EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02021R0693-20210505

Consolidated text: Regolament (UE) 2021/693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/693/2021-05-05

02021R0693 — MT — 05.05.2021 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2021/693 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ April 2021

li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013

(ĠU L 156 5.5.2021, p. 21)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 161, 16.6.2022, p.  126 (2021/693)




▼B

REGOLAMENT (UE) 2021/693 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ April 2021

li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja (il-“Programm”) għat-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, kif stabbilit fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093.

Huwa jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm, il-baġit għall-perijodu 2021-2027, il-forom ta' finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta' tali finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “ġudikatura u persunal ġudizzjarju” tfisser l-imħallfin, il-prosekuturi u membri tal-persunal tal-qorti u tal-uffiċċji tal-prosekutur, kif ukoll kwalunkwe professjonist ieħor tal-ġustizzja assoċjat mal-ġudikatura.

Artikolu 3

Objettivi tal-Programm

1.  
Il-Programm għandu l-objettiv ġenerali li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri ta' spazju Ewropew ta' ġustizzja bbażat fuq l-istat tad-dritt, inkluż l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka, u fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja, biex b'hekk isaħħaħ ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
2.  

Fl-ambitu tal-objettiv ġenerali stabbilit fil-paragrafu 1, il-Programm għandu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a) 

li jiffaċilita u jappoġġa l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali, u jippromwovi l-istat tad-dritt u l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, inkluż permezz tal-appoġġ lill-isforzi għat-titjib tal-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u l-infurzar effettiv tad-deċiżjonijiet;

(b) 

li jappoġġa u jippromwovi t-taħriġ ġudizzjarju, bil-ħsieb li titrawwem kultura komuni legali u ġudizzjarja kif ukoll kultura bbażata fuq l-istat tad-dritt, u li jappoġġa u jippromwovi l-implimentazzjoni konsistenti u effettiva tal-istrumenti legali tal-Unjoni li huma rilevanti fil-kuntest tal-Programm;

(c) 

li jiffaċilita l-aċċess effettiv u nondiskriminatorju għall-ġustizzja għal kulħadd, u rimedju effettiv, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi (il-ġustizzja elettronika), permezz tal-promozzjoni ta' proċeduri ċivili u kriminali effiċjenti u l-promozzjoni u l-appoġġ tad-drittijiet tal-vittmi kollha ta' reati kriminali kif ukoll id-drittijiet proċedurali tas-suspettati u tal-persuni akkużati fi proċedimenti kriminali.

Artikolu 4

Integrazzjoni

Fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha tiegħu, il-Programm għandu jfittex li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tat-tfal, inkluż permezz ta' ġustizzja adattata għat-tfal, il-protezzjoni tal-vittmi u l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju tal-ugwaljanza tad-drittijiet u tan-nondiskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 21 tal-Karta, f'konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta u fil-limiti stabbiliti minnu.

Artikolu 5

Baġit

1.  
Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta' EUR 305 000 000 f'termini ta' prezzijiet attwali.
2.  
L-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 jista' jintuża għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditu u ta' evalwazzjoni, inkluż sistemi korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni.
3.  
F'konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, b'kont meħud tad-dħul fis-seħħ tardiva ta' dan ir-Regolament u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità, għal perijodu limitat, il-kostijiet imġarrba fir-rigward ta' azzjonijiet appoġġati taħt dan ir-Regolament jistgħu jitqiesu eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2021, anki jekk dawn iġarrbu qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja.
4.  
Fl-ambitu tal-pakkett finanzjarju għall-Programm, l-ammonti għandhom ikunu allokati għal kull objettiv speċifiku skont il-perċentwali stipulati fl-Anness I.
5.  
Ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jiġu ttrasferiti lill-Programm soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Politika dwar il-Viżi (ir-“Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027”). Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament f'konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament f'konformità mal-punt (c) ta' dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 6

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin:

(a) 

membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-ŻEE, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b) 

pajjiżi fil-proċess tal-adeżjoni mal-Unjoni, pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, f'konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rispettivi jew fi ftehimiet simili u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(c) 

pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f'konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rispettivi, jew fi ftehimiet simili, u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(d) 

pajjiżi terzi oħra, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim:

(i) 

jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

(ii) 

jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali, u l-kostijiet amministrattivi tagħhom;

(iii) 

ma jagħti l-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-pajjiż terz fir-rigward tal-programm tal-Unjoni;

(iv) 

jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 7

Implimentazzjoni u forom ta' finanzjament mill-Unjoni

1.  
Il-Programm għandu jiġi implimentat b'ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju jew b'ġestjoni indiretta mill-korpi msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tiegħu.
2.  
Il-Programm jista' jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stipulati fir-Regolament Finanzjarju.
3.  
►C1  Kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni mutwa jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru ta’ fondi dovuti minn riċevituri u għandhom jitqiesu bħala garanzija suffiċjenti skont ir-Regolament Finanzjarju. ◄ Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 37(7) tar-Regolament (UE) 2021/695.

Artikolu 8

Tipi ta' azzjoni

L-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-kisba ta' objettiv speċifiku kif stabbilit fl-Artikolu 3 jistgħu jirċievu finanzjament skont dan ir-Regolament. B'mod partikolari, l-attivitajiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament:

(a) 

is-sensibilizzazzjoni u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni biex jitjieb l-għarfien tal-politiki tal-Unjoni u tal-liġi tal-Unjoni, inkluż il-liġi sostantiva u proċedurali, l-istrumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja, il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-liġi komparattiva u l-istandards Ewropej u internazzjonali, inkluż il-fehim tal-interazzjoni bejn oqsma differenti tal-liġi;

(b) 

it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta' prattiki tajba fost il-partijiet ikkonċernati biex jittejbu l-għarfien u l-komprensjoni reċiproka tal-liġi ċivili u kriminali u tas-sistemi legali u ġudizzjarji tal-Istati Membri, inkluż l-istat tad-dritt u l-aċċess għall-ġustizzja, u biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka;

(c) 

l-attivitajiet analitiċi u ta' monitoraġġ biex jittejbu l-għarfien u l-fehim ta' ostakli potenzjali għall-funzjonament bla xkiel tal-ispazju Ewropew ta' ġustizzja, u biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni fl-Istati Membri, bħal attivitajiet li jinkludu l-ġbir ta' data u statistika; l-iżvilupp ta' metodoloġiji komuni u, fejn xieraq, ta’ indikaturi jew ta’ punti ta' riferiment; studji, riċerka, analiżi u stħarriġ; evalwazzjonijiet; valutazzjoni tal-impatt; u l-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta' gwidi, rapporti u materjal edukattiv;

(d) 

it-taħriġ tal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jittejjeb l-għarfien tal-liġi u tal-politiki tal-Unjoni, inkluż il-liġi sostantiva u proċedurali, id-drittijiet fundamentali, l-użu tal-istrumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni, il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-lingwaġġ legali u l-liġi komparattiva;

(e) 

l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) kif ukoll ta' għodod tal-ġustizzja elettronika, b'kont meħud tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, biex jittejbu l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji u l-kooperazzjoni bejniethom permezz tal-ICT, inkluż l-interoperabbiltà transkonfinali tas-sistemi u l-applikazzjonijiet;

(f) 

l-iżvilupp tal-kapaċità ta' networks ewlenin fil-livell Ewropew u ta' networks ġudizzjarji Ewropej, inklużi networks stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-infurzar effettivi tal-liġi tal-Unjoni, jiġu promossi u żviluppati aktar il-liġi, il-valuri, l-għanijiet ta' politika u l-istrateġiji tal-Unjoni fl-oqsma tal-Programm;

(g) 

l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati mingħajr skop ta' qligħ u li huma attivi fl-oqsma koperti mill-Programm sabiex tiżdied il-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu u li joffru sostenn kif ukoll li jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess adegwat għas-servizzi, għall-attivitajiet ta' konsulenza u għall-attivitajiet ta' appoġġ tagħhom, u b'hekk jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

(h) 

it-titjib tal-għarfien tal-Programm u d-disseminazzjoni, it-trasferibbiltà u t-trasparenza tar-riżultati tiegħu u t-trawwim ta' sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini, inkluż billi jiġu organizzati fora għal diskussjoni fost il-partijiet ikkonċernati.



KAPITOLU II

GĦOTJIET

Artikolu 9

Għotjiet

1.  
L-għotjiet skont il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f'konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.
2.  
Il-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni jistgħu jkunu esperti esterni.

Artikolu 10

Finanzjament kumulattiv u alternattiv

1.  
Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni skont il-Programm tista' tirċievi wkoll kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni, inkluż minn fondi b’ġestjoni kondiviża, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista' jiġi kkalkulat fuq bażi prorata f'konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.
2.  

L-azzjonijiet mogħtija tikketta tas-Siġill ta' Eċċellenza taħt il-Programm jistgħu jirċievu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, f'konformità mal-Artikolu 73(4) tal-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027) jekk jikkonformaw mal-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a) 

ikunu ġew ivvalutati f'sejħa għal proposti skont il-Programm;

(b) 

jikkonformaw mal-ħtiġijiet minimi ta' kwalità ta' din is-sejħa għal proposti;

(c) 

ma jistgħux jiġu ffinanzjati skont din is-sejħa għal proposti minħabba restrizzjonijiet baġitarji.

Artikolu 11

Entitajiet eliġibbli

1.  
Il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw flimkien mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju.
2.  

Għandhom ikunu eliġibbli l-entitajiet li ġejjin:

(a) 

kwalunkwe entità ġuridika stabbilita fi:

(i) 

Stat Membru, jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut miegħu;

(ii) 

pajjiż terz assoċjat mal-Programm;

(b) 

kwalunkwe entità ġuridika maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni, jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali.

3.  
Il-Programm għandu jappoġġa l-infiq tal-ETJN assoċjat mal-programm ta' ħidma permanenti tiegħu, u kwalunkwe għotja operattiva għal dak il-għan għandha tingħata mingħajr sejħa għal proposti f'konformità mar-Regolament Finanzjarju.



KAPITOLU III

PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL

Artikolu 12

Programm ta' ħidma

1.  
Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju.
2.  
Il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni permezz ta' att ta' implimentazzjoni. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18.

Artikolu 13

Monitoraġġ u rappurtar

L-indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3 jinsabu fl-Anness II.

Biex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 15, sabiex temenda l-Anness II fir-rigward tal-indikaturi fejn dan ikun ikkunsidrat neċessarju kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament bid-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni.

Is-sistema ta' rappurtar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżulatati tal-Programm jinġabru b'mod effiċjenti, effettiv, u f'waqtu. Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta' rappurtar proporzjonat fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni u, fejn xieraq, fuq l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena dwar il-prestazzjoni tal-Programm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi ħdan il-mekkaniżmi ta' rappurtar eżistenti, b'mod partikolari t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-użu tal-fondi allokati għal kull objettiv speċifiku. Fir-rapport tagħha, hija għandha tispeċifika t-tipi ta' azzjoni li rċevew finanzjament, inkluż azzjonijiet marbuta mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Abbażi ta' dak ir-rapport, il-Parlament Ewropew jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont debitu ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

Artikolu 14

Evalwazzjoni

1.  
L-evalwazzjonijiet tal-Programm għandhom jitwettqu f'waqthom bil-għan li jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
2.  
Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Programm ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tiegħu.
3.  
Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-Programm fi tmiem tal-implimentazzjoni tiegħu, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara t-tmiem tal-perijodu speċifikat fl-Artikolu 1.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 15

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu..
2.  
Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 13 għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2027.
3.  
Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 13 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 13 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 16

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-Programm permezz ta' deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta' kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 17

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

Ir-riċevituri ta' finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi inkluż lill-media u lill-pubbliku.

Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm mal-azzjonijiet meħuda skont il-Programm u mar-riżultati miksuba.

Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prioritajiet ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 18

Proċedura ta' kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 19

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 huwa mħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2021.

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.  
Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika ta’ azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013, li għandu jibqa’ japplika għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.
2.  
Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista' jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013.
3.  
Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 5(2), biex tkun tista' ssir il-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta' Diċembru 2027.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.




ANNESS I

Fl-ambitu tal-pakkett finanzjarju tal-Programm, l-ammonti għandhom jiġu allokati kif ġej għal kull objettiv speċifiku:

(a) 

27 % għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2);

(b) 

36 % għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2);

(c) 

27 % għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2);

(d) 

10 % għal kwalunkwe wieħed mill-objettivi msemmija fl-Artikolu 3(2).




ANNESS II

INDIKATURI

Il-Programm għandu jiġi mmonitorjat abbażi ta' sett ta' indikaturi intiżi biex ikejlu sa fejn l-objettivi ġenerali u speċifiċi tiegħu jkunu ntlaħqu filwaqt li jiġu minimizzati l-piż u l-kostijiet amministrattivi. Għal dak il-għan, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet relatati mal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, ser tinġabar data fir-rigward tas-sett ta' indikaturi li ġejjin:

(1) 

l-għadd ta' membri tal-ġudikatura u ta' persunal ġudizzjarju li pparteċipaw f'attivitajiet ta' taħriġ (inklużi skambji ta' persunal, żjarat ta' studju, sessjonijiet ta' ħidma u seminars) iffinanzjati mill-Programm, inkluż permezz ta' għotja operattiva tal-EJTN;

(2) 

l-għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili appoġġati mill-Programm;

(3) 

l-għadd ta' skambji ta' informazzjoni fis-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS);

(4) 

l-għadd ta' hits fil-portal tal-Ġustizzja elettronika / il-paġni li jindirizzaw il-ħtieġa għal informazzjoni dwar kawżi ċivili u kriminali transkonfinali;

(5) 

l-għadd ta' nies f'kull objettiv speċifiku li pparteċipaw fi:

(a) 

attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku u l-iskambju ta' prattiki tajba;

(b) 

attivitajiet relatati mas-sensibilizzazzjoni u l-informazzjoni, u mad-disseminazzjoni ta' informazzjoni.

Id-data individwali kollha għandha tinqasam skont is-sess kull meta jkun possibbli. L-evalwazzjonijiet interim u finali tal-Programm għandhom jiffukaw fuq kull objettiv speċifiku, u għandhom jinkludu perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi u jevalwaw l-impatti fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Top