EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol billi tippromwovi impjieg aktar trasparenti u prevedibbli filwaqt li tiżgura l-adattabbiltà tas-suq tax-xogħol. Tintroduċi drittijiet minimi u taġġorna r-regoli dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-ħaddiema dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Id-Direttiva tikkontribwixxi għar-rinfurzar tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa bħala parti mill-introduzzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva hija maħruġa fil-kuntest tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE li jsostni li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sikurezza u d-dinjità tal-ħaddiem, li jillimitaw in-numru massimu ta’ sigħat tax-xogħol, għal perjodi ta’ serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ liv bi ħlas. Barra minn hekk, hija segwitu konkret għall-Prinċipji 5 u 7 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Min huwa kopert?

Id-Direttiva tapplika għal dawk li jaħdmu aktar minn 3 sigħat fil-ġimgħa fuq perjodu ta’ 4 ġimgħat (jiġifieri aktar minn 12-il siegħa fix-xahar) u li huma marbuta b’kuntratt ta’ impjieg jew b’relazzjoni tax-xogħol kif definit mil-liġi nazzjonali, minn ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ f’kull pajjiż tal-UE — b’kunsiderazzjoni għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-persuni koperti jistgħu jinkludu l-ħaddiema b’kuntratti ta’ żero sigħat, bħall-ħaddiema tal-katini tal-fast-food, il-ħaddiema f’ċentri tal-loġistika, il-ħaddiema li jistivaw il-prodotti fuq l-ixkafef tas-supermarkits, il-ħaddiema domestiċi jew li jitħallsu b’vawċer* u ħaddiema tal-ekonomija tal-pjattaformi, bħal sewwieqa jew kurrieri fuq talba, dejjem jekk jissodisfaw il-kriterji ta’ hawn li jiddefinixxu ħaddiem.

L-impjegati taċ-ċivil, il-forzi armati jew il-membri tas-servizzi ta’ emerġenza u ta’ infurzar tal-liġi jistgħu, għal raġunijiet oġġettivi, jiġu esklużi mill-Kapitolu III tad-Direttiva (Rekwiżiti minimi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol).

Relazzjoni tax-xogħol

L-impjegaturi iridu jinfurmaw lill-ħaddiema bil-miktub, u mill-anqas ġimgħa qabel l-ewwel jum tax-xogħol, bl-elementi bażiċi tar-relazzjoni tax-xogħol, inklużi:

  • l-identità tal-partijiet tar-relazzjoni tax-xogħol, il-post tax-xogħol u n-natura tal-attività;
  • id-data ta’ bidu u, jekk ikun kuntratt definit, id-data ta’ tmiem, kif ukoll id-durata u l-kundizzjonijiet ta’ kull perjodu ta’ prova;
  • il-paga bażika, kwalunkwe komponent ta’ remunerazzjoni ieħor, inkluż is-sahra, u l-frekwenza u l-metodu ta’ pagament;
  • id-durata tal-jum jew tal-ġimgħa tax-xogħol normali meta r-ritmu tax-xogħol ikun prevedibbli;
  • meta l-mudell tax-xogħol ikun imprevedibbli, l-impjegaturi jridu jinfurmaw lill-ħaddiema bis-sigħat u l-jiem ta’ referenza li fihom jistgħu jiġu msejħa għax-xogħol, l-avviż minimu qabel il-bidu tax-xogħol u n-numru ta’ sigħat bi ħlas garantit.

Għal informazzjoni supplimentari kif indikat hawn taħt, l-iskadenza għall-impjegaturi biex jinfurmaw lill-ħaddiema hija mill-anqas xahar mill-ewwel jum tax-xogħol:

  • id-durata tal-liv bi ħlas;
  • kull intitolament għat-taħriġ;
  • kull ftehim kollettiv li jirregola l-kundizzjonijiet tal-ħaddiem;
  • l-identità tal-korp tas-sigurtà soċjali li jirċievi l-kontribuzzjonijiet soċjali, meta din tkun ir-responsabbiltà tal-impjegatur;
  • il-perjodi ta’ avviż meta r-relazzjonitax-xogħol tiġi tterminata jew il-metodu għad-determinazzjoni ta’ tali perjodi ta’ avviż;
  • għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, id-dettalji tal-impriżi utenti (jiġifieri dawn li jagħmlu użu mis-servizzi tal-ħaddiema tal-aġenziji) meta u hekk kif ikunu magħrufin.

Ħaddiema rilokati (“stazzjonati”) lejn pajjiż ieħor tal-UE jew lejn pajjiż ieħor mhux tal-UE

L-impjegaturi jridu jipprovdu d-dokumenti rilevanti qabel it-tluq inkluż mill-anqas l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

  • il-pajjiżi li fihom se jitwettaq ix-xogħol u d-durata mistennija tiegħu;
  • il-munità tal-pagament;
  • meta applikabbli, benefiċċji fi flus jew in natura rigward tax-xogħol assenjat;
  • l-informazzjoni dwar jekk hijiex prevista ripatrijazzjoni, u l-kundizzjonijiet applikabbli.

Il-ħaddiema stazzjonati koperti mid-Direttiva 96/71/KE (ara s-sommarju hawnhekk) iridu wkoll li, fost affarijiet oħrajn, jiġu nnotifikati dwar:

  • Ir-remunerazzjoni applikabbli skont il-liġi tal-pajjiż tal-UE ospitant;
  • meta applikabbli, kull benefiċċju speċifiku għall-istazzjonar u kull arranġement għar-rimborż tal-nefqa fuq l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni.

Rekwiżiti minimi għall-kuntratt ta’ impjieg

Id-Direttiva tistabbilixxi għadd ta’ drittijiet minimi għall-ħaddiema, inkluż id-dritt li:

  • il-perjodu ta’ prova tagħhom ma jaqbiżx is-sitt xhur, sakemm ma jkunx fl-interess tal-ħaddiem jew meta l-attività tiġġustifika dan;
  • jaħdmu għal impjegatur ieħor barra mis-sigħat tax-xogħol stabbiliti mingħajr trattament mhux favorevoli, sakemm restrizzjonijiet ta’ inkompatibbiltà ma jkunux ġustifikati għal raġunijiet oġġettivi;
  • għall-ħaddiema li l-mudell tax-xogħol tagħhom jiġi deċiż mill-impjegatur u li huwa kompletament jew kważi kollu imprevedibbli, id-dritt li jirrifjutaw xogħol assenjat barra mis-sigħat u mill-jiem ta’ referenza definiti qabel mingħajr ma jġarrbu konsegwenzi negattivi;
  • wara sitt xhur ta’ servizz mal-istess impjegatur, jitolbu impjieg b’kundizzjonijiet tax-xogħol aktar prevedibbli u sikuri;
  • jirċievu taħriġ mingħajr ħlas, meta l-impjegatur jintalab mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-UE jew minn ftehimiet kollettivi biex jipprovdi tali taħriġ.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jippermettu lis-sħab soċjali jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jvarjaw minn dawk imsemmija hawn fuq, dejjem jekk il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema tiġi rispettata.

Fuq talbakuntratti*

Il-pajjiżi tal-UE li jippermettu l-użu ta’ kuntratti fuq talba jew kuntratti ta’ impjieg simili (eż. kuntratti tal-ekonomija tal-gigs jew kuntratti ta’ żero sigħat) iridu jieħdu miżuri biex jevitaw prattiki abbużivi, bħal:

  • restrizzjoni tal-użu u tad-durata tal-impjieg fuq talba jew kuntratti simili;
  • implimentazzjoni ta’ preżunzjoni konfutabbli* li teżisti relazzjoni tax-xogħol, b’numru ta’ sigħat bi ħlas garantit abbażi tas-sigħat maħduma f’perjodu ta’ referenza preċedenti.

Ilmenti, rimedju, protezzjonijiet u sensji

Il-pajjiżi tal-UE jridu:

  • jiżguraw li l-ħaddiema li ma rċevewx l-informazzjoni rilevanti fil-ħin ikollhom aċċess għal mill-anqas waħda miż-żewġ miżuri li ġejjin:
    • jissottomettu lment lil awtorità kompetenti u jirċievu rimedju fil-ħin u b’mod effettiv; jew
    • jibbenefikaw minn preżunzjonijiet legali favorevoli
  • jiżguraw li l-ħaddiema, inklużi dawk li r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom intemmet, ikollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju*;
  • jintroduċu miżuri biex il-ħaddiema jiġu protetti minn kwalunkwe trattament negattiv mill-impjegatur u minn kwalunkwe konsegwenza negattiva li tirriżulta minn ilment imressaq lill-impjegatur;
  • jieħdu miżuri biex jipprojbixxu milli l-ħaddiema jingħataw is-sensja minħabba li jkunu eżerċitaw id-drittijiet deskritti fid-direttiva.

Id-Direttiva ma tikkostitwixxix ġustifikazzjoni għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni li l-ħaddiema diġà jgawdu fl-UE, u ma timpedixxix lill-pajjiżi tal-UE milli jadottaw leġiżlazzjoni li hija aktar favorevoli għall-ħaddiema.

Tħassir

Id-Direttiva tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE dwar l-Għoti ta’ informazzjoni lill-impjegati dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom mill-1 ta’ Awwissu 2022.

MINN META TIBDA TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-31 ta’ Lulju 2019 u trid issir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Awwissu 2022.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Ħaddiem li jitħallas b’vawċer: impjegat li jikseb vawċer mingħand parti terza (ġeneralment awtorità tal-gvern) biex jintuża, minflok flus, bħala pagament lil ħaddiem li jipprovdi servizz.
Kuntratt fuq talba: tip ta’ kuntratt bejn impjegatur u ħaddiem, bħal kuntratt ta’ żero sigħat, fejn l-impjegatur ma jkunx obbligat jipprovdi sigħat tax-xogħol minimi, filwaqt li l-ħaddiem jista’ jew ma jistax ikun obbligat jaċċetta kwalunkwe xogħol offrut.
Preżunzjoni konfutabbli: suppożizzjoni li qorti tgħid li hija vera, sakemm ma jersaqx xi ħadd biex jikkontestaha u jipprova mod ieħor (“preżunt innoċenti sakemm ippruvat ħati” hija suppożizzjoni konfutabbli magħrufa sew).
Dritt għal rimedju: id-dritt li titlob kumpens.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli (ĠU L 186, 11.7.2019, pp. 105-121)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 tad-19 ta’ Diċembru 2016 li timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol konkluż fil-21 ta’ Mejju 2012 bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Assoċjazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche) (ĠU L 25, 31.1.2017, pp. 12-35)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewoprew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2017) 250 final, 26.4.2017)

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Titolu IV — Solidarjetà — Artikolu 31 — Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 399)

Id-Direttiva 2014/50/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta’ titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari (ĠU L 128, 30.4.2014, pp. 1-7)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, pp. 30-50)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/13/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, pp. 9-19)

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU L 209, 25.7.1998, pp. 46-49)

Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, pp. 1-6)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta’ Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, 18.10.1991, pp. 32-35)

l-aħħar aġġornament 25.10.2019

Top