Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0842R(01)

    2005/842/KE: Rettifika għad-Deċiżjoni tal-kummissjoni tat- 28 ta' Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 327 M, tal-5 ta' Diċembru 2008 )

    OJ L 71M, 17.3.2009, p. 305–311 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/842/corrigendum/2009-03-17/oj

    17.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L NaN/305


    Rettifika għad-Deċiżjoni tal-kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 327 M, tal-5 ta' Diċembru 2008 )

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE għandha taqra:

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-28 ta' Novembru 2005

    dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

    (notifikata bid-dokument numru C(2005) 2673)

    (2005/842/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 86(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 16 tat-Trattat jobbliga lill-Komunità, bla ħsara għall-Artikoli 73, 86 u 87, li tuża l-poteri tagħha b'tali mod li jiġi żgurat li ċerti servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali joperaw abbażi ta' prinċipji u kundizzjonijiet li jippermettulhom li jaqdu l-missjonijiet tagħhom.

    (2)

    Biex ċerti servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jkunu jistgħu joperaw abbażi ta' prinċipji u kundizzjonijiet li jippermettulhom jaqdu l-kompiti tagħhom, jista' jkun hemm in-neċessità li jingħata sostenn finanzjarju mill-Istat maħsub biex ikopri xi spejjeż speċifiċi, jew l-ispejjeż kollha, li joħorġu mill-obbligu ta' servizz pubbliku. Skont l-Artikolu 295 tat-Trattat, kif interpretat mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, huwa irrelevanti min-naħa tal-liġi tal-Komunità jekk servizzi bħal dawn ta' interess ekonomiku ġenerali jkunux operati minn intrapriżi pubbliċi jew privati.

    (3)

    L-Artikolu 86(2) tat-Trattat jistipula f'dan ir-rigward li intrapriżi inkarigati bit-tħaddim ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, jew li jkollhom il-karattru ta' monopolju li jiġġenera d-dħul, huma suġġetti għar-regoli fit-Trattat, b'mod partikolari għar-regoli tal-kompetizzjoni. Madankollu, l-Artikolu 86(2) jippermetti eċċezzjoni mir-regoli fit-Trattat, sakemm jintlaqgħu numru ta' kriterji. L-ewwelnett għandu jkun hemm att ta' trasferiment, li permezz tiegħu l-Istat jikkonferixxi r-responsabbiltà għat-twettiq ta' ċertu kompitu lil intrapriża. It-tieni, it-trasferiment għandu jkun marbut ma' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali. It-tielet, l-eċċezzjoni trid tkun neċessarja għat-twettiq tal-kompiti assenjati u proporzjonat ma' dik tal-fini (minn hawn 'il quddiem “l-obbligu neċessarju”). Fl-aħħarnett, l-iżvilupp tal-kummerċ m'għandux jiġi affetwat sa dak il-punt fejn ikun kuntrarju għall-interessi tal-Komunità.

    (4)

    Fis-sentenza tagħha fil-każ ta' Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg v Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH (1), il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħetha li kumpens għal servizz pubbliku ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE, sakemm jintlaqgħu erba' kriterji kumulattivi. L-ewwelnett, l-intrapriża li tieħu l-għajnuna jrid ikollha tassew obbligi ta' servizz pubbliku xi twettaq, u l-obbligi jridu jkunu ddefiniti b'mod ċar. It-tieni, il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkulat il-kumpens irid jiġi stabbilit bil-quddiem b'mod oġġettiv u trasparenti. It-tielet, il-kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa neċessarju biex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti minnhom ikkawżati mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta' servizz pubbliku, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għad-dħul relatat u għal qligħ raġonevoli. Fl-aħħarnett, meta l-għażla tal-impriża inkarigata bl-eżekuzzjoni ta' obbligi ta' servizz pubbliku, f'xi każ speċifiku, ma ssirx fil-qafas ta' proċedura ta' akkwist pubbliku li jippermetti li jintgħażel il-kandidat kapaċi li jipprovdi dawn is-servizzi bl-inqas prezz għall-komunità, il-livell tal-kumpens neċessarju jrid ikun iddeterminat fuq bażi ta' analiżi tal-ispejjeż li jkollha intrapriża medja, immexxija sewwa u mgħammra adegwatament b'mezzi ta' trasport.

    (5)

    Meta jintlaqgħu dawn l-erba' kriterji l-kumpens ta' servizz pubbliku ma jkunx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat ma japplikawx. Jekk l-Istati Membri ma jirrispettawx dawn il-kriterji, u jekk il-kriterji ġenerali għall-applikabbiltà tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat jintlaqgħu, il-kumpens ta' servizz pubbliku jkun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jkun suġġett għall-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat. Din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tapplika biss għal kumpens ta' servizz pubbliku meta din tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    (6)

    L-Artikolu 86(3) tat-Trattat jippermetti lill-Kummissjoni tispeċifika t-tifsira u l-estensjoni tal-eċċezzjoni skont l-Artikolu 86(2) tat-Trattat, u li tfassal regoli maħsuba biex ikun hemm monitoraġġ effettiv tat-twettiq tal-kriterji kif imfissra fl-Artikolu 86(2), fejn ikun meħtieġ. Il-kundizzjonijiet li taħthom ċerti sistemi ta' kumpens ikunu kumpatibbli mal-Artikolu 86(2) u ma jkunux suġġetti għall-obbligu ta' notifika minn qabel skont l-Artikolu 88 (3) tat-Trattat għandhom għalhekk ikunu speċifikati.

    (7)

    Għajnuna bħal din tista' tiġi ddikjarata bħala kumpatibbli biss jekk tingħata sabiex jiġi żgurat l-għoti ta' servizzi li jkunu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif imfisser fl-Artikolu 86 tat-Trattat. Mill-każistika jidher ċar li, ħlief għas-setturi fejn hemm leġiżlazzjoni tal-Komunità li tirregola l-kwistjoni, l-Istati Membri għandhom marġini wiesa' ta' diskrezzjoni fid-definizzjoni ta' servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Għaldaqstant, bl-eċċezzjoni tas-setturi fejn hemm leġiżlazzjoni tal-Komunità li tirregola l-kwistjoni, il-kompitu tal-Kummissjoni huwa dak li tiżgura li ma jkun hemm l-ebda żball ovvju fejn tidħol id-definizzjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

    (8)

    Sabiex ikun jista' jiġi applikat l-Artikolu 86(2) tat-Trattat, l-intrapriża li tibbenefika mill-għajnuna għandha tkun ġiet inkarigata mill-Istat Membru bit-tħaddim ta' servizzi partikolari ta' interess ekonomiku ġenerali. Skont il-każistika dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat, att bħal dan jew atti ta' trasferiment għandhom jispeċifikaw, mill-anqas, in-natura preċiża, l-ambitu, u l-perjodu ta' validità tal-obbligi ta' servizz pubbliku imposti, u l-identità tal-intrapriżi kkonċernati.

    (9)

    Sabiex jiġi żgurat li l-kriterji imfissra fl-Artikolu 86(2) jintlaqgħu, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet aktar preċiżi li għandhom ikunu mwettqa fejn jidħol it-trasferiment tal-operazzjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Fil-fatt l-ammont ta' kumpens jista' jiġi kkalkolat u vverifikat biss jekk l-obbligi ta' servizz pubbliku li jkunu qed iġorru l-intrapriżi, u xi obbligi li jkun qed iġorr l-Istat, ikunu mfissra b'mod ċar f'att formali tal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat. Il-forma tal-istrument tista' tvarja minn Stat Membru għall-ieħor iżda dan għandu jispeċifika, mill-anqas, in-natura preċiża, l-ambitu u l-perjodu ta' validità tal-obbligi ta' servizz pubbliku kif ukoll l-identità tal-intrapriżi kkonċernati, u l-ispejjeż li għandhom jinġarru mill-intrapriża kkonċernata.

    (10)

    Meta jiġu ddefiniti obbligi ta' servizz pubbliku, u meta jiġi evalwat jekk dawk l-obbligi jkunux qed jiġu ssodisfati mill-intrapriżi kkonċernati, l-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu konsultazzjoni wiesgħa, b'enfażi partikolari fuq l-utenti.

    (11)

    Barra minn dan, sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 86(2) jirrekjedi li l-kumpens m'għandux jeċċedi dak li hu neċessajru biex jiġu koperti l-ispejjeż li teħel intrapriża meta tkun qed teżegwixxi l-obbligi tagħha ta' servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed kont ta' dħul relevanti u ta' qligħ xieraq. Dan għadu jiġi miftiehem bħala li jirreferi għall-ispejjeż attwali li teħel l-intrapriża inkwistjoni.

    (12)

    Kumpens li jkun aktar minn dak li hu neċessarju biex jiġu koperti l-ispejjeż li teħel l-intrapriża kkonċernata mhux neċessarju għat-tħaddim tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, u għaldaqstant jikkostitwixxi għajnujna mill-Istat inkompatibbli li għandu jitħallas lura lill-Istat. Il-kumpens mogħti għat-tħaddim ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali iżda li fil-konkret jiġi użat mill-intrapriża kkonċernata biex jitħaddem f'suq ieħor huwa wkoll mhux neċessarju għat-tħaddim tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, u għaldaqstant jikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat inkompatibbli li għandu jitħallas lura.

    (13)

    Sabiex ikun hemm garanzija ta' konformità mal-obbligu neċessarju stipulat fl-Artikolu 86(2) huwa meħtieġ li jiġu stipulati dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu u l-monitoraġġ tal-ammont ta' kumpens li jingħata. L-Istati Membri għandhom jaraw b'mod regolari li l-kumpens mogħti ma jwassalx għal kumpens żejjed. Madankollu, sabiex jitħalla minimu ta' flessibbiltà għal intrapriżi u Stati Membri, fejn l-ammont ta' kumpens żejjed ma jkunx jaqbeż l-10 fil-mija tal-ammont ta' kumpens annwali, dan il-kumpens żejjed jista' jinġarr għall-perjodu ta' wara u mnaqqas mill-ammont ta' kumpens li altrimenti kien ikollu jitħallas. Id-dħul ta' intrapriżi inkarigati mit-tħaddim ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali jista' jvarja b'mod drammatiku, l-aktar minħabba r-riskju tal-insolvenza ta' sidien il-kera. Għaldaqstant, meta intrapriżi bħal dawn joperaw biss servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, għandu jkun possibbli li kull kumpens żejjed tul perjodu wieħed ikun jista' jinġarr għall-perjodu ta' wara, sa 20 % tal-kumpens annwali.

    (14)

    Sakemm il-kumpens jingħata lil intrapriżi inkarigati mit-tħaddim ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, l-ammont tal-kumpens ma jmurx lil hinn minn kemm iqumu s-servizzi, u l-limiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni ikunu rispettati, il-Kummissjoni tqis li l-iżvilupp tal-kummerċ mhux affettwat b'mod li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Komunità. F'ċirkostanzi bħal dawn, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens għandu jitqies bħala għajnuna mill-Istat kumpatibbli mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat.

    (15)

    Ammonti żgħar ta' kumpens mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li jkollhom fattura limitata, ma jaffettwawx l-iżvilupp tal-kummerċ u l-kompetizzjoni sa dak il-punt li jkunu kuntrarji għall-interessi tal-Komunità. Meta jkunu milqugħa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni, ma jkunx għalhekk aktar meħtieġ li tingħata notifikazzjoni minn qabel. Għall-iskop ta' definizzjoni tal-ambitu tal-eżenzjoni min-notifika għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-fatturat tal-intrapriżi li jkunu qed jirċievu kumpens ta' servizz pubbliku u l-livell ta' dan il-kumpens.

    (16)

    L-isptarijiet u l-intrapriżi inkarigati mill-akkomodazzjoni soċjali, fdati b'kompiti li jkunu jinvolu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali għandhom karatteristiċi speċifiċi li jridu jittieħdu f'kunsiderazzjoni. B'mod partikolari, irid jittieħed kont tal-fatt li fl-istadju preżenti tal-iżvilupp tas-suq intern, l-intensità tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni f'dawn is-setturi mhix neċessarjament proporzjonata mal-livell ta' fattura u ta' kumpens. Għaldaqstant, sptarijiet li jipprovdu kura tas-saħħa, inkluż fejn ikun japplika servizzi ta' emerġenza u servizzi anċillari direttament relatati mal-attivitajiet prinċipali, speċjalment fil-qasam tar-riċerka, u intrapriżi inkarigati mill-akkomodazzjoni soċjali li jipprovdu akkomodazzjoni għal ċittadini żvantaġġjati jew gruppi li jbatu minn żvantaġġ soċjali, li minħabba restrizzjonijiet ta' flus kontanti ma jkunux jistgħu jakkwistaw akkomodazzjoni bil-kundizzjonijiet tas-suq, għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni min-notifikazzjoni stipulata f'din id-Deċiżjoni, anki jekk l-ammont ta' kumpens li jirċievu ikun jaqbeż il-limiti stabbiliti minn din id-Deċiżjoni, meta s-servizzi mwettqa ikunu jikkwalifikaw bħala servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali mill-Istati Membri.

    (17)

    L-Artikolu 73 tat-Trattat jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 86(2). Jistipula r-regoli applikabbli għall-kumpens ta' servizz pubbliku fis-settur tat-trasport fuq l-art. Dak l-Artikolu kien ġie żviluppat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (2), li jistipula kundizzjonijiet ġenerali għal obbligi ta' servizz pubbliku fis-settur tat-trasport fuq l-art u jimponi metodi għall-kalkolu tal-kumpens. Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 jeżenta kull kumpens fis-settur tat-trasport tal-art li jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' notifika skont l-Artikolu 88(3) tat-Tratttat. Jippermetti wkoll lill-Istati Membri li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tiegħu fil-każ ta' intrapriżi li jkunu jipprovdu esklużivament trasport urban, suburban jew reġjonali. Fejn tiġi applikata dik id-deroga, kull kumpens għal obbligi ta' servizz pubbliku jkun, safejn ikun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, regolat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1107/70 tal-4 ta' Ġunju 1970 dwar l-għoti ta' għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma intern (3). Skont is-sentenza fil-kawża “Altmark”, il-kumpens li ma jkunx jissodisfa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73 ma jistax jiġi ddikjarat kumpatibbli mat-Trattat buq il-bażi tal-Artikolu 86(2), jew fuq il-bażi ta' xi dispożizzjoni oħra tat-Trattat. Għaldaqstant, kumpens bħal dan mhux kopert b'din id-Deċiżjoni.

    (18)

    Għall-kuntrarju tat-trasport fuq l-art, is-setturi tat-trasport marittimu u bl-ajru huma soġġetti għall-Artikolu 86(2) tat-Trattat. Fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (4) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta' Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (5) jinsabu ċerti regoli applikabbli għall-kumpens ta' servizz pubbliku fis-setturi tat-trasport bl-ajru u dak marittimu. Madankollu, għall-kuntrarju tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 applikabbli għat-trasport fuq l-art, dawn ir-Regolamenti dwar it-trasport bl-ajru u dak marittimu ma jirreferux għall-kumpatibbiltà tal-elementi possibbli ta' għajnuna mill-Istat u lanqas ma fihom xi eżenzjoni mill-obbligu ta' notifika skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat. Jidher għaldaqstant li jkun xieraq li din id-deċiżjoni tiġi applikata għall-kumpens ta' servizz pubbliku fis-setturi tat-trasport bl-ajru u dak marittimu sakemm, barra li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni preżenti, kumpensi bħal dawn ikunu jissodisfaw ukoll ir-regoli settorjali li hemm fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, fejn ikun applikabbli.

    (19)

    Il-limiti li japplikaw għall-kumpens ta' servizz pubbliku fis-setturi tat-trasport bl-ajru u dak marittimu għandhom normalment ikunu l-istess bħal dawk applikabbli b'mod ġenerali. Madankollu, fil-każijiet speċifiċi ta' kumpens ta' servizz pubbliku għal konnessjonijiet bl-ajru jew marittimi lejn gżejjer u għal ajruporti u portijiet li jkunu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 86(2) tat-Trattat, jidher li jkun aktar xieraq li jiġu stabbiliti limiti bbażati fuq l-għadd medju ta' passiġġieri kull sena, peress li dan ikun aktar f'konformità mar-realtà ekonomika ta' dawn l-attivitajiet.

    (20)

    Din id-Deċiżjoni hija f'miżura wiesgħa forma ta' speċifikar tat-tifsira u tal-firxa tal-eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 86(2) tat-Trattat peress li kienet applikata b'mod konsistenti fil-passat mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'istanza u mill-Kummissjoni. Sakemm ma timmodifikax il-liġi materjali applikabbli f'dan il-qasam, għandha tapplika b'mod immedjat. Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jmorru lil hinn mill-istatus quo billi jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali maħsuba biex ikun jista' jsir monitoraġġ effettiv tal-kriterji mfissra fl-Artikolu 86(2). Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa f'dan ir-rigward, ikun xieraq li wieħed jistipula perjodu ta' sena qabel ma jibdew japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi.

    (21)

    L-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' notifika minn qabel għal ċerti servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali ma jeskludix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jinnotifikaw xi proġett speċifiku ta' għajnuna. Notifika bħal din għandha tkun evalwata skont il-linji-gwida tal-Komunità għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens ta' servizz pubbliku (6).

    (22)

    Din id-Deċiżjoni tapplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-Dirtettiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1980 dwar it-trasparenza ta’ relazzjonijiet finanzjarji bejn Stati Membri u intrapriżi pubbliċi kif ukoll trasparenza finanzjarja f’ċerti intrapriżi (7).

    (23)

    Din id-Deċiżjoni tapplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità li huma fis-seħħ fl-oqsma tal-akkwist pubbliku u tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat.

    (24)

    Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni japplikaw bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi aktar stretti li għandhom x'jaqsmu ma' obbligi ta' servizz pubbliku li jinsabu f'leġiżlazzjoni settorjali tal-Komunità.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Iskop

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni u eżenti mill-obbligu ta' notifika kif stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens ta' servizz pubbliku mogħti lil ċerti intrapriżi inkarigati mit-tħaddim ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

    Artikolu 2

    L-Ambitu

    1.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-għajnuna mill-Istati li ġejja, fil-forma ta' kumpens ta' servizz pubbliku mogħti lil intrapriżi f'rabta ma' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 86(2) tat-Trattat:

    (a)

    kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil intrapriżi li jkollhom fatturat medju annwali qabel it-taxxa, meta wieħed jinkludi l-attivitajiet kollha, ta' inqas minn EUR 100 miljun matul is-sentejn finanzjarji ta' qabel dik is-sena li fiha jkun ingħatalha s-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, u li jirċievu kumpens annwali għas-servizz inkwistjoni ta' anqas minn EUR 30 miljun.

    (b)

    kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil sptarijiet u intrapriżi ta' akkomodazzjoni soċjali li jkunu qed jagħmlu attivitajiet meqjusa bħala servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali mill-Istat Membru kkonċernat

    (c)

    kumpens għal servizz pubbliku mogħti għal konnessjonijiet bl-ajru jew marittimi lejn gżejjer fejn it-traffiku medju annwali matul is-sentejn finanzjarji ta' qabel dik is-sena li fiha jkun ingħata s-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali ma jkunx jaqbeż it-300 000 passiġġier.

    (d)

    kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil ajruporti u portijiet fejn it-traffiku medju annwali matul is-sentejn finanzjarji qabel is-sena li fiha jkun ġie assenjat is-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali ma jkunx jaqbeż il-miljun passiġġier fil-każ ta' ajruporti u 300 000 passiġġier fil-każ ta' portijiet.

    Il-limitu ta' EUR 30 miljun fil-punt (a) tal-ewwel sottoparagrafu jista' jiġi stabbilit billi tittieħed medja annwali li tirrappreżenta l-valur tal-kumpens mogħti matul il-perjodu tal-kuntratt jew fuq perjodu ta' ħames snin. Għal istituzzjonijiet ta' kreditu, il-limitu ta' EUR 100 miljun ta' fatturat għandu jinbidel b'limitu ta' EUR 800 miljun f'termini ta' total ta' karta tal-bilanċ.

    2.   Fil-qasam tat-trasport bl-ajru u dak marittimu, din id-Deċiżjoni għandha tapplika biss għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens ta' servizz pubbliku mogħti lil intrapriżi f'rabta mas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 86(2) tat-Trattat u, meta applikabbli, fir-rispett tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92.

    Din id-deċiżjoni ma tapplikax fil-qasam tat-trasport fuq l-art.

    Artikolu 3

    Kumpatibbiltà u eżenzjoni min-notifika

    L-għajnujna mill-istat fil-forma ta' kumpens ta' servizz pubbliku li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dn id-Deċiżjoni għandha tkun kumpatibbli mas-suq komuni u għandha tkun eżenti mill-obbligu ta' notifika minn qabel kif stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat, bla ħsara għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet aktar stretti dwar obbligi ta' servizz pubbliku li hemm fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-Komunità.

    Artikolu 4

    Il-Mandat

    Sabiex din id-Deċiżjoni tkun tapplika, ir-responsabbiltà tat-tħaddim tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali għandha tkun fdata lill-intrapriża kkonċernata permezz ta' atti uffiċjali wieħed jew aktar, fil-forma li tista' tkun stabbilita minn kull Stat Membru. L-att jew atti għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari:

    (a)

    in-natura u l-perjodu ta' validità tal-obbligi ta' servizz pubbliku;

    (b)

    l-intrapriżi u t-territorju involut;

    (c)

    in-natura ta' xi drittijiet esklużivi jew speċjali mogħtija lill-intrapriżi;

    (d)

    il-parametri għall-kalkolu, il-kontroll u r-reviżjoni tal-kumpens;

    (e)

    l-arranġamenti biex jiġi evitat u jiġi rkuprat kumpens eċċessiv.

    Artikolu 5

    Kumpens

    1.   Il-kumpens m'għandux jisboq dak li hu meħtieġ biex ikopri l-ispiża li ssir fl-eżekuzzjoni tal-obbligi ta' servizz pubbliku wara li jittieħed kont tad-dħul rilevanti u ta' profitt raġonevoli fuq il-kapital proprju għall-eżekuzzjoni ta' dawk l-obbligi. Dan il-kumpens għandu jkun użat konkretament sabiex jitħaddem is-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, bla ħsara għall-possibbiltà li l-intrapriża tkun tista' tgawdi b'mod normali l-profitt raġjonevoli tagħha.

    L-ammont ta' kumpens għandu jkun jinkludi l-vantaġġi kollha mogħtija mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istati tkun xi tkun il-forma. Il-profitt raġjonevoli għandu jieħu f'kunsiderazzjoni xi parti mit-titjib fil-produzzjoni, jew it-titjib kollu, li l-intraprizi kkonċernati jkunu kisbu matul perjodu maqbul, mingħajr ma jiġi affetwat il-livell ta' kwalità tas-servizzi stabbiliti mill-Istat.

    2.   L-ispejjeż li għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha involuti fit-tħaddim tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali. Għandhom ikunu kkalkolati, fuq il-bażi ta' prinċipji tal-kontabbiltà analitika aċċettati b'mod ġenerali, kif ġej:

    (a)

    Meta l-attivitajiet tal-intrapriża inkwistjoni ikunu limitati għas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, ikunu jistgħu jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha.

    (b)

    meta l-intrapriża tkun twettaq ukoll attivitajiet li jkunu jaqgħu barra l-ambitu tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, huma biss l-ispejjeż marbuta mas-servizz ta' interess ġenerali li għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni

    (c)

    l-ispejjeż allokati għas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali jista' jkun ikopri l-ispejjeż varjabbli kollha marbuta mal-forniment tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, kontribut proporzjonat għal spejjeż fissi komuni sew għas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali kif ukoll għal attivitajiet oħra, u ritorn fuq il-kapital meħtieġ biex ikun jista' jitħaddem is-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, f'konformità mar-ritorn tas-suq normali għas-settur.

    (d)

    l-ispejjeż marbuta mal-investiment, b'mod speċjali fejn tidħol l-infrastruttura, jistgħu jittieħdu f'kunsiderazzjoni meta jkun meħtieġ għat-tħaddim tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali.

    3.   Id-dħul li tiegħu għandu jittieħed kont għandu jkun jinkludi mill-anqas id-dħul kollu miksub mis-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali. Jekk l-intrapriża inkwistjoni jkollha drittijiet speċjali jew esklużivi marbuta ma' servizz ieħor ta' interess ekonomiku ġenerali li jkun jiġġenera qligħ li jkun aktar minn raġjonevoli, jew benefiċċji minn vantaġġi oħra mogħtija mill-Istat, dawn għandhom ikunu inklużi fid-dħul tagħha, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom għall-fini tal-Artikolu 87. L-Istat Membru kkonċernat jista' jiddeċiedi li l-qligħ li jiġi minn attivitajiet oħra barra l-ambitu tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali għandu jiġi assenjat, kollu jew in parti, għall-iffinanzjar tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali.

    4.   Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni “qligħ raġjonevoli” jfisser rata ta' ritorn fuq il-kapital proprju li tkun tieħu f'kunsiderazzjoni r-riskju, jew in-nuqqas ta' riskju, li l-intrapriża tkun qed tieħu bis-saħħa tal-intervent mill-Istat Membru, partikolarment jekk dan tal-aħħar jikkonċedi drittijiet esklussivi jew speċjali. Din ir-rata normalment m'għandhiex tkun teċċedi r-rata medja għas-settur ikkonċernat fi snin reċenti. F'setturi fejn ma jkun hemm l-ebda intrapriża kumparabbli mal-intrapriża inkarigata bit-tħaddim tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, jista' jsir tqabbil ma' intrapriżi lokalizzati fi Stati Membri oħra jew, jekk ikun meħtieġ, f'setturi oħra, sakemm il-karatteristiċi partikolari ta' kull settur jittieħdu f'kunsiderazzjoni. Meta jiġi stabbilit x'jikkostitwixxi qligħ raġjonevoli, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu kriterji ta' inċentiv relatati, b'mod partikolari, mal-kwalità tas-servizz ipprovdut u l-kisbiet fl-effiċjenza produttiva.

    5.   Meta kumpanija twettaq attivitajiet li jaqgħu sew fi ħdan kif ukoll barra l-ambitu tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, il-kontijiet interni għandhom juru b'mod separat l-ispejjeż u d-dħul marbuta mas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali u dawk ta' servizzi oħra, kif ukoll il-parametri li bihom jiġu allokati l-ispejjeż u d-dħul.

    L-ispejjeż marbuta ma' xi attività li tkun barra mill-ambitu tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali għandhom ikopru l-ispejjeż varjabbli kollha, kontribut xieraq lejn l-ispejjeż komuni fissi, kif ukoll ritorn xieraq fuq il-kapital. M'għandu jingħata l-ebda kumpens fejn jidħlu dawn l-ispejjeż.

    Artikolu 6

    Il-kontroll ta' kumpens żejjed

    L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli regolari, jew jaraw li jsiru dawn il-kontrolli, biex jiżguraw li l-intrapriżi ma jkunux qed jirċievu xi kumpens li jkun aktar mill-ammont stabbilit skont l-Artikolu 5.

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-intrapriża kkonċernata tħallas lura xi kumpens żejjed li tkun ingħatat, kif ukoll li għall-quddiem il-parametri tal-kalkolu jkunu aġġornati. Meta l-ammont tal-kumpens żejjed ma jkunx jaqbeż l-10 fil-mija tal-ammont tal-kumpens annwali, kumpens żejjed bħal dan jista' jiġi trasferit 'il quddiem għall-perjodu annwali li jkun imiss, u mnaqqas mill-ammont ta' kumpens li jkollu jitħallas għal dak il-perjodu.

    Fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli regolari, jew jaraw li dawn il-kontrolli jsiru, fil-livell ta' kull intrapriża, biex jiżguraw li l-intrapriża kkonċernata ma tkunx qed tirċievi kumpens iżjed mill-ammont stabbilit skont l-Artikolu 5. Xi kumpens żejjed jista' jiġi trasferit għall-perjodu li jkun imiss, sa 20 fil-mija tal-kumpens annwali, sakemm l-intrapriża kkonċernata tkun topera biss servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

    Artikolu 7

    Disponibilità ta' informazzjoni

    L-Istati Membri għandhom iżommu disponibbli għal perjodu ta' mill-anqas għaxar snin l-elementi kollha neċessarji biex jiġi determinat jekk il-kumpens mogħti ikunx kumpatibbli ma' din id-Deċiżjoni.

    Fuq talba bil-miktub mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li din tal-aħħar tkun tqis meħtieġa biex tkun tista' tistabbilixxi jekk is-sistemi ta' kumpens fis-seħħ ikunux kumpatibbli ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 8

    Rapporti

    Kull tliet snin għandhom jiġu sottomessi lill-Kumissjoni rapporti perjodiċi dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li jkunu jinkludu deskrizzjoni dettaljata tal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni fis-setturi kollha, inkluzi dawk tal-akkomodazzjoni soċjali u l-isptarijiet.

    L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sad-19 ta' Diċembru 2008.

    Artikolu 9

    Il-valutazzjoni

    Sa mhux aktar tard mid-19 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-impatt ibbażata fuq informazzjoni fattwali u r-riżultati ta' konsultazzjoni wiesgħa mmexxija mill-Kummissjoni abbażi b'mod partikolari ta' dejta li tkun ipprovduta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 8.

    Ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt isiru disponibbli għall-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u għall-Istati Membri.

    Artikolu 10

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fid-19 ta' Diċembru 2005.

    L-Artikolu 4, punti (c), (d) u (e), u l-Artikolu 6 għandhom japplikaw mid-29 ta' Novembru 2006.

    Artikolu 11

    Indirizzati

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 28 ta' Novembru 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Neelie KROES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  [2003] ECR I-7747.

    (2)  ĠU L 156, 28.6.1969, p. 1 Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 1893/91 (ĠU L 169, 29.6.1991, p. 1).

    (3)  ĠU L 130, 15.6.1970, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 543/97 (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 6).

    (4)  ĠU L 240, 24.8.1992, p. 8. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

    (5)  ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.

    (6)  ĠU C 297, 29.11.2005.

    (7)  ĠU L 195, 29.7.1980, p. 35. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2000/52/KE (ĠU L 193, 29.7.2000, p. 75)


    Top