejn kwalunkwe produttur esportatur ġdid fl-Indja jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li huwa ma esportax lejn il-Komunità l-prodotti deskritti fl-Artikolu 1(1) ta' dak ir-Regolament matul il-perijodu ta' investigazzjoni (mill-1 ta' Ottubru 2001 sat-30 ta' Settemrbu 2002) (l-“ewwel kriterju”), li m'huwiex relatat ma' xi esportatur jew produttur fl-Indja li huwa soġġett għall-miżuri kontra s-sussidji imposti b'dak ir-Regolament (it-“tieni kriterju”) u li huwa fil-fatt esporta lejn il-Komunità dawk il-prodotti kkonċernati wara l-perijodu ta' investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn il-Komunità (it-“tielet kriterju”), allura l-Artikolu 1(3) ta' dak ir-Regolament jista' jiġi emendat billi l-produttur esportatur ġdid jingħata rata ta' dazju applikabbli għall-kumpanniji li qegħdin jikkooperaw li m'humiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri 7,6 %.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2143/2004 (3) żied ħmistax-il kumpannija mal-lista ta' esportaturi/importaturi Indjani elenkati fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 74/2004.

    B.   TALBIET TA' ESPORTATURI/PRODUTTURI ĠODDA

    (4)

    Tlettax-il kumpannija Indjana applikaw sabiex jingħataw l-istess status (“status ta' applikant ġdid”) bħal dak tal-kumpanniji li jikkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali mhux inklużi fil-kampjun.

    (5)

    Erbgħa mill-kumpaniji Indjani li talbu status ta' applikant ġdid ma weġbux kwestjonarju u waħda ma pprovdietx informazzjoni supplimentari mitluba wara li kienet ippreżentat tweġiba mhux kompleta għall-kwestjonarju. Għaldaqstant, ma kienx possibbli li jiġi vverifikat jekk dawn il-kumpanniji sodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 74/2004, u t-talbiet tagħhom kellhom jiġu rrifjutati.

    (6)

    It-tmien kumpanniji l-oħra wieġbu l-kwestjonarju li kien maħsub sabiex jivverifika jekk huma kkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 74/2004.

    (7)

    L-evidenza pprovduta minn ħamsa mill-esportaturi/produtturi Indjani msemmijin hawn fuq hija meqjusa biżżejjed biex tingħatalhom ir-rata ta' dazju applikabbli għall-kumpanniji li qegħdin jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (jiġifieri 7,6 %) u konsegwentament sabiex dawn jiġu miżjudin fil-lista ta' esportaturi/produtturi fl-Anness (l-“Anness”) għar-Regolament (KE) Nru 74/2004.

    (8)

    Fir-rigward tat-tliet esportaturi/produtturi Indjani l-oħrajn, tnejn esportaw il-prodott konċernat lejn il-Komunità matul il-perijodu ta' investigazzjoni oriġinali (jiġifieri mill-1 ta' Ottubru 2001 sat-30 ta' Settembru 2002) u wieħed ma kienx kapaċi jipprovdi ebda evidenza li ma esportax lejn il-Komunità matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

    (9)

    F'dawn iċ-ċirkostanzi, ġie meqjus li għat-tliet kumpanniji li saret referenza għalihom hawn fuq, għall-inqas wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 74/2004, jiġifieri, l-ewwel kriterju, ma ġiex sodisfatt. Għaldaqstant, il-pretensjonijiet tagħhom kellhom jiġu rifjutati.

    (10)

    Kumpanniji li għalihom ma ngħatax status ta' applikant ġdid ġew informati bir-raġunijiet ta' din id-deċiżjoni u ngħataw l-opportunità li jwasslu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub.

    (11)

    L-argumenti u s-sottomissjonijiet kollha magħmulin mill-partijiet interessati ġew analizzati u meqjusin kif dovut fejn dan kien meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-kumpanniji li ġejjin għandhom jiġu miżjuda mal-lista ta' esportaturi/produtturi mill-Indja elenkati fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 74/2004:

    Alok Industries Limited

    Mumbai

    Texel Industries

    Chennai

    Textrade International Private Limited

    Mumbai

    Welspun India Limited

    Mumbai

    Yellows Spun and Linens Private Limited

    Mumbai

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Jannar 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. PRÖLL


    (1)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

    (2)  ĠU L 12, 17.1.2004, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2143/2004 (ĠU L 370, 17.12.2004, p. 1).

    (3)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 1.


    Top