Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0258R(01)

    Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 258/2005 tal- 14 ta’ Frar 2005 li jemenda l-miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament (KE) Nru 348/2000 dwar importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux tal-liga mingħajr saldatura li joriġinaw mill-Kroatzja u mill-Ukrajna ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 333 M, tal-11 ta' Diċembru 2008 )

    OJ L 51M, 24.2.2009, p. 470–491 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/258/corrigendum/2009-02-24/oj

    24.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L NaN/470


    Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 258/2005 tal-14 ta’ Frar 2005 li jemenda l-miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament (KE) Nru 348/2000 dwar importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux tal-liga mingħajr saldatura li joriġinaw mill-Kroatzja u mill-Ukrajna

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 333 M, tal-11 ta' Diċembru 2008 )

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 258/2005 għandu jaqra:

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 258/2005

    tal-14 ta’ Frar 2005

    li jemenda l-miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament (KE) Nru 348/2000 dwar importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux tal-liga mingħajr saldatura li joriġinaw mill-Kroatzja u mill-Ukrajna

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunitajiet Ewropej (1) (ir-“Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 11(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Investigazzjoni preċedenti u miżuri eżistenti

    (1)

    Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ dwar importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux tal-liga mingħajr saldatura li joriġinaw mill-Kroazja u mill-Ukrajna huma dazji anti-dumping definittivi imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 348/2000 (2) u impenn wieħed aċċettat minn esportatur mill-Kroazja mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/137/KE (3). Ir-rata ta’ dazju applikabbli għal importazzjonijiet mill-Kroazja hija ta’ 23 %, waqt li r-rata tad-dazju applikabbli għal importazzjonijiet mill-Ukrajna hija ta’ 38,5 %.

    2.   Bidu

    (2)

    Fit-23 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni ħabbret b’avviż ta’ bidu ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (4), il-bidu ta’ reviżjoni interim tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew ta’ l-azzar li mhux tal-liga li joriġinaw mill-Kroazja u mill-Ukrajna u bdiet investigazzjoni.

    (3)

    L-investigazzjoni nbdiet wara talba mressqa mill-Kumitat tad-Difiża ta’ l-Industrija tat-Tubi ta’ l-Azzar bla Fissuri ta’ l-Unjoni Ewropea f’isem il-prodotturi li jirrappreżentaw aktar minn 75 % tal-produzzjoni Komunitarja totali.

    (4)

    Għandu jkun innotat li fl-istess data, it-23 ta’ Novembru 2002, inbdiet reviżjoni oħra rigward il-miżuri fis-seħħ dwar importazzjonijiet ta’ l-istess prodott, jiġifieri ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew ta’ l-azzar li mhux liga mingħajr saldatura, li joriġinaw mill-Polonja, ir-Russja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka (5). Il-miżuri kontra l-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka skadew bħala riżultat tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Skond ir-Regolament (KE) Nru 1322/2004 (6), il-miżuri eżistenti dwar importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura li joriġinaw fir-Russja u fir-Rumanija huma temporanjament mhux applikati sa mill-21 ta’ Lulju 2004. Ir-reviżjoni ta’ dawn il-miżuri għadha għaddejja.

    3.   Partijiet ikkonċernati mill-proċediment

    (5)

    Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-produtturi esportaturi fil-Kroazja u fl-Ukrajna, lill-produtturi, lill-importaturi, lill-fornituri u lill-utenti fil-Komunità magħrufin li huma kkonċernati u lill-awtoritajiet tal-Kroazja u ta’ l-Ukrajna bil-ftuħ ta’ l-investigazzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu ħsibijiethom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu ta’ żmien imniżżel fl-avviż ta’ bidu.

    (6)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufin li huma kkonċernati u lill-kumpanniji l-oħrajn kollha li għarrfu lilhom infushom sa l-iskadenzi mniżżlin fl-avviż ta’ bidu. Waslu risposti mingħand ħames prodotturi Komunitarji, mingħand importatur wieħed, mingħand prodottur li jesporta wieħed mill-Kroazja, mingħand tliet produtturi li jesportaw mill-Ukrajna u mingħand tliet kummerċjanti relatati mal-produtturi Ukrajni.

    (7)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għad-determinazzjoni ta’ dumping u ħsara li tirriżulta u wettqet verifiki fil-bini tal-kumpanniji li ġejjin:

    (a)

    Produtturi Komunitarji

    Dalmine Spa, l-Italja

    Productos Tubulares S.A., Spanja

    Tubos Reunidos S.A., Spanja

    Vallourec & Mannesmann, il-Ġermanja

    Vallourec & Mannesmann, Franza

    (b)

    Importaturi mhux relatati fil-Komunità

    Comercial de Tubos S.A., Spanja

    (c)

    Produttur li jesporta fil-Kroazja

    Mechel Željezara Ltd., Sisak

    (d)

    Produtturi li jesportaw fl-Ukrajna

    CJSC Nikopolsky impjant għat-tubi mingħajr saldatura Nikotube, Nikopol

    Dnipropetrovsk Tube Works (DTW), Dnipropetrovsk

    OJSC Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (NTRP), Dnipropetrovsk

    (e)

    Kummerċjanti relatati fl-Ukrajna

    Time Ltd, Dnipropetrovsk

    SGIP Interpipe, Dnipropetrovsk

    (f)

    Kummerċjant relatat fl-Isvizzera

    SEPCO, Lugano.

    4.   Perijodu ta’ investigazzjoni

    (8)

    L-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2001 sat-30 ta’ Settembru 2002 (““il-perijodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni ta’ ħsara kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1999 sa l-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni (“il-perijodu kkunsidrat”).

    5.   Prodott ikkonċernat u prodott simili

    5.1.   Prodott ikkonċernat

    (9)

    Il-prodotti taħt reviżjoni kienu:

    (a)

    pajpijiet mingħajr saldatura, tal-ħadid jew ta’ l-azzar li mhux liga, tat-tip użati għal linji ta’ pajpijiet għaż-żejt u l-gass, ta’ dijametru estern li ma jaqbiżx l-406.4 mm,

    (b)

    tubi mingħajr saldatura ta’ sezzjoni ċirkulari, tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux liga, trafilati kesħin jew illaminati kesħin, barra minn tubi ta’ preċiżjoni,

    (c)

    tubi oħrajn ta’ sezzjoni ċirkulari, tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux liga, barra minn magħmulin fil jew li jistgħu jsiru fil, ta’ dijametru estern li ma jaqbiżx l-406.4 mm, li joriġinaw fil-Kroazja u fl-Ukrajna (“il-prodott ikkonċernat”), li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7304 10 10, ex 7304 10 30, 7304 31 99, 7304 39 91 u 7304 39 93.

    (10)

    L-investigazzjoni wriet li dawn il-kategoriji kollha kienu suffiċjentement simili biex jikkostitwixxu prodott wieħed, bħal fl-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk, u għall-fini ta’ l-investigazzjoni anti-dumping preżenti, it-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat huma meqjusin bħala prodott wieħed.

    5.2.   Prodott simili

    (11)

    Bħal fl-investigazzjoni preċedenti, ma nstabu l-ebda differenzi bejn il-prodott ikkonċernat u l-pajpijiet u t-tubi bla fissuri prodotti u mibjugħin fis-suq domestiku fil-Kroazja.

    (12)

    Bl-istess mod, ma nstabu l-ebda differenzi bejn il-prodott ikkonċernat u l-pajpijiet u t-tubi bla fissuri prodotti mill-produtturi Komunitarji u mibjugħin fis-suq Komunitarju. It-tnejn għandhom l-istess karatterisitiċi u użijiet fiżiċi u kimiċi. Barra minn hekk, it-tnejn jikkonformaw ma’ l-istandards ta’ l-industrija bħal DIN, API jew ASTM. Għalhekk, huma kkunsidrati bħala prodotti simili fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    B.   DUMPING

    1.   Kroazja

    1.1.   Kooperazzjoni

    (13)

    Rigward il-Kroazja, produttur li jesporta wieħed, Mechel Željezara Ltd., kien responsabbli għall-esportazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità. Mechel Željezara Ltd. huwa l-isem il-ġdid tal-kumpannija li kkooperat ma’ l-investigazzjoni oriġinali taħt l-isem ta’ Željezara Sisak d.d., iżda li uffiċjalment biddlet isimha darbtejn sa mill-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti, minħabba l-bidliet sussegwenti fl-appartenenza (7).

    (14)

    Waqt l-investigazzjoni oriġinali, kien aċċettat impenn minn Mechel Željezara Ltd. taħt l-isem oriġinali tagħha (8). Meta nbdiet l-investigazzjoni biex ikunu riveduti l-livell u l-forma tal-miżuri, l-impenn kien ukoll soġġett għal din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni (ara l-premessi (135) sa (137) isfel).

    1.2.   Valur normali

    (15)

    L-ewwel kien stabbilit jekk il-bejgħ domestiku totali ta’ Mechel Željezara Ltd. tal-prodott simili kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-bejgħ totali f’esportazzjonijiet lill-Komunità. Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku kien ikkunsidrat rappreżentattiv għaliex il-bejgħ domestiku totali rrappreżenta ta’ l-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali f’esportazzjonijiet lill-Komunità.

    (16)

    Sussegwentement, billi kienu ddefiniti t-tipi tal-prodott skond il-kodiċijiet-NM li taħthom kien ikklassifikat il-prodott, kien eżaminat jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip tal-prodott kienx rappreżentattiv. Il-bejgħ domestiku ta’ tip tal-prodott partikolari kien ikkunsidrat suffiċjentement rappreżentattiv meta l-volum totali tal-bejgħ domestiku ta’ dak it-tip waqt il-PI rrappreżenta 5 % jew aktar tal-volum totali tal-bejgħ tat-tip tal-prodott komparabbli esportat lill-Komunità. Instab li t-tipi tal-prodott kollha mibjugħin mill-kumpannija għall-esportazzjoni lill-Komunità kellhom bejgħ domestiku rappreżentattiv.

    (17)

    Sar ukoll eżami dwar jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip tal-prodott setax jitqies li sar waqt l-andament ordinarju tal-kummerċ, billi kien stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ bi profitt lil klijenti indipendenti tat-tip in kwistjoni. F’każijiet fejn il-volum tal-bejgħ tat-tip tal-prodott, mibjugħ bi prezz nett tal-bejgħ ugwali għal jew aktar mill-ispiża għal unità, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dak it-tip, u fejn il-prezz medju ppeżat ta’ dak it-tip kien ugwali għal jew aktar mill-ispiża għal kull unità, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku preżenti reali, ikkalkulat bħala medja ppeżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip tal-prodott magħmul waqt il-PI, irrispettivament minn jekk il-bejgħ ħalliex profitt jew le. Dan kien il-każ ta’ żewġ tipi tal-prodott.

    (18)

    Fil-każ fejn il-volum ta’ bejgħ bi profitt ta’ tip tal-prodott irrappreżenta 80 % jew inqas iżda ta’ l-inqas 10 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dak it-tip, jew fejn il-prezz medju ppeżat ta’ tali bejgħ kien taħt l-ispiża għal kull unità, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku reali, ikkalkulat bħala medja ppeżata ta’ bejgħ bi profitt ta’ dawk it-tipi biss. Dan kien il-każ ta’ tip tal-prodott wieħed.

    (19)

    Għar-raba’ tip tal-prodott, anqas minn 10 % tal-volum tal-bejgħ domestiku kien ħalla profitt waqt il-PI. Għalhekk kien ikkunsidrat li dan it-tip tal-prodott partikolari inbigħ fi kwantitajiet insuffiċjenti biex il-prezz domestiku jipprovdi bażi adatta għall-istabbiliment tal-valur normali u kellu jkun applikat metodu ieħor. F’dan il-każ, intuża l-valur normali kostruwit, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali kien kostruwit billi żdiedet l-ispiża għall-manifatturar tat-tip esportat, aġġustata fejn meħtieġ, perċentwali raġjonevoli għal spejjeż għall-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u marġni raġjonevoli ta’ profitt, abbażi tad-data reali appartenenti għall-produzzjoni u l-bejgħ, waqt l-andament ordinarju tal-kummerċ, tal-prodott simili, mill-produttur li jesporta taħt investigazzjoni skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

    1.3.   Prezz ta’ esportazzjoni

    (20)

    L-investigazzjoni wriet li l-bejgħ bħala esportazzjoni ta’ Mechel Željezara Ltd. kien magħmul biss direttament lil klijenti mhux relatati fil-Komunità.

    (21)

    Għalhekk, il-prezz ta’ l-esportazzjoni kien stabbilit abbażi ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni li fir-realtà tħallsu jew huma pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità, skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

    1.4.   Tqabbil

    (22)

    Il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kienu mqabblin fuq bażi ex-works. Għall-fini li jkun żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni, ingħata lok fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezz skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

    (23)

    Għaldaqstant, fejn applikabbli u fejn kienu appoġġati b’evidenza vverifikata ngħataw allowances mitlubin għal differenzi fl-ispejjeż għat-trasport, immaniġġar, tagħbija u spejjeż anċillari, spejjeż ta’ kreditu u kummissjonijiet.

    1.5.   Marġini ta’ dumping

    (24)

    Skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali medju ppeżat aġġustat skond it-tip tal-prodott tqabbel mal-prezz ta’ l-esportazzjoni medju ppeżat aġġustat għal kull tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat.

    (25)

    Dan it-tqabbil wera l-eżistenza ta’ dumping. Il-marġni ta’ dumping espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera Komunitarja, bid-dazju mhux imħallas, huwa kif ġej:

    Mechel Željezara Ltd.

    38,9 %.

    (26)

    Dan il-marġni ta’ dumping huwa taħt il-marġni ta’ dumping misjub waqt l-investigazzjoni oriġinali. Ladarba l-livell ta’ kooperazzjoni kien għoli (l-esportazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat mill-Kroazja lill-Komunità), il-marġni residwali tad-dumping kien stabbilit fl-istess livell bħal dak stabbilit minn Mechel Željezara Ltd., jiġifieri 38,9 %.

    2.   Ukrajna

    2.1.   Trattament bħala ekonomija tas-suq (“MET”)

    (27)

    Skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’investigazzjonijiet anti-dumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ukrajna, l-valur normali għandu jiġi ddeterminat skond il-paragrafi 1 sa 6 ta’ l-Artikolu msemmi għal dawk il-prodotturi li jesportaw li jistgħu juru li jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) ta’ dak ir-Regolament, jiġifieri li l-kondizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalu rigward il-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili.

    (28)

    Fil-qosor, u biss biex titħaffef ir-referenza, il-kriterji għall-MET huma mniżżlin f’forma mqassra hawn isfel:

    1.

    id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż tan-negozju jsiru bħala risposta għal sinjali tas-suq, iżda mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat;

    2.

    id-ditti għandhom sett wieħed ċar ta’ reġistrazzjonijiet ta’ kontabbiltà li huwa awditjat indipendentement f’konformità ma’ l-istandards internazzjonali għall-kontabbiltà (“IAS”) u huma applikati għall-finijiet kollha;

    3.

    mhemm l-ebda distorsjoni sinifikanti li tkun intirtet minn sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq;

    4.

    hija mogħtija ċertezza u stabbiltà legali minn liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà;

    5.

    l-iskambji tal-valuti jitwettqu skond ir-rata tas-suq.

    (29)

    Waslu talbiet għall-MET skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku minn żewġ gruppi ta’ kumpanniji:

    (a)

    il-kumpannija li tipproduċi, id-Dnipropetrovsk Tube Works (DTW) u l-kummerċjant relatat magħha fl-Ukrajna, Time Ltd.;

    (b)

    il-kumpanniji li jipproduċu relatati, l-OJSC Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (NTRP) u s-CJSC Nikopolsky impjant għat-tubi mingħajr saldatura “Nikotube” u l-kummerċjant relatat magħhom fl-Ukrajna, SGIP Interpipe.

    (30)

    It-talbiet kienu analizzati abbażi tal-ħames kriterji mniżżlin fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

    (31)

    Fil-każ ta’ l-ewwel grupp, il-kontijiet tal-kumpannija li tipproduċi nstabu li mhumiex affidabbli minħabba ineżattezzi materjali u rigward il-miżapplikazzjoni tal-linji politiċi tal-kontabbiltà msemmijin fl-IAS 1. Instab ukoll li l-istess kumpannija kienet f’sitwazzjoni insolventi u li kienet tappartjeni għal kategorija ta’ kumpanniji li, skond dispożizzjoni tal-liġi dwar il-falliment, kienet tgawdi status speċjali li jiċħad iċ-ċertezza legali għall-operat ta’ tali kumpanniji. Għalhekk kien iddeterminat li dan il-grupp ta’ kumpanniji ma kienx jilħaq it-tieni u r-raba’ kriterju ta’ l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

    (32)

    Fil-każ tat-tieni grupp, instab li l-ebda kumpannija li tipproduċi ma kellha sett wieħed ċar ta’ reġistrazzjonijiet ta’ kontabbiltà li kienu awditjati indipendentement f’konformità ma’ l-istandards internazzjonali għall-kontabbiltà u li kienu applikati għall-finijiet kollha minħabba li ż-żewġ kumpanniji kellhom diversi settijiet ta’ reġistrazzjonijiet ta’ kontabbiltà bażiċi użati għal finijiet differenti. Barra minn dan, instab li distorsjonijiet sinifikanti li kienu ntirtu mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq fil-forma ta’ self mingħajr imgħax mhux segwit mill-Istat, ħelsien mid-dejn ta’ ammonti konsiderevoli u dejn fil-forma ta’ taxxa qed jaffettwaw l-istruttura ta’ l-ispiża u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-grupp. Għalhekk kien iddeterminat li dan il-grupp ta’ kumpanniji ma laħaqx it-tieni u t-tielet kriterju ta’ l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

    (33)

    Minħabba li kumpannija jew grupp ta’ kumpanniji għandhom jilħqu l-ħames kriterji kollha ta’ l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku sabiex jingħataw Trattament bħala Ekonomija tas-Suq u dan ma kienx il-każ, iż-żewġ gruppi nċaħdilhom il-MET.

    (34)

    Iż-żewġ gruppi ta’ kumpanniji argumentaw li l-Kummissjoni kienet għamlet determinazzjoni rigward l-applikazzjoni tagħha tal-MET lil hinn mill-perijodu ta’ tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, u li din id-determinazzjoni għalhekk ma kinitx valida. F’dan ir-rigward huwa nnotat li l-Kummissjoni tat bosta estensjonijiet lill-iskadenza għall-produtturi Ukrajni li jesportaw ikkonċernati li kellhom diffikultajiet maġġuri biex jimlew il-formoli għal talba għall-MET fl-iskadenza stabbilita fl-avviż ta’ bidu. Huwa nnotat ukoll li t-talbiet għall-MET li kienu rċevuti kienu defiċjenti u kienu jeħtieġu numru sostanzjali ta’ kjarifiki u informazzjoni addizzjonali li ttardjaw lill-investigazzjoni. Finalment, l-analiżi ttawlet minħabba l-komplessità tan-numru ta’ kwistjonijiet bħall-istrutturi u l-kanali tal-bejgħ tal-kumpanniji kif ukoll il-problemi serji rigward il-kontijiet tal-kumpanniji. Fid-dawl ta’ dan, ma kienx possibbli li ssir determinazzjoni rigward it-talbiet għall-MET riċevuti fi żmien tliet xhur mill-bidu.

    (35)

    F’dan ir-rigward huwa nnotat li n-nuqqas ta’ rispett ta’ tali skadenza ma jinvolvix xi konsegwenzi legali apparenti għaliex il-kumpanniji ngħataw ugwalment l-opportunità li jikkummentaw. Barra minn hekk, huwa nnotat li l-gruppi ta’ kumpanniji msemmijin hawn fuq ma qalux li kien hemm xi impatt negattiv minħabba l-perijodu itwal meħtieġ għad-determinazzjoni għall-MET.

    (36)

    Meta jkun ikkunsidrat dan ta’ hawn fuq, huwa konkluż li tista’ ssir determinazzjoni valida rigward il-MET anke wara l-perijodu ta’ tliet xhur u t-talbiet tal-gruppi tal-kumpanniji kkonċernati kienu għalhekk miċħudin.

    (37)

    Is-sejbiet tal-Kummissjoni kienu ukoll kkontestati miż-żewġ gruppi ta’ kumpanniji; madankollu, ma saru l-ebda argumenti biex ibiddlu d-determinazzjoni għall-MET.

    (38)

    L-industrija Komunitarja ngħatat l-opportunità li tikkummenta u ma opponietx is-sejbiet ta’ hawn fuq.

    2.2.   Trattament Individwali

    (39)

    Skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, dazju mifrux mal-pajjiż kollu, jekk hemm, huwa stabbilit għal pajjiżi li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, ħlief f’dawk il-każijiet fejn il-kumpanniji jistgħu juru li l-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ l-esportazzjoni tagħhom kif ukoll il-kondizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma ddeterminati liberament, li r-rati tal-kambju jitwettqu skond ir-rati tas-suq, u li kwalunkwe interferenza mill-Istat mhijiex tali li tippermetti ċirkumvenzjoni tal-miżuri jekk l-esportaturi jingħataw rati differenti ta’ dazju.

    (40)

    L-istess prodotturi li jesportaw Ukrajni, li ma jilħqux il-kriterji għall-MET, alternattivament talbu trattament individwali (“TI”) skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni konsegwentement fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk iż-żewġ gruppi ta’ kumpanniji jikkwalifikawx għal TI. Instab li l-kondizzjonijiet kif imniżżlin fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku kienu ntlaħqu miż-żewġ gruppi ta’ kumpanniji u għalhekk kien ikkunsidrat ġustifikat li jingħata TI liż-żewġ gruppi ta’ kumpanniji.

    2.3.   Pajjiż analogu

    (41)

    Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi li jesportaw li ma ngħatawx MET għandu jkun stabbilit abbażi tal-prezzijiet jew tal-valur ikkostruwit f’pajjiż analogu adatt għal prodotti komparabbli għal dawk esportati mill-produtturi Ukrajni li jesportaw lejn il-Komunità.

    (42)

    Il-Kroazja kienet il-pajjiż analogu użat fl-investigazzjoni oriġinali. Fl-avviż ta’ bidu, il-Kroazja kienet ukoll prevista bħala pajjiż analogu għall-fini li jkun stabbilit valur normali għall-Ukrajna. Minħabba li l-ebda waħda mill-partijiet interessati ma oġġezzjonat għal din l-għażla, kien deċiż li tintuża l-Kroazja bħala pajjiż analogu wkoll fil-qafas ta’ din l-investigazzjoni.

    2.4.   Valur normali

    (43)

    Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-Ukrajna kien stabbilit abbażi ta’ informazzjoni vverifikata mill-produttur waħdieni fil-pajjiż analogu, jiġifieri abbażi tal-prezzijiet kollha li tħallsu jew li huma pagabbli fis-suq domestiku tal-Kroazja għal tipi ta’ prodott komparabbli jew għall-valur ikkostruwit fil-Kroazja għal tipi ta’ prodott komparabbli. Fid-determinazzjoni tal-valur normali għall-Ukrajna, kienet applikata l-istess metodoloġija bħal dik deskritta fil-premessi (15) sa (19).

    (44)

    Kien stabbilit li għall-prodott korrispondenti għall-kodiċi-NM 7304 31 99 (tubi trafilati kesħin jew illaminati kesħin), ma kien hemm l-ebda produzzjoni domestika fil-Kroazja. Ġeneralment, dawn l-esportazzjonijiet kien jammontaw biss għal 6,2 % ta’ l-esportazzjonijiet Ukrajni tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità. Madankollu, fil-każ ta’ grupp ta’ kumpanniji wieħed, waqt il-PI l-kwantità esportata lill-Komunità ta’ dan it-tip ta’ prodott irrappreżentat madwar 40 % ta’ l-esportazzjonijiet totali tagħha tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità.

    (45)

    Abbażi tad-data disponibbli, kien konkluż li t-tipi ta’ prodott l-oħrajn soġġetti għall-investigazzjoni ma kinux komparabbli għal dan it-tip ta’ prodott u li l-kostruzzjoni tal-valur normali għal dan it-tip ta’ prodott partikolari abbażi ta’ valur normali għat-tipi ta’ prodott l-oħrajn ma twassalx għal ċifra affidabbli. Deher ukoll, minħabba l-proċess ta’ manifatturar aktar kumpless, li l-valur normali ta’ dan it-tip ta’ prodott ikun konsiderevolment ogħla mit-tipi ta’ prodott oħrajn. Għalkemm il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ta’ tubi miġubdin kesħin jew illaminati kesħin kienu fil-medja ogħla mill-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni tat-tipi ta’ prodott oħrajn, l-inklużjoni ta’ dan it-tip ta’ prodott fil-kalkoli kienet probabbli li twassal għal marġini ogħla ta’ dumping. Rigward dak li huwa msemmi fil-premessa (127) hawn isfel, il-marġni ta’ ħsara huwa sinifikattivament aktar baxx mill-marġni ta’ dumping li nstab mingħajr ma jkun inkluż it-tip ta’ prodott, u għalhekk ser iservi bħala bażi biex ikun stabbilit il-livell tal-miżuri. It-tip ta’ prodott li jikkorrispondi għall-kodiċi-NM 7304 31 99 kien għalhekk eskluż mill-kalkoli.

    2.5.   Prezz ta’ l-esportazzjoni

    (46)

    Iż-żewġ gruppi ta’ kumpanniji fl-Ukrajna għamlu l-bejgħ ta’ esportazzjoni tagħhom lill-Komunità permezz ta’ kumpannija kummerċjali li tinsab f’pajjiż terz. Il-prezz ta’ l-esportazzjoni kien, għalhekk, skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, ikkostruwit abbażi tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tal-kumpanniji kummerċjali relatati ma’ l-ewwel klijenti indipendenti fil-Komunità.

    2.6.   Tqabbil

    (47)

    Għall-fini ta’ tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni, ingħata l-ispazju dovut fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li kienu mitlubin u murijin li jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezz. Dawn l-aġġustamenti saru, fejn adatt, skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku rigward it-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari u l-kommissjonijiet. L-aġġustamenti fil-prezz ta’ l-esportazzjoni rigward it-trasport bl-art fil-pajjiż ta’ l-esportazzjoni, l-assigurazzjoni, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari saru abbażi ta’ l-ispejjeż stabbiliti fil-pajjiż analogu.

    (48)

    It-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni sar fuq bażi ex-works.

    2.7.   Marġni ta’ dumping

    (49)

    Skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali medju ppeżat aġġustat tat-tip ta’ prodott, meħud mill-produttur fil-pajjiż analogu Mechel Željezara Ltd, tqabbel mal-prezz ta’ l-esportazzjoni medju ppeżat aġġustat għal kull tip ta’ prodott korrispondenti tal-prodott ikkonċernat.

    (50)

    Dan it-tqabbil wera l-eżistenza ta’ dumping. Il-marġnijiet ta’ dumping espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera Komunitarja, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

    Dnipropetrovsk Tube Works (DTW), Dnipropetrovsk

    91,0 %

    OJSC Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant, Dnipropetrovsk u CJSC Nikopolsky impjant għat-tubi mingħajr saldatura “Nikotube”, Nikopol

    97,3 %

    (51)

    Ladarba l-livell ta’ kooperazzjoni kien għoli ħafna (aktar minn 80 % ta’ l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Ukrajna lill-Komunità), il-marġni residwali kien stabbilit fl-istess livell bħal dak stabbilit għall-produtturi li jesportaw kooperanti OJSC Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (NTRP) u CJSC Nikopolsky impjant għat-tubi mingħajr saldatura “Nikotube”, jiġifieri 97,3 %.

    C.   ĦSARA

    1.   Rimarka preliminari

    (52)

    Bħal fil-każ tad-dumping, l-investigazzjoni fittxet li tistabbilixxi jekk iċ-ċirkostanzi rigward is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja nbidlux tant li jkunu jitlobu konklużjoni differenti minn dak li kien stabbilit waqt l-investigazzjoni oriġinali.

    2.   Produzzjoni Komunitarja

    (53)

    Waqt l-investigazzjoni oriġinali, l-industrija Komunitarja kienet komposta minn għaxar produtturi.

    (54)

    Waqt l-investigazzjoni ta’ reviżjoni preżenti nstab li kienu manifatturati pajpijiet u tubi mingħajr saldatura minn

    sitt produtturi Komunitarji li lmentaw, li minnhom ħamsa kkooperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni, waqt li s-sitt wieħed, Pietra, l-Italja, appoġġa l-proċedura, iżda ma pprovdiex risposta dettaljata għall-kwestjonarju;

    sitt produtturi oħrajn, li la appoġġaw l-industrija Komunitarja u lanqas ikkooperaw mal-Kummissjoni.

    (55)

    Intbagħat kwestjonarju lil dawn il-produtturi iżda ma kienet akkwistata l-ebda kooperazzjoni. L-ebda produttur ieħor tal-prodott ikkonċernat ma rrivela lilu nnifsu lill-Kummissjoni Ewropea.

    3.   Definizzjoni ta’ l-industrija Komunitarja

    (56)

    Il-produzzjoni tal-ħames produtturi Komunitarji li kkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni kienet ta’ 797 456 tunnellata waqt il-perijodu ta’ l-investigazzjoni. Dan kien jirrappreżenta ’l fuq minn 70 % tal-produzzjoni Komunitarja totali u dawn il-kumpanniji għalhekk jikkostitwixxu l-industrija Komunitarja fit-tifsira ta’ l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.

    4.   Konsum Komunitarju

    (57)

    L-informazzjoni mill-Eurostat, marbuta mal-volumi u l-valuri tal-Kodiċijiet NM ex 7304 10 10, ex 7304 10 30, 7304 31 99, 7304 39 91 u 7304 39 93, intużat bħala s-sors tad-data dwar l-importazzjoni. Id-data dwar l-industrija Komunitarja nġabet minn risposti għal kwestjonarju vverifikati tal-ħames produtturi Komunitarji li kkooperaw.

    (58)

    Il-konsum Komunitarju apparenti, jiġifieri l-bejgħ mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju u l-bejgħ ta’ produtturi Komunitarji oħrajn lill-Komunità, kif ukoll l-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha, juri li l-konsum tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità żdied minn 1 104 619 tunnellata fl-1999, għall-ogħla livell ta’ 1 233 357 tunnellata fl-2001. Il-konsum naqas għal 1 103 805 tunnellata waqt il-PI, li huwa kemxejn inqas mill-konsum fl-1999.

     

    1999

    2000

    2001

    PI

    Konsum Komunitarju (tunnellati)

    1 104 619

    1 130 410

    1 233 357

    1 103 805

    Indiċi 1999 = 100

    100

    102

    112

    100

    5.   Importazzjonijiet fil-Komunità minn pajjiżi kkonċernati

    5.1.   Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati

    (59)

    L-ewwel kien eżaminat jekk l-importazzjonijiet mill-Kroazja u mill-Ukrajna għandhomx ikunu vvalutati kumulattivament, skond l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku.

    (60)

    L-evoluzzjoni ta’ l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, skond is-sehem mill-volum u mis-suq, kienet din li ġejja:

    Volumi importati (tunnellati)

    1999

    2000

    2001

    PI

    Ukrajna

    103 477

    22 996

    37 353

    37 683

    Indiċi 1999 = 100

    100

    22

    36

    36

    Kroazja

    30 072

    24 646

    23 893

    23 001

    Indiċi 1999 = 100

    100

    82

    79

    76

    Total skond Pajjiżi kkonċernati

    133 549

    47 642

    61 246

    60 684

    Indiċi 1999 = 100

    100

    36

    46

    45

    Sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet

    1999

    2000

    2001

    IP

    Ukrajna

    9,4 %

    2,0 %

    3,0 %

    3,4 %

    Kroazja

    2,7 %

    2,2 %

    1,9 %

    2,1 %

    Total skond Pajjiżi kkonċernati

    12,1 %

    4,2 %

    5,0 %

    5,5 %

    Importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn

    24,1 %

    27,5 %

    31,2 %

    29,9 %

    (61)

    Instab li l-marġnijiet tad-dumping stabbiliti (premessi (25) u (50)) f’rabta ma’ l-importazzjonijiet minn kull pajjiż ikkonċernat kienu ’l fuq mil-limitu massimu de minimis kif iddefinit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, minkejja l-miżuri fis-seħħ, il-volumi ta’ importazzjonijiet minn kull wieħed minn dawn il-pajjiżi ma kinux negliġibbli waqt il-perijodu ta’ l-investigazzjoni, minħabba li l-ishma fis-suq ta’ dawn il-pajjiżi kienu 2,1 % għall-Kroazja u 3,4 % għall-Ukrajna. L-ishma ta’ l-importazzjonijiet kollha varjaw minn 5,9 % għall-Kroazja sa 9,6 % għall-Ukrajna fil-PI.

    (62)

    Il-valutazzjoni kumulattiva nstabet li kienet adatta fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni kemm bejn l-importazzjonijiet li joriġinaw f’dawn il-pajjiżi, u bejn dawn l-importazzjonijiet u l-prodott simili Komunitarju. Dan kien hemm evidenza tiegħu mill-fatt li, mill-ġdid minkejja l-miżuri fis-seħħ, il-prezzijiet miż-żewġ pajjiżi komplew inaqqsu sinifikattivament il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja waqt il-PI u li l-pajpijiet u t-tubi mingħajr saldatura miż-żewġ pajjiżi qed jinbiegħu permezz ta’ kanali tal-bejgħ simili. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi kkonċernati jikkondividu l-istess karatterisitiċi fiżiċi u kimiċi, bħall-prodott simili. Finalment, l-importazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi kkonċernati u l-prodott simili jsegwu l-istess tendenzi tal-prezzijiet (ara l-premessi (67) u (74) hawn isfel).

    (63)

    Esportatur Kroat wieħed qal li l-ebda ħsara ma hija kkawżata mill-importazzjonijiet Kroati għaliex is-sehem tas-suq Kroat huwa minimu u għalhekk m’għandha ssir l-ebda valutazzjoni kumulattiva. Kif iddikjarat hawn fuq, l-importazzjonijiet Kroati kienu b’mod ċar ’il fuq minn de minimis u ma kinux negliġibbli waqt il-PI. Waqt li huwa minnu li kien hemm waqgħa konsiderevoli ta’ importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ukrajna fil-bidu tal-perijodu kkunsidrat, għandu jkun innotat li sussegwentement l-importazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi segwew tendenza ġeneralment simili.

    (64)

    Għal dawn ir-raġunijiet, huwa konkluż li ntlaħqu l-kriterji kollha mniżżlin fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku u li l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Kroazja u mill-Ukrajna għandhom ikunu vvalutati kumulattivament.

    5.2.   Sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati

    (65)

    Kif muri hawn fuq, wara l-introduzzjoni ta’ miżuri fl-2000, is-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati naqas sinifikattivament minn 12,1 % fl-1999 għal 4,2 % fl-2000 u mbagħad beda jiżdied kontinwament għal 5,5 % fil-PI.

    5.3.   Prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet u tnaqqis fil-prezzijiet

    (66)

    Sar tqabbil tal-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq Komunitarju waqt il-PI bejn il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja u dawk tal-produtturi li jesportaw li jinsabu fil-pajjiżi kkonċernati. Dan it-tqabbil sar wara t-tnaqqis ta’ restituzzjonijiet ta’ dazji mħallsin u skontijiet. Il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja kienu aġġustati għal prezzijiet ex-works, u l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet kienu CIF fil-fruntiera Komunitarja, id-dazju ta’ importazzjoni mħallas, id-dazju anti-dumping mhux imħallas, b’aġġustamenti magħmulin għal-livell ta’ spejjeż tal-kummerċ u ta’ l-immaniġġar, ibbażati fuq informazzjoni miġbura waqt l-investigazzjoni, notevolment minn importaturi mhux relatati li kkooperaw.

    (67)

    It-tqabbil wera li waqt il-PI, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat inbiegħu fil-Komunità bi prezzijiet li naqqsu l-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja, meta espressi bħala perċentwali ta’ dawn ta’ l-aħħar, kif ġej: l-Ukrajna 34,1 % u l-Kroazja: 23,3 %. Wkoll jekk id-dazji anti-dumping ikunu kkunsidrati, it-tnaqqis fil-prezzijiet huwa sinifikanti b’10 % għal importazzjonijiet mill-Ukrajna u 6,5 % għal importazzjonijiet mill-Kroazja. Għandu jkun innotat li l-prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet żdiedu mill-2000 għall-PI kif muri hawn isfel, li huwa konformi ma’ l-iżviluppi ġenerali fil-prezz fis-suq ta’ l-UE. Madankollu, kif muri fil-premessa (74) hawn isfel, il-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ma żdidux daqs il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja.

    Prezzijiet ta’ importazzjonijiet, dazji mhux imħallsin (Euro/tunnellati)

    1999

    2000

    2001

    PI

    Ukrajna

    332

    341

    433

    449

    Indiċi 1999 = 100

    100

    103

    130

    135

    Kroazja

    461

    465

    516

    523

    Indiċi 1999 = 100

    100

    101

    112

    113

    Medja Ukrajna & Kroazja

    361

    405

    466

    477

    Indiċi 1999 = 100

    100

    112

    129

    132

    6.   Sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja

    (68)

    Skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija Komunitarja kien jinkludi evalwazzjoni tal-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi kollha li kellhom piż fuq l-istat ta’ l-industrija mill-1999 (sena bażi) għall-PI.

    (69)

    Id-data dwar l-industrija Komunitarja hawn isfel tirrappreżenta l-informazzjoni aggregata tal-ħames produtturi Komunitarji li kkooperaw.

    6.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u kapaċità ta’ utilizzazzjoni

    (70)

    L-evoluzzjoni tal-produzzjoni, tal-kapaċità tal-produzzjoni u ta’ l-utilizzazzjoni tal-produzzjoni hija kif ġej:

     

    1999

    2000

    2001

    PI

    Produzzjoni (tunnellati)

    710 029

    911 669

    928 231

    797 456

    Indiċi 1999 = 100

    100

    128

    131

    112

    Kapaċità tal-produzzjoni (tunnelllati)

    1 117 881

    1 183 067

    1 140 304

    1 094 548

    Indiċi 1999 = 100

    100

    106

    102

    98

    Utilizzazzjoni tal-kapaċità

    63,5 %

    77,1 %

    81,4 %

    72,9 %

    Indiċi 1999 = 100

    100

    121

    128

    115

    (71)

    Kif muri fit-tabella hawn fuq, il-produzzjoni waqt il-perijodu mill-1999 sa l-2001 żdiedet għall-ogħla livell fl-2001 u mbagħad naqset sinifikattivament waqt il-PI. Għalkemm il-bejgħ f’esportazzjonijiet naqas u sa ċertu punt ikkompensa għat-tnaqqis fil-bejgħ fil-Komunità, it-tnaqqis fil-produzzjoni u t-tnaqqis fil-kapaċità tal-produzzjoni waqt il-PI ma setgħux ikunu evitati.

    6.2.   Ħażniet

    (72)

    Iċ-ċifri hawn isfel jirrappreżentaw il-volum ta’ ħażniet fit-tmiem ta’ kull perijodu.

     

    1999

    2000

    2001

    PI

    Ħażniet (tunnellati)

    38 753

    49 620

    49 062

    59 287

    Indiċi 1999 = 100

    100

    128

    127

    153

    (73)

    Waqt il-perijodu kkunsidrat il-ħażniet żdiedu. Għandu jkun innotat li l-industrija Komunitarja ġeneralment tipproduċi l-prodott ikkonċernat wara ordni. Konsegwentement, il-livell ta’ ħażniet miżmumin mill-industrija Komunitarja jinsab li mhuwiex indikatur sinifikanti ħafna fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja. Madankollu, instab li ż-żieda fil-ħażniet hija wkoll konsegwenza tal-bejgħ u tas-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja li qed jonqsu.

    6.3.   Volum tal-bejgħ, ishma mis-suq, tkabbir u prezzijiet ta’ unità medji fil-Komunità

    (74)

    Iċ-ċifri hawn isfel jirrappreżentaw il-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja lil klijenti indipendenti fil-Komunità.

     

    1999

    2000

    2001

    PI

    Volumi ta’ bejgħ (tunnellati)

    516 529

    573 136

    576 850

    504 317

    Indiċi (1999=100)

    100

    111

    112

    98

    Sehem mis-suq

    46,8 %

    50,7 %

    46,8 %

    45,7 %

    Indiċi (1999=100)

    100

    108

    100

    98

    Prezzijiet tal-bejgħ medji (euro/tunnellata)

    576

    589

    659

    696

    Indiċi (1999=100)

    100

    102

    114

    121

    (75)

    Il-volumi tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja żdiedu bi 12 % mill-1999 sa l-2001 u mbagħad waqgħu sinifikattivament waqt il-PI għal livell aktar baxx minn dak fl-1999. L-iżvilupp tal-volumi tal-bejgħ għandu jidher fid-dawl tal-livell ta’ konsum waqt l-istess perijodu, li żdied bi 12 % mill-1999 sa l-2001 u mbagħad naqas waqt il-PI. Madankollu, id-domanda ma naqsitx daqs il-volum tal-bejgħ bejn l-2001 u l-PI.

    (76)

    Wara l-introduzzjoni ta’ miżuri fl-2000, l-industrija Komunitarja setgħet tiggwadanja lura s-sehem mis-suq mitluf. Bejn l-1999 u l-2000, is-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja żdied minn 46,8 % għal 50,7 % tal-konsum Komunitarju. Madankollu, wara dan il-perijodu ta’ saħħa relattiva, is-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja reġa’ naqas. Bejn l-2000 u l-PI, sehemha mill-konsum Komunitarju naqas għal 45,7 % minħabba li l-prodotti li kienu l-oġġett ta’ dumping reġgħu bdew jippenetraw is-suq Komunitarju.

    (77)

    Waqt li ffaċċjat importazzjonijiet jiżdiedu sa mill-2000 fuq il-bejgħ Komunitarju li kien qed jonqos mill-2001 ’il quddiem, l-industrija Komunitarja ma setgħetx tnaqqas il-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Hija kienet pjuttost imġiegħla tnaqqas il-kapaċità tal-produzzjoni u tal-ħaddiema waqt il-PI, minħabba li l-esportazzjonijiet ta’ l-industrija Komunitarja ma setgħux jikkompensaw għat-telf fil-bejgħ fis-suq Komunitarju.

    (78)

    Il-prezzijiet tal-bejgħ medji ta’ l-industrija Komunitarja żdiedu fil-perijodu kkunsidrat. Madankollu, l-ogħla prezzijiet ma setgħux jiġġeneraw profittabbiltà suffiċjenti, kif deskritt fid-dettal hawn isfel.

    6.4.   Profittabbiltà

    (79)

    Il-kunċett ta’ profitt użat hawn isfel qabel it-taxxi, li jirrappreżenta l-profitt iġġenerat minn bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-suq Komunitarju.

     

    1999

    2000

    2001

    PI

    Profittabbiltà fuq Bejgħ KE

    –7,8 %

    0,1 %

    0,3 %

    –0,1 %

    (80)

    Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping kontra importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldatura li joriġinaw fil-Kroazja u fl-Ukrajna, l-industrija Komunitarja setgħet, kif muri fuq, iżżid il-prezzijiet biex tilħaq livell newtrali fl-2000 u l-2001. Madankollu, l-industrija Komunitarja ma setgħetx tilħaq il-livell ta’ profitt li hija seta’ jkun mistenni li tilħaq fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping (jiġifieri 5 %) kif imniżżel fir-Regolament li jimponi l-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa. Barra minn hekk, il-livell ta’ profitt naqas waqt il-PI għal taħt il-livell newtrali. Ir-raġuni għal dan it-tnaqqis minkejja l-prezzijiet tal-bejgħ ogħla kienu l-ispejjeż ogħla għal kull unità għall-materja prima u għax-xogħol, li żdiedu minkejja t-tnaqqis ta’ l-impjegati waqt dak iż-żmien. L-industrija Komunitarja ma setgħetx tgħaddi dawn l-ispejjeż lill-klijenti tagħha kif kien ikun meħtieġ minħabba l-kompetizzjoni kkawżata mill-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping bi prezzijiet baxxi.

    (81)

    Wara tendenza daqsxejn pożittiva fl-2000 u fl-2001, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-industrija Komunitarja reġgħet bdiet tiddeterjora waqt il-PI, mal-koinċidenza ta’ żidiet ta’ importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping mill-Kroazja u mill-Ukrajna. Il-livell ta’ profitt milħuq fl-2001 kien ftit ’il fuq minn newtrali, u kien ferm lil hinn mil-livell li kien jippermetti finanzjament suffiċjenti ta’ investiment mill-ġdid.

    6.5.   Qligħ mill-Investimenti, Ċirkolazzjoni tal-Flus, Investimenti u kapaċità li jinstab kapital

    (82)

    It-tendenzi għall-Qligħ mill-Investimenti, iċ-Ċirkolazzjoni tal-flus u ta’ l-Investimenti jidhru fl-iskeda li ġejja.

     

    1999

    2000

    2001

    PI

    Qligħ mill-Investimenti

    –13 %

    0 %

    1 %

    0 %

    Indiċi 1999 = 100

    100

    202

    204

    198

    Ċirkolazzjoni tal-Flus

    –13 978 142

    5 273 981

    5 910 373

    4 959 440

    Indiċi 1999=100

    100

    238

    242

    235

    Investimenti

    19 320 730

    32 691 925

    33 056 929

    21 087 534

    Indiċi 1999=100

    100

    169

    171

    109

    (83)

    Huwa nnotat li ċ-ċifri ta’ hawn fuq dwar il-Qligħ mill-Investimenti jaffettwaw fil-biċċa l-kbira dawk dwar il-profittabbiltà. Il-Qligħ mill-Investimenti żdied mill-1999 għall-2000 iżda naqas mill-ġdid sal-PI. Iċ-Ċirkolazzjoni tal-Flus turi approssimattivament l-istess tendenza bħal tal-profittabbiltà, jiġifieri l-ogħla livell fl-2001 u mbagħad tnaqqis mill-ġdid. Safejn il-prodott ikkonċernat jammonta għal inqas minn 1 % tat-turnover totali tal-prodotturi Komunitarji u l-produtturi Komunitarji jużaw ukoll il-linji tal-produzzjoni tagħhom għall-manifatturar ta’ varjetà ta’ prodotti oħrajn ta’ l-azzar, huwa kkunsidrat li dawn iċ-ċifri mhumiex ta’ tifsira fihom infushom. Madankollu, huma illustrattivi, għaliex tnejn mill-produtturi Komunitarji kooperanti li pproduċew il-prodott ikkonċernat sa livell ogħla minn produtturi Komunitarji oħrajn juru tendenzi simili għal dawk indikati fl-iskeda fuq rigward il-Qligħ mill-Investimenti, iċ-Ċirkolazzjoni tal-Flus u l-Investimenti.

    (84)

    Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping fl-2000, l-industrija Komunitarja għamlet xi investimenti. Madankollu, dawn l-investimenti nstabu li fil-maġġoranza mmiraw lejn tibdil ta’ makkinarju. Fil-PI, l-investimenti naqsu sinifikattivament meta mqabblin mas-sentejn preċedenti.

    (85)

    Il-kapaċità ta’ l-industrija Komunitarja li tiġġenera l-kapital, jew minn fornituri esterni ta’ finanzjament jew minn kumpanniji ġenituri, kienet madankollu mhux affettwata serjament waqt il-perijodu kkunsidrat minħabba li l-prodott ikkonċernat jammonta għal inqas minn 1 % tat-turnover totali tal-produtturi Komunitarji u l-produtturi Komunitarji jużaw ukoll il-linji tal-produzzjoni tagħhom għall-manifattura ta’ varjetà ta’ prodotti oħrajn ta’ l-azzar.

    6.6.   Impjieg, Produttività u pagi

     

    1999

    2000

    2001

    PI

    Numru ta’ impjegati

    2 583

    2 776

    2 622

    2 472

    Indiċi 1999=100

    100

    107

    102

    96

    Produttività (tunnellata/impjegat)

    275

    328

    354

    323

    Indiċi 1999 = 100

    100

    119

    129

    117

    Pagi Indiċi 1999=100

    100

    104

    106

    105

    (86)

    Kif muri fuq, l-industrija Komunitarja żiedet il-produttività tagħha u n-numru ta’ impjegati fl-2000 u fl-2001 għaliex il-produzzjoni żdiedet waqt dak il-perijodu. Madankollu, fil-PI, in-numru ta’ impjegati tnaqqas sinifikattivament għal livell aktar baxx minn dak fl-1999. Il-produttività tnaqqset ukoll wara nuqqas sostanzjali fil-produzzjoni.

    (87)

    Il-pagi kienu relattivament stabbli waqt il-perijodu kkunsidrat, u ċċaqalqu biss f’konformità ma’ l-inflazzjoni.

    6.7.   Irkupru minn dumping passat

    (88)

    Wara l-introduzzjoni ta’ miżuri fl-2000, l-industrija Komunitarja kienet kapaċi tirkupra s-sehem mitluf mis-suq u tilħaq livell aktar sostenibbli fil-prezzijiet tal-bejgħ medji tagħha. Minkejja dan, mill-2001 ’il quddiem, il-prestazzjoni finanzjarja ta’ l-industrija Komunitarja reġgħet bdiet tiddeterjora. Għalhekk, jista’ jkun konkluż li l-Komunità ma rkupratx minn dumping passat.

    6.8.   Kobor tal-marġni ta’ dumping attwali

    (89)

    Il-marġnijiet tad-dumping huma speċifikati fil-parti dwar id-dumping (premessi (25) u (50)). Dawn il-marġnijiet stabbiliti huma b’mod ċar ’il fuq minn de minimis. Barra minn hekk, meta jkunu kkunsidrati l-volum u l-prezz ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, l-impatt tal-marġni attwali tad-dumping ma jistax ikun ikkunsidrat bħala negliġibbli.

    6.9.   Konklużjoni dwar ħsara

    (90)

    Huwa mfakkar li, wara l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping kontra importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Kroazja u mill-Ukrajna, l-industrija Komunitarja immedjatament iggwadanjat il-kunfidenza. Il-prezzijiet medji tal-bejgħ Komunitarju tagħha żdiedu b’14 % bejn l-1999 u l-2001 u l-volumi tal-bejgħ fil-Komunità kif ukoll il-produzzjoni żdiedu fl-istess perijodu. Bħala konsegwenza, dak iż-żmien l-industrija setgħet tagħmel xi investimenti meħtieġa u impjegat aktar ħaddiema.

    (91)

    Madankollu, is-sitwazzjoni bdiet tiddeterjora sostanzjalment fil-PI. Il-bejgħ fil-Komunità naqas bi 12 % mill-2001 għall-PI u l-industrija Komunitarja kellha taġġusta sinifikattivament billi tnaqqas il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-impjiegi. Is-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja naqas aktar mill-2001 għall-PI għal livell taħt dak ta’ l-1999. It-tendenza għat-tnaqqis fil-PI hija wkoll ikkonfermata mill-utilizzazzjoni tal-kapaċità mnaqqsa, l-iżvilupp tal-pagi li staġna u l-livell miżjud ta’ ħażniet li ħallew lill-industrija f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ l-1999 meta kienu għadhom ma ġewx imposti miżuri mill-pajjiżi kkonċernati.

    (92)

    L-istess tendenza tidher mill-iżvilupp fl-investimenti, il-Qligħ mill-Investimenti u ċ-Ċirkolazzjoni tal-Flus. It-titjib minuri fl-2000 u fl-2001, li kien ’il bogħod milli jkun sodisfaċenti għaliex il-Qligħ mill-Investimenti laħqu biss 1 % u ċ-Ċirkolazzjoni tal-Flus negattiva li kienet għadha kemm daret lejn il-pożittiv, hija segwita minn deterjorazzjoni fil-PI. Il-fatt li l-kapaċità tal-kumpanniji li jiġġeneraw il-kapital ma kinitx affettwata serjament huwa dovut għall-fatt li dawk il-kumpanniji huma parti minn gruppi korporati akbar u li, għaldaqstant, ma jistax ikun ikkunsidrat bħala indikatur vijabbli għas-settur tal-prodott ikkonċernat.

    (93)

    Rigward is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-industrija Komunitarja, hija tjiebet minn sitwazzjoni ta’ għemil ta’ telf fl-1999, iżda biss biex tilħaq sitwazzjoni kważi newtrali fl-2000 u fl-2001 u waqgħet lura għal sitwazzjoni ta’ għemil ta’ telf fil-PI.

    (94)

    Kif jista’ jidher hawn fuq, l-indikaturi tjiebu inizjalment wara l-1999 meta kienu imposti l-miżuri iżda kollha bl-eċċezzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ iddeterjoraw mill-ġdid fil-PI li juri stampa ċara ta’ ħsara.

    (95)

    Iż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-bejgħ li seħħet waqt il-perijodu sħiħ ikkunsidrat, ma setgħetx twassal għal sitwazzjoni sodisfaċenti ta’ profitt għaliex kienet assorbita għal kollox mill-ispejjeż tal-produzzjoni jogħlew, l-aktar l-ispejjeż tal-materja prima u l-ispejjeż tax-xogħol għal kull unità. Barra minn hekk, l-industrija Komunitarja ma setgħetx tgħaddi dawn iż-żidiet fl-ispiża lill-klijent sakemm kien ikun meħtieġ minħabba li importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping bi prezz baxx ippenetraw is-suq. Bħala konsegwenza, is-sitwazzjoni ta’ profitt ta’ l-industrija Komunitarja ddeterjorat u waqgħet taħt sitwazzjoni newtrali fil-PI.

    (96)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa konkluż li l-industrija Komunitarja xorta soffriet ħsara materjali waqt il-PI fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

    D.   NATURA DEJJIEMA TA’ ĊIRKOSTANZI MIBDULIN U PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI TA’ DUMPING U ĦSARA

    (97)

    Il-miżuri oriġinali kellhom jiskadu fit-18 ta’ Frar 2005. Skond l-Artikolu 11(7) tar-Regolament bażiku, kien għalhekk eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri eżistenti hijiex probabbli li twassal għal kontinwazzjoni ta’ dumping u ħsara. Skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, kien analizzat ukoll jekk iċ-ċirkostanzi rigward id-dumping u l-ħsara tbiddlux sinifikattivament, u jekk din il-bidla jistax raġonevolment jingħadd li hija ta’ natura dejjiema.

    (98)

    Instab li l-prodott ikkonċernat kien għadu jkun l-oġġett ta’ dumping fis-suq Komunitarju waqt il-PI (premessi (25) u (50)). F’dan ir-rigward, il-marġnijiet tad-dumping għall-prodott ikkonċernat li joriġina f’kull wieħed mill-pajjiżi soġġetti għall-proċedura kienu viċini għall-marġnijiet tad-dumping li nstabu fl-investigazzjoni oriġinali. Barra minn hekk, xorta għad hemm kapaċitajiet ta’ produzzjoni kbar fil-pajjiżi kkonċernati, li ma ntużawx waqt il-PI. Kien innotat ukoll li kien għad hemm kwantitajiet sinifikanti ta’ importazzjonijiet mill-Kroazja u mill-Ukrajna mibjugħin fis-suq Komunitarju u li s-sehem mis-suq tagħhom naqas kontinwament sa mill-2000. Dan juri interess ċar mill-esportaturi Kroati u Ukrajni fis-suq ta’ l-UE. Meta jkun ikkunsidrat dan kollu ta’ hawn fuq, huwa kkunsidrat li mhemm l-ebda raġuni biex ikun iddubitat li l-livell ta’ dumping misjub huwa ta’ natura dejjiema u li kontinwazzjoni tad-dumping hija probabbli ħafna kieku l-miżuri oriġinali jitħallew jiskadu.

    (99)

    Minkejja l-fatt li l-industrija Komunitarja rkuprat sa ċertu punt minn dumping passat ta’ importazzjonijiet li joriġinaw fi, inter alia, il-Kroazja u l-Ukrajna, instab ukoll li l-industrija Komunitarja xorta soffriet ħsara materjali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Il-marġnijiet ta’ ħsara li nstabu fl-investigazzjoni żdiedu meta mqabbel ma’ l-investigazzjoni oriġinali għaliex l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping komplew inaqqsu sostanzjalment il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja u dan minkejja l-fatt li l-ispejjeż għolew mad-dinja kollha. Meta jkunu kkunsidrati l-effetti ta’ l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping fuq il-profittabbiltà (premessa (79)) u s-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja (premessa (74)), li mill-ġdid kienu qed jonqsu mill-2001 sal-PI, huwa konkluż li ċ-ċirkostanzi li wasslu għal ħsara huma ta’ natura dejjiema u li l-iskadenza tal-miżuri oriġinali hija probabbli li twassal għal kontinwazzjoni tal-ħsara.

    E.   KAWŻALITÀ

    (100)

    Kien eżaminat ukoll jekk l-għaqda kawżali bejn l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping mill-Kroazja u mill-Ukrajna u l-ħsara sofferta mill-industrija Komunitarja, li kienet stabbilita fl-investigazzjoni preċedenti għadhiex preżenti f’din l-investigazzjoni. Fatturi magħrufin barra minn importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping, li setgħu fl-istess ħin ikunu ta’ ħsara għall-industrija Komunitarja, kienu wkoll eżaminati biex ikun żgurat li l-ħsara possibbli kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħrajn ma tkunx attribwita lill-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping.

    (101)

    Minkejja l-miżuri fis-seħħ, li l-ewwel wasslu għal tnaqqis ta’ l-importazzjonijiet fl-2000, il-produtturi li jesportaw mill-Kroazja u mill-Ukrajna sussegwentement żiedu s-sehemhom mis-suq fil-Komunità minn 4,2 % sa 5,5 % waqt il-perijodu kkunsidrat. Anke bil-konsum dejjem jonqos mill-2001 sal-PI, huma ġarrbu żieda f’sehemhom mis-suq. Fl-istess ħin, mill-2000 sal-PI, l-industrija Komunitarja tilfet is-sehem mis-suq. Hija kellha tnaqqas il-produzzjoni sostanzjalment fil-PI u batiet minn profittabbiltà mnaqqsa. L-importazzjonijiet dejjem jiżdiedu mill-pajjiżi kkonċernati, li naqqsu sinifikattivament il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja u s-sitwazzjoni deterjoranti ta’ l-industrija Komunitarja jikkoinċidu fiż-żmien. Għalhekk, dawk l-importazzjonijiet setgħu komplew jikkontribwixxu għall-ħsara soffruta mill-industrija Komunitarja.

    (102)

    L-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħar-Repubblika Ċeka, il-Polonja u r-Repubblika Slovakka, li waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni kienu għadhom mhux membri tal-Komunità, kif ukoll l-importazzjonijiet mir-Rumanija jew mir-Russja setgħu wkoll ikkontribwew għall-ħsara sofferta mill-industrija Komunitarja.

    (103)

    Għandu jkun innotat li l-miżuri anti-dumping li jvarjaw minn 9,8 % għal 38,2 % u l-azzjonijiet kienu fis-seħħ għal importazzjonijiet għal ħames pajjiżi msemmijin hawn fuq waqt il-perijodu kollu kkunsidrat. Bħalissa għaddejja reviżjoni dwar il-miżuri fis-seħħ fuq importazzjonijiet mir-Russja u mir-Rumanija (premessa (4)).

    (104)

    L-importazzjonijiet mir-Russja ammontaw għal sehem mis-suq ta’ 3,3 % waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni. Il-prezzijiet medji ta’ l-importazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet inklużi l-miżuri anti-dumping kienu madwar 20 % inqas mill-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-Kroazja u mill-Ukrajna. Meta jkun ikkunsidrat il-livell tal-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mir-Russja, dawn l-importazzjonijiet jidhru li kkontribwew għall-ħsara. Madankollu, meta jkun ikkunsidrat id-daqs tas-sehem mis-suq, li huwa aktar baxx minn dak tal-pajjiżi kkonċernati, l-importazzjonijiet Russi ma setgħux kienu l-unika kawża għall-ħsara sofferta mill-industrija Komunitarja. L-importazzjonijiet mir-Rumanija ammontaw għal sehem mis-suq ta’ 3,5 % fil-PI. Il-prezzijiet ta’ importazzjoni mir-Rumanija, inklużi d-dazji anti-dumping huma ogħla mill-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-Kroazja u mill-Ukrajna, iżda xorta aktar baxxi mill-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja. Minn dan jista’ jkun konkluż li huma setgħu wkoll ikkontribwew għall-ħsara sofferta mill-industrija Komunitarja. Madankollu huwa kkunsidrat li kwalunkwe effett possibbli ta’ l-importazzjonijiet mir-Russja u mir-Rumanija ma jkunx tali li jbiddel is-sejba li hemm għaqda kawżali ġenwina u sostanzjali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping tal-pajpijiet u t-tubi mingħajr saldatura mill-Kroazja u mill-Ukrajna u l-ħsara materjali sofferta mill-industrija Komunitarja.

    (105)

    Il-prezzijiet għal importazzjonijiet mill-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni l-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja kienu, inklużi d-dazji anti-dumping, ukoll sinifikattivament ta’ livell ogħla minn dawk mill-Kroazja u mill-Ukrajna, iżda xorta aktar baxxi mill-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja. Sehemhom mis-suq flimkien fil-PI kien ta’ 14,2 %. Għalkemm dawn l-importazzjonijiet setgħu wkoll ikkontribwew għall-ħsara, jista’ jkun konkluż mil-livell tal-prezz tagħhom li l-kontribut tagħhom seta’ kien wieħed minuri.

    (106)

    Meta jkun ikkunsidrat il-fatt li l-importazzjonijiet mill-Kroazja u mill-Ukrajna jnaqqsu sostanzjalment il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja, mhemm l-ebda indikazzjoni li l-importazzjonijiet imsemmijin hawn fuq, li fil-maġġoranza naqqsu l-prezzijiet Komunitarji b’rata inqas, setgħu jkissru l-għaqda kawżali bejn l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping mill-Kroazja u mill-Ukrajna u l-ħsara materjali sofferta mill-industrija Komunitarja.

    (107)

    L-importazzjonijiet minn diversi pajjiżi terzi oħrajn flimkien ammontaw għal 8,9 % tas-sehem mis-suq fil-PI. Rigward il-prezzijiet ta’ livell ogħla tagħhom li huma fil-maġġoranza suffiċjentement ’il fuq mill-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja, ma hemm l-ebda indikazzjoni li dawk l-importazzjonijiet setgħu jkissru l-għaqda kawżali bejn l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping mill-Kroazja u mill-Ukrajna u l-ħsara materjali sofferta mill-industrija Komunitarja.

    (108)

    Produtturi Komunitarji oħrajn, li ma kkooperawx fl-investigazzjoni kienu qed jiffaċċjaw l-istess problemi rigward l-ispejjeż tal-materja prima dejjem jiżdiedu li ġegħluhom jgħollu l-prezzijiet kemm jista’ jkun possibbli. Ma nstabet l-ebda indikazzjoni li dawk il-kompetituri setgħu jikkawżaw il-ħsara sofferta mill-industrija Komunitarja.

    (109)

    Hemm konsum dejjem jonqos fil-Komunità sa mill-2001 ’il quddiem. Madankollu, il-bejgħ Komunitarju naqas għal perċentwali ogħla mill-konsum u l-industrija Komunitarja tilfet sehem mis-suq waqt li l-pajjiżi kkonċernati żiedu sehemhom mis-suq fis-suq Komunitarju f’dak il-perijodu. Għalhekk, huwa konkluż li dan il-fattur ma setax ikisser l-għaqda kawżali bejn l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping mill-Kroazja u mill-Ukrajna u l-ħsara materjali sofferta mill-industrija Komunitarja. Ma nstabu l-ebda fatturi oħrajn waqt l-investigazzjoni li setgħu ikkawżaw il-ħsara.

    (110)

    Fuq l-analiżi ta’ hawn fuq ta’ l-effetti tal-fatturi kollha magħrufin dwar is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja, huwa konkluż li l-għaqda kawżali bejn l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping mill-Kroazja u mill-Ukrajna u l-ħsara materjali lill-industrija Komunitarja, li kienet stabbilita fl-investigazzjoni preċedenti, għadha ma nkisritx.

    F.   INTERESS KOMUNITARJU

    1.   Konsiderazzjonijiet ġenerali

    (111)

    Ġie eżaminat jekk jeżistux raġunijiet kostrinġenti li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li ma jkunx fl-interess tal-Komunità li żżomm miżuri anti-dumping kontra importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-importaturi u lill-utenti industrijali. Tweġiba kompluta għall-kwestjonarju wasslet mingħand importatur wieħed, Comercial de Tubos, S.A., Spanja.

    (112)

    Ma kienet riċevuta l-ebda risposta għall-kwestjonarju mill-industrija ta’ l-utenti. L-ebda fornitur ma għarraf lilu nnifsu waqt l-investigazzjoni. Abbażi ta’ l-informazzjoni riċevuta mill-partijiet kooperanti, intlaħqu l-konklużjonijiet li ġejjin.

    (113)

    Għandu jitfakkar li, fl-investigazzjoni preċedenti, l-adozzjoni tal-miżuri kienet ikkunsidrata li mhijiex kontra l-interess tal-Komunità. Barra minn hekk, il-fatt li l-investigazzjoni preżenti hija reviżjoni, u għalhekk qed tanalizza sitwazzjoni fejn il-miżuri anti-dumping diġà kienu eżistenti, jippermetti l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe impatt negattiv mhux dovut fuq il-partijiet ikkonċernati mill-miżuri anti-dumping preżenti.

    2.   Interess ta’ l-industrija Komunitarja

    (114)

    Huwa mfakkar li l-industrija Komunitarja kkonsistiet minn ħames produtturi li jimpjegaw approssimattivament 2 470 bħala persunal għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldatura. Huwa mfakkar ukoll li l-indikaturi ekonomiċi ta’ l-industrija Komunitarja fuq urew riżultati finanzjarji deterjoranti waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni. Minkejja l-konsum jikber tal-pajpijiet u t-tubi mingħajr saldatura fil-Komunità fl-2000 u fl-2001, li kien, madankollu, qed jerġa’ jonqos fil-PI, l-industrija Komunitarja ma setgħetx takkwista stabbiltà finanzjarja.

    (115)

    Fil-fatt, l-industrija rkuprat parzjalment fl-2000 sa l-2001. Madankollu, meta tkun ikkunsidrata s-sitwazzjoni finanzjarja prevalenti għall-industrija Komunitarja, huwa ċar li l-miżuri anti-dumping ikunu fl-interess ta’ l-industrija Komunitarja.

    3.   Interess ta’ importaturi mhux relatati

    (116)

    L-importatur li kkoopera ġeneralment ma opponiex l-impożizzjoni kontinwata tal-miżuri anti-dumping. Ma kienu riċevuti l-ebda kummenti oħrajn minn importaturi li importaw il-prodott ikkonċernat mill-Kroazja jew mill-Ukrajna.

    (117)

    Il-fini tal-miżuri anti-dumping huwa li jkun restawrat il-kummerċ ġust. Mhuwiex la li jkunu ipprojbiti l-importazzjonijiet u l-anqas biex jitfixlu l-attivitajiet ta’ l-importaturi fil-Komunità. Fil-fatt, kwalunkwe miżura li tkun proposta għandha tkun stabbilita f’livell li jippermetti l-kontinwazzjoni ta’ l-importazzjonijiet ukoll fil-futur, iżda bi prezzijiet li mhumiex l-oġġett ta’ dumping jew ta’ ħsara, skond liema minnhom huwa l-aktar baxx.

    (118)

    Minħabba li importazzjonijiet bi prezzijiet ġusti xorta jkunu permessi jidħlu fis-suq Komunitarju, huwa probabbli li n-negozju tradizzjonali ta’ l-importaturi ser ikompli ukoll jekk ikunu imposti miżuri anti-dumping kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

    4.   Interess tal-fornituri

    (119)

    L-ebda fornitur ma għarraf lilu nnifsu waqt l-investigazzjoni. Għalhekk, kien konkluż li ma teżisti l-ebda raġuni kostrinġenti għaliex m’għandhomx ikunu imposti miżuri rigward l-interess tal-fornituri.

    5.   Interess ta’ l-utenti

    (120)

    Fl-investigazzjoni preċedenti, kien konkluż li kwalunkwe effett fuq il-prezz li jirriżulta minn miżuri anti-dumping mhux ser ikun sinifikanti rigward l-utenti industrijali l-isfel fil-katina. Dan kien ibbażat fuq il-fatt li l-pajpijiet u t-tubi mingħajr saldatura rrappreżentaw biss element żgħir fl-ispejjeż ġenerali ta’ l-industriji ta’ l-utenti (inklużi l-industriji kimiċi u petrokimiċi, il-power stations, l-industriji tal-karozzi u tal-kostruzzjoni). Jekk ikun ikkunsidrat li ma saru l-ebda sottomissjonijiet li jikkontradixxu s-sejbiet preċedenti u fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ l-utenti fl-investigazzjoni preżenti, huwa mistenni li kwalunkwe effett fuq il-prezz li jirriżulta minn miżuri anti-dumping ikun negliġibbli rigward l-utenti industrali l-isfel fil-katina.

    6.   Aspetti ta’ kompetizzjoni

    (121)

    Għandu jkun innotat li fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/382/KE (9) nstab li xi produtturi Komunitarji kienu involuti fi ftehim anti-kompetittiv dwar partijiet tal-prodott ikkonċernat sa l-1995. Għaldaqstant, kemm l-investigazzjoni oriġinali b’PI mill-1 ta’ Novembru 1997 sal-31 ta’ ottubru 1998 (u b’perijodu kkunsidrat minn Jannar 1997 sa l-aħħar tal-PI) kif ukoll l-investigazzjoni ta’ reviżjoni preżenti ma kinux affettwati minn xi prattika anti-kompetittiva.

    7.   Konklużjoni dwar l-interess Komunitarju

    (122)

    Iż-żamma ta’ miżuri kontra l-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldatura li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati tkun b’mod ċar fl-interess ta’ l-industrija Komunitarja. Rigward kemm l-importaturi/kummerċjanti kif ukoll l-industriji ta’ l-utenti, kwalunkwe impatt fuq il-prezzijiet ta’ tubi mingħajr saldatura huwa mistenni li jkun marġinali.

    (123)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa konkluż li mhemm l-ebda raġuni kostrinġenti biex ma jkunux imposti dazji anti-dumping kontra importazzjonijiet fuq pajpijiet u tubi mingħajr saldatura li joriġinaw fil-pajjiżi kkonċernati.

    G.   MIŻURI TA’ ANTI-DUMPING

    1.   Livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

    (124)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqin rigward id-dumping, il-ħsara u l-interess Komunitarju, għandhom ikunu imposti miżuri sabiex jipprevjenu li tkun ikkawżata aktar ħsara lill-industrija Komunitarja mill-importazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping.

    (125)

    Il-miżuri għandhom ikunu imposti f’livell suffiċjenti biex jeliminaw il-ħsara kkawżata minn dawn l-importazzjonijiet mingħajr ma jinqabeż il-marġni tad-dumping misjub. Meta jkun ikkalkulat l-ammont ta’ dazju meħtieġ biex jitneħħew l-effetti tad-dumping li jikkawżaw ħsara, kien ikkunsidrat li kwalunkwe miżura għandha tippermetti lill-industrija Komunitarja li tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha u biex takkwista profitt ġenerali qabel it-taxxa li jista’ raġonevolment jintlaħaq minn industrija ta’ dan it-tip fis-settur taħt kondizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fl-assenza ta’ importazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping, fuq il-bejgħ ta’ prodott simili fil-Komunità. Il-marġni ta’ profitt qabel it-taxxa użat għal dan il-kalkolu kien ta’ 5 % ta’ turnover. Huwa l-istess marġni bħal fil-proċedura oriġinali għaliex ma nstab li kien hemm l-ebda indikazzjoni u l-ebda intervent ma kien magħmul biex din ir-rata tinbidel. Abbażi ta’ dan, kien ikkalkulat prezz li ma jagħmilx ħsara għall-industrija Komunitarja tal-prodott simili. Il-prezz ta’ bla ħsara nkiseb akkwistat billi żdied il-marġni ta’ profitt imsemmi hawn fuq ta’ 5 % ma’ l-ispiża tal-produzzjoni.

    (126)

    Iż-żieda meħtieġa fil-prezz imbagħad kienet iddeterminata abbażi ta’ tqabbil tal-prezz ta’ l-importazzjoni medju ppeżat, kif stabbilit għall-kalkoli dwar tnaqqis fil-prezzijiet mal-prezz medju li ma jagħmilx ħsara. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil imbagħad kienet espressa bħala perċentwali tal-valur CIF ta’ l-importazzjoni medju.

    2.   Miżuri emendati

    (127)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, huwa kkunsidrat li d-dazji anti-dumping fis-seħħ kontra importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mill-Kroazja u mill-Ukrajna għandhom ikunu emendati. Id-dazji anti-dumping il-ġodda għandhom ikunu stabbiliti f’livell li jirrifletti l-marġnijiet ta’ ħsara li nstabu, minħabba li l-marġnijiet tad-dumping li nstabu għall-kumpanniji kollha fil-Kroazja u fl-Ukrajna kienu ogħla mill-marġnijiet ta’ ħsara kkalkulati. Minħabba li l-livell ta’ kooperazzjoni kien għoli (aktar minn 80 % ta’ l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Ukrajna lill-Komunità), il-marġni residwali għall-Ukrajna għandu jkun stabbilit fl-istess livell bħal dak stabbilit għall-produtturi li jesportaw li kkooperaw OJSC Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (NTRP) u CJSC Nikopolsky impjant għal tubi mingħajr saldatura “Nikotube”.

    (128)

    Ir-rati ta’ dazju anti-dumping tal-kumpanniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, huma jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba waqt l-investigazzjoni rigward dawn il-kumpanniji. Dawn ir-rati ta’ dazji (paragunati mad-dazju mifrux mal-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpanniji l-oħrajn kollha”) huma għalhekk esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u prodotti mill-kumpanniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmijin. Il-prodotti importati li huma prodotti minn kwalunkwe kumpannija oħra mhux speċifikament imsemmijin fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirzz tagħha, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmijin, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpanniji l-oħrajn kollha”.

    (129)

    Kwalunkwe talba li titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping ta’ kumpannija individwali (eż. wara bidla fl-isem ta’ l-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet tal-produzzjoni jew tal-bejgħ ġodda) għandha tkun indirizzata minnufih lill-Kummissjoni (10) bl-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpannija magħqudin mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u ta’ l-esportazzjoni assoċjat ma’, per eżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew tal-bejgħ. Jekk adatt, ir-Regolament ikun għaldaqstant emendat billi tkun aġġornata l-lista ta’ kumpanniji li jibbenfikaw minn rati ta’ dazju individwali.

    (130)

    Id-dazji anti-dumping proposti huma dawn li ġejjin:

    Pajjiż

    Kumpannija

    Marġni ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara

    Marġni ta’ dumping

    Dazju anti-dumpnig propost

    Kroazja

    Il-kumpanniji kollha

    38,8 %

    38,9 %

    38,8 %

    Ukrajna

    Dnipropetrovsk Tube Works (DTW), Dnipropetrovsk

    51,9 %

    91,0 %

    51,9 %

    OJSC Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (NTRP), Dnipropetrovsk u CJSC Nikopolsky impjant għal tubi mingħajr saldatura “Nikotube”, Nikopol

    64,1 %

    97,3 %

    64,1 %

    Il-kumpanniji l-oħrajn kollha

    64,1 %

    97,3 %

    64,1 %

    (131)

    Abbażi tal-miżuri proposti, ser jibda perijodu ġdid ta’ ħames snin. Il-miżuri, għalhekk, mhux ser jiskadu fit-18 ta’ Frar 2005 kif iddikjarat fl-avviż ta’ skadenza imminenti ppubblikat fis-27 ta’ Awissu 2004 (11).

    3.   Żviluppi wara l-PI rigward l-esportatur Kroat

    (132)

    Sussegwentement għall-iżvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien konkluż li l-livell ta’ miżuri anti-dumping għandu jkun emendat, il-gvern Kroat informa lill-Kummissjoni li l-prodottur waħdieni fil-Kroazja, Mechel Željezara Ltd., kien ġie llikwidat u waqqaf il-produzzjoni fil-ħarifa tal-2004. F’postu twaqqfet entità legali ġdida msemmija Valjaonice Cijevi Sisak d.o.o (“Valjaonice”) mill-Fondazzjoni Kroata għall-Privatizzazzjoni (CPF), istituzzjoni governattiva responsabbli għall-proċess ta’ privatizzazzjoni fil-Kroazja. Il-kumpannija stabbilita l-ġdida tidher li għadha ma bdietx il-produzzjoni għalissa u hija fil-proċess li tikseb l-assi mingħand Mechel Željezara Ltd.

    (133)

    Madankollu, mill-informazzjoni ppreżentata jidher li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-Valjaonice ser tibqa’ mhux mibdula meta mqabbla ma’ dik ta’ Mechel Željezara Ltd. u li hemm intenzjoni ċara minn Valjaonice li tkompli l-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Abbażi ta’ dan, il-fatt li l-produzzjoni waqqfet ma jistax ikun ikkunsidrat ta’ natura dejjiema u indiskutibbli u għalhekk ma jaffettwax is-sejbiet ta’ l-investigazzjoni.

    (134)

    Madankollu, jekk ikun hemm bidliet fis-sitwazzjoni tal-kumpannija li jiġġustifikaw reviżjoni tal-miżuri, tinbeda reviżjoni bħal din.

    4.   Impenji

    (135)

    Il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni 2000/137/KE, aċċettat impenn ta’ prezz, inter alia, mill-produttur li jesporta Kroat waħdieni. Dan l-impenn rigward Mechel Željezara Ltd. kien ukoll soġġett għar-reviżjoni.

    (136)

    Permezz ta’ l-impenn, Mechel Željezara Ltd. Impenjat ruħha li tbigħ lill-klijenti indipendenti tagħha sa ċerta kwantità tal-prodott ikkonċernat għall-esportazzjoni lill-Komunità bi prezzijiet riveduti. Barra minn hekk, Mechel Željezara Ltd. Impenjat ruħha li l-prezzijiet tagħha għal kull grupp ta’ prodott jintagħmlu konformi ma’ l-istruttura tal-prezzijiet użata fil-Komunità.

    (137)

    Skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku, l-għan ta’ impenn huwa li jkun eliminat l-effett ta’ ħsara ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, li jintlaħaq permezz li l-esportatur jgħolli prezzijietu jew iwaqqaf l-esportazzjonijiet f’livelli li huma l-oġġett ta’ dumping. L-investigazzjoni wriet li t-tip ta’ impenn oriġinarjament aċċettat fil-każ preżenti naqas li jgħolli l-prezzijiet għal livell mhux ta’ ħsara u għalhekk li jirrestitwixxi kummerċ ġust fis-suq Komunitarju. Għalhekk, f’dan il-każ, l-impenn aċċettat minn Mechel Željezara Ltd. mhuwiex ikkunsidrat bħala mezz adatt u effettiv biex ikun eliminat l-effett ta’ ħsara tad-dumping. Kif iddikjarat hawn fuq, Mechel Željezara Ltd. kienet reċentament illikwidata. Għalhekk, l-impenn huwa kkunsidrat li m’għadux aktar validu.

    (138)

    Wara l-iżvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali, li abbażi tagħhom kien konkluż li l-livell tal-marġni anti-dumping eżistenti għandu jkun emendat, il-kumpanniji Ukrajni OJSC Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (NTRP), u CJSC Nikopolsky impjant għal tubi mingħajr saldatura “Nikotube” u l-kumpannija kummerċjali/holding relatata “Interpipe” offrew impenn konġunt skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

    (139)

    Dawn il-kumpanniji Ukrajni huma produtturi ta’ tipi differenti ta’ prodotti ta’ l-azzar li jistgħu jinbiegħu flimkien mal-prodott ikkonċernat. Dan iqajjem riskju potenzjali ta’ trans-kompensazzjoni, jiġifieri li kwalunkwe prezz ta’ impenn ikun formalment irrispettat iżda li l-prezzijiet għall-prodotti barra minn dak ikkonċernat ikunu mbaxxijin meta mibjugħin flimkien mal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, fid-dawl tal-volatilità tal-prezzijiet, il-prezzijiet minimi ta’ esportazzjoni li l-kumpannija kienet ippreparata li toffri kienu f’livelli li ma kinux jeliminaw l-effetti ta’ ħsara tad-dumping. Għaldaqstant, din l-offerta ma setgħetx tkun aċċettata.

    (140)

    Barra minn hekk, il-kumpannija Ukrajna Dnipropetrovsk Tube Works (DTW), Dnipropetrovsk iddikjarat li hija qed toffri impenn iżda mingħajr ma tiddikjara jew in-natura jew kwalunkwe prezz minimu li għandu jkun irrispettat. Għalhekk, l-offerta ma setgħetx tkun ikkunsidrata.

    H.   DISPOŻIZZJONI FINALI

    (141)

    Il-partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet kollha li abbażi tagħhom kien intenzjonat li tkun proposta emenda għar-Regolament fis-seħħ. Huma ngħataw l-opportunità jikkummentaw u biex jitolbu smigħ. Il-kummenti kienu riċevuti u kkunsidrati fejn adatt,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 348/2000 huwa b’dan emendat kif ġej:

    1.

    L-iskeda fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi sostitwita b’din li ġejja:

    “Pajjiż

    Kumpannija

    Rata ta’ dazju

    (%)

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    Kroazja

    Il-kumpanniji kollha

    38,8

    Ukrajna

    Dnipropetrovsk Tube Works (DTW), Dnipropetrovsk

    51,9

    A614

    OJSC Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (NTRP), Dnipropetrovsk u CJSC Nikopolsky impjant għal tubi mingħajr saldatura ‘Nikotube’, Nikopol

    64,1

    A615

    Il-kumpanniji l-oħrajn kollha

    64,1

    A999”

    2.

    L-Artikolu 2 għandu jitħassar.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Frar 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ASSELBORN


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

    (2)  ĠU L 45, 17.2.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament Nru 1515/2002 (ĠU L 228, 24.8.2002, p. 8).

    (3)  ĠU L 46, 18.2.2000, p. 34. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2002/669/KE (ĠU L 228, 24.8.2002, p. 20).

    (4)  ĠU C 288, 23.11.2002, p. 11.

    (5)  ĠU C 288, 23.11.2002, p. 2.

    (6)  ĠU L 246, 20.7.2004, p. 10.

    (7)  L-Avviż 246/02 (ĠU C 246, 12.10.2002, p. 2) u Avviż 68/06 (ĠU C 68, 18.3.2004, p. 8).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/137/KE (ĠU L 46, 18.2.2000, p. 34).

    (9)  ĠU L 140, 6.6.2003, p. 1.

    (10)  

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Id-Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ

    Id-Direzzjoni B

    L-Uffiċċju J-79 5/16

    B-1049 Brussell.

    (11)  ĠU C 215, 27.8.2004, p. 2.


    Top