Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32017R0359
Commission Implementing Regulation (EU) 2017/359 of 28 February 2017 amending Implementing Regulation (EU) No 540/2011 as regards the conditions of approval of the active substance oxyfluorfen (Text with EEA relevance. )
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/359 tat-28 ta' Frar 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva ossiflworfen (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/359 tat-28 ta' Frar 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva ossiflworfen (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2017/1317
ĠU L 54, 1.3.2017, p. 8–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Fis-seħħ
1.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 54/8 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/359
tat-28 ta' Frar 2017
li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva ossiflworfen
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 798/2011 (2) approva l-ossiflworfen bħala sustanza attiva skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw li l-applikant, li fuq talba tiegħu l-ossiflworfen ġie approvat, jipprovdi aktar tagħrif ta' konferma dwar ħames aspetti speċifiċi, li wieħed minnhom kien jikkonċerna r-riskju potenzjali għall-organiżmi akkwatiċi minħabba s-sustanza attiva u għall-metaboliti RH-45469, MW 306, MW 347, MW 274 u l-metabolit mhux identifikat Deg 27. |
(2) |
Fid-29 ta' Ġunju u fil-15 ta' Diċembru 2012 l-applikant ressaq informazzjoni addizzjonali li tindirizza r-rekwiżiti dwar id-dejta ta' konferma lill-Istat Membru relatur, Spanja, qabel ma skada l-perjodu ta' żmien previst għat-tressiq. |
(3) |
Spanja vvalutat l-informazzjoni addizzjonali mressqa mill-applikant. Fl-14 ta' Lulju 2014 hija ppreżentat il-valutazzjoni tagħha, fil-forma ta' addendum tal-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”. |
(4) |
L-Istati Membri, l-applikant u l-Awtorità ġew ikkonsultati u mitluba jipprovdu l-kummenti tagħhom fuq il-valutazzjoni tal-Istat Membru relatur. Fis-6 ta' Novembru 2014 l-Awtorità ppubblikat Rapport Tekniku li jiġbor ir-riżultat ta' din il-konsultazzjoni għall-ossiflworfen (3). |
(5) |
Il-Kummissjoni kkonsultat l-Awtorità b'rabta ma' ċerti oqsma tal-valutazzjoni. Fit-28 ta' Lulju 2015 l-Awtorità ppreżentat il-konklużjoni tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ossiflworfen (4). L-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni, l-addendum u l-konklużjoni tal-Awtorità ġew analizzati mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, u ġew iffinalizzati fl-24 ta' Jannar 2017 fil-format ta' rapport ta' analiżi tal-Kummissjoni għall-ossiflworfen. |
(6) |
Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-rapport ta' analiżi għall-ossiflworfen. |
(7) |
Il-Kummissjoni kkunsidrat li mill-informazzjoni addizzjonali pprovduta kien jidher li s-sustanza omm u l-metaboliti MW 347 u Deg 27 jirrappreżentaw riskju għoli għall-organiżmi akkwatiċi. |
(8) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-informazzjoni ulterjuri ta' konferma meħtieġa ma ġietx ipprovduta kompletament u li ma setax jiġi eskluż ir-riskju għoli għall-organiżmi akkwatiċi mill-espożizzjoni għall-ossiflworfen u l-metaboliti MW 347 u Deg 27 ħlief billi jiġu imposti aktar restrizzjonijiet. |
(9) |
Għaldaqstant, sabiex titnaqqas l-espożizzjoni tal-organiżmi akkwatiċi huwa xieraq li jkun hemm aktar restrizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-użu ta' din is-sustanza attiva u li jiġu stipulati miżuri speċifiċi għat-taffija tar-riskju għall-protezzjoni ta' dawk l-ispeċijiet. |
(10) |
Għaldaqstant l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5) għandu jiġi emendat skont dan. |
(11) |
L-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien biex jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ossiflworfen. |
(12) |
Rigward il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ossiflworfen, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta' grazzja f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-21 ta' Ġunju 2018. |
(13) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011
L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Miżuri tranżitorji
F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fejn ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ossiflworfen bħala sustanza attiva sa mhux aktar mill-21 ta' Ġunju 2017.
Artikolu 3
Perjodu ta' grazzja
Kull perjodu ta' grazzja li jagħtu l-Istati Membri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-21 ta' Ġunju 2018.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Frar 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 798/2011 tad-9 ta' Awwissu 2011 li japprova s-sustanza attiva ossiflworfen, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/934/KE (ĠU L 205, 10.8.2011, p. 9).
(3) EFSA (L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2014. Technical report on the outcome of the consultation with Member States, the applicant and EFSA on the pesticide risk assessment of confirmatory data for oxyfluorfen. EFSA supporting publication 2014:EN-686. 40 pp.
(4) Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment for the active substance oxyfluorfen in light of confirmatory data. EFSA Journal 2015; 13(8): 4205, 45 pp. doi: 10.2903/j.efsa.2015/4205.
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal- 25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).
ANNESS
Il-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tar-ringiela 11, ossiflworfen, tal-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 tinbidel b'dan li ġej:
“PARTI A
L-użi bħala erbiċida għal applikazzjonijiet identifikati qrib il-ħamrija mill-ħarifa sal-bidu tar-rebbiegħa biss jistgħu jiġu awtorizzati, b'rata li ma taqbiżx il-150 g ta' sustanza attiva għal kull ettaru, kull sena.
PARTI B
Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar l-ossiflworfen, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.
F'din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari:
— |
lis-sikurezza tal-operaturi u jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jimponu l-applikazzjoni tat-tagħmir ta' protezzjoni personali adgwat fejn xieraq; |
— |
lir-riskji għall-organiżmi akkwatiċi, għall-mammiferi li jieklu d-dud tal-art, għall-makroorganiżmi li jgħixu fil-ħamrija, għall-artropodi mhux fil-mira u għall-pjanti mhux fil-mira. |
Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri li jtaffu r-riskju bħal żoni ta' protezzjoni ħielsa mill-bexx u bżieżel li jnaqqsu t-tixrid u għandhom jipprovdu għall-ittikkettar rispettiv ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Fejn xieraq, dawk il-kundizzjonijiet għandhom jinkludu aktar miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.”