EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0816R(01)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fid-dawl tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq

/* COM/2013/0816 final/2 - 2011/0196 (COD) */

52013PC0816R(01)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fid-dawl tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq /* COM/2013/0816 final/2 - 2011/0196 (COD) */


2011/0196 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fid-dawl tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Id-data meta l-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (dokument COM(2011) 451 finali – 2011/0196(COD): || 19/07/2011

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea: || L-ebda opinjoni

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: || 07/12/2011

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari: || 03/07/2012

Id-data tal-adozzjoni tal-ftehim politiku tal-Kunsill bi tħejjija għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari: || 29/10/2012

Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari: || 15/11/2013 (?)

2.           L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni ressqet quddiem il-Kunsill u l-Parlament Ewropew il-proposta msemmija hawn fuq fid-19 ta’ Lulju 2011. Il-proposta temenda r-Regolament tal-Kunsill 3821/85 tal-20 ta' Diċembru 1985 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq Din il-proposta temenda wkoll ir-Regolament 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - "Takografu diġitali: Pjan direzzjonali għall-attivitajiet tal-ġejjieni "— takkumpanja l-proposta msemmija hawn fuq u ġiet mibgħuta b’mod parallel lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-proposta tintroduċi għadd ta’ titjib teknoloġiku lit-takografu diġitali bħall-funzjoni tal-pożizzjonament tas-satellita (GNSS), funzjoni ta' komunikazzjoni remota għal skopijiet ta’ nfurzar tal-filtrazzjoni u interfaċċa tas-Sistema ta' Trasport Intelliġenti (STI) biex id-dejta tkun tista' tintuża minn takografu diġitali f'kompjuters abbord għal skopijiet oħra minbarra l-kontroll tal-ħinijiet tas-sewqan. Din il-ġenerazzjoni ġdida ta’ takografi ("takografi intelliġenti") hija prevista li tiġi introdotta bejn l-2018 u l-2019.

L-analiżi ttejjeb ukoll aspetti oħra bħat-twaqqif ta' reġoli ġodda biex titjieb l-affidabbiltà tas-sessjonijiet ta' ħidma, biex ikun hemm skambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-karti maħruġa lis-sewwieqa (is-sistema TACHOnet), biex il-karti jiġu ppersonalizzati billi jiġu inkorporati mal-liċenzji tas-sewqan, regoli dwar it-taħriġ ta’ min jinforza u dwar l-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet. Fl-aħħar nett, japplika l-istess raġġ ta’ 100 km għall-eżenzjonijiet ibbażati fuq id-distanza għar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu (fl-Art. 13 tar-Regolament 561/2006).

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ta opinjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni fil-5 ta’ Ottubru 2011. L-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku ngħatat fis-7 ta’ Diċembru 2011 u l-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda li ma jħejjix opinjoni jew rapport.

Il-Kumitat dwar it-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew ħatar lis-Sinjura Silvia-Adriana Ticău (RO, S&D) bħala relatur. Il-vot fis-sessjoni plenarja sar fit-3 ta’ Lulju 2012. Ara SP(2012) 449/2.

Il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar dan il-fajl fid-29 ta’ Ottubru 2012, taħt il-Presidenza Ċiprijotta.

3.           Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

3.1.        Kummenti ġenerali dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tilqa’ b’mod pożittiv il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, minħabba din il-pożizzjoni hija skont l-għanijiet ewlenin tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, jiġifieri li żżid is-sigurtà tas-sistema tat-takografu (tnaqqas il-frodi u l-manipulazzjoni tat-takografu), sabiex tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u ttejjeb l-effiċjenza tal-kontroll tas-sistema. L-emendi tal-Kunsill ġew introdotti bħala riżultat ta’ analiżi ulterjuri dwar l-impatt mistenni ta' xi wħud mill-miżuri proposti mill-Kummissjoni, u jirriflettu l-importanza li l-Istati Membri jagħtu lill-applikazzjoni tal-maġġoranza tal-miżuri kosteffiċjenti, lill-bżonn li tiġi riinfurzata l-protezzjoni tad-dejta personali fir-Regolament u lill-kjarifika tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti tekniċi u funzjonali tat-takografu. L-emendi tal-Kunsill ġew diskussi fit-tul u ġew approvati mill-Kummissjoni.

Mingħajr ma topponi l-adozzjoni tat-test finali li jirriżulta min-negozjati bejn il-koleġiżlaturi, madankollu, il-Kummissjoni se tiddikjara ruħha fuq tliet punti li dwarhom ripetutament esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha matul in-negozjati. Dawn id-dokjarazzjonijiet qegħdin jiġu mehmuża.

3.2.        Kummenti dettaljati tal-Kummissjoni

3.2.1.     In-natura tal-att legali (atti ddelegati/atti ta’ implimentazzjoni)

Sabiex tadotta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-takografu intelliġenti tal-futur, il-Kummissjoni pproponiet li s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adattament tal-Annessi I, IB u II għall-progress tekniku u s-supplimentar tal-Anness IB bl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għar-reġistrazzjoni awtomatika tad-dejta ta’ lokazzjoni, għall-komunikazzjoni remota u għall-iżgurar ta' inferfaċċa mas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (l-Artikoli 4, 5, 6 u 38 tal-proposta tal-Kummissjoni).

B'riżultat tan-negozjati mal-Parlament, il-koleġiżlaturi iddeċidew li jinkludu r-rekwiżiti tekniċi ewlenin mill-Annessi msemmija hawn fuq fit-test tar-Regolament, u abbażi ta' dan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dispożizzjonijiet iddettaljati rilevanti permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fi stadju aktar tard, sabiex tiżgura applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha tal-UE. Għaldaqstant, mat-test tar-Regolament żdiedu dispożizzjonijiet dwar id-definizzjonijiet, dwar ir-rekwiżiti tekniċi u d-dejta li għandha tiġi rreġistrata, dwar il-funzjonijiet tat-takografu diġitali u dwar is-sinjali ta' wiri u s-sinjali ta' twissija, u l-Kummissjoni qablet ma' din iż-żieda. Matul in-negozjati, il-Kummissjoni żammet in-neċessità tal-użu ta’ atti ddelegati.

Il-Kummissjoni mhijiex se topponi l-adozzjoni tat-test kif miftiehem mill-koleġiżlaturi. Madankollu, il-Kummissjoni se tfakkar f'dikjarazzjoni (mehmuża) li l-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE qiegħda attwalment tiġi analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ tal-"bijoċidi".

3.2.2.     Emendi tekniċi

Il-Kummissjoni taċċetta l-emendi li dwarhom kien hemm qbil bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar l-aspetti tekniċi li ġejjin:

(a) Fir-rigward tad-dejta ta’ lokazzjoni (l-Artikolu 8)

Il-Kummissjoni tilqa’ b'mod pożittiv ir-reġistrazzjoni tal-punti ta' lokazzjoni kull tliet sigħat tal-ħin akkumulat ta’ sewqan sabiex titjieb il-konformità minn sewwieqa professjonali tat-trasport bit-triq mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

(b) It-tagħmir tal-uffiċjali tal-kontroll bit-teknoloġija remota għall-identifikazzjoni bikrija (l-Artikolu 9)

Ħmistax-il sena wara l-introduzzjoni tat-takografu intelliġenti, l-Istati Membri se jkollhom jgħammru l-awtoritajiet tal-kontroll tagħhom b’mod xieraq b'tagħmir remot, filwaqt li jikkunsidraw ukoll l-istrateġiji nazzjonali tal-infurzar tal-Istati Membri. Sa dik id-data, id-deċiżjoni li wieħed jgħammar lill-awtoritajiet ta' kontroll b'teknoloġija għall-aċċess remot se tkun fakultattiva.

(c) Interfaċċa ma' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (l-Artikolu 10)

Fil-fehma tal-Kunsill kien kruċjali li jinżamm grad suffiċjenti ta’ flessibbiltà sabiex impriżi tat-trasport jibqgħu jistgħu jagħżlu jekk iridux jikkonnettjaw it-takografu ma' tagħmir estern jew le. Għaldaqstant, il-Kunsill stipula li t-takografi jistgħu jkunu mgħammra b'interfaċċi standardizzati li jippermettu li d-dejta rreġistrata jew prodotta permezz ta' takografu tintuża minn tagħmir estern, skont ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, it-test tal-Kunsill jiċċara li l-aċċess għal dejta personali minn tagħmir estern ikkonnettjat mal-interfaċċa jista' jingħata biss wara li s-sewwieq, li miegħu hija relatata d-dejta, ikun ta l-kunsens espliċitu tiegħu.

Il-Kummissjoni aċċettat l-emendi msemmija hawn fuq bħala pass fid-direzzjoni t-tajba iżda wissiet lill-koleġiżlaturi li jekk l-interfaċċa tal-STI tkun fakultattiva, dan inaqqas b'mod sinifikanti l-intenzjoni tal-proposta inizjali.

(d) L-inklużjoni ta’ sensers ta' piż fit-takografu intelliġenti (Il-premessa 6)

Bħall-Kunsill, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-valutazzjoni tal-Parlament li hemm rabta diretta bejn l-inklużjoni ta' sensers ta' piż fit-takografi intelliġenti u kontroll aħjar tal-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija sodisfatta bl-inserzjoni fit-test ta' premessa biss, li tirreferi f’termini ġenerali għal valutazzjoni li għandhaom issir fil-futur mill-Kummissjoni dwar il-potenzjal li s-sensors ta' piż jikkontribwixxu għal konformità aħjar mal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport bit-triq.

(e) Karti għas-sewwieqa tat-takografu għas-sewwieqa li mhumiex residenti (il-paragrafu 4 tal-Artikolu 26)

Il-Kummissjoni taqbel mad-dispożizzjoni l-ġdida li tippermetti lill-Istati Membri li joħorġu, taħt kundizzjonijiet restrittivi, karti tas-sewwieqa li jkunu temporanji u li ma jiġġeddux għal perjodu massimu ta' 185 ġurnata. Din id-dispożizzjoni ġdida toffri soluzzjoni prattika għal problema operattiva peress li tkopri s-sitwazzjoni ta' dawk is-sewwieqa minn pajjiżi li mhumiex fl-UE u minn pajjiżi li mhumiex fl-ERTA (Il-Ftehim Ewropew dwar ix-Xogħol tal-Ekwipaġġi li Jaħdmu fuq Vetturi Użati għat-Trasport fuq it-Toroq Internazzjonali.) li xi kultant iwettqu xogħol fit-trasport fl-UE, jew ta’ dawk is-sewwieqa li għandhom iċ-ċittadinanza tal-UE, iżda li tilfu l-istatus residenzjali tagħhom fl-UE u konsegwentement jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu karta ta' sewwieq regolari.

(f) It-tagħmir mill-ġdid ta’ vetturi b’takografi diġitali (il-paragrafu 4 tal-Artikolu 3)

Fil-proposta oriġinali tagħha, il-Kummissjoni ma inkludiet l-ebda dispożizzjoni dwar it-tagħmir mill-ġdid tal-vetturi b'takografi intelliġenti, iżda taċċetta l-prinċipju ta' tagħmir mill-ġdid kif miftiehem f'din il-pożizzjoni ġaladarba l-implikazzjonijiet prattiċi jkunu adattati.

3.2.3.     Emendi mhux tekniċi relatati mat-tħaddim tas-sistema tat-takografu

(g) It-tneħħija tar-rekwiżit għas-sewwieqa li jippreżentaw formoli li jattestaw l-attivitajiet tagħhom filwaqt li jkunu 'l bogħod mill-vettura (l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 3).

Il-Kummissjoni tappoġġa din id-dispożizzjoni peress li tkompli tnaqqas il-piż amministrattiv.

(h) Tagħmir tajjeb u taħriġ tal-uffiċjali tal-kontroll (l-Artikoli 38 u 39)

Il-Kummissjoni taċċetta r-riżultat tan-negozjati bejn il-koleġiżlaturi dwar dan il-punt.

Il-Kummissjoni qablet ma’ din il-pożizzjoni u wara l-adozzjoni tar-Regolament se tadotta miżuri li jispeċifikaw il-kontenut ta’ taħriġ inizjali u kontinwu tal-uffiċjali tal-kontroll. Dan il-kontenut għandu jiġi inkluż fit-taħriġ li jingħataw l-uffiċjali tal-kontroll fl-Istati Membri.

(i) Ir-riinfurzar tal-affidabbiltà tas-sessjonijiet ta' ħidma (l-Artikolu 24)

Il-Kummissjoni taqbel mat-tnaqqis fil-frekwenza tal-eżerċizzji tal-awditjar regolari tal-proċeduri li japplikaw is-sessjonijiet ta' ħidma meta jieħdu ħsieb it-takografu minn sena għal sentejn, peress li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni ta' 10 % għall-eżerċizzji tal-awditjar tekniċi mhux imħabbra tas-sessjonijiet ta' ħidma u perjodu ta' sena għall-validità tal-karta ta' sessjoni ta' ħidma, inżammet.

3.2.4.     Emendi mhux tekniċi relatati mad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta, il-ksur u d-dħul fis-seħħ

(j) Rinfurzar tal-protezzjoni tad-dejta (l-Artikolu 7)

Il-Kummissjoni taqbel mad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-protezzjoni tad-dejta personali.

(k) L-armonizzazzjoni ta’ ksur u sanzjonijiet (l-Artikolu 41)

Il-Kummissjoni taċċetta r-riżultat tan-negozjati bejn il-koleġiżlaturi dwar dan il-punt.

(l) Ir-responsabbiltà tal-impriżi tat-trasport (l-Artikolu 33)

Il-Kummissjoni taċċetta r-riżultat tan-negozjati bejn il-koleġiżlaturi dwar dan il-punt.

(m) Dħul fis-seħħ (l-Artikolu 48)

Il-Kummissjoni taċċetta r-riżultat tan-negozjati bejn il-koleġiżlaturi dwar dan il-punt. It-takografu intelliġenti jkun meħtieġ — għall-vetturi rreġistrati għall-ewwel darba - 40 xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal takografi intelliġenti. Il-Kummissjoni biħsiebha tistabbilixxi dawk l-ispeċifikazzjonijiet mhux aktar tard minn sentejn wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament il-ġdid.

3.2.5.     Emendi tar-Regolament 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq

Il-Kummissjoni tilqa’ b'mod pożittiv il-fatt li l-emendi proposti għall-Artikolu 13(1) tar-Regolament 561/2006, li jippermettu lill-Istati Membri li jagħtu eżenzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament f’raġġ ta’ 100 km mill-bażi tal-impriża, skont ċerti kundizzjonijiet, inżammu u taqbel mal-introduzzjoni tal-hekk imsejħa "eżenzjoni tan-nies tas-sengħa" fl-Artikolu 3 tar-Regolament 561/2006, li tiddefinixxi l-kamp tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

4.           Il-konklużjoni tal-Kummissjoni

Din il-proposta hija partikolarment importanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-komunikazzjoni tagħha "Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema ta' trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" adottata fit-28 ta' Marzu 2011.

Minkejja li ddgħajjef diversi dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni tal-Kunsill għadha tirrifletti l-għanijiet prinċipali tal-proposta tagħha u għalhekk temmen li l-proċess leġiżlattiv għandu jiġi konkluż bil-vot tal-Parlament Ewropew tal-pożizzjoni tat-tieni qari bikri tiegħu, li wara r-riżultati tat-trilogu informali tal-14 ta’ Mejju 2013, għandu jkun l-istess bħall-pożizzjoni tal-Kunsill.

Stqarrijiet tal-Kummissjoni

1) Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament (KE) 561/2006

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi u effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ, il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dik il-leġiżlazzjoni u, fejn meħtieġ, tieħu l-inizjattivi x-xierqa.

2) Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar atti ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni tqis li atti futuri, li l-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta permezz tal-att leġiżlattiv sabiex tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet iddettaljati għat-takografu, biljetti takografiċi u folji ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip, għandhom l-għan li jissupplimentaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-att bażiku u għalhekk għandhom ikunu atti delegati biex jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 290 tat-TFUE. Il-Kummissjoni mhux se topponi l-adozzjoni tat-test kif miftiehem mill-koleġiżlaturi. Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li l-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE qiegħda attwalment tiġi analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ tal-'bijoċidi'.

3) Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu tas-subparagrafu 2, ittra b) tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011

Il-Kummissjoni ssostni li huwa kontra l-kliem u t-tifsira tar-Regolament 182/2011 (ĠU L 55 tat-28.2.2011, p. 13) li tinvoka s-subparagrafu 2, il-punt b) tal-Artikolu 5 § 4 b'mod sistematiku. Ir-rikors għal din id-dispożizzjoni għandu jittieħed f’każ ta’ ħtieġa speċifika li wieħed jiddevja mir-regola ta’ prinċipju li hija li l-Kummissjoni tista' tadotta abbozz ta' att ta' implimentazzjoni meta ma tingħata l-ebda opinjoni. Minħabba li din hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita mill-Artikolu 5 § 4 ir-rikors għall-punt b) tas-subparagrafu 2 ma jistax jidher sempliċiment bħala "setgħa diskrezzjonali" tal-leġiżlatur, iżda għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv u għaldaqstant għandu jiġi ġġustifikat.

Filwaqt li l-Kummissjoni osservat il-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-rikors għal din id-dispiżizzjoni, jiddispjaċiha li din il-ġustifikazzjoni mhix riflessa fi premessa.

Top