EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0125R(02)

2006/125/KE: Rettifika għad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE tal- 5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

OJ L 76M, 24.3.2009, p. 422–441 (MT)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/125/corrigendum/2009-03-24/oj

24.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L NaN/422


Rettifika għad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE tal-5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE għandha taqra:

DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2006/125/KE

tal-5 ta’ Diċembru 2006

dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(Verżjoni kkodifikata)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (1), partikolarment l-Artikolu 4(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/5/KE tas-16 ta’ Frar 1996 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (2) ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi (3). Għal aktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tkun ikkodifikata.

(2)

Ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi għat-trabi u t-tfal żgħar jintuża bħala parti minn dieta diversifikata u ma jikkostitwixxix is-sors uniku ta’ nutriment tat-trabi u t-tfal żgħar.

(3)

Hemm varjetà kbira ta’ prodotti inkwistjoni li jirriflettu dieta varjata ħafna ta’ trabi li jkunu qegħdin jiġu miftuma u ta’ tfal żgħar minħabba ċ-ċirkostanzi soċjali u kulturali li jeżistu fil-Komunità.

(4)

Il-kompożizzjoni essenzjali tal-prodotti inkwistjoni għandha tkun adattata għall-kondizzjonijiet nutrittivi tat-trabi u tat-tfal żgħar f’kondizzjoni ta’ saħħa tajba hekk kif stabbilit bid-dejta xjentifika aċċettata b’mod ġenerali, waqt li jingħata kas tal-fatturi msemmija hawn fuq.

(5)

Għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet nutrittivi essenzjali għall-kompożizzjoni taż-żewġ kategoriji wesgħin ta’ dawn il-prodotti, jiġifieri l-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi.

(6)

Għakemm, minħabba in-natura ta’ prodotti bħal dawn, għandhom jiġu imposti numru ta’ ħtiġiet mandatorji u restrizzjonijiet oħra fuq il-livell ta’ vitamini, minerali, u nutrijenti oħra, nutrijenti bħal dawn jistgħu jiżdiedu b’mod volontarju mill-fabbrikanti sakemm huma jużaw esklussivament ċerti sustanzi li jridu jiġu speċifikati b’din id-Direttiva.

(7)

L-użu tal-prodotti li magħhom ġew miżjuda b’mod voluntarju nutrijenti bħal dawn f’livelli osservati bħalissa fil-Komunità ma jidhrux li jirriżultaw f’teħid eċċessiv ta’ dawk in-nutrijenti minn trabi u tfal żgħar; billi se tingħata attenzjoni għal kwalunkwe żviluppi futuri tas-sitwazzjoni, u jekk ikun hemm bżonn, jittieħdu l-miżuri xierqa.

(8)

Regoli differenti dwar l-ogħla livelli ta’ residwi ta’ pestiċidi f’ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u fl-ikel tat-trabi jikkawżaw ostakli kummerċjali bejn ċerti Stati Membri.

(9)

Il-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 76/895/KEE tat-23 ta’ Novembru 1976 li tirrigwarda l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi ta’ pestiċidi fi u fuq frott u ħaxix (4), fid-Direttiva tal-Kunsill 86/362/KEE tal-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-iffissar tal-livelli massimi tal-fdalijiet tal-pestiċidi ġewwa u fuq iċ-ċereali (5), fid-Direttiva tal-Kunsill 86/363/KEE tal-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi ta’ pestiċidi fi u fuq affarijiet ta’ l-ikel ta’ oriġini mill-annimali (6), u fid-Direttiva tal-Kunsill 90/642/KEE tas-27 ta’ Novembru 1990 dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi tal-pestiċidi fi u fuq ċerti prodotti oriġinarji mill-pjanti, inkluż il-frott u l-ħaxix (7), huma bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għall-ikel tat-trabi.

(10)

Meta jitqiesu l-obbligi internazzjonali tal-Komunità, f’każijiet fejn l-evidenza xjentifika rilevanti ma tkunx biżżejjed, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jippermetti li l-Komunità tadotta b’mod provviżorju u f’perjodu raġonevoli ta’ żmien miżuri fuq il-bażi tal-informazzjoni rilevanti disponibbli, wara li tkun saret valutazzjoni tar-riskju addizzjonali u reviżjoni tal-miżura.

(11)

Fuq il-bażi taż-żewġ opinjonijiet mogħtija mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel fid-19 ta’ Settembru 1997 u l-4 ta’ Ġunju 1998 bħalissa hemm dubji dwar l-adegwatezza tal-valuri tat-teħid ta’ kuljum (ADI) ta’ pestiċidi u tar-residiwi ta’ pestiċidi li huma aċċettabbli għall-protezzjoni tas-saħħa tat-trabi u t-tfal żgħar. Għalhekk, safejn huma kkonċernati l-prodotti tal-ikel għal użi nutrittivi intiżi għat-trabi u t-tfal żgħar, jixraq li jiġi adottat limitu komuni baxx ħafna għall-pestiċidi kollha sakemm ikun hemm eżami xjentifiku każ b’każ u evalwazzjoni tas-sustanzi. Il-limitu komuni baxx ħafna għandu jkun iffissat bħala 0,01 mg/kg li fil-prattika huwa l-inqas livell li jista’ jiġi żvelat.

(12)

Għandhom ikunu meħtieġa restrizzjonijiet stretti fuq residwi ta’ pestiċidi; billi b’għażla attenta tal-materja prima, u minħabba l-fatt li ikel proċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi jgħaddu minn proċess estensiv waqt il-manifattura tagħhom, huwa possibbli li jiġu fabbrikati prodotti li fihom livelli baxxi ħafna ta’ residwi ta’ pestiċidi. Madankollu, f’każ ta’ numru żgħir ta’ pestiċidi jew ta’ metaboliti tal-pestiċidi anke livell ta’ residwu massimu ta’ 0,01 mg/kg jista’, taħt l-agħar kondizzjonijiet ta’ teħid, jippermetti li t-trabi u t-tfal żgħar jeċċedu l-ADI. Dan huwa l-każ għall-pestiċidi jew il-metaboliti tal-pestiċidi b’ADI iktar baxx minn 0,0005 mg/kg skont it-toqol tal-ġisem.

(13)

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-prinċipju tal-projbizzjoni tal-użu ta’ dawn il-pestiċidi fil-manifattura ta’ prodotti agrikoli intiżi għall-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi. Madankollu, din il-projbizzjoni mhux bilfors tiggarantixxi li l-prodotti jkunu ħielsa minn dawn il-pestiċidi, għaliex ċerti pestiċidi jikkontaminaw l-ambjent u r-residwi tagħhom jistgħu jinstabu fil-prodotti kkonċernati.

(14)

Is-saħħa tat-trabi u t-tfal żgħar tista’ tkun protetta aħjar billi jkunu applikati rekwiżiti addizzjonali li jistgħu jkunu infurzati b’analiżi minkejja l-oriġini tal-prodott.

(15)

Ħafna mill-pestiċidi b’valuri ta’ ADI iktar baxxi minn 0,0005 mg/kg skont it-toqol tal-ġisem diġà huma pprojbiti fil-Komunità. Il-pestiċidi pprojbiti m’għandhomx ikunu traċċati f’ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u f’ikel tat-trabi b’metodi analitiċi ta’ livell għoli. Madankollu, ċerti pestiċidi jiddegradaw bil-mod u xorta jikkontaminaw l-ambjent. Dawn jistgħu jkunu preżenti f’ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi anke jekk dawn ma jkunux intużaw. Għal finijiet ta’ kontroll, għandu jkun segwit metodu armonizzat.

(16)

Sakemm jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar jekk jissodisfawx il-ħtiġiet tas-sigurtà tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (8), l-użu ssoktat tal-pestiċidi awtorizzati għandu jiġi permess sakemm il-fdalijiet tagħhom jikkonformaw mal-livelli massimi tal-fdalijiet stabbiliti fid-Direttiva preżenti. Dawn tal-aħħar għandhom jiġu ffissati f’livelli li jiżguraw li l-valuri tat-teħid tagħhom ta’ kuljum ma jkunux inqabżu mit-trabi u t-tfal iż-żgħar taħt l-agħar kondizzjonijiet tat-teħid.

(17)

L-użu ta’ ingredjenti ġodda tal-ikel għandu jiġi ttrattat orizzontalment għall-prodotti kollha tal-ikel f’miżura separata.

(18)

Din id-Direttiva tirrifletti l-għarfien attwali dwar il-prodotti kkonċernati. Kwalunkwe emenda, biex tkun tista’ ssir l-innovazzjoni bbażata fuq il-progress xjentifiku u tekniku, għandha tiġi deċiża skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 89/398/KEE.

(19)

Minħabba l-persuni li għalihom huma intiżi l-prodotti, iridu jiġu stipulati l-kriterji mikrobijoloġiċi meħtieġa kif ukoll il-livelli massimi għall-kontaminanti.

(20)

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/398/KEE, il-prodotti koperti b’din id-Direttiva huma soġġetti għar-regoli ġenerali stabbiliti bid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew Parliament u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (9).

(21)

F’din id-Direttiva ż-żidiet u l-eċċezzjonijiet għal dawk ir-regoli ġenerali għandhom ikunu adottati u żviluppati, fejn ikun meħtieġ.

(22)

B’mod partikolari, in-natura u d-destinazzjoni tal-prodotti koperti b’din id-Direttiva jeħtieġu tikkettajar nutrittiv li jindika l-valur tal-enerġija u n-nutrijenti ewlenin li dawn ikollhom. Mill-banda l-oħra, il-metodu ta’ użu għandu jiġi speċifikat skont il-punt 9 tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/13/KE, sabiex ikunu evitati użi mhux xierqa li jistgħu jikkawżaw dannu għas-saħħa tat-trabi.

(23)

Waqt li talbiet mhux speċifikament ipprojbiti jistgħu ġeneralment isiru għall-prodotti inkwistjoni f’konformità mar-regoli applikabbli għal kull xorta ta’ oġġetti tal-ikel, talbiet bħal dawn għandhom, fejn xieraq, jagħtu kas tal-kriterji ta’ kompożizzjoni speċifikati f’din id-Direttiva.

(24)

Dwar id-dispożizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-saħħa pubblika, saret konsultazzjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/398/KEE.

(25)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali.

(26)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri li jirrigwardaw il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Anness VIII, il-Parti B, biex dawn jittrasponu d-Direttivi fil-liġijiet nazzjonali tagħhom,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.   Din id-Direttiva hija “Direttiva speċifika” fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/398/KEE.

2.   Din id-Direttiva tkopri prodotti tal-ikel għal użu nutrittiv partikolari li jissodisfa r-rekwiżiti partikolari ta’ trabi u tfal żgħar b’saħħithom fil-Komunità u li huma intiżi biex jintużaw mit-trabi waqt li jkunu qed jiġu miftuma, u mit-tfal żgħar bħala suppliment għad-dieta tagħhom u/jew meta dawn ikunu qed jadattaw ruħhom b’mod progressiv għall-ikel ordinarju. Dawn jinkludu:

(a)

“ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali” li huwa diviż fl-erba’ kategoriji li ġejjin:

(i)

ċereali sempliċi li huma jew li jkunu kkostitwiti mill-ġdid bil-ħalib jew b’likwidi nutrittivi xierqa oħra;

(ii)

ċereali b’ikel b’ammont għoli ta’ proteini miżjud li huma jew li jridu jkunu kkostitwiti mill-ġdid bl-ilma jew b’likwidu ieħor ħieles mill-proteini;

(iii)

għaġin li għandu jintuża wara li jissajjar fl-ilma jagħli jew f’likwidi xierqa oħra;

(iv)

biskuttini u gallettini li għandhom jintużaw jew direttament jew, wara li jitfarrku, biż-żieda tal-ilma, ħalib jew likwidi oħra xierqa;

(b)

“Ikel tat-trabi” għajr l-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali.

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal ħalib intenzjonat għat-tfal żgħar.

Artikolu 2

Għall-għan ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:

(a)

“trabi” għandha tfisser tfal taħt l-età ta’ tnax-il xahar;

(b)

“tfal żgħar” għandha tfisser tfal ta’ età ta’ bejn sena u 3 snin;

(c)

“residwu tal-pestiċida” tfisser ir-residwu f’ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/414/KEE, inkluż il-metaboliti tagħha u l-prodotti li jirriżultaw mid-degradazzjoni jew ir-reazzjoni tagħha.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) jiġu kkummerċjalizzati fil-Komunità biss jekk dawn ikunu konformi mar-regoli stipulati f’din id-Direttiva.

Artikolu 4

L-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi għandhom ikunu mmanifatturati minn ingredjenti li l-adattabbiltà tagħhom għal użu nutrittiv partikolari mit-trabi u t-tfal żgħar ikun ġie stabbilit permezz ta’ dejta xjentifika aċċettata b’mod ġenerali.

Artikolu 5

1.   L-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għandu jkun konformi mal-kriterji tal-kompożizzjoni speċifikati fl-Anness I.

2.   L-ikel tat-trabi li huwa deskritt fl-Anness II għandu jkun konformi mal-kriterji tal-kompożizzjoni speċifikati fih.

Artikolu 6

Is-sustanzi nutrittivi biss li huma elenkati fl-Anness IV jistgħu jiżdiedu fil-manifattura tal-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi.

Il-kriterji tal-purità għal dawk is-sustanzi għandhom ikunu stabbiliti aktar tard.

Artikolu 7

1.   L-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi m’għandu jkollu l-ebda sustanza f’tali kwantità li tipperikola s-saħħa tat-trabi u t-tfal żgħar. Għandhom ikunu stabbiliti l-livelli massimi meħtieġa għas-sustanzi minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

2.   L-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi m’għandux ikollu sustanzi ta’ pestiċidi individwali f’livelli li jeċċedu 0,01 mg/kg, ħlief għal dawk is-sustanzi li għalihom il-livelli speċifiċi ġew stabbiliti fl-Anness VI, li f’dan il-każ għandhom japplikaw dawn il-livelli speċifiċi.

Il-metodi analitiċi biex jiġu ddeterminati l-livelli ta’ residwi tal-pestiċidi għandhom ġeneralment ikunu metodi standardizzati aċċettabbli.

3.   Il-pestiċidi elenkati fl-Anness VII m’għandhomx jintużaw fi prodotti agrikoli intiżi għall-manifattura ta’ ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi.

Madankollu, għall-finijiet ta’ kontroll:

(a)

il-pestiċidi elenkati fit-Tabella 1 tal-Anness VII huma kkunsidrati li ma ntużawx jekk ir-residwi tagħhom ma jeċċedux livell ta’ 0,003 mg/kg. Dan il-livell, li huwa kkunsidrat bħala l-limitu tal-kwantifikazzjoni tal-metodi analitiċi, għandu jiġi rrivedut b’mod regolari skont il-progress tekniku;

(b)

il-pestiċidi elenkati fit-Tabella 2 tal-Anness VII huma kkunsidrati li ma ntużawx jekk ir-residwi tagħhom ma jeċċedux livell ta’ 0,003 mg/kg. Dan il-livell għandu jiġi rrivedut b’mod regolari skont id-dejta dwar il-kontaminazzjoni ambjentali.

4.   Il-livelli msemmija fil-paragrafi 2 u 3 japplikaw għall-prodotti kif proposti lesti għall-konsum jew kif ikkostitwiti mill-ġdid skont l-istruzzjonijiet tal-fabbrikanti.

5.   Għall-pestiċidi elenkati fl-Anness VI, fejn tittieħed deċiżjoni li tikkonċerna r-rifjut ta’ sustanza attiva milli tkun inkluża fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE, l-Anness VI u l-Anness VII għal din id-Direttiva iridu jiġu emendati kif jixraq.

6.   Il-kriterji mikrobijoloġiċi għandhom jiġu stabbiliti kif meħtieġ.

Artikolu 8

1.   It-tikketti tal-prodotti kkonċernati għandhom jinkludu, flimkien mad-dettalji previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/13/KE, id-dettalji obbligatorji li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni dwar l-età xierqa li minnha jista’ jibda jintuża l-prodott, filwaqt li jkunu ġew ikkunsidrati l-kompożizzjoni u l-konsistenza tiegħu jew proprjetajiet partikolari oħra. Għal kull prodott, l-età ddikjarata m’għandhiex tkun inqas minn dik ta’ erba’ xhur. Il-prodotti rakkomandati biex jibdew jintużaw mill-età ta’ erba’ xhur jistgħu jindikaw li dawn huma adattati minn dik l-età sakemm ma jkunx ingħata parir mod ieħor minn persuni indipendenti ikkwalifikati fil-mediċina, fin-nutrizzjoni jew fil-farmaċija, jew minn professjonisti oħra responsabbli għall-kura materna u tat-tfal;

(b)

informazzjoni dwar il-preżenza jew l-assenza ta’ glutina jekk l-età indikata li minnha jista’ jibda jintuża l-prodott tkun taħt dik ta’ sitt xhur;

(c)

il-valur tal-enerġija disponibbli mfisser f’kJ u f’kcal, u l-kontenut ta’ proteina, karboidrati u l-kontenut lipidu, imfissra f’forma numerika, għal kull 100 g jew 100 ml tal-prodott kif mibjugħ u, fejn jixraq, għal kull kwantità speċifikata tal-prodott kif propost għall-konsum;

(d)

il-kwantità medja ta’ kull sustanza minerali ta’ kull vitamina irregolata b’livell speċifiku kif speċifikat fl-Anness I u l-Anness II rispettivament, imfissra f’forma numerika, għal kull 100 g jew 100 ml tal-prodott kif mibjugħ u, fejn jixraq, għal kull kwantità speċifikata tal-prodott kif propost għall-konsum;

(e)

l-istruzzjonijiet għall-preparazzjoni xierqa, fejn ikun meħtieġ, u dikjarazzjoni dwar l-importanza li jiġu segwiti dawk l-istruzzjonijiet.

2.   It-tikketta jista’ jkollha:

(a)

il-kwantità medja tan-nutrijenti stabbiliti fl-Anness IV meta dikjarazzjoni bħal din ma tkunx koperta bid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(d), imfissra f’forma numerika, għal kull 100 g jew 100 ml tal-prodott kif mibjugħ u, fejn jixraq, għal kull kwantità speċifikata tal-prodott kif propost għall-konsum;

(b)

barra l-informazzjoni numerika, informazzjoni dwar il-vitamini u l-minerali indikati fl-Anness V, imfissra bħala perċentwal tal-valuri ta’ referenza indikati f’dan, għal kull 100 g jew 100 ml tal-prodott kif mibjugħ, u fejn jixraq, għal kull kwantità speċifikata tal-prodott kif propost għall-konsum, sakemm il-kwantitajiet preżenti jkunu mill-inqas ugwali għal 15 % tal-valuri ta’ referenza.

Artikolu 9

Id-Direttiva 96/5/KE, kif emendata bid-Direttivi elenkati fl-Anness VIII, il-Parti A, hija mħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri sabiex jittrasponu d-Direttivi fil-liġijiet nazzjonali tagħhom fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Anness VIII, il-Parti B.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrispondenza fl-Anness IX.

Artikolu 10

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata għall-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 5 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO

ANNESS I

KOMPOŻIZZJONI ESSENZJALI TA’ IKEL IPPROĊESSAT IBBAŻAT FUQ IĊ-ĊEREALI GĦAT-TRABI U GĦAT-TFAL ŻGĦAR

Il-ħtiġiet dwar in-nutrijenti jirreferu għall-prodotti lesti għall-użu mqiegħda fis-suq bħala tali jew ikkostitwiti mill-ġdid kif avżat mill-fabbrikant.

1.   KONTENUT TA’ ĊEREALI

Ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali huwa mħejji primarjament minn ċereali wieħed mitħun jew iktar u/jew minn prodotti b’għeruq li fihom il-lamtu.

L-ammont ta’ ċereali u/jew ta’ għerq li fih il-lamtu m’għandux ikun inqas minn 25 % tat-taħlita aħħarija fuq il-piż xott għall-bażi tal-piż.

2.   PROTEINI

2.1.

Għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a)(ii) u (iv), il-kontenut tal-proteini m’għandux jaqbeż il-1,3 g/100 kJ (5,5 g/100 kcal).

2.2.

Għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) (ii), il-proteini miżjuda m’għandhomx ikunu inqas minn 0,48 g/100 kJ (2 g/100 kcal).

2.3.

Għal gallettini msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) (iv), magħmulin biż-żieda ta’ ikel li fih ammont għoli ta’ proteini, u ppreżentati bħala tali, il-proteini miżjuda m’għandhomx ikunu inqas minn 0,36 g/100 kJ (1,5/100 kcal).

2.4.

L-indiċi kimiku tal-proteini miżjuda għandu jkun ugwali għallinqas għal 80 % ta’ dak tal-proteini ta’ referenza (kaseina kif definit fl-Anness III), jew il-proporzjon ta’ enerġija tal-proteini (PER) tal-proteini fit-taħlita għandu jkun ugwali għallinqas għal 70 % ta’ dak tal-proteini ta’ riferenza. Fil-każijiet kollha, iż-żjieda ta’ aċidi amminiċi hija permessa biss għall-għan li jittejjeb il-valur nutrittiv tat-taħlita tal-proteini, u fil-proporzjonijiet meħtieġa biss għal dak il-għan.

3.   KARBOIDRATI

3.1.

Jekk jiġi miżjud is-sukrożju, il-fruttożju, il-glukożju, xiroppi tal-glukożju jew l-għasel mal-prodotti msemmija Fl-Artikolu 1(2)(a) (i) u (a) (iv):

l-ammont ta’ karboidrati miżjud minn dawn is-sorsi m’għandux ikun aktar minn 1,8 g/100 kJ (7,5 g/100 kcal),

l-ammont ta’ fruttożju miżjud m’għandux ikun aktar minn 0,9 g/100 kJ (3,75 g/100 kcal).

3.2.

Jekk jiġi miżjud is-sukrożju, il-fruttożju, il-glukożju, xiroppi tal-glukożju jew l-għasel mal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) (ii):

l-ammont ta’ karboidrati miżjud minn dawn is-sorsi m’għandux ikun aktar minn 1,2 g/100 kJ (5 g/100 kcal),

l-ammont ta’ fruttożju miżjud m’għandux ikun aktar minn 0,6 g/100 kJ (2,5 g/100 kcal).

4.   LIPIDI

4.1.

Għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) (i) u (a) (iv), il-kontenut lipidu m’għandux ikun aktar minn 0,8 g/100 kJ (3,3 g/100 kcal).

4.2.

Għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) (ii), il-kontenut lipidu m’għandux ikun aktar minn 1,1 g/100 kJ (4,5 g/100 kcal). Jekk il-kontenut lipidu jkun aktar minn 0,8 g/100 kJ (3,3 g/100 kcal):

l-ammont ta’ aċidu lawriku m’għandux ikun aktar minn 15 % tal-kontenut lipidu totali,

l-ammont ta’ aċidu miristiku m’għandux ikun aktar minn 15 % tal-kontenut lipidu totali,

l-ammont ta’ aċidu linoleiku (fil-forma ta’ gliċeridi = linoleati) m’għandux ikun inqas minn 70 mg/100 kJ (300 mg/100 kcal) u m’għandux ikun aktar minn 285 mg/100 kJ (1 200 mg/100 kcal).

5.   MINERALI

5.1.   Sodju

il-melħ tas-sodju jista’ jiġi miżjud biss mal-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għal għanijiet teknoloġiċi,

il-kontenut ta’ sodju fl-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali m’għandux ikun aktar minn 25 mg/100 kJ (100 mg/100 kcal).

5.2.   Kalċju

5.2.1.

Għal prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) (a) (ii), l-ammont ta’ kalċju m’għandux ikun inqas minn 20 mg/100 kJ (80 mg/100 kcal). (a)(ii).

5.2.2.

Għal prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) (a) (iv), immanifatturati biż-żjieda ta’ ħalib (gallettini tal-ħalib) u ppreżentati bħala tali, l-ammont ta’ kalċju m’għandux ikun inqas minn 12 mg/100 kJ (50 mg/100 kcal).

6.   VITAMINI

6.1.

Għal ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali l-ammont ta’ tiamina m’għandux ikun inqas minn 25 μg/100 kJ (100 μg/100 kcal.

6.2.

Għal prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a)(ii):

 

Għal kull 100 kJ

Għal kull 100 kcal

Minimu

Massimu

Minimu

Massimu

Vitamina A (μg RE) (10)

14

43

60

180

Vitamina D (μg) (11)

0,25

0,75

1

3

Dawn il-limiti huma applikabbli wkoll jekk il-vitamini A u D jiġu miżjudin ma’ ikel ieħor ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali.

7.   LIMITI MASSIMI GĦALL-VITAMINI, IL-MINERALI U ELEMENTI TA’ TRAĊĊI, JEKK IKUNU MIŻJUDA

Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw in-nutrijenti jirreferu għall-prodotti lesti għall-użu, kummerċjalizzati bħala tali jew ikkostitwiti mill-ġdid kif indikat mill-fabbrikant, ħlief għall-potassju u l-kalċju li għal dawn ir-rekwiżiti jirreferu għall-prodott kif mibjugħ.

Nutrijent

Massimu għal kull 100 kcal

Vitamina A (μg RE)

180

Vitamina E (mg α-TE) (12)

3

Vitamina D (μg)

3

Vitamina Ċ (mg)

12,5/25 (13)

Tiamina (mg)

0,5

Riboflavin (mg)

0,4

Niacin (mg NE) (14)

4,5

Vitamina B6 (mg)

0,35

Aċidu foliku (μg)

50

Vitamina B12 (μg)

0,35

Aċidu Pantoteniku (mg)

1,5

Biotin (μg)

10

Potassju (mg)

160

Kalċju (mg)

80/180 (15) /100 (16)

Manjeżju (mg)

40

Ħadid (mg)

3

Żingu (mg)

2

Ram (μg)

40

Jodju (μg)

35

Manganiż (mg)

0,6

ANNESS II

KOMPOŻIZZJONI ESSENZJALI TA’ IKEL TAT-TRABI GĦAT-TRABI U GĦAT-TFAL ŻGĦAR

Il-ħtiġiet dwar in-nutrijenti jirreferu għall-prodotti lesti għall-użu, mqiegħda fis-suq bħala tali jew kostitwiti mill-ġdid kif avżat mill-fabbrikant.

1.   PROTEINI

1.1.

Jekk il-laħam, it-tajr, il-ħut, il-ġewwieni jew sorsi oħra tradizzjonali ta’ proteini huma l-uniċi ingredjenti msemmija fl-isem tal-prodott, allura:

il-laħam, it-tajr, il-ħut, il-ġewwieni u s-sorsi l-oħra tradizzjonali ta’ proteini msemmija, fit-total, għandhom jikkostitwixxu mhux inqas minn 40 % tal-piż tal-prodott kollu,

kull laħam, tajra, ħut, ġewwieni u sorsi oħra tradizzjonali ta’ proteini msemmi għandu jikkostitwixxi mhux inqas minn 25 % fil-piż, tat-total tas-sorsi tal-proteini msemmija,

il-proteini totali mis-sorsi msemmija m’għandhomx ikunu inqas minn 1,7 g/100 kJ (7 g/100 kcal).

1.2.

Jekk il-laħam, it-tajr, il-ħut, il-ġewwieni jew sorsi oħra tradizzjonali ta’ proteini, weħidhom jew ikkombinati, huma msemmija l-ewwel fl-isem tal-prodott, kemm jekk il-prodott jiġi ppreżentat bħala ikla kif ukoll jekk le, allura:

il-laħam, it-tajr, il-ħut, il-ġewwieni u s-sorsi l-oħra tradizzjonali ta’ proteini msemmija, fit-total, għandhom jikkostitwixxu mhux inqas minn 10 % tal-piż tal-prodott kollu,

kull laħam, tajr, ħut, ġewwieni u sorsi oħra tradizzjonali ta’ proteini msemmi għandu jikkostitwixxi mhux inqas minn 25 % fil-piż tat-total tas-sorsi tal-proteini msemmija,

il-proteini mis-sorsi msemmija m’għandhomx ikunu inqas minn 1 g/100 kJ (4 g/100 kcal).

1.3.

Jekk il-laħam, it-tajr, il-ħut, il-ġewwieni jew sorsi oħra tradizzjonali ta’ proteini, weħidhom jew ikkombinati jissemmew, imma mhux l-ewwel, fl-isem tal-prodott, kemm jekk il-prodott jiġi ppreżentat bħala ikla kif ukoll jekk le, allura:

il-laħam, it-tajr, il-ħut, il-ġewwieni u s-sorsi l-oħra tradizzjonali ta’ proteini msemmija, fit-total, għandhom jikkostitwixxu mhux inqas minn 8 % tal-piż tal-prodott kollu,

kull laħam, tajr, ħut, ġewwieni u sorsi oħra tradizzjonali ta’ proteini msemmija għandhom jikkostitwixxu mhux inqas minn 25 % fil-piż tat-total tas-sorsi tal-proteini msemmija,

il-proteini mis-sorsi msemmija m’għandhomx ikunu inqas minn 0,5 g/100 kJ (2,2 g/100 kcal),

il-proteini totali fil-prodott mis-sorsi kollha m’għandhomx ikunu inqas minn 0,7 g/100 kJ (3 g/100 kcal).

1.4.

Jekk il-ġobon jissemma flimkien ma’ ingredjenti oħra fl-isem ta’ xi prodott mhux ħelu, kemm jekk il-prodott huwa ppreżentat bħala ikla kif ukoll jekk le, allura:

il-proteina mis-sorsi tal-ħalib m’għandhiex tkun inqas minn 0,5 g/100 kJ (2,2 g/100 kcal),

il-proteina totali fil-prodott mis-sorsi kollha m’għandhiex tkun inqas minn 0,7 g/100 kJ (3 g/100 kcal).

1.5.

Jekk il-prodott huwa nnominat fuq it-tikketta bħala ikla, imma ma jsemmix laħam, tajr, ħut, ġewwieni jew sorsi tradizzjonali oħra ta’ proteini fl-isem tal-prodott, il-proteini totali fil-prodott mis-sorsi kollha m’għandhomx ikunu inqas minn 0,7 g/100 kJ (3 g/100 kcal).

1.6.

Zlazi ppreżentati bħala żieda ma’ ikla huma eżenti mir-rekwiżiti tal-punti 1.1 sa 1.5, it-tnejn inklużi.

1.7.

Platti tal-ħelu li jsemmu prodotti tal-ħalib bħala l-ewwel jew l-uniku ingredjent fl-isem għandu jkollhom mhux anqas minn 2,2 g ta’ proteina tal-ħalib/100 kcal. Il-platti tal-ħelu kollha l-oħra huma eżenti mill-ħtiġiet f’1.1 sa 1.5.

1.8.

Iż-żieda ta’ aċidi amminiċi hija permessa biss għall-għan ta’ titjib tal-valur nutrittiv tal-proteini preżenti, u biss fil-proporzjonijiet meħtieġa għal dak il-għan.

2.   KARBOIDRATI

Il-kwantitajiet tal-karboidrati totali preżenti fil-meraq u n-nettari tal-frott u l-ħxejjex, fil-platti bi frott biss u f’deżerti jew pudini m’għandhomx jaqbżu:

10 g/100 ml għal meraq tal-ħxejjex u xorb ibbażat fuqhom,

15 g/100 ml għal meraq u nettari tal-frott u xorb ibbażat fuqhom,

20 g/100 g għal platti bil-frott biss,

25 g/100 g għal deżerti u pudini,

5 g/100 g għal xorb ieħor li mhuwiex ibbażat fuq il-ħalib.

3.   XAĦAM

3.1.

Għall-prodotti li hemm referenza għalihom fil-punt 1.1:

Jekk il-laħam jew il-ġobon huma l-uniċi ingredjenti jew huma msemmija l-ewwel fl-isem ta’ prodott, ix-xaħam totali fil-prodott mis-sorsi kollha m’għandux jaqbeż il-1,4 g/100 kJ (6 g/100 kcal).

3.2.

Għall-prodotti l-oħra kollha, ix-xaħam totali fil-prodott mis-sorsi kollha m’għandux jaqbeż il-1,1 g/100 kJ (4,5 g/100 kcal).

4.   SODJU

4.1.

Il-kontenut finali ta’ sodju fil-prodott għandu jkun jew mhux iktar minn 48 mg/100 kJ (200 mg/100 kcal) jew mhux iktar minn 200 mg għal kull 100 g. Madankollu jekk il-ġobon huwa l-uniku ingredjent imsemmi fl-isem tal-prodott, il-kontenut finali ta’ sodju fil-prodott m’għandux ikun iktar minn 70 mg/100 kJ (300 mg/100 kcal).

4.2.

Il-melħ tas-sodju m’għandux jiġi miżjud ma’ prodotti bbażati fuq il-frott, lanqas ma’ deżerti, pudini għajr għal għanijiet teknoloġiċi.

5.   VITAMINI

Il-vitamina Ċ

F’meraq tal-frott, nettaru tal-frott jew meraq tal-ħxejjex, il-kontenut finali tal-vitamina Ċ fil-prodott għandu jkun jew mhux inqas minn 6 mg/100 kJ (25 mg/100 kcal) jew mhux inqas minn 25 mg għal kull 100 g.

Il-vitamina A

F’meraq tal-ħxejjex, il-kontenut finali tal-vitamina A fil-prodott m’għandux ikun inqas minn 25 μg RE/100 kJ (100 μg Re/100 kcal).

Il-vitamina A m’għandhiex tiġi miżjuda ma’ ikel ieħor tat-trabi.

Il-vitamina D

Il-vitamina D m’għandhiex tiġi miżjuda ma’ ikel tat-trabi.

6.   LIMITI MASSIMI GĦALL-VITAMINI, IL-MINERALI U ELEMENTI TA’ TRAĊĊI, JEKK IKUNU MIŻJUDA

Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw in-nutrijenti jirreferu għall-prodotti lesti għall-użu, kummerċjalizzati bħala tali jew ikkostitwiti mill-ġdid kif indikat mill-fabbrikant, ħlief għall-potassju u l-kalċju li għal dawn ir-rekwiżiti jirreferu għall-prodott kif mibjugħ.

Nutrijent

Massimu għal kull per 100 kcal

Vitamina A (μg RE)

180 (17)

Vitamina E (mg α-TE)

3

Vitamina Ċ (mg)

12,5/25 (18) /125 (19)

Tiamina (mg)

0,25

Riboflavin (mg)

0,4

Niacin (mg NE)

4,5

Vitamina B6 (mg)

0,35

Aċidu foliku (μg)

50

Vitamina B12 (μg)

0,35

Aċidu Pantoteniku (mg)

1,5

Biotin (μg)

10

Potassju (mg)

160

Kalċju (mg)

80

Manjeżju (mg)

40

Ħadid (mg)

3

Żingu (mg)

2

Ram (μg)

40

Jodju (μg)

35

Manganiż (mg)

0,6

ANNESS III

KOMPOŻIZZJONI TA’ AĊIDI AMMINIĊI TAL-KASEINA

(g għal kull 100 g ta’ proteina)

Arginine

3,7

Cystine

0,3

Histidine

2,9

Isoleucine

5,4

Leucine

9,5

Lysine

8,1

Methionine

2,8

Phenylalanine

5,2

Threonine

4,7

Tryptophan

1,6

Tyrosine

5,8

Valine

6,7

ANNESS IV

SUSTANZI NUTRITTIVI

1.   VITAMINI

Il-vitamina A

Retinol

Retinyl acetate

Retinyl palmitate

Beta carotene

Il-vitamina D

Il-vitamina D2 (= ergocalciferol)

Il-vitamina D3 (= cholecalciferol)

Il-vitamina B1

Tiamina hydrochloride

Tiamina mononitrate

Il-vitamina B2

Riboflavin

Riboflavin-5'-phosphate, sodium

Niacin

Nicotinamide

Aċidu Nikotiniku

Il-vitamina B6

Pyridoxine hydrochloride

Pyridoxine-5-phosphate

Pyridoxine dipalmitate

Aċidu Pantoteniku

D-pantothenate, kalċju

D-pantothenate, sodju

Dexpanthenol

Folate

Aċidu foliku

Il-vitamina B12

Cyanocobalamin

Hydroxocobalamin

Biotin

D-biotin

Il-vitamina Ċ

Aċidu L-assorbiku

Sodium L-ascorbate

Calcium L-ascorbate

6-palmityl-L-ascorbic acid (ascorbyl palmitate)

Potassium ascorbate

Il-vitamina K

Phylloquinone (Phytomenadione)

Il-vitamina E

D-alpha tocopherol

DL-alpha tocopherol

D-alpha tocopherol acetate

DL-alpha tocopherol acetate

2.   AĊIDI AMMINIĊI

L-arginine

L-cystine

L-histidine

L-isoleucine

L-leucine

L-lysine

L-cysteine

u l-idrokloridi tagħhom

L-methionine

L-phenylalanine

L-threonine

L-tryptophan

L-tyrosine

L-valine

3.   OĦRAJN

Kolin

Klorur tal-kolin

Ċitrat tal-kolin

Bitartarat tal-kolin

Inositol

L-carnitine

L-carnitine hydrochloride

4.   MELĦ TA’ MINERALI U ELEMENTI TA’ TRAĊĊI

Kalċju

Karbonat tal-kalċju

Klorur tal-kalċju

Melħ tal-kalċju u aċidu ċitriku

Glukonat tal-kalċju

Calcium glycerophosphate

Calcium lactate

Ossidu tal-kalċju

Idrossidu tal-kalċju

Melħ tal-kalċju ta’ aċidu ortofosforiku

Manjeżju

Karbonat tal-manjeżju

Klorur tal-manjeżju

Melħ tal-manjeżju ta’ aċidu ċitriku

Glukonat tal-manjeżju

Ossidu tal-manjeżju

Idrossidu tal-manjeżju

Melħ tal-manjeżju ta’ aċidu ortofosforiku

Sulfat tal-manjeżju

Magnesium lactate

Magnesium glycerophosphate

Potassju

Klorur tal-potassju

Melħ tal-potassju ta’ aċidu ċitriku

Glukonat tal-potassju

Potassium lactate

Potassium glycerophosphate

Ħadid

Ċitrat tal-ħadid

Ferric ammonium citrate

Glukonat tal-ħadid

Ferrous lactate

Sulfat tal-ħadid

Fumarat tal-ħadid

Ferric diphosphate (ferric pyrophosphate)

Ħadid elementali (carbonyl + electrolytic + idroġenu-mnaqqas)

Ferric saccharate

Sodium ferric diphosphate

Karbonat tal-ħadid

Ram

Copper-lysine complex

Karbonat tar-ram

Ċitrat tar-ram

Glukonat tar-ram

Sulfat tar-ram

Żingu

Aċetat taż-żingu

Klorur taż-żingu

Ċitrat taż-żingu

Zinc lactate

Sulfat taż-żingu

Ossidu taż-żingu

Glukonat taż-żingu

Manganiż

Karbonat tal-manganiż

Klorur tal-manganiż

Ċitrat tal-manganiż

Glukonat tal-manganiż

Sulfat tal-manganiż

Manganese glycerophosphate

Jodju

Jodju tas-sodju

Jodju tal-potassju

Potassium iodate

Sodium iodate

ANNESS V

VALURI TA’ REFERENZA GĦALL-ITTIKKETTJAR NUTRITTIV GĦAL IKEL INTENZJONAT GĦAL TRABI U TFAL ŻGĦAR

Nutrijent

Valur ta’ referenza tal-ittikkettjar

Vitamina A

(μg) 400

Vitamina D

(μg) 10

Vitamina Ċ

(mg) 25

Tiamina

(mg) 0,5

Riboflavin

(mg) 0,8

Ekwivalenti tan-Niacin

(mg) 9

Vitamina B6

(mg) 0,7

Folate

(μg) 100

Vitamina B12

(μg) 0,7

Kalċju

(mg) 400

Ħadid

(mg) 6

Żingu

(mg) 4

Jodju

(μg) 70

Silenju

(μg) 10

Ram

(mg) 0,4

ANNESS VI

LIVELLI MASSIMI SPEĊIFIĊI TA’ RESIDWI TA’ PESTIĊIDI JEW TA’ METABOLITI TAL-PESTIĊIDI F’IKEL IPPROĊESSAT IBBAŻAT FUQ IĊ-ĊEREALI U IKEL TAT-TRABI

Isem kimku tas-sustanza

Livell massimu ta’ residwu

(mg/kg)

Cadusafos

0,006

Demeton-S-methyl/demeton-S-methyl sulfone/oxydemeton-methyl (individwali jew ikkombinati, espressi bhala demeton-S-methyl)

0,006

Ethoprophos

0,008

Fipronil (it-total ta’ fipronil u fipronil-desulfinyl, espressi bħala fipronil)

0,004

Propineb/propylenethiourea (it-total ta’ propineb u propylenethiourea)

0,006

ANNESS VII

PESTIĊIDI LI M’GĦANDHOMX IKUNU UŻATI FIL-PRODUZZJONI AGRIKOLA INTIŻA GĦALL-PRODUZZJONI TA’ IKEL IPPROĊESSAT IBBAŻAT FUQ IĊ-ĊEREALI U IKEL TAT-TRABI

Tabella 1

L-isem kimiku tas-sustanza (definizzjoni tar-residwu)

Disulfoton (is-somma ta’ disulfoton, disulfoton sulfoxide u disulfoton sulfone espressi bħala disulfoton)

Fensulfothion (it-total ta’ fensulfothion, l-analogu tal-ossiġnu tiegħu u s-sulfones tagħhom, espressi bħala fensulfothion)

Fentin, espress bħala triphenyltin cation

Haloxyfop (is-somma ta’ haloxyfop, il-melħ u l-esters tagħha inklużi l-conjugates, espressi bħala haloxyfop)

Heptachlor u trans-heptachlor epoxide, espressi bħala heptachlor

Hexachlorobenzene

Nitrofen

Omethoate

Terbufos (is-somma ta’ terbufos, is-sulfossidu u sulfone tagħha, espressi bħala terbufos)

Tabella 2

L-isem kimiku tas-sustanza

Aldrin u dieldrin, espressi bħala dieldrin

Endrin

ANNESS VIII

PARTI A

Id-Direttiva mħassra bl-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 9)

Direttiva tal-Kummissjoni 96/5/KE

(ĠU L 49, 28.2.1996, p. 17)

Direttiva tal-Kummissjoni 98/36/KE

(ĠU L 167, 12.6.1998, p. 23)

Direttiva tal-Kummissjoni 1999/39/KE

(ĠU L 124, 18.5.1999, p. 8)

Direttiva tal-Kummissjoni 2003/13/KE

(ĠU L 41, 14.2.2003, p. 33)

PARTI B

Dati ta’ skadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 9)

Direttiva

Data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni

Awtorizzizzjoni għall-kummerċ ta’ prodotti li huma konformi ma’ din id-Direttiva

Projbizzjoni għall-kummerċ ta’ prodotti li mhumiex konformi ma’ din id-Direttiva

96/5/KE

30 ta’ Settembru 1997

1 ta’ Ottubru 1997

31 ta’ Marzu 1999

98/36/KE

31 ta’ Diċembru 1998

1 ta’ Jannar 1999

1 ta’ Jannar 2000

1999/39/KE

30 ta’ Ġunju 2000

30 ta’ Ġunju 2000

1 ta’ Lulju 2002

2003/13/KE

6 ta’ Marzu 2004

6 ta’ Marzu 2004

6 ta’ Marzu 2005

ANNESS IX

TABELLA TA’ KORRISPONDENZA

Direttiva 96/5/KE

Din id-Direttiva

L-Artikolu 1(1), (2) u (3)

L-Artikolu 1(1), (2) u (3)

L-Artikolu 1(4), frażi introduttorja

L-Artikolu 2, frażi introduttorja

L-Artikolu 1(4), l-ewwel inċiż

L-Artikolu 2(a)

L-Artikolu 1(4), it-tieni inċiż

L-Artikolu 2(b)

L-Artikolu 1(4), it-tielet inċiż

L-Artikolu 2(c)

L-Artikolu 2

L-Artikolu 3

L-Artikolu 3

L-Artikolu 4

L-Artikolu 4

L-Artikolu 5

L-Artikolu 5

L-Artikolu 6

L-Artikolu 6(1)

L-Artikolu 7(1)

L-Artikolu 6(2), l-ewwel subparagrafu

L-Artikolu 7(2), l-ewwel subparagrafu

L-Artikolu 6(2), it-tieni subparagrafu

L-Artikolu 7(4)

L-Artikolu 6(2), it-tielet subparagrafu

L-Artikolu 7(2) it-tieni subparagrafu

L-Artikolu 6(3)(a), l-ewwel subparagrafu, frażi introduttorja

L-Artikolu 7(3), frażi introduttorja

L-Artikolu 6(3)(a), l-ewwel subparagrafu, (i)

L-Artikolu 7(3)(a)

L-Artikolu 6(3)(a), l-ewwel subparagrafu, (ii)

L-Artikolu 7(3)(b)

L-Artikolu 6(3)(a), it-tieni subparagafu

L-Artikolu 7(4)

L-Artikolu 6(3)(b)

L-Artikolu 7(5)

L-Artikolu 6(4)

L-Artikolu 7(6)

L-Artikolu 7

L-Artikolu 8

L-Artikolu 8

L-Artikolu 9

L-Artikolu 9

L-Artikolu 10

L-Artikolu 10

L-Artikolu 11

Anness I, frażi introduttorja

Anness I, frażi introduttorja

Anness I, il-punti 1, 2 u 3

Anness I, il-punti 1, 2 u 3

Anness I, il-punt 4

Anness I, il-punt 4

Anness I, il-punt 4.1

Anness I, il-punt 4.1

Anness I, il-punt 4.2

Anness I, il-punt 4.2

Anness I, il-punt 4.2(a)

Anness I, il-punt 4.2, l-ewwel inċiż

Anness I, il-punt 4.2(b)

Anness I, il-punt 4.2, it-tieni inċiż

Anness I, il-punt 4.2(c)

Anness I, il-punt 4.2, it-tielet inċiż

Anness I, il-punti 5 u 6

Anness I, il-punti 5 u 6

Anness II, frażi introduttorja

Anness II, frażi introduttorja

Anness II, il-punt 1

Anness II, il-punt 1

Anness II, il-punti 1.1-1.3

Anness II, il-punti 1.1-1.3

Anness II, il-punt 1.3a

Anness II, il-punt 1.4

Anness II, il-punt 1.4

Annes II, il-punt 1.5

Anness II, il-punt 1.4a

Anness II, il-punt 1.6

Anness II, il-punt 1.4b

Anness II, il-punt 1.7

Anness II, il-punt 1.5

Anness II, il-punt 1.8

Anness II, il-punti 2 sa 5

Anness II, il-punti 2 sa 5

Anness III

Anness III

Anness IV

Anness IV

Anness V

Anness V

Anness VI

Anness I, il-punt 7, u l-Anness II, il-punt 6

Anness VII

Anness VI

Anness VIII

Anness VII

Anness VIII

Anness IX


(1)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 49, 28.2.1996, p. 17. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/13/KE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 33).

(3)  Ara l-Anness VIII, Parti A.

(4)  ĠU L 340, 9.12.1976, p. 26. Din id-Direttiva ġiet irrevokata bir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

(5)  ĠU L 221, 7.8.1986, p. 37. Din id-Direttiva ġiet irrevokata bir-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(6)  ĠU L 221, 7.8.1986, p. 43. Din id-Direttiva ġiet irrevokata bir-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(7)  ĠU L 350, 14.12.1990, p. 71. Din id-Direttiva ġiet irrevokata bir-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(8)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(9)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/89/KE (ĠU L 308, 25.11.2003, p. 15).

(10)  RE = kollha ekwivalenti ta’ trans retinol.

(11)  Fil-forma ta’ cholecalciferol, li minnu 10 μg = 400 i.u. ta’ vitamina D.

(12)  α-TE = ekwivalenti ta’ d-α-tocopherol.

(13)  Limitu li japplika għall-prodotti msaħħa bil-ħadid.

(14)  NE = Ekwivalenti ta’ Niacin = mg aċidu nicotinic + mg tryptophan/60.

(15)  Limitu li japplika għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a)(i) u (ii).

(16)  Limitu li japplika għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a)(i) u (ii).

(17)  Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 5.

(18)  Limitu li japplika għall-prodotti msaħħa bil-ħadid.

(19)  Limitu li japplika għal platti bbażati fuq il-frott, meraq tal-frott, nettari u meraq tal-ħxejjex.


Top