Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0849R(01)

    2005/849/KE: Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta' Novembru 2005 rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE dwar verifiki fuq assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 327 M, tal-5 ta' Diċembru 2008 )

    OJ L 71M, 17.3.2009, p. 318–319 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/849/corrigendum/2009-03-17/oj

    17.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L NaN/318


    Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2005 rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE dwar verifiki fuq assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 327 M, tal-5 ta' Diċembru 2008 )

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/849/KE għandha taqra:

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-29 ta' Novembru 2005

    rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE dwar verifiki fuq assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur

    (notifikata bid-dokument numru C(2005) 4580)

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    (2005/849/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal-24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din r-responsabbiltà (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-30 ta' Mejju 2002 ġie konkluż ftehim multilaterali, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, bejn il-bureaux nazzjonali tal-assiguraturi tal-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u Stati assoċjati oħrajn. Il-Ftehim huwa mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/564/KE tat-28 ta' Lulju 2003 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE dwar verifiki fuq assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur (2) li permezz tiegħu l-Kummissjoni ffissat id-data minn meta l-Istati Membri għandhom jieqfu milli jagħmlu verifiki fuq assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili rigward vetturi li normalment huma bbażati fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri li ffirmaw l-Ftehim u li huma suġġetti għall-Ftehim. Sussegwentement il-Ftehim ġie estiż għal aktar pajjiżi bl-adozzjoni tal-Addendum Nru 1.

    (2)

    Fis-26 ta' Mejju 2005 il-bureaux nazzjonali tal-assiguraturi tal-Istati Membri u dawk tal-Andorra, tal-Kroazja, tal-Iżlanda, tan-Norveġja u tal-Iżvizzera, iffirmaw l-Addendum Nru 2 mal-Ftehim li permezz tiegħu il-Ftehim ġie estiż sabiex jinkludi il-bureau nazzjonali tal-assiguraturi tal-Andorra. L-Addendum jipprovdi għall-arranġamenti prattiċi għat-tneħħija ta' verifiki fuq assigurazzjoni rigward vetturi li huma normalment ibbażati fit-territorju ta' Andorra u li huma suġġetti għall-Addendum.

    (3)

    Għalhekk il-kundizzjonijiet kollha biex jitneħħew il-verifiki fuq assigurazzjoni tal-vetturi kontra responsabbiltà ċivili skont id-Direttiva 72/166/KEE bejn l-Istati Membri u l-Andorra huma ssodisfatti.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Mill-1 ta' Jannar 2006, l-Istati Membri għandhom jastjenu mill-verifiki fuq assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' vetturi li huma normalment ibbażati fit-territorju ta' Andorra u li huma suġġetti għall-Addendum Nru 2 tas-26 ta' Mejju 2005 mal-Ftehim Multilaterali bejn il-bureaux nazzjonali tal-assiguraturi tal-Istati Membri u Stati assoċjati oħrajn.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu biex tiġi applikata din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 29 ta' Novembru 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Charlie McCREEVY

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 103, 2.5.1972, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/14/KE (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 14).

    (2)  ĠU L 192, 31.7.2003, p. 23.


    Top