Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02021R0697-20210512

Consolidated text: Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/697/2021-05-12

02021R0697 — MT — 12.05.2021 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2021/697 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ April 2021

li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 170 12.5.2021, p. 149)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 161, 16.6.2022, p.  129 (2021/697)




▼B

REGOLAMENT (UE) 2021/697 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ April 2021

li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI APPLIKABBLI GĦAR-RIĊERKA U L-IŻVILUPP

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża (“il-Fond”), kif stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2021/695 għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027. It-tul ta’ żmien tal-Fond huwa allinjat mat-tul ta’ żmien tal-QFP 2021-2027.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-għanijiet tal-Fond, il-baġit tiegħu għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal 31 ta’ Diċembru 2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli dwar l-għoti ta’ tali finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“entità ġuridika” tfisser persuna ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali, li jkollha personalità ġuridika u l-kapaċità li taġixxi f’isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew entità li ma għandhiex personalità ġuridika kif imsemmi fil-punt (c) tal-l-Artikolu 197(2) tar-Regolament Finanzjarju;

(2) 

“applikant” tfisser entità ġuridika li tippreżenta applikazzjoni għal appoġġ mill-Fond wara sejħa għal proposti jew f’konformità mal-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju;

(3) 

“riċevitur” tfisser entità ġuridika li magħha jkun ġie ffirmat ftehim ta’ għoti ta’ fondi jew ta’ finanzjament jew li tkun ġiet notifikata b’deċiżjoni ta’ għoti ta’ fondi jew finanzjament;

(4) 

“konsorzju” tfisser grupp kollaborattiv ta’ applikanti jew riċevituri li jkun soġġett għal ftehim u li jkun iffurmat biex iwettaq azzjoni taħt il-Fond;

(5) 

“koordinatur” tfisser entità ġuridika li tkun membru ta’ konsorzju u li tkun inħatret mill-membri kollha tal-konsorzju biex tkun il-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-fini tar-relazzjonijiet tal-konsorzju mal-Kummissjoni;

(6) 

“kontroll” tfisser il-kapaċità li teżerċita influwenza deċiżiva fuq entità ġuridika, b’mod dirett, jew b’mod indirett permezz ta’ entità ġuridika intermedja waħda jew aktar;

(7) 

“struttura maniġerjali eżekuttiva” tfisser korp ta’ entità ġuridika maħtur skont il-liġi nazzjonali, u, fejn applikabbli, li jirrapporta lill-uffiċjal kap eżekuttiv, li jkollu s-setgħa jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-entità ġuridika, u li jissorvelja u jwettaq monitoraġġ tat-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali;

(8) 

“prototip tas-sistema” tfisser mudell ta’ prodott jew teknoloġija li jista’ juri l-prestazzjoni f’ambjent operazzjonali;

(9) 

“kwalifika” tfisser il-proċess kollu biex jintwera li d-disinn ta’ prodott, ta’ komponent tanġibbli jew intanġibbli jew ta’ teknoloġija relatata mad-difiża jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati, filwaqt li tingħata evidenza oġġettiva li turi li jkunu ġew sodisfatti rekwiżiti partikolari ta’ disinn;

(10) 

“ċertifikazzjoni” tfisser il-proċess li permezz tiegħu awtorità nazzjonali tiċċertifika li l-prodott, il-komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew it-teknoloġija relatata mad-difiża tikkonforma mar-regolamenti applikabbli;

(11) 

“azzjoni ta’ riċerka” tfisser azzjoni li tikkonsisti primarjament minn attivitajiet ta’ riċerka, b’mod partikolari riċerka applikata u fejn meħtieġ riċerka fundamentali, bil-għan li jinkiseb għarfien ġdid u b’attenzjoni esklużiva għal applikazzjonijiet għad-difiża;

(12) 

“azzjoni ta’ żvilupp” tfisser azzjoni li tikkonsisti minn attivitajiet orjentati lejn id-difiża primarjament fil-fażi tal-iżvilupp, li tkopri prodotti u teknoloġiji ġodda tad-difiża jew it-titjib ta’ dawk eżistenti, għajr il-produzzjoni jew l-użu ta’ armi;

(13) 

“teknoloġija rivoluzzjonarja għad-difiża” tfisser teknoloġija mtejba jew kompletament ġdida li twassal għal bidla radikali, inkluż bidla tal-paradigma fil-kunċett u t-twettiq tal-affarijiet tad-difiża, billi pereżempju tissostitwixxi teknoloġiji tad-difiża eżistenti jew billi tagħmilhom irrelevanti;

(14) 

“intrapriża żgħira u medja” jew “SME” tfisser intrapriża żgħira u medja kif definita fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ( 1 );

(15) 

“kumpannija b’kapitalizzazzjoni medja” jew “mid-cap” tfisser intrapriża li mhijiex SME u li timpjega massimu ta’ 3 000 persuna, fejn l-għadd tal-membri tal-persunal jiġi kkalkolat f’konformità mal-Artikoli 3 sa 6 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE

(16) 

“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser azzjoni sostnuta mill-baġit tal-Unjoni, inkluż f’faċilità jew pjattaforma ta’ taħlit kif definit fil-punt (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju, li tikkombina forom mhux rimborżabbli ta’ appoġġ jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni ma’ forom rimborżabbli ta’ appoġġ mingħand istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħra, kif ukoll mingħand istituzzjonijiet finanzjarji kummerċjali u investituri;

(17) 

“akkwist prekummerċjali” tfisser l-akkwist ta’ servizzi ta’ riċerka u żvilupp li jinvolvi l-qsim tar-riskji u l-benefiċċji skont il-kundizzjonijiet tas-suq, u l-iżvilupp kompetittiv f’fażijiet, fejn ikun hemm separazzjoni ċara tas-servizzi ta’ riċerka u żvilupp akkwistati mill-użu ta’ volumi kummerċjali ta’ prodotti finali;

(18) 

“maniġer ta’ proġett” tfisser kwalunkwe awtorità kontraenti stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat, maħtura minn Stat Membru jew pajjiż assoċjat jew minn grupp ta’ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati biex timmaniġġja proġetti multinazzjonali ta’ armament fuq bażi permanenti jew ad hoc;

(19) 

“riżultati” tfisser kwalunkwe effett tanġibbli jew intanġibbli tal-azzjoni, bħal data, għarfien espert jew informazzjoni, ta’ kwalunkwe forma jew natura, u sew jekk jista’ jitħares jew le, kif ukoll kwalunkwe dritt marbut miegħu, inkluż drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

(20) 

“informazzjoni ġdida” tfisser data, għarfien espert jew informazzjoni ġġenerata fil-funzjonament tal-Fond, irrispettivament mill-forma jew in-natura tagħha;

(21) 

“informazzjoni klassifikata” tfisser informazzjoni jew materjal, fi kwalunkwe forma, li l-iżvelar mhux awtorizzat tiegħu jista’ jikkawża livelli differenti ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri, u li jkollha marka ta’ klassifikazzjoni tal-UE jew marka ta’ klassifikazzjoni korrispondenti, kif stabbilit fil-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea ( 2 );

(22) 

“informazzjoni sensittiva” tfisser informazzjoni u data, inkluż informazzjoni klassifikata, li trid tiġi protetta minn aċċess jew żvelar mhux awtorizzat minħabba obbligi stipulati fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali jew sabiex titħares il-privatezza jew is-sigurtà ta’ persuna fiżika jew ġuridika;

(23) 

“rapport speċjali” tfisser kisba tanġibbli speċifika ta’ azzjoni ta’ riċerka li tiġbor fil-qosor ir-riżultati tagħha, tagħti informazzjoni estensiva fuq il-prinċipji bażiċi, l-għanijiet, l-eżiti, il-proprjetajiet bażiċi, it-testijiet imwettqa, il-benefiċċji potenzjali, l-applikazzjonijiet tad-difiża potenzjali u d-direzzjoni tal-isfruttament mistenni tar-riċerka favur l-iżvilupp, inkluż informazzjoni dwar is-sjieda ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali iżda li ma jeħtiġux l-inklużjoni ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

(24) 

“entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat” tfisser entità ġuridika li tkun stabbilita f’pajjiż terz mhux assoċjat jew, meta tkun stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat, li jkollha l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħha f’pajjiż terz mhux assoċjat.

Artikolu 3

Għanijiet

1.  
L-għan ġenerali tal-Fond hu li jrawwem il-kompetittività, l-effiċjenza u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-bażi industrijali u teknoloġika Ewropea tad-difiża (EDTIB) fl-Unjoni kollha, u dan jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni u għal-libertà ta’ azzjoni tagħha, billi jingħata appoġġ għal azzjonijiet kollaborattivi u kooperazzjoni transfruntiera bejn entitajiet ġuridiċi mal-Unjoni kollha, b’mod partikolari l-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja, kif ukoll billi tissaħħaħ u tittejjeb l-aġilità kemm tal-katini tal-provvista kif ukoll tal-katini tal-valur tad-difiża, u titkabbar il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-entitajiet ġuridiċi u jitrawwem sfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-innovazzjoni, tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku, f’kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja industrijali tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża.
2.  

Il-Fond għandu jkollu dawn l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

(a) 

li jappoġġa riċerka kollaborattiva li tista’ tagħti spinta sinifikanti lill-prestazzjoni tal-kapaċitajiet futuri fl-Unjoni kollha, bil-għan li tiġi massimizzata l-innovazzjoni u jiġu introdotti prodotti u teknoloġiji ġodda tad-difiża, inkluż teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża, u bil-għan li jsir l-aktar użu effiċjenti tal-infiq għar-riċerka fil-qasam tad-difiża fl-Unjoni;

(b) 

li jappoġġa l-iżvilupp kollaborattiv ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża, biex b’hekk jingħata kontribut biex tiżdied l-effiċjenza tal-infiq fuq id-difiża fl-Unjoni, jinkisbu ekonomiji ta’ skala akbar, jonqos ir-riskju ta’ duplikazzjoni bla bżonn u b’hekk jitrawwem it-tixrid fis-suq ta’ prodotti u teknoloġiji Ewropej tad-difiża, u tonqos il-frammentazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża fl-Unjoni kollha, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal żieda fl-istandardizzazzjoni tas-sistemi tad-difiża u għal aktar interoperabbiltà bejn il-kapaċitajiet tal-Istati Membri.

Tali kollaborazzjoni għandha tkun konsistenti mal-prijoritajiet tal-kapaċità tad-difiża miftiehma b’mod komuni mill-Istati Membri fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u b’mod partikolari fil-kuntest tas-CDP.

B’rabta ma’ dak, il-prijoritajiet reġjonali u internazzjonali, meta jservu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni kif determinati skont il-PESK, u filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn, jistgħu wkoll jitqiesu, fejn xieraq, fejn dawn ma jeskludux il-possibbiltà tal-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż assoċjat.

Artikolu 4

Il-baġit

1.  
F’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2021/695 il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Fond għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 7 953 000 000 bi prezzijiet attwali.
2.  

Id-distribuzzjoni tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun:

(a) 

EUR 2 651 000 000 għal azzjonijiet ta’ riċerka;

(b) 

EUR 5 302 000 000 għal azzjonijiet ta’ żvilupp.

Sabiex tilqa’ għal ċirkostanzi imprevisti jew għal żviluppi u għal bżonnijiet ġodda, il-Kummissjoni tista’ talloka mill-ġdid l-ammont allokat għall-azzjonijiet ta’ riċerka jew ta’ żvilupp, sa massimu ta’ 20 %.

3.  
L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ wkoll jintuża għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Fond, bħall-attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni, inkluż id-disinn, l-istabbiliment, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattivi.
4.  
Tal-anqas 4 % u sa 8 % tal-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat għal sejħiet għal proposti jew għoti ta’ finanzjament li jappoġġaw teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża.

Artikolu 5

Pajjiżi assoċjati

Il-Fond għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri fiż-ŻEE, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (pajjiżi assoċjati).

Artikolu 6

Appoġġ għal teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża

1.  
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tagħti finanzjament wara konsultazzjonijiet miftuħa u pubbliċi dwar teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża fl-oqsma ta’ intervent definiti fil-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 24. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
2.  
Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu l-aktar forom xierqa ta’ finanzjament għat-teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża.

Artikolu 7

Etika

1.  
L-azzjonijiet imwettqa permezz tal-Fond għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni, nazzjonali u internazzjonali rilevanti, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, dawk l-azzjonijiet għandhom ikunu konformi mal-prinċipji etiċi riflessi wkoll fil-liġi tal-Unjoni, nazzjonali u internazzjonali rilevanti.
2.  
Qabel jiġi ffirmat ftehim ta’ finanzjament, il-proposti għandhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ awtovalutazzjoni tal-etika mħejjija mill-konsorzju, sabiex jiġu identifikati dawk li jqajmu kwistjonijiet etiċi serji, inkluż b’rabta mal-kundizzjonijiet li skonthom jridu jitwettqu l-attivitajiet.. Fejn xieraq, tali proposti għandhom jiġu soġġetti għal valutazzjoni tal-etika.

L-eżami u l-valutazzjoni tal-etika għandhom isiru mill-Kummissjoni, bl-appoġġ ta’ esperti indipendenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 26. Dawk l-esperti għandhom ikunu ġejjin minn ambjenti varji, b’mod partikolari għandu jkollhom għarfien espert rikonoxxut dwar l-etika tad-difiża u għandhom ikunu ċittadini ta’ firxa kemm jista’ jkun wiesgħa ta’ Stati Membri.

Il-kundizzjonijiet li skonthom jridu jitwettqu l-attivitajiet bi kwistjonijiet etikament sensittivi għandhom jiġu speċifikati fil-ftehim ta’ finanzjament.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-proċeduri tal-etika jkunu kemm jista’ jkun trasparenti u għandha tinkludihom fir-rapport ta’ evalwazzjoni interim tagħha f’konformità mal-Artikolu 29

3.  
L-entitajiet ġuridiċi li jieħdu sehem fl-azzjoni għandhom jiksbu l-approvazzjonijiet rilevanti kollha, jew dokumenti oħra mitluba mill-kumitati tal-etika lokali jew nazzjonali u minn korpi oħrajn, bħal awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, qabel il-bidu tal-attivitajiet rilevanti. Dawk l-approvazzjonijiet u d-dokumenti oħra għandhom jinżammu u jingħataw lill-Kummissjoni fuq talba.
4.  
Proposti li jitqiesu li mhumiex aċċettabbli etikament għandhom jiġu miċħuda.

Artikolu 8

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni

1.  
Il-Fond għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
2.  
B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’każijiet sostanzjati, jistgħu jitwettqu azzjonijiet speċifiċi b’ġestjoni indiretta mill-korpi kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 62(1)tar-Regolament Finanzjarju. Dan ma għandux jinkludi l-proċedura tal-għażla u tal-għoti, imsemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament.
3.  
Il-Fond jista’ jipprovdi finanzjament f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, permezz ta’ għotjiet, premji u akkwist, u fejn xieraq minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-azzjoni, permezz ta’ strumenti finanzjarji fi ħdan operazzjonijiet ta’ taħlit.
4.  
L-operazzjonijiet ta’ taħlit għandhom jitwettqu f’konformità mat-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju u r-Regolament UE 2021/523.
5.  
L-istrumenti finanzjarji għandhom jiġu strettament diretti biss għar-riċevituri.

Artikolu 9

Entitajiet ġuridiċi eliġibbli

1.  
Ir-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni għandhom ikunu stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat.
2.  
L-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tar-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni li jintużaw għall-finijiet ta’ azzjoni appoġġata mill-Fond għandhom ikunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat għat-tul ta’ żmien kollu ta’ azzjoni, u l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom għandhom ikunu stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat.
3.  
Għall-finijiet ta’ azzjoni appoġġata mill-Fond, ir-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat.
4.  

B’deroga mill-paragrafu 3, entità ġuridika stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat u kkontrollata minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għandha tkun eliġibbli li tkun riċevitur jew sottokuntrattur involut f’azzjoni biss jekk jingħataw lill-Kummissjoni l-garanziji approvati mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita f’konformità mal-proċeduri nazzjonali tiegħu. Dawk il-garanziji jistgħu jirreferu għall-istruttura maniġerjali eżekuttiva tal-entità ġuridika stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat. Jekk jitqies adatt mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-entità ġuridika, dawk il-garanziji jistgħu jirreferu wkoll għal drittijiet governattivi speċifiċi fil-kontroll fuq l-entità ġuridika.

Il-garanziji għandhom jipprovdu assigurazzjonijiet li l-involviment f’azzjoni ta’ tali entità ġuridika ma jmurx kontra l-interessi ta’ sigurtà u difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif stabbiliti fil-qafas tal-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, jew l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. Il-garanziji għandhom jikkonformaw ukoll mal-Artikoli 20 u 23 ta’ dan ir-Regolament. Il-garanziji għandhom b’mod partikolari jissostanzjaw li, għall-finijiet ta’ azzjoni, hemm fis-seħħ miżuri biex jiġi żgurat li:

(a) 

il-kontroll fuq l-entità ġuridika ma jiġix eżerċitat b’mod li jillimita jew jirrestrinġi l-abbiltà tagħha li twettaq l-azzjoni u tikseb riżultati, li jimponi restrizzjonijiet b’rabta mal-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi, ir-riżorsi, il-propjetà intellettwali jew l-għarfien espert tagħha meħtieġa għall-finijiet tal-azzjoni, jew li jimmina l-kapaċitajiet u l-istandards tagħha meħtieġa għat-twettiq tal-azzjoni;

(b) 

jiġi evitat aċċess minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għal informazzjoni sensittiva relatata mal-azzjoni u l-impjegati jew persuni oħra involuti fl-azzjoni jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà nazzjonali maħruġa minn Stat Membru jew minn pajjiż assoċjat, fejn xieraq;

(c) 

is-sjieda tal-propjetà intellettwali li tkun ġejja mill-azzjoni u r-riżultati tagħha jibqgħu għand ir-riċevitur matul l-azzjoni u wara li din titlesta, ma jkunux soġġetti għal kontroll jew restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, u la jiġu esportati ’l barra mill-Unjoni jew ’il barra minn pajjiżi assoċjati u lanqas ma jkunu aċċessibbli minn barra l-Unjoni jew minn barra l-pajjiżi assoċjati mingħajr l-approvazzjoni tal-Istat Membru jew il-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-entità ġuridika u f’konformità mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3.

Jekk jitqies adatt mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-entità ġuridika, jistgħu jiġu pprovduti garanziji addizzjonali.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 34 bi kwalunkwe entità ġuridika li titqies eliġibbli f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

5.  
Fejn ma jkunx hemm sostituti kompetittivi faċilment disponibbli fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat, ir-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni jistgħu jużaw l-assi, l-infrastruttura, il-faċilitajiet u r-riżorsi tagħhom li jinsabu jew li jinżammu barra mit-territorju tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi assoċjati dment li tali użu ma jmurx kontra l-interessi ta’ sigurtà u difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, ikun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 u jikkonforma mal-Artikoli 20 u 23.

L-ispejjeż marbuta ma’ dawk l-attivitajiet ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond.

6.  
Meta jwettqu azzjoni eliġibbli, ir-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni jistgħu wkoll jikkooperaw ma’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti barra mit-territorju tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi assoċjati, jew ikkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, inkluż billi jużaw l-assi, l-infrastruttura, il-faċilitajiet u r-riżorsi ta’ tali entitajiet ġuridiċi, dment li dan ma jmurx kontra l-interessi ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Tali kooperazzjoni għandha tkun konsistenti mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3 u għandha tikkonforma mal-Artikoli 20 u 23.

Ma għandu jkun hemm ebda aċċess mhux awtorizzat minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità oħra ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għal informazzjoni klassifikata relatata mat-twettiq tal-azzjoni u għandhom jiġu evitati effetti negattivi potenzjali fuq is-sigurtà tal-provvista tal-inputs kritiċi għall-azzjoni.

L-ispejjeż marbuta ma’ dawk l-attivitajiet ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond.

7.  
L-applikanti għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà. Fil-każ ta’ bidla waqt it-twettiq ta’ azzjoni li tista’ titfa’ dubju fuq l-issodisfar tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-entità ġuridika rilevanti għandha tinforma lill-Kummissjoni, li għandha tivvaluta jekk dawk il-kriterji ta’ eliġibbiltà jibqgħux jiġu sodisfatti u għandha tindirizza l-impatt potenzjali ta’ dik il-bidla fuq il-finanzjament tal-azzjoni.
8.  
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “sottokuntratturi involuti f’azzjoni” tirreferi għal sottokuntratturi b’relazzjoni kuntrattwali diretta ma’ riċevitur, sottokuntratturi oħra li għalihom huwa allokat mill-anqas 10 % tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-azzjoni, u sottokuntratturi li jistgħu jeħtieġu aċċess għal informazzjoni klassifikata sabiex iwettqu l-azzjoni. Is-sottokuntratturi involuti f’azzjoni mhumiex membri tal-konsorzju.

Artikolu 10

Azzjonijiet eliġibbli

1.  
Għall-finanzjament għandhom ikunu eliġibbli biss azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.
2.  
Il-Fond għandu jagħti appoġġ lill-azzjonijiet li jkopru prodotti u teknoloġiji ġodda tad-difiża kif ukoll it-titjib tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża eżistenti dment li l-użu tal-informazzjoni li kienet teżisti qabel, meħtieġa biex titwettaq l-azzjoni għat-titjib, ma tkunx soġġetta għal restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, direttament, jew indirettament permezz ta’ entità ġuridika intermedjarja waħda jew aktar, b’tali mod li l-azzjoni ma tkunx tista’ titwettaq.
3.  

Azzjoni eliġibbli għandha tkun relatata ma’ waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin:

(a) 

attivitajiet li għandhom il-mira li joħolqu, jirfdu u jtejbu għarfien, prodotti u teknoloġiji, inkluż teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża, li jista’ jkollhom effetti sinifikanti fil-qasam tad-difiża;

(b) 

attivitajiet li għandhom il-mira li jżidu l-interoperabbiltà u r-reżiljenza, inkluż il-produzzjoni u l-iskambju siguri tad-data, biex tinkiseb ħakma ta’ teknoloġiji kritiċi tad-difiża, biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista jew biex ikun jista’ jsir l-isfruttament effettiv tar-riżultati għal prodotti u teknoloġiji tad-difiża;

(c) 

studji, bħal studji ta’ fattibilità biex tiġi esplorata l-fattibilità ta’ prodotti, teknoloġiji, proċessi, servizzi u soluzzjonijiet ġodda jew imtejba;

(d) 

id-disinn ta’ prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża kif ukoll id-definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li fuq il-bażi tagħhom ikun ġie żviluppat tali disinn inkluż kwalunkwe test parzjali għal tnaqqis tar-riskju f’ambjent industrijali jew rappreżentattiv;

(e) 

il-ħolqien ta’ prototipi tas-sistema ta’ prodott, komponent jew teknoloġija tanġibbli jew intanġibbli, relatati mad-difiża;

(f) 

l-ittestjar ta’ prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża;

(g) 

il-kwalifikazzjoni ta’ prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża;

(h) 

iċ-ċertifikazzjoni ta’ prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża;

(i) 

l-iżvilupp ta’ teknoloġiji jew assi li jżidu l-effiċjenza tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża;

4.  
L-azzjoni għandha titwettaq minn entitajiet ġuridiċi li jikkooperaw fi ħdan konsorzju ta’ mill-inqas tliet entitajiet ġuridiċi eliġibbli li jkunu stabbiliti f’mill-anqas tliet Stati Membri jew pajjiżi assoċjati differenti. Tul il-perijodu kollu li matulu titwettaq l-azzjoni, mill-inqas tlieta minn dawk l-entitajiet ġuridiċi eliġibbli stabbiliti f’mill-anqas żewġ Stati Membri differenti jew pajjiżi assoċjati ma għandhomx jiġu kkontrollati, direttament jew indirettament, mill-istess entità ġuridika u ma għandhomx jikkontrollaw lil xulxin.
5.  
Il-paragrafu 4 m’għandux japplika għal azzjonijiet relatati ma’ teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża jew għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 3.
6.  
L-azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ prodotti u teknoloġiji li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tagħhom hu pprojbit mil-liġi internazzjonali applikabbli, ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond.

Barra minn hekk, azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ armi awtonomi letali mingħajr il-possibbiltà ta’ kontroll uman sinifikattiv fuq deċiżjonijiet tal-għażla u l-intervent meta jsiru attakki kontra l-bnedmin ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jingħata finanzjament għal azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twissija bikrija u kontromiżuri għal finijiet difensivi.

Artikolu 11

Il-proċedura tal-għażla u tal-għoti

1.  
Għandu jingħata finanzjament mill-Unjoni wara sejħiet kompetittivi għal proposti maħruġa f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

F’ċerti ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u sostanzjati kif mistħoqq, jista’ jingħata wkoll finanzjament mill-Unjoni mingħajr sejħa għal proposti f’konformità mal-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju.

2.  
Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha tagħti l-finanzjament imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 12

Kriterji tal-għoti

Kull proposta għandha tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji li ġejjin:

(a) 

il-kontribut tagħha għall-eċċellenza jew il-potenzjal ta’ revoluzzjoni fil-qasam tad-difiża b’mod partikolari billi jintwera li r-riżultati mistennija tal-azzjoni proposta jippreżentaw vantaġġi sinifikanti fuq il-prodotti jew it-teknoloġiji eżistenti tad-difiża;

(b) 

il-kontribut tagħha għall-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku tal-industrija Ewropea tad-difiża, b’mod partikolari billi jintwera li l-azzjoni proposta tinkludi kunċetti u approċċi innovattivi jew ġodda, titjib teknoloġiku ġdid promettenti għall-futur jew l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji jew kunċetti li qatt ma kienu ġew applikati fis-settur tad-difiża, filwaqt li tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn;

(c) 

il-kontribut tagħha għall-kompetittività tal-industrija Ewropea tad-difiża billi jintwera li l-azzjoni proposta tkun b’mod ċar bilanċ pożittiv bejn il-kosteffiċjenza u l-effettività, u għalhekk toħloq opportunitajiet ġodda għas-suq fl-Unjoni kollha u lil hinn minnha u jiġi aċċellerat it-tkabbir ta’ kumpanniji madwar l-Unjoni;

(d) 

il-kontribut tagħha għall-awtonomija tal-EDTIB, inkluż billi tiżdied in-nondipendenza fuq sorsi mhux tal-UE u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, u għall-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni f’konformità mal-prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 3;

(e) 

il-kontribut tagħha għall-ħolqien ta’ kooperazzjoni transfruntiera ġdida bejn entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi Stati Membri jew pajjiżi assoċjati, b’mod partikolari SMEs u mid-caps b’parteċipazzjoni sostanzjali fl-azzjoni, bħala riċevituri, sottokuntratturi jew bħala entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista, u li huma stabbiliti fi Stati Membri jew f’pajjiżi assoċjati għajr dawk fejn huma stabbiliti l-entitajiet ġuridiċi li jikkooperaw f’konsorzju li mhumiex SMEs jew mid-caps;

(f) 

il-kwalità u l-effiċjenza tat-twettiq tal-azzjoni.

Artikolu 13

Rati ta’ kofinanzjament

1.  
Il-Fond għandu jiffinanzja sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli ta’ attività msemmija fl-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju.
2.  

Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

(a) 

għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 10(3), l-appoġġ mill-Fond ma għandux jaqbeż l-20 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(b) 

għall-attivitajiet imsemmija fil-punti (f), (g) u (h) tal-Artikolu 10(3), l-appoġġ mill-Fond ma għandux jaqbeż it-80 % tal-ispejjeż eliġibbli.

3.  

Għall-azzjonijiet tal-iżvilupp, ir-rati ta’ għoti ta’ finanzjament għandhom jiżdiedu fil-każijiet li ġejjin:

(a) 

azzjoni żviluppata fil-kuntest ta’ proġett tal-PESCO, kif stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 ( 3 ),tista’ tibbenefika minn rata ta’ finanzjament miżjuda b’10 punti perċentwali addizzjonali;

(b) 

attività tista’ tibbenefika minn rata ta’ finanzjament miżjuda, kif imsemmi f’dan il-punt, fejn mill-inqas 10 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-attività jiġu allokati lil SMEs stabbiliti fi Stati Membri jew f’pajjiżi assoċjati u li jipparteċipaw fl-attività bħala riċevituri, sottokuntratturi jew entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista.

Ir-rata ta’ finanzjament tista’ tiżdied b’punti perċentwali ekwivalenti għall-perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-attività allokata għall-SMEs stabbiliti fi Stati Membri jew f’pajjiżi assoċjati li fihom huma stabbiliti riċevituri li mhumiex SMEs u li jipparteċipaw fl-attività bħala riċevituri, sottokuntratturi jew entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista, sa 5 punti perċentwali addizzjonali.

Ir-rata ta’ finanzjament tista’ tiżdied b’punti perċentwali ekwivalenti għad-doppju tal-perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-attività allokat għall-SMEs stabbiliti fi Stati Membri jew f’pajjiżi assoċjati barra minn dawk li fihom ikunu stabbiliti riċevituri li mhumiex SMEs u li jipparteċipaw fl-attività bħala riċevituri, sottokuntratturi jew entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista;

(c) 

attività tista’ tibbenefika minn rata ta’ finanzjament miżjuda b’10 punti perċentwali addizzjonali fejn mill-inqas 15 % tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-attività jiġu allokati għal mid-caps stabbiliti fl-Istati Membri jew f’pajjiżi assoċjati.

Iż-żieda ġenerali fir-rata ta’ finanzjament ta’ attività wara l-applikazzjoni tal-punti (a), (b) u (c) ma għandhiex taqbeż 35 punt perċentwali.

L-appoġġ mill-Fond, inkluż ir-rati ta’ finanzjament miżjuda, ma għandux ikopri iktar minn 100 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-azzjoni.

Artikolu 14

Kapaċità finanzjarja

1.  
Minkejja l-Artikolu 198(5) tar-Regolament Finanzjarju,il-kapaċità finanzjarja ta’ koordinatur biss għandha tiġi verifikata u dan għandu jsir biss fejn il-finanzjament mitlub mingħand l-Unjoni jkun mill-inqas EUR 500 000 .

Madankollu, fejn ikun hemm raġunijiet biex tiġi ddubitata l-kapaċità finanzjarja ta’ wieħed mill-applikanti jew tal-koordinatur, il-Kummissjoni għandha tivverifika wkoll il-kapaċità finanzjarja tal-’ applikanti kollha u tal-koordinatur fejn il-finanzjament mitlub mill-Unjoni jkun inqas minn EUR 500 000 .

2.  
Il-kapaċità finanzjarja ma għandhiex tiġi verifikata fir-rigward ta’ entitajiet ġuridiċi li l-vijabilità tagħhom tkun garantita mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri;
3.  
Jekk il-kapaċità finanzjarja tkun garantita strutturalment minn entità ġuridika oħra, il-kapaċità finanzjarja ta’ dik l-entità ġuridika l-oħra għandha tiġi verifikata.

Artikolu 15

Spejjeż indiretti

1.  
Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 181(6) tar-Regolament Finanzjarju, l-ispejjeż eliġibbli indiretti għandhom jiġu determinati bl-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 25 % tal-ispejjeż eliġibbli diretti totali tal-azzjoni, bl-esklużjoni tal-ispejjeż eliġibbli diretti tas-sottokuntrattar u l-appoġġ għal partijiet terzi u kwalunkwe spiża unitarja jew somma f’daqqa li tinkludi spejjeż indiretti.
2.  
Bħala alternattiva, l-ispejjeż indiretti eliġibbli jistgħu jiġu determinati f’konformità mal-prattiki kontabilistiċi tal-ispejjeż tas-soltu tar-riċevitur abbażi tal-ispejjeż indiretti reali, dment li dawk il-prattiki kontabilistiċi tal-ispejjeż ikunu aċċettati mill-awtoritajiet nazzjonali għal attivitajiet komparabbli fil-qasam tad-difiża, f’konformità mal-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju, u jkunu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni mir-riċevitur.

Artikolu 16

L-użu ta’ kontribuzzjoni mhux marbuta mal-ispejjeż jew somma f’daqqa unika

Fejn l-għotja tal-Unjoni tikkofinanzja inqas minn 50 % tal-ispejjeż totali tal-azzjoni, il-Kummissjoni tista’ tuża jew:

(a) 

kontribuzzjoni li ma tkunx marbuta mal-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 180(3) tar-Regolament Finanzjarju u li tkun ibbażata fuq il-kisba tar-riżultati mkejla b’referenza għal objettivi intermedji stabbiliti preċedentement jew permezz ta’ indikaturi tal-prestazzjoni; jew

(b) 

somma f’daqqa unika msemmija fl-Artikolu 182 tar-Regolament Finanzjarju u li tkun ibbażata fuq il-baġit proviżorju tal-azzjoni diġà approvata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati kofinanzjaturi.

L-ispejjeż indiretti għandhom jiġu inklużi fis-somma f’daqqa msemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu.

Artikolu 17

Akkwist prekummerċjali

1.  
L-Unjoni tista’ tappoġġa akkwist prekummerċjali billi tagħti għotja lil awtoritajiet kontraenti jew lil entitajiet kontraenti kif definiti fid-Direttivi 2014/24/UE ( 4 ) u 2014/25/UE ( 5 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li b’mod konġunt jakkwistaw servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża jew jikkoordinaw il-proċeduri tal-akkwist tagħhom.
2.  

Il-proċeduri tal-akkwist imsemmija fil-paragrafu 1:

(a) 

għandhom jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament;

(b) 

jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta’ kuntratti multipli fi ħdan l-istess proċedura (akkwisti multipli);

(c) 

għandhom jipprevedu l-għoti tal-kuntratti lill-offerti li joffru l-aqwa valur għall-flus filwaqt li jiġi żgurat nuqqas ta’ konflitti ta’ interess.

Artikolu 18

Fond ta’ Garanzija

►C1  Il-kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni mutwa jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru ta’ somom dovuti minn riċevituri, u għandhom jitqiesu li huma garanzija biżżejjed skont ir-Regolament Finanzjarju. ◄ Għandu japplika l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2021/695.

Artikolu 19

Kriterji tal-eliġibbiltà għall-akkwist u l-premjijiet

1.  
L-Artikoli 9 u 10 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-premjijiet.
2.  
B’deroga mill-Artikolu 176 tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-akkwist ta’ studji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-Regolament.



TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI APPLIKABBLI GĦAL AZZJONIJIET TA’ RIĊERKA

Artikolu 20

Sjieda tar-riżultati ta’ azzjonijiet ta’ riċerka

1.  
Is-sjieda tar-riżultati ta’ azzjonijiet ta’ riċerka li jkunu appoġġati mill-Fond għandha tkun tar-riċevituri li jiġġenerawhom. Meta l-entitajiet ġuridiċi jiġġeneraw riżultati b’mod konġunt, u meta l-kontribut rispettiv tagħhom ma jkunx jista’ jiġi aċċertat, jew fejn ma jkunx possibbli li ssir separazzjoni ta’ dawn ir-riżultati konġunti, l-entitajiet ġuridiċi għandu jkollhom sjieda konġunta tar-riżultati. Is-sidien konġunti għandhom jikkonkludu ftehim dwar l-allokazzjoni tal-ishma tagħhom u t-termini tal-eżerċizzju tas-sjieda konġunta tagħhom, f’konformità mal-obbligi tagħhom taħt il-ftehim tal-għotja.
2.  
Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, fejn l-appoġġ tal-Unjoni jingħata fil-forma ta’ akkwist pubbliku, is-sjieda tar-riżultati tal-azzjonijiet ta’ riċerka appoġġati mill-Fond għandha tkun tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati, mingħajr ħlas, meta jitolbu dan bil-miktub.
3.  
Ir-riżultati tal-azzjonijiet ta’ riċerka appoġġati mill-Fond ma għandhom ikunu soġġetti għal ebda kontroll jew restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, direttament, jew indirettament, permezz ta’ entità ġuridika intermedjarja waħda jew aktar, inkluż f’termini ta’ trasferiment tat-teknoloġija.
4.  
B’rabta mar-riżultati ġġenerati mir-riċevituri permezz ta’ azzjonijiet ta’ riċerka appoġġati mill-Fond u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun notifikata qabel kwalunkwe trasferiment ta’ sjieda jew għoti ta’ liċenzja esklużiva lil pajjiż terz mhux assoċjat jew entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat. Fejn dan it-trasferiment ta’ sjieda jew l-għoti ta’ liċenzja esklużiva imorrru kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew kontra l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, l-appoġġ mogħti mill-Fond għandu jiġi rimborżat.
5.  
L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom drittijiet ta’ aċċess għar-rapporti speċjali. Dawn id-drittijiet ta’ aċċess għandhom jingħataw mingħajr il-ħlas ta’ royalties u jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u lill-pajjiżi assoċjati, wara li l-Kummissjoni tkun żgurat li hemm obbligi xierqa ta’ kunfidenzjalità fis-seħħ.
6.  
L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati għandhom jużaw ir-rapport speċjali biss għal finijiet relatati mal-użu mill-forzi armati jew il-forzi tas-sigurtà jew tal-intelligence tagħhom, jew għal finijiet relatati mal-użu għalihom, inkluż fi ħdan il-qafas tal-programmi koperattivi tagħhom. Tali użu għandu jinkludi l-istudju, l-evalwazzjoni, il-valutazzjoni, ir-riċerka, id-disinn, u l-aċċettazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti, it-tħaddim, it-taħriġ u r-rimi kif ukoll il-valutazzjoni u l-abbozzar ta’ rekwiżiti tekniċi għall-akkwist.
7.  
Ir-riċevituri għandhom jagħtu d-drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka appoġġati mill-Fond mingħajr il-ħlas ta’ royalties lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, għall-finijiet debitament sostanzjati ta’ żvilupp, implimentazzjoni u monitoraġġ tal-politiki jew tal-programmi eżistenti tal-Unjoni fl-oqsma ta’ kompetenza tagħha. Dawn id-drittijiet ta’ aċċess għandhom ikunu limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv.
8.  
Fil-ftehimiet dwar finanzjament u fil-kuntratti li jirrigwardaw l-akkwist prekummerċjali għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sjieda, id-drittijiet ta’ aċċess u l-liċenzjar biex ikun żgurat l-użu massimu tar-riżultati u jkun evitat kull żvantaġġ inġust. L-awtoritajiet kontraenti għandu jkollhom mill-inqas drittijiet tal-aċċess għar-riżultati, mingħajr il-ħlas ta’ royalties, biex jużawhom għalihom stess, u għandu jkollhom id-dritt li jagħtu, jew li jirrikjedu li r-riċevituri jagħtu, liċenzji mhux esklużivi lil partijiet terzi biex jisfruttaw ir-riżultati b’kondizzjonijiet ġusti u raġonevoli mingħajr id-dritt ta’ sottoliċenzjar. L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati kollha għandu jkollhom aċċess għar-rapport speċjali mingħajr il-ħlas ta’ royalties. Fejn il-kuntrattur jonqos milli jisfrutta r-riżultati kummerċjalment tul perijodu partikolari wara l-akkwist prekummerċjali kif identifikat fil-kuntratt, huwa għandu jittrasferixxi kwalunkwe sjieda tar-riżultati lill-awtoritajiet kontraenti.
9.  
Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-esportazzjoni ta’ prodotti, tagħmir jew teknoloġiji li jintegraw ir-riżultati ta’ azzjonijiet ta’ riċerka appoġġati mill-Fond, u ma għandhomx jaffettwaw id-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika tagħhom dwar l-esportazzjoni ta’ prodotti relatati mad-difiża.
10.  
Fejn żewġ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati jew aktar li, multilateralment jew fi ħdan il-qafas tal-Unjoni, ikunu kkonkludew b’mod konġunt kuntratt wieħed jew aktar ma’ riċevitur wieħed jew aktar biex ikomplu jiżviluppaw flimkien ir-riżultati tal-azzjonijiet ta’ riċerka appoġġati mill-Fond, huma għandhom igawdu mid-drittijiet ta’ aċċess għal dawk ir-riżultati sakemm dawn ikunu jappartjenu lil tali riċevituri u jkunu neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew il-kuntratti. Tali drittijiet ta’ aċċess għandhom jingħataw mingħajr il-ħlas ta’ royalties u taħt kondizzjonijiet speċifiċi bil-għan li jiġi żgurat li dawk id-drittijiet jintużaw biss għall-fini tal-kuntratt jew il-kuntratti u li jiġu stabbiliti obbligi ta’ kunfidenzjalità adatti.



TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI APPLIKABBLI GĦAL AZZJONIJIET TA’ ŻVILUPP

Artikolu 21

Kriterji addizzjonali tal-eliġibbiltà għal azzjonijiet ta’ żvilupp

1.  
Il-konsorzju għandu juri li l-ispejjeż ta’ azzjoni li mhumiex koperti mill-appoġġ tal-Unjoni jridu jiġu koperti b’mezzi oħra ta’ finanzjament, bħal kontribuzzjonijiet minn Stati Membri jew pajjiżi assoċjati jew kofinanzjament minn entitajiet ġuridiċi.
2.  
L-attivitajiet imsemmija fil-punt (d) tal- Artikolu 10(3) għandhom ikunu bbażati fuq rekwiżiti armonizzati tal-kapaċitajiet tad-difiża maqbula b’mod konġunt minn tal-inqas żewġ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati.
3.  

Fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fil-punti (e) sa (h) tal-Artikolu 10(3), il-konsorzju għandu juri permezz ta’ dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali li:

(a) 

mill-inqas żewġ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati beħsiebhom jakkwistaw il-prodott finali jew jużaw it-teknoloġija b’mod koordinat, inkluż permezz ta’ akkwist konġunt fejn applikabbli;

(b) 

l-attività hija bbażata fuq speċifikazzjonijiet tekniċi komuni maqbula b’mod konġunt mill-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati li jkunu ser jikkofinanzjaw l-azzjoni jew li jkun beħsiebhom jakkwistaw b’mod konġunt il-prodott finali jew jużaw it-teknoloġija b’mod konġunt.

Artikolu 22

Kriterji addizzjonali tal-għoti għal azzjonijiet ta’ żvilupp

Minbarra l-kriterji tal-għoti msemmija fl-Artikolu 12, il-programm ta’ ħidma għandu wkoll jikkunsidra:

(a) 

il-kontribut għaż-żieda fl-effiċjenza tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża, inkluż il-kosteffikaċja u l-potenzjal għal sinerġiji fil-proċessi tal-akkwist, tal-manutenzjoni u tar-rimi;

(b) 

il-kontribut għal aktar integrazzjoni tal-industrija Ewropea tad-difiża fl-Unjoni kollha billi r-riċevituri juru li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jużaw, ikollhom sjieda jew iżommu b’mod konġunt, il-prodott jew it-teknoloġija finali b’mod koordinat.

Artikolu 23

Sjieda tar-riżultati ta’ azzjonijiet ta’ żvilupp

1.  
L-Unjoni la għandu jkollha sjieda tal-prodotti jew it-teknoloġiji tad-difiża li jirriżultaw mill-azzjonijiet ta’ żvilupp appoġġati mill-Fond, u lanqas ma għandu jkollha xi pretensjoni għal dritt tal-proprjetà intellettwali relatat ma’dawk l-azzjonijiet.
2.  
Ir-riżultati ta’ azzjonijiet appoġġati mill-Fond ma għandhomx ikunu soġġetti għal ebda kontroll jew restrizzjoni minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati, direttament, jew indirettament, permezz ta’ entità ġuridika intermedjarja waħda jew aktar, inkluż f’termini ta’ trasferiment tat-teknoloġija.
3.  
Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika tagħhom dwar l-esportazzjoni ta’ prodotti relatati mad-difiża.
4.  
B’rabta mar-riżultati ġġenerati mir-riċevituri permezz ta’ azzjonijiet ta’ żvilupp appoġġati mill-Fond u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun notifikata qabel kwalunkwe trasferiment ta’ sjieda lil pajjiż terz mhux assoċjat jew entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat. Fejn tali trasferiment ta’ sjieda jmur kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew kontra l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, l-appoġġ mogħti mill-Fond għandu jiġi rimborżat.
5.  
Fejn l-appoġġ tal-Unjoni jkun provdut fil-forma tal-akkwist pubbliku ta’ studju, l-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati kollha għandu jkollhom id-dritt, mingħajr ħlas, għal liċenzja mhux esklużiva għall-użu tal-istudju fuq talba bil-miktub.



TITOLU IV

GOVERNANZA, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL

Artikolu 24

Programmi ta’ ħidma

1.  
Il-Fond għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma annwali kif imsemmija fl-Artikolu 110(2)tar-Regolament Finanzjarju. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu, meta applikabbli, l-ammont ġenerali riżervat għall-operazzjonijiet ta’ taħlit. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu l-baġit ġenerali li jkun ta’ benefiċċju għall-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs.
2.  
Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha tadotta l-programmi ta’ ħidma msemmija fil-paragrafi 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l- atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
3.  

Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu fid-dettall is-suġġetti tar-riċerka u l-kategoriji tal-azzjonijiet li jridu jingħataw appoġġ mill-Fond. Dawk il-kategoriji għandhom ikunu konformi mal-prijoritajiet tad-difiża msemmija fl-Artikolu 3.

Bl-eċċezzjoni tal-parti tal-programm ta’ ħidma ddedikata lit-teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża, is-suġġetti tar-riċerka u l-kategoriji tal-azzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikopru prodotti u teknoloġiji tad-difiża fl-oqsma ta’:

(a) 

it-tħejjija, il-protezzjoni, l-użu u s-sostenibbiltà;

(b) 

il-ġestjoni u s-superjorità tal-informazzjoni, u l-kmand, il-kontroll, il-komunikazzjoni, il-kompjuters, l-intelligence, is-sorveljanza u r-rikonjizzjoni (C4ISR), iċ-ċiberdifiża u ċ-ċibersigurtà; u

(c) 

l-intervent u l-effetturi.

4.  
Il-programmi ta’ ħidma għandu jkun fihom rekwiżiti funzjonali, fejn xieraq, u għandhom jispeċifikaw il-forma ta’ finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 8, filwaqt li ma jwaqqfux il-kompetizzjoni fil-livell ta’ sejħiet għal proposti.

It-transizzjoni tar-riżultati tal-azzjonijiet ta’ riċerka li juru valur miżjud diġà appoġġati mill-Fond fil-fażi ta’ żvilupp jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll fil-programmi ta’ ħidma.

Artikolu 25

Konsultazzjoni tal-maniġer ta’ proġett

Fejn jinħatar maniġer ta’ proġett, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-maniġer ta’ proġett dwar il-progress fir-rigward tal-azzjoni qabel ma jsir il-pagament.

Artikolu 26

Esperti indipendenti

1.  
Il-Kummissjoni għandha taħtar esperti indipendenti biex jassistu fl-eżami u l-valutazzjoni tal-etika kif imsemmija fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament u fl-evalwazzjoni tal-proposti skont l-Artikolu 237 tar-Regolament Finanzjarju.
2.  
L-esperti indipendenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu ċittadini minn firxa wiesgħa kemm jista’ jkun ta’ Stati Membri u għandhom jintgħażlu abbażi ta’ sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess indirizzati lill-ministeri għad-difiża u l-aġenziji subordinati, korpi governattivi rilevanti oħra, istituti ta’ riċerka, universitajiet, assoċjazzjonijiet tan-negozju jew intrapriżi tas-settur tad-difiża, bil-għan li tiġi stabbilita lista ta’ esperti indipendenti. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 237 tar-Regolament Finanzjarju, il-lista ta’ esperti indipendenti ma għandhiex issir pubblika.
3.  
Il-kredenzjali ta’ sigurtà tal-esperti indipendenti maħtura għandhom jiġu vvalidati mill-Istat Membru rilevanti.
4.  
Il-kumitat imsemmi fl-Artikolu 34għandu jiġi infurmat bil-lista ta’ esperti indipendenti, sabiex ikun trasparenti b’rabta mal-kredenzjali ta’ sigurtà tagħhom, fuq bażi annwali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-esperti ma jevalwawx, ma jagħtux pariri jew ma jagħtux assistenza dwar kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom ikollhom kwalunkwe konflitt ta’ interess.
5.  
L-esperti indipendenti għandhom jintgħażlu abbażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien rilevanti tagħhom għall-kompiti li jridu jiġu assenjati lilhom.

Artikolu 27

Applikazzjoni tar-regoli dwar informazzjoni klassifikata

1.  

Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

(a) 

kull Stat Membru għandu jiżgura li joffri grad ta’ protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE ekwivalenti għal dak ipprovdut mir-regoli dwar is-sigurtà tal-Kunsill stabbiliti bid-Deċiżjoni 2013/488/UE ( 6 );

(b) 

il-Kummissjoni għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata f’konformità mar-regoli dwar is-sigurtà stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/444;

(c) 

il-persuni fiżiċi li jkunu residenti f’pajjiż terz u l-persuni ġuridiċi stabbiliti f’pajjiż terz jistgħu jittrattaw informazzjoni klassifikata tal-UE fir-rigward tal-Fond biss meta dawn ikunu soġġetti, f’dawk il-pajjiżi, għal regolamenti dwar is-sigurtà li jiżguraw grad ta’ protezzjoni li jkun minn tal-inqas ekwivalenti għal dak li jagħtu r-regoli dwar is-sigurtà tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/444 u d-Deċiżjoni 2013/488/UE rispettivament;

(d) 

l-ekwivalenza tar-regolamenti dwar is-sigurtà applikati f’pajjiż terz jew minn organizzazzjoni internazzjonali għandha tiġi stabbilita fi ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, li jkun jinkludi kwistjonijiet tas-sigurtà industrijali jekk ikunu rilevanti, li jiġi konkluż jew li jrid jiġi konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE u billi jitqies l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2013/488/UE; u

(e) 

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE u għar-regoli li jirregolaw il-qasam tas-sigurtà industrijali stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/444, persuna fiżika jew ġuridika, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista’ jingħatalhom aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE meta jitqies li jkun neċessarju fuq bażi ta’ każ b’każ, skont in-natura u l-kontenut ta’ din l-informazzjoni, il-ħtieġa għall-għarfien tar-riċevitur u l-grad ta’ vantaġġ għall-Unjoni.

2.  
Meta l-azzjonijiet ikunu jinvolvu, jeħtieġu jew jinkludu informazzjoni klassifikata, il-korp rilevanti ta’ finanzjament għandu jispeċifika fid-dokumenti li jikkonċernaw is-sejħa għal proposti jew offerti, il-miżuri u r-rekwiżiti meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà ta’ din l-informazzjoni fil-livell meħtieġ.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema ta’ skambju sigur sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva, inkluż informazzjoni klassifikata, bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u pajjiżi assoċjati u, fejn xieraq, mal-applikanti u r-riċevituri. Dik is-sistema għandha tqis ir-regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà tal-Istati Membri.
4.  
L-oriġini ta’ informazzjoni ġdida klassifikata ġġenerata fit-twettiq ta’ azzjoni ta’ riċerka jew ta’ żvilupp għandha ssir deċiżjoni dwarha mill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom huma stabbiliti r-riċevituri. Għal dak il-għan, dawk l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar qafas ta’ sigurtà speċifiku għall-protezzjoni u t-trattament tal-informazzjoni klassifikata relatata mal-azzjoni u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan. Dan il-qafas ta’ sigurtà għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-azzjoni ta’ riċerka jew ta’ żvilupp.

Jekk ma jiġi stabbilit l-ebda qafas ta’ sigurtà speċifiku minn dawk l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-qafas ta’ sigurtà għall-azzjoni skont id- -Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444.

Il-qafas ta’ sigurtà applikabbli għall-azzjoni għandu jkun fis-seħħ mhux aktar tard minn qabel l-iffirmar tal-ftehim dwar il-finanzjament jew tal-kuntratt.

Artikolu 28

Monitoraġġ u rappurtar

1.  
L-indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress tal-Fond biex jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3(2) huma stabbiliti fl-Anness.
2.  
Biex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Fond lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 33, biex temenda l-Anness fir-rigward tal-indikaturi meta dan ikun meqjus meħtieġ kif ukoll biex tissupplementa dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Fond fuq bażi regolari u għandha tirrapporta kull sena dwar il-progress li jkun sar, inkluż il-mod li bih jitqiesu t-tagħlimiet identifikati u t-tagħlimiet meħuda mill-EDIDP u mill-PADR fl-implimentazzjoni tal-Fond, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa tal-monitoraġġ.
4.  
Is-sistema tar-rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Fond jinġabru b’mod effiċjenti, effettiv u fil-ħin.

Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonati fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni u, fejn ikun xieraq, fuq l-Istati Membri.

Artikolu 29

Evalwazzjoni tal-Fond

1.  
L-evalwazzjonijiet tal-Fond għandhom jitwettqu sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’waqthom.
2.  

L-evalwazzjoni interim tal-Fond għandha ssir malli jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tiegħu, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-perijodu ta’ implimentazzjoni tal-Fond.

Ir-rapport tal-evalwazzjoni li jkopri l-perijodu sal-31 ta’ Lulju 2024 għandu jinkludi b’mod partikolari:

(a) 

valutazzjoni tal-governanza tal-Fond, inkluż fir-rigward:

(i) 

tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ esperti indipendenti;

(ii) 

l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ etika stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament;

(b) 

it-tagħlimiet meħuda mill-EDIDP u mill-PADR;

(c) 

ir-rati ta’ implimentazzjoni;

(d) 

ir-riżultati tal-għotja tal-proġetti, inkluż il-livell ta’ involviment tal-SMEs u l-mid-caps u l-grad tal-parteċipazzjoni transfruntiera tagħhom;

(e) 

ir-rati ta’ rimborż tal-ispejjeż indiretti kif stabbiliti fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament;

(f) 

l-ammonti allokati għat-teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża fis-sejħiet għal proposti; u

(g) 

il-finanzjament mogħti f’konformità ma l-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju.

L-evalwazzjoni interim għandu jkun fiha wkoll informazzjoni dwar il-pajjiżi tal-oriġini tar-riċevituri u n-numru ta’ pajjiżi involuti fi proġetti individwali, u, fejn possibbli, id-distribuzzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ġġenerati. Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposti għal kwalunkwe emenda xierqa għal dan ir-Regolament.

3.  

Fi tmiem il-perijodu tal-implimentazzjoni, iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali u tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Fond.

Ir-rapport tal-evalwazzjoni finali għandu:

(a) 

jinkludi r-riżultati tal-implimentazzjoni u, sa fejn possibbli, l-impatt tal-Fond;

(b) 

jissejjes fuq il-konsultazzjonijiet rilevanti mal-Istati Membri, mal-pajjiżi assoċjati u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin u għandu jevalwa b’mod partikolari l-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3;

(c) 

jgħin biex jiġi identifikat fejn l-Unjoni hija dipendenti fuq pajjiżi terzi għall-iżvilupp ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża;

(d) 

janalizza wkoll il-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet imwettqa skont il-Fond kif ukoll l-integrazzjoni tal-SMEs u tal-mid-caps fil-katina tal-valur globali u l-kontribut tal-Fond biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fis-CDP; u

(e) 

ikun fih informazzjoni dwar il-pajjiżi tal-oriġini tar-riċevituri u, meta possibbli, id-distribuzzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ġġenerati.

4.  
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, mehmużin mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 30

Awditjar

L-awditjar tal-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mwettaq minn persuni jew entitajiet, inkluż minn dawk li mhumiex inkarigati mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, għandu jifforma l-bażi tal-assigurazzjoni kumplessiva skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju. Il-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollha tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 287 TFUE.

Artikolu 31

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-Fond permezz ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji biex l-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

Artikolu 32

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.  
Ir-riċevituri ta’ finanzjament mill-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni (b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom) billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku. Il-ftehim dwar il-fondi jew finanzjament għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw il-possibbiltà ta’ pubblikazzjoni ta’ dokumenti akkademiċi abbażi tar-riżultati ta’ azzjonijiet ta’ riċerka
2.  
Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-Fond, mal-azzjonijiet meħuda skont il-Fond u mar-riżultati miksuba

Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Fond għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

3.  
Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Fond jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ tixrid, avvenimenti ta’ tlaqqigħ u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, b’mod partikolari mmirati lejn il-ftuħ ta’ ktajjen ta’ provvista biex titrawwem il-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs.



TITOLU V

ATTI DELEGATI, ATT TA’ IMPLIMENTAZZJONI,DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 33

Eżerċitar tad-delega

1.  
Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 28 għal perijodu ta’ żmien mhux determinat li jibda mit-12 ta’ Mejju 2021.
3.  
Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 28 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 28 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 34

Proċedura ta’ Kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għandha tiġi mistiedna tagħti l-fehmiet u l-għarfien espert tagħha lill-kumitat bħala osservatur. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jiġi mistieden ukoll biex jassisti fil-kumitat.

Il-kumitat għandu wkoll jiltaqa’ f’konfigurazzjonijiet speċjali, inkluż sabiex jiġu diskussi aspetti tad-difiża u s-sigurtà relatati ma’ azzjonijiet imwettqa taħt il-Fond.

2.  
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 35

Tħassir

Ir-Regolament (UE) 2018/1092 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 36

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.  
Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (UE) 2018/1092 jew il-PADR, li għandhom jibqgħu japplikaw għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom, kif ukoll għar-riżultati tagħhom.
2.  
Il-pakkett finanzjarju għall-Fond jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata t-transizzjoni bejn il-Fond u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) 2018/1092 u l-PADR..
3.  
Jekk meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 4, biex tkun tista’ ssir il-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sa tmiem it-tul taż-żmien tal-Fond.

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

INDIKATURI GĦAR-RAPPURTAR DWAR IL-PROGRESS TAL-FOND BIEX JINTLAĦQU L-GĦANIJIET SPEĊIFIĊI TIEGĦU

Għan speċifiku stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2):

Indikatur 1: 

parteċipanti

Imkejjel bi: 

l-għadd ta’ entitajiet ġuridiċi involuti (sottodiviż skont id-daqs, it-tip u l-pajjiż tal-istabbiliment)

Indikatur 2: 

riċerka kollaborattiva

Imkejjel bi:

2.1. 

l-għadd u l-valur tal-proġetti ffinanzjati

2.2. 

il-kollaborazzjoni transfruntiera: is-sehem ta’ kuntratti mogħtija lil SMEs u mid-caps, bil-valur tal-kuntratti għal kollaborazzjoni transfruntiera

2.3. 

is-sehem tar-riċevituri li ma wettqux attivitajiet ta’ riċerka b’applikazzjonijiet tad-difiża qabel it-12 ta’ Mejju 2021.

Indikatur 3 

Prodotti ta’ innovazzjoni

Imkejjel bi:

3.1. 

l-għadd ta’ privattivi ġodda li joħorġu mill-proġetti appoġġati mill-Fond

3.2. 

id-distribuzzjoni aggregata ta’ privattivi fost SMEs, mid-caps u entitajiet ġuridiċi li la huma SMEs u lanqas ma huma mid-caps

3.3. 

id-distribuzzjoni aggregata ta’ privattivi għal kull Stat Membru

Għan speċifiku stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2):

Indikatur 4: 

żvilupp kollaborattiv tal-kapaċitajiet

Imkejjel bi: 

l-għadd u l-valur ta’ azzjonijiet iffinanzjati li jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-kapaċità identifikati fis-CDP

Indikatur 5: 

appoġġ kontinwu tul iċ-ċiklu sħiħ tar-R&Ż

Imkejjel bi: 

il-preżenza fl-isfond tad-drittijiet ta’ propjetà intellettwali jew ir-riżultati ġġenerati f’azzjonijiet appoġġati preċedentement

Indikatur 6 

ħolqien ta’ impjiegi/appoġġ

Imkejjel bi: 

għadd ta’ impjegati tar-R&Ż tad-difiża appoġġati għal kull Stat Membru



( 1 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

( 2 ) Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 8.7.2011, p. 13).

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’Stati Membri Parteċipanti (ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57).

( 4 ) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE. (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

( 5 ) Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

( 6 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

Top