Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02017R0579-20170331

Consolidated text: Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/579 tat- 13 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti tad-derivattivi fl-Unjoni u biex ma jiġux evitati r-regoli u l-obbligi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/579/2017-03-31

02017R0579 — MT — 31.03.2017 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/579

tat-13 ta' Ġunju 2016

►C1  li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti tad-derivattivi fl-Unjoni u biex ma jiġux evitati r-regoli u l-obbligi ◄

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 087 31.3.2017, p. 189)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 144, 7.6.2017, p.  37 (2017/579)




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/579

tat-13 ta' Ġunju 2016

▼C1

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti tad-derivattivi fl-Unjoni u biex ma jiġux evitati r-regoli u l-obbligi

▼B

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, tapplika d-definizzjoni li ġejja:

“garanzija” tfisser obbligu ġuridiku dokumentat b'mod espliċitu minn garanti li jagħmel tajjeb għal pagamenti tal-ammonti dovuti jew li jistgħu jsiru dovuti skont il-kuntratti tad-derivattivi OTC koperti minn din il-garanzija u li daħlet għalihom l-entità ggarantita favur il-benefiċjarju, meta jkun hemm każ ta' inadempjenza kif definit fil-garanzija jew fejn ma jkun sar l-ebda pagament mill-entità ggarantita.

Artikolu 2

Kuntratti b'effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni

1.  Kuntratt tad-derivattivi OTC jitqies li għandu effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni meta mill-inqas entità ta' pajjiż terz tibbenefika minn garanzija pprovduta minn kontroparti finanzjarja stabbilita fl-Unjoni li tkopri l-obbligazzjonijiet kollha, jew parti minnhom, li jirriżulataw minn kuntratt tad-derivattivi OTC, sal-punt li l-garanzija tkun tissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) tkun tkopri l-obbligazzjonijiet kollha ta' entità minn pajjiż terz li jirriżultaw minn kuntratt jew bosta kuntratti tad-derivattivi OTC, għall-ammont nozzjonali aggregat ta' mill-inqas EUR 8 biljun jew l-ammont ekwivalenti fil-munita barranija rilevanti, jew tkun tkopri biss parti mill-obbligazzjonijiet ta' entità minn pajjiż terz li jirriżultaw minn kuntratt jew bosta kuntratti tad-derivattivi OTC għall-ammont nozzjonali aggregat ta' mill-inqas EUR 8 biljun jew l-ammont ekwivalenti fil-munita barranija rilevanti, diviż bil-perċentwal tal-obbligazzjonijiet koperti;

(b) tkun mill-inqas daqs 5 fil-mija tas-somma tal-iskoperturi attwali, kif definit fl-Artikolu 272(17) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) fil-kuntratti tad-derivattivi OTC tal-kontroparti finanzjarja li toħroġ il-garanzija u li tkun stabbilita fl-Unjoni.

2.  Meta tinħareġ garanzija għall-ammont massimu li hu taħt il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1(a), il-kuntratti koperti minn din il-garanzija ma jitqisux li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni sakemm l-ammont tal-garanzija ma jiżdiedx, f'liema każ l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti fl-Unjoni jerġa' jiġi vvalutat mill-garanti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 fil-jum meta ssir iż-żieda.

3.  Meta obbligazzjoni li tirriżulta minn kuntratt jew bosta kuntratti tad-derivattivi OTC tkun taħt il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1(a), dawn il-kuntratti ma jitqisux li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni anke meta l-ammont massimu tal-garanzija li tkopri din l-obbligazzjoni jkun daqs jew jaqbeż il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1(a) u anki meta l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(b) tkun intlaħqet.

4.  Jekk ikun hemm żieda fl-obbligazzjoni li tirriżulta minn kuntratti ta' derivattivi OTC jew minn tnaqqis fl-iskopertura attwali, il-garanti jivvaluta mill-ġdid jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 intlaħqux. Din il-valutazzjoni ssir rispettivment fil-jum li fih tiżdied l-obbligazzjoni għall-kundizzjoni stipulata fil-paragrafu 1(a) u ta' kull xahar għall-kundizzjoni stipulata fil-paragrafu 1(b).

5.  Il-kuntratti tad-derivattivi OTC b'ammont nozzjonali aggregat ta' mill-inqas EUR 8 biljun jew bl-ammont ekwivalenti fil-munita barranija rilevanti konklużi qabel ma tinħareġ garanzija jew qabel ma tiżdied, u li sussegwentement ikunu koperti minn garanzija li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, jitqiesu li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni.

6.  Kuntratt tad-derivattivi OTC jitqies li għandu effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni meta ż-żewġ entitajiet stabbiliti f'pajjiż terz jidħlu f'kuntratt tad-derivattivi OTC permezz tal-fergħat tagħhom fl-Unjoni u jkunu jikkwalifikaw bħala kontropartijiet finanzjarji li kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 3

Każijiet fejn huwa meħtieġ jew xieraq li jiġi impedit l-evitar tar-regoli jew tal-obbligi previsti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014

1.  Kuntratt tad-derivattivi OTC jitqies li ġie mfassal b'tali mod biex tiġi evitata l-applikazzjoni ta' xi dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jekk il-mod li bih sar dan il-kuntratt jitqies, meta wieħed jarah b'mod sħiħ u wara li jittieħdu inkonsiderazjoni ċ-ċirkostanzi kollha, li l-iskop ewlieni tiegħu huwa li tiġi evitata l-applikazzjoni ta' xi dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kuntratt jitqies li ġie mfassal b'tali mod biex tiġi evitata l-applikazzjoni ta' xi dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jekk l-għan ewlieni ta' arranġament, jew serje ta' arranġamenti marbutin mal-kuntratt tad-derivattivi OTC huwa li jxejjen l-oġġett, l-ispirtu u l-iskop ta' kwalunkwe dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 li li kieku tkun tapplika anki meta l-kuntratt ikun parti minn arranġament artifiċjali jew sensiela artifiċjali ta' arranġamenti.

3.  Arranġament li intrinsikament ma għandux motivazzjoni u karattru kummerċjali jew ġustifikazzjoni ekonomika rilevanti, u jikkonsisti f'kuntratt, tranżazzjoni, skema, azzjoni, operazzjoni, ftehim, għotja, qbil, wegħda, impenn jew event jitqies bħala arranġament artifiċjali. L-arranġament jista' jinkludi aktar minn stadju jew parti waħda.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

Top