Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0109R(01)

    109/2005/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 109/2005 ta’ l- 24 ta’ Jannar 2005 dwar it-tifsira tat-territorju ekonomiku ta’ l-Istati Membri għall-għanijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali skond il-prezzijiet tas-suq ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 327 M, tal-5 ta' Diċembru 2008 )

    OJ L 71M, 17.3.2009, p. 169–170 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/109/corrigendum/2009-03-17/oj

    17.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L NaN/169


    Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 109/2005 ta’ l-24 ta’ Jannar 2005 dwar it-tifsira tat-territorju ekonomiku ta’ l-Istati Membri għall-għanijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali skond il-prezzijiet tas-suq

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 327 M, tal-5 ta' Diċembru 2008 )

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 109/2005 għandu jaqra:

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 109/2005

    ta’ l-24 ta’ Jannar 2005

    dwar it-tifsira tat-territorju ekonomiku ta’ l-Istati Membri għall-għanijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali skond il-prezzijiet tas-suq

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 1287/2003 tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali skond il-prezzijiet tas-suq (Regolament GNI) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 (1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunità (2) jistipula li l-prodott gross nazzjonali skond il-prezzijiet tas-suq (GNP) għandu jitqies bħala daqs id-dħul gross nazzjonali skond il-prezzijiet tas-suq (GNI) kif ipprovdut mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA). L-ESA ta’ l-1995 (ESA95), li ħadet post żewġ sistemi ta’ qabel ta’ l-1970 u l-1979 rispettivament, twaqqfet bir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (3), u kienet mniżżla fl-Anness tiegħu. Il-GNI, kif użat fl-ESA95, issostitwixxa l-GNP bħala kriterju għall-għanijiet ta' riżorsi proprji, b’effett mis-sena tal-baġit 2002.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 1287/2003 jistipula l-proċeduri sabiex tintbagħat id-data tal-GNI mill-Istati Membri kif ukoll il-proċeduri u l-kontrolli fuq il-kalkolu tal-GNI, u jwaqqaf il-Kumitat tal-GNI.

    (3)

    Għall-għan tat-tifsira tad-dħul gross nazzjonali skond il-prezzijiet tas-suq (GNI) skond l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, huwa meħtieġ li tiġi ċċarata d-definizzjoni ESA95 tat-territorju ekonomiku.

    (4)

    Għall-għan ta' implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom dwar l-armonizzazzjoni tal-kumpilazzjoni tal-prodott gross nazzjonali skond il-prezzijiet tas-suq (4), it-territorju ekonomiku ta’ l-Istati Membri huwa mfisser bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/450/KEE, Euratom (5). It-tifsira ekwivalenti għandha issa tiġi pprovduta fir-rigward tal- GNI.

    (5)

    Il-miżuri previst f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-GNI.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għall-għanijiet ta’ Regolament (KE, Euratom) 1287/2003 il-frażi “territorju ekonomiku” għandha jkollha t-tifsira attribwita lilha fil-paragrafi 2.05 u 2.06 ta’ Anness A għar-Regolament (KE) 2223/96, il-frażi “territorju ġeografiku” kif użata f’dawk il-paragrafi tinftiehem bħala li tikkonsisti mit-territorji ta’ l-Istati Membri kif imniżżla fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Jannar 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Membru tal-Kummissjoni

    ANNESS

    It-territorju ta’ l-Istati Membri:

    it-territorju tar-Renju tal-Belġju,

    it-territorju tar-Repubblika Ċeka,

    it-territorju tar-Renju tad-Danimarka, għajr il-Gżejjer Faroe u Greenland,

    it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

    it-territorju tar-Repubblika ta’ l-Estonja,

    it-territorju tar-Repubblika Ellenika,

    it-territorju tar-Renju ta’ Spanja,

    it-territorju tar-Repubblika Franċiża, bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin li fuqhom teżerċita s-sovranità, kif imfisser fl-Anness II għat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

    it-territorju ta’ l-Irlanda,

    it-territorju tar-Repubblika Taljana,

    it-territorju tar-Repubblika ta’ Ċipru,

    it-territorju tar-Repubblika tal-Latvja,

    it-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja,

    it-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

    it-territorju tar-Repubblika ta’ l-Ungerija,

    it-territorju tar-Repubblika ta’ Malta,

    it-territorju tar-Renju ta’ l-Olanda, bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin li fuqhom jeżerċita s-sovranità, kif imfisser fl-Anness II għat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

    it-territorju tar-Repubblika ta’ l-Awstrija,

    it-territorju tar-Repubblika tal-Polonja,

    it-territorju tar-Repubblika Portugiża,

    it-territorju tar-Repubblika tas-Slovenja,

    it-territorju tar-Repubblika Slovakka,

    it-territorju tar-Repubblika tal-Finlandja,

    it-territorju tar-Renju ta’ l-Isvezja,

    it-territorju tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq.


    (1)  ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.

    (3)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1; Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1267/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 180, 18.7.2003, p. 1).

    (4)  ĠU L 49, 21.2.1989, p. 26; Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (5)  ĠU L 240, 29.8.1991, p. 36; Deċiżjoni kif emendata bl-Att ta’ Adeżjoni 2003.


    Top